8.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fis-6 ta’ Jannar 2014 — Christophe Bohez vs Ingrid Wiertz

(Kawża C-4/14)

(2014/C 71/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Christophe Bohez

Konvenuta: Ingrid Wiertz

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Brussell I (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kawżi li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tal-obbligu prinċipali impost f’deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?

(2)

Jekk il-kawżi li hemm riferiment għalihom fid-domanda preċedenti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, l-Artikolu 49 ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, li fl-Istat ta’ oriġini, huma fihom infushom direttament infurzabbli fl-ammont stabbilit, iżda li l-ammont definittiv tagħhom jista’ jinbidel fuq talba jew minħabba argumenti tal-parti kkundannata għall-pagamenti ta’ penalità, huma biss infurzabbli fi Stat Membru ieħor jekk l-ammont tagħhom ikun ġie speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat ta’ oriġini?

(3)

Jekk il-kawżi identifikati iktar ’il fuq ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Brussell IIa (2)’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri intiżi għall-osservanza ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja jew tad-dritt ta’ aċċess, jagħmlu parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni ddeterminata mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew jistgħu jitqiesu li huma parti integrali mid-deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess u li, skont ir-Regolament Brussell IIa, hija infurzabbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

(4)

Meta l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tintalab fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li l-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini, anki fis-sitwazzjoni fejn ir-Regolament Brussels I ma jkunx applikabbli fil-kuntest ta’ din l-eżekuzzjoni?

(5)

Jekk pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess huma infurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ma jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(a)

l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità madankollu teħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkun ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild; u

(b)

liema qorti għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni li teżamina l-preżenza ta’ tali fatturi, iktar preċiżament

(i)

il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija dejjem limitata esklużivament għall-eżami tal-allegat annullament tad-dritt ta’ aċċess, li toriġina minn raġuni li tkun espressament prevista fid-deċiżjoni tal-mertu; jew

(ii)

id-drittijiet tal-wild li huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimplikaw li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha dritt jew obbligu iktar estiż li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkunx ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243)