SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikoli 8 sa 15 — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment — Regolament (KE) Nru 4/2009 — Artikolu 3(d) — Deċiżjonijiet opposti mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri differenti — Wild li abitwalment jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ommu — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza tal-missier sabiex tiġi rriformata deċiżjoni li saret res judicata li adottaw preċedentement fir-rigward tar-residenza tal-wild, l-obbligi ta’ manteniment u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess — Assenza”

Fil-Kawża C-499/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

W,

V

vs

X,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal W u V minn P. Markevičius,

għal X, minn R. de Falco, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn M. D. Kriaučiūnas u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn W u V (iktar ’il quddiem il-“wild V”) u X, fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2201/2003

3

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija redatta kif ġej:

“Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]”

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi Regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet [konjizzjoni tal-kawża].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

6

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn

[…]

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.   Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk kif:

(a)

is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b)

f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’(a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ)

il-proċedimenti msemmija f’(a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.”

7

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa” huwa redatt kif ġej:

“Fejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

8

Taħt it-Titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1), jipprevedi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

9

W, ta’ nazzjonalità Litwana, u X, ta’ nazzjonalità Olandiża u Arġentina, iżżewġu fid-9 ta’ Diċembru 2003 fl-Istati Uniti. Huma rispettivament missier u omm il-wild V, li twieled fl-20 ta’ April 2006 fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità Litwana u Taljana. Huwa qatt ma rrisjeda u qatt ma mar il-Litwanja.

10

W, X u l-wild V għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2004 sal-2006. Wara soġġorn qasir fl-Italja, huma stabbilew ruħhom fl-2007 fil-Kanada. W u X ilhom isseparati minn Diċembru 2010.

11

F’Lulju 2011, X stabbilixxiet ruħha mal-wild V fl-Italja qabel ma żaret miegħu, fix-xahar ta’ Novembru 2011, il-Pajjiżi l-Baxxi fejn tinsab ir-residenza abitwali tagħhom.

12

W għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-Litwanja.

13

X ressqet talba għad-divorzju quddiem qorti Kanadiża. Diversi deċiżjonijiet ġew mogħtija minn din il-qorti mix-xahar ta’ Mejju 2011, fosthom deċiżjoni tas-17 ta’ April 2012 li ddikjarat id-divorzju bejn il-konjuġi W u X u fdat il-kustodja tal-wild V lil X.

14

Madankollu, la l-qrati Litwani u lanqas il-qrati Olandiżi sussegwentement aditi, ma rrikonoxxew id-deċiżjonijiet tal-qorti Kanadiża.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati Litwani qabel il-kawża prinċipali

15

Fit-18 ta’ April 2011, W talbet lill-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (qorti tal-ewwel distrett tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) sabiex tiddikjara d-divorzju bi ħtija ta’ X u li tistabilixxi l-post ta’ residenza tal-wild V għandu.

16

Fit-28 ta’ April 2011, fuq talba ta’ W, il-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (qorti tal-ewwel distrett tal-belt ta’ Vilnjus) ħarġet digriet għal miżuri provviżorji u stabbilixxiet il-post ta’ residenza tal-wild V ma’ W għat-tul tal-proċedura.

17

Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, fit-3 ta’ Lulju 2012, W talab lill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus), fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ħtif ta’ wild, li ġie ordnat it-treġġiegħ lura tal-wild V. Din it-talba ġiet miċħuda.

18

Sussegwentement, id-digriet għal miżuri provviżorji tat-28 ta’ April 2011, ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni immedjatament eżekuttiva tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus). Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell. W ippreżenta appell ta’ kassazzjoni, iżda r-rikors tiegħu ġie ddikjarat inammissibbli.

19

Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) iddikjarat id-divorzju ta’ W u X. Hija wkoll stabbilixxiet ir-residenza tal-wild V ma’ X kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżerċizzju minn W ta’ dritt ta’ aċċess u l-ammont tal-obbligi ta’ manteniment ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-wild V.

20

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2014 tal-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Settembru 2014, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) iddikjarat l-appell ta’ kassazzjoni ippreżentat minn W inammissibbli

Id-deċiżjonijiet tal-qrati Olandiżi qabel il-kawża prinċipali

21

Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014, ir-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel, il-Pajjiżi l-Baxxi) stabbilixxiet l-obbligi ta’ manteniment ta’ W fir-rigward ta’ X għal EUR 4323 fix-xahar mit-18 ta’ Mejju 2012 u fir-rigward ta’ V għal EUR 567.01 fix-xahar għall-perijodu bejn is-27 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Novembru 2011, imbagħad għal EUR 790 fix-xahar mit-2 ta’ Novembru 2011, peress li dawn l-ammonti huma revedibbli anwalment, l-ewwel reviżjoni għandha sseħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Awwissu 2014, tat il-kustodja esklużiva tal-wild V lil X.

23

L-imsemmija qorti indikat li, fid-dritt Olandiż il-kustodja ta’ wild tista’ tingħata lil wieħed mill-ġenituri tiegħu meta jkun jeżisti riskju inaċċettabbli li n-nuqqas ta’ qbil tal-ġenituri jkun ta’ ħsara għall-wild sa fejn, ftit li xejn ikun probabbli li din is-sitwazzjoni titjieb sostanzjalment fil-futur qarib, jew meta l-bidla tal-modalitajiet ta’ kustodja tkun meħtieġa, għal raġunijiet oħra, fl-interessi tal-wild.

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija

24

Permezz tad-deċiżjonital-31 ta’ Ottubru 2014, ir-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) irrifjutat li tirrikonoxxi u li tiddikjara eżekuttivi fil-Pajjiżi l-Baxxi d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 mogħtija mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) peress li din iddikjarat id-divorzju minħabba nuqqasijiet kondiviżi taż-żewġ konjuġi, l-istabbiliment tar-residenza abitwali tal-wild V ma’ ommu, l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ V u ordnat il-kumpens għall-ispejjeż. Hija rrikonoxxiet u ddikjarat eżekuttiva fil-Pajjiżi l-Baxxi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni li jistabbilixxu d-dritt ta’ aċċess tal-missier.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2015, fuq rikors ta’ W, il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) irrifjutat li tiddikjara eżekuttiva fil-Litwanja, id-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014 tar-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) li tistabilixxi l-obbligi ta’ manteniment ta’ W lejn X u l-wild V, u rrifjutat li tirrikonoxxi u tiddikjara eżekuttiva d-deċiżjoni ta’ din l-istess qorti mogħtija fit-22 ta’ Awwissu 2014 li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja esklużiva tal-wild V fdata lil X u temmet il-proċedura għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ rikonoxximent fil-Litwanja tad-deċiżjoni tal-imsemmija qorti tal-31 ta’ Ottubru 2014.

Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u d-domanda preliminari

26

Fit-28 ta’ Awwissu 2014, W ressaq kawża quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) sabiex jinbidlu l-post ta’ residenza tal-wild V, l-ammont tal-obbligi ta’ manteniment u l-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess, kif stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2013.

27

Permezz tad-deċiżjonital-25 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ddikjarat dawn it-talbiet bħala inammissibbli minħabba li W ma kienx iġġustifika liema ċirkustanzi fil-fatt inbidlu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) laqgħet ir-rikors ta’ W ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2014 u annullat parzjalment id-deċiżjoni u rrinvijat il-kawża quddiem din il-qorti tal-aħħar sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid

29

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2014, din il-qorti ddikjarat li minħabba l-fatt li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ta’ W peress li kien hemm lok li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidhru fir-Regolament Nru 2201/2003 kellhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili Litwan. Skont din il-qorti, salv f’ċerti każijiet ta’ tibdil tar-residenza tal-wild jew wara ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet. L-imsemmija qorti informat lil W li huwa seta’ jindirizza lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

30

Fil-31 ta’ Marzu 2015, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus), iddeċidiet fuq ir-rikors ta’ W kontra d-deċiżjoni tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus), tat-23 ta’ Diċembru 2014 u annullat din id-deċiżjoni u rrinvijat il-kawża quddiem din l-aħħar qorti, sabiex hija tiddeċiedi mill-ġdid fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ W. Hija kkunsidrat li l-imsemmija qorti b’mod żbaljat, iddikjarat ruħha li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet filwaqt li l-imsemmija talbiet huma intiżi li jiksbu r-riforma tad-deċiżjoni tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) tat-8 ta’ Ottubru 2013, li saret res judicata, fir-rigward b’mod partikolari tar-residenza tal-wild V, il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess u l-obbligi ta’ manteniment. Din ir-riforma tista’ tirriżulta biss minn deċiżjoni ġudizzjarja oħra li tkun saret res judicata. Madankollu, f’dan il-każ, sa fejn il-qrati Olandiżi jirrifjutaw li jieħdu konjizzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, huwa impossibbli għal W li jadixxi lill-qrati Olandiżi bit-talba tiegħu ta’ riforma tad-drittijiet u l-obbligi inklużi fiha.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Skont l-Artikoli 8 [sa] 14 tar-[Regolament Nru 2201/2003], liema Stat Membru (ir-Repubblika tal-Litwanja jew ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tal-wild minuri V, li għandu r-residenza abitwali fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba għal bidla fir-residenza tiegħu u fl-obbligi ta’ manteniment u fid-dritt ta’ aċċess fir-rigward tiegħu?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

32

Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2016, W talab, abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali kif ukoll it-teħid ta’ konjizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tressqilha domanda preliminari.

33

Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba sabiex tiġi adita l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jew ta’ xi dispożizzjoni oħra ta’ dawn ir-Regoli, sabiex tressaq tali azzjoni.

34

Fir-rigward, it-tieni nett, talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, W isostni fatt li jqis mill-ġdid u li ma ġiex dibattut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016, ir-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) ddeċidiet li l-qrati Olandiżi ma jistgħux jiddeċiedu fuq ir-riforma tad-deċiżjoni tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) tat-8 ta’ Ottubru 2013 u ddeċidiet li la tirrikonoxxi u lanqas li teżegwixxi l-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess. W isostni wkoll li d-deskrizzjoni tal-fatti fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma tikkonformax mar-realtà.

35

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor, C-310/09, EU:C:2011:581, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C-266/09, EU:C:2010:779, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dak li jirrigwarda n-natura ġdida tal-fatt invokat minn W, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016 tar-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) ma tikkostitwixxix fatt ġdid peress li, bħal ma seħħ fid-deċiżjoni tat-31 ta’ Ottubru 2014 ta’ din l-istess qorti, dawn id-deċiżjonijiet jirrifjutaw, essenzjalment, ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013.

37

F’dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet ta’ W dwar l-argumenti fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li huma intiżi li jikkritikaw dawn il-konklużjonijiet. Madankollu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza t-tressiq tal-osservazzjonijiet ma huwiex previst mit-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li f’dan il-każ, għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni ġew diskussi bejn il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

39

Konsegwentement, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domanda preliminari

40

Preliminarjament, l-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ W u tal-Kummissjoni Ewropea li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. W u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom isostnu li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-kawża prinċipali. Madankollu, dan il-kompitu huwa impost fuq il-qorti tar-rinviju sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni u mhux li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kwistjonijiet li jiġu aditi bihom il-qrati nazzjonali.

41

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C-319/10 u C-320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 29). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-kawża li tkun tressqet quddiemha billi tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2010, Genc, C-14/09, EU:C:2010:57, punt 31).

42

Madankollu f’dan il-każ mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher ċar li l-qorti tar-rinviju qed tfittex li ssir taf kif għandu jiġi interpretat ir-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

43

Konsegwentement l-uniku riferiment tal-Istati Membri li l-qrati tagħhom jista’ jkollhom ġurisdizzjoni, għalkemm f’parentiżi, fil-kliem tad-domanda preliminari ma jistax jirrendi lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula.

44

It-tieni nett għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi biss fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003 filwaqt li jirriżulta minn din id-domanda kif ukoll mid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss ir-responsabbiltà tal-ġenituri iżda wkoll l-obbligi ta’ manteniment li ma humiex koperti mill-imsemmi regolament.

45

F’dan ir-rigward il-fatt li qorti nazzjonali fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha (ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C-492/14, EU:C:2016:732, punt 43).

46

Għalhekk id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid b’riferiment għad-dispożizzjonijiet utli tar-Regolament Nru 4/2009

47

Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni li tkun saret res judicata fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligi ta’ manteniment li tirrigwarda wild minuri għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talba ta’ riforma tad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn din id-deċiżjoni anki jekk ir-residenza abitwali ta’ dan il-wild tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

48

Sabiex tagħti risposta għal din id-domanda għandu jiġi speċifikat l-ewwel nett li, skont l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment fl-Istati Membri l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-kwistjoni relatata ma’ obbligu ta’ manteniment tkun anċillari għal dik l-azzjoni.

49

Għandu sussegwentement jitfakkar il-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 2201/2003 u l-għanijiet li jsegwi.

50

Ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il‑qrati, (is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Purrucker, C-296/10, EU:C:2010:665, punt 81), li għandhom iwasslu rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, l-bażi tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina (is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C-256/09, EU:C:2010:437, punt 70).

51

Kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 din tal-aħħar ġiet imfassla bl-għan li tissodisfa l-interess superjuri tal-wild u għal dan il-għan, tiffavorixxi l-kriterju ta’ prossimità. Fil-fatt, il-leġiżlatur, ikkunsidra li l-qorti ġeografikament qrib tar-residenza abitwali tal-wild hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-wild (is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C-256/09, EU:C:2010:437, punt 91). Skont din il-premessa huma primarjament il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu residenza abitwali li għandhom ġurisdizzjoni, salv għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-wild jew wara ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

52

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu.

53

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 8, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti għandha tiġi stabbilita “fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet [konjizzjoni]”, jiġifieri fid-data li fih l-att promotur jiġi ppreżentat f’dik il-qorti, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2014, E., C-436/13, EU:C:2014:2246, punt 38).

54

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’riferiment għall-punt 40 tas-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C-436/13, EU:C:2014:2246), din il-ġurisdizzjoni għandha tiġi vverifikata f’kull każ partikolari, meta qorti tiġi adita b’kawża dan jimplika li l-imsemmija ġurisdizzjoni ma tistax tinżamm lil hinn mit-tul ta’ kawża.

55

B’deroga għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 9 tiegħu jipprevedi, li f’każ ta’ ċaqliq tal-wild u f’ċerti ċirkustanzi, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni mill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel tal-wild, filwaqt li l-Artikolu 12(1)ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, f’ċerti ċirkustanzi u f’każ ta’ ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ tal-konjuġi, li ma hijiex dik tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild.

56

Barra minn hekk ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi, tar-regoli partikolari applikabbli f’każ ta’ ħtif jew żamma illegali ta’ wild (Artikoli 10 u 11), meta r-residenza abitwali tal-wild fi Stat Membru, ma tistax tiġi stabbilita u li l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 12 tiegħu (Artikolu 13) meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 13 (Artikolu 14) tiegħu jew ukoll, b’mod eċċezzjonali u f’ċerti ċirkustanzi, meta il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tirrinvija l-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkunsidra li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża (Artikolu 15).

57

Id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

58

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikors ippreżentat minn W huwa intiż li jikseb ir-riforma tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni, li saret res judicata tat-8 ta’ Ottubru 2013 tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligi ta’ manteniment li jirrigwardaw lill-wild V. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus), tat-30 ta’ Mejju 2014, u li l-appell ippreżentat kontra tagħha minn W ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2014 tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja).

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-preżentata fit-28 ta’ Awwissu 2014, ta’ talba għar-riforma tad-dispożizzjonijiet deċiżi permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq ta’ proċedura ġdida. Minn dan jirriżulta li l-qorti adita, f’dan il-każ il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus), għandha tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel nett ir-residenza abitwali tal-wild V fil-mument meta tiġi adita, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

60

Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 46), ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita, (ara, b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C-376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 50), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sens u l-portata tal-kunċett “residenza abitwali” għandhom jiġu ddeterminati skont l-interess superjuri tal-wild u b’mod partikolari skont il-kriterju ta’ prossimità. Dan il-kunċett jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Dan il-post għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ kull każ”. Huma rilevanti, b’mod partikolari, il‑kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu. Barra mill-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru, hemm fatturi oħra supplimentari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, juru li din il-preżenza ma hija bl-ebda mod ta’ natura temporanja jew okkażjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 47 sa 49).

61

Għalhekk, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru partikolari teħtieġ ta’ mill-inqas li l-wild kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru.

62

Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-wild V qatt ma żar il-Litwanja.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi s-sempliċi fatt li waħda min-nazzjonalitajiet tal-l-wild V hija ta’ dan l-Istat Membru ma tistax tkun biżżejjed sabiex dan il-wild jiġi kkunsidrat li għandu residenza abitwali fih fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003.

64

Min-naħa l-oħra, il-preżenza fiżika tal-wild V fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu, matul diversi snin, tikkonforma ma’ deċiżjoni li saret res judicata, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) tat-8 ta’ Ottubru 2013, tistabilixxi li l-wild V jirrisjedi hemmhekk b’mod abitwali u tagħti lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni azzjonijiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment li jirrigwardaw dan il-wild. Dan ma jistax ikun mod ieħor għajr fil-preżenza ta’ provi ta’ fatt li jwasslu għad-deroga tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-post ta’ residenza abitwali.

65

Madankollu, dawn il-provi ma jirriżultaw bl-ebda mod mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari ma jidhirx li l-wild V iċċaqlaq mill-Litwanja għall-Pajjiżi l-Baxxi qabel ġiet adita l-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali ta’ Vilnjus) u lanqas li kien jeżisti ftehim bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani. Barra minn hekk il-qorti tar-rinviju ma ssemmi bl-ebda mod xi ħtif jew iż-żamma illegali tal-wild V u ma jidhirx li l-qrati Litwani kienu indikati mill-qrati Olandiżi bħala li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

66

Għalhekk, f’kawża bħal dik prinċipali, dawn huma l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-wild li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. F’dan il-każ il-qrati hekk indikati mill-qorti tar-rinviju huma l-qrati Olandiżi.

67

Konsegwentement huma dawn il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq talbiet bħalma huma dawk ta’ W, li huma intiżi li jbiddlu l-post ta’ residenza tal-wild l-ammont tal-obbligi ta’ manteniment u l-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess tal-ġenitur ikkonċernat.

68

Għandu jiġi enfasizzat li kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 49 tal-konklużjonijiet tiegħu li l-qrati li ddeċidew fil-qasam tad-divorzju f’dan il-każ il-qrati Litwani ma jibbenefikawx f’kawża bħal dik prinċipali minn proroga ta’ ġurisdizzjoni. Anki meta l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tkun ġiet aċċettata espressament jew inkella b’mod mhux ekwivoku minn X, konformement mal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 fi kwalunkwe każ din il-ġurisdizzjoni ntemmet malli d-deċiżjoni li laqgħet it-talba ta’ divorzju u li tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri saret res judicata konformement mal-Artikolu 12(2)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament.

69

Il-fatt li d-deċiżjoni li saret res judicata li fuqha bbaża ruħu l-ġenitur ikkonċernat sabiex iressaq it-talba għal riforma tiegħu ma ġietx irrikonoxxuta, fl-intier tagħha jew parzjalment, mill-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild ma jipprekludix, li din l-assenza ta’ rikonoxximent, kemm jekk hija jew ma hijiex fondata li dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba, peress li dan jagħti lok għal proċedura ġdida.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali l-qrati tal-Istat Membru li adottat deċiżjoni li saret res judicata fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment li jirrigwardaw wild minuri ma għandhomx ġurisdizzjoni iktar sabiex jiddeċiedu fuq talba ta’ riforma tad-dispożizzjonijiet deċiżi minn din id-deċiżjoni sakemm ir-residenza abitwali tal-wild tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Huma l-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-Istat Membru li adottaw deċiżjoni li saret res judicata fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment li jirrigwardaw wild minuri ma għandhomx ġurisdizzjoni iktar sabiex jiddeċiedu fuq talba ta’ riforma tad-dispożizzjonijiet deċiżi minn din id-deċiżjoni, sakemm ir-residenza abitwali tal-wild tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Huma l-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.