SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Żamma illegali — Residenza abitwali tal-minuri”

Fil-Kawża C‑376/14 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

C

vs

M,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-31 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2014, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2014 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C, minn C. Walsh, solicitor, R. Costello, BL, u D. Brown, SC,

għal M, minn C. Fitzgerald, SC, u K. Kelly, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn F. Gloaguen u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C u M dwar ir-ritorn fi Franza tal-wild minuri tagħhom li jinsab fl-Irlanda ma’ ommu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża fil-25 ta’ Ottubru 1980 f’Den Haag (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1343, Nru 22514, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), jipprovdi:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa:

a)

li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma illegalment f’xi Stat Kontraenti;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali meta:

a)

iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, individwalment jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)

dan id-dritt kien eżerċitat effettivament individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

Id-dritt ta’ kustodja msemmi fil-punt a) jista’ jirriżulta b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 12 tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma fil-mument li titressaq it-talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, l-awtorità li quddiemha titressaq din it-talba għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jaqra kif ġej:

“Deċiżjoni dwar ir-ritorn tal-minuri mogħtija fil-kuntest tal-Konvenzjoni ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

7

Il-premessa 12 tar-Regolament tiddikjara:

“Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. [...]”

8

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8.

il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9.

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[...]

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma [tneħħija jew żamma illegali]’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skont sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità tal-ġenitur.”

9

Il-Kapitolu II tar-Regolament jinkludi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u jinkludi, fit-Taqsima 1 tiegħu, li tikkonsisti fl-Artikoli 3 sa 7, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda d-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ, fit-Taqsima 2 tiegħu, li tikkonsisti fl-Artikoli 8 sa 15, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri u, fit-Taqsima 3, li tikkonsisti fl-Artikoli 16 sa 20, id-dispożizzjonijiet komuni.

10

L-Artikolu 8 tar-Regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

11

L-Artikolu 9 tar-Regolament, intitolat “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skont eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skont is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, tal-minuri.”

12

L-Artikolu 10 tar-Regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jipprovdi li, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, ħlief jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet stabbiliti minnu.

13

L-Artikolu 11 tar-Regolament, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.”

14

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan [tiġi adita], u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.   Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk [hekk] kif:

(a) is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b) f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’ (a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ) il-proċedimenti msemmija f’ (a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.

3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

(a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess [tiġi adita] u dan fl-ahjar interess għall-minuri.

[...]”

15

L-Artikolu 19 tar-Regolament, intitolat “Lis [alibi] pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprovdi:

“1.   Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess [adita] għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.

2.   Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

[...]”

16

Il-Kapitolu III tar-Regolament jinkludi r-regoli dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru fl-Istati Membri l-oħra u dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi. L-Artikolu 24 tar-Regolament, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini”, li jinsab fit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, jipprovdi:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika [ordni pubbliku] imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

17

L-Artikolu 28 tar-Regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III li tirrigwarda r-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli [eżegwibbli] f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata [eżegwita] fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni [rikors] ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli [eżegwibbli] hemmhekk.”

Id-dritt Irlandiż

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi tal-1991 dwar il-ħtif ta’ minuri u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja (Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act 1991), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1991 dwar il-ħtif ta’ minuri u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja”), tagħti effett fid-dritt Irlandiż lill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Din il-liġi ġiet emendata bir-Regolamenti tal-2005 dwar il-Komunitajiet Ewropej (sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri) [European Communities (Judgments in Matrimonial Matters and Matters of Parental Responsibility) Regulations 2005] bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni r-Regolament fil-kawżi li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u li jinvolvu Stati Membri.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

C, ta’ nazzjonalità Franċiża, u M, ta’ nazzjonalità Britannika, iżżewġu fi Franza fl-24 ta’ Mejju 2008. Miż-żwieġ tagħhom twieldet ukoll fi Franza t-tifla tagħhom, fl-14 ta’ Lulju 2008. Billi r-relazzjoni bejn il-ġenituri malajr iddeterjorat, M ressqet talba għad-divorzju fis-17 ta’ Novembru 2008. Sussegwentement tressqu diversi proċeduri li jikkonċernaw lill-minuri mill-missier u mill-omm fi Franza, kemm qabel kif ukoll wara d-deċiżjoni ta’ divorzju u t-tressiq mill-missier, quddiem il-High Court (l-Irlanda) ta’ talba għar-ritorn tal-minuri lejn Franza. Huma biss id-deċiżjoni ta’ divorzju u l-fatti u l-proċeduri sussegwenti li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Id-deċiżjoni ta’ divorzju, il-fatti u l-proċeduri ġudizzjarji sussegwenti

20

Id-divorzju bi ħtija maqsuma bejn il-miżżewġin ġie ddikjarat mit-Tribunal de grande instance d’Angoulême permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012”). Dik il-qorti stabbilixxiet li d-divorzju bejn il-miżżewġin kellu jkun effettiv mis-7 ta’ April 2009, iddikjarat li s-setgħa tal-ġenituri kellha tiġi eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ ġenituri, stabbilixxiet ir-residenza abitwali tal-minuri mal-omm mis-7 ta’ Lulju 2012 u rregolat id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni favur il-missier fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet billi pprovdiet għal modalitajiet differenti skont jekk l-omm tistabbilixxix ir-residenza tagħha fi Franza jew titlaqx it-territorju Franċiż sabiex tgħix fl-Irlanda. Din id-deċiżjoni tispeċifika li l-omm hija awtorizzata “tistabbilixxi r-residenza tagħha fl-Irlanda” u tfakkar, fid-dispożittiv tagħha, li hija “eżegwibbli bil-liġi fuq bażi provviżorja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-minuri”.

21

Fit-23 ta’ April 2012, C appella minn din id-deċiżjoni, filwaqt li llimita l-appell tiegħu għall-miżuri dwar il-minuri u għall-kundanna tiegħu sabiex iħallas ċerta somma lil M bħala pagament bil-quddiem fir-rigward tas-sehem tiegħu mill-komunjoni. Fil-5 ta’ Lulju 2012, l-Ewwel President tal-Cour d’appel de Bordeaux ċaħad it-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja tal-imsemmija deċiżjoni.

22

Fit-12 ta’ Lulju 2012, M telqet mal-minuri l-Irlanda, fejn illum joqogħdu t-tnejn li huma. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hija ma kkonformatx ruħha mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 dwar id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni tal-missier.

23

B’sentenza tal-5 ta’ Marzu 2013, il-Cour d’appel de Bordeaux irrevokat id-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar ir-residenza tal-minuri, id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni u l-ħlas ta’ pagament bil-quddiem fir-rigward is-sehem mill-komunjoni. Hija stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri favur il-misssier u pprovdiet għal dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni favur l-omm.

24

Fil-31 ta’ Marzu 2013, C, filwaqt li invoka b’mod partikolari l-fatt li M kienet qed tirrifjuta li tirrappreżenta lill-minuri, ressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Familja tat-Tribunal de grande instance de Niort (Franza) li fihom talab li s-setgħa tal-ġenituri tingħata esklużivament lilu, li jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri fid-dar tiegħu taħt piena ta’ penalità u li jiġi pprojbit il-ħruġ ta’ din tal-aħħar mit-territorju Franċiż mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-missier. Fl-10 ta’ Lulju 2013, il-Qorti tal-Familja tat-Tribunal de grande instance de Niort laqgħet it-talbiet ta’ C.

25

Fit-18 ta’ Diċembru 2013, C talab lill-High Court tiddikjara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2013 tal-Cour d’appel de Bordeaux eżegwibbli, abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament. Din it-talba ntlaqgħet, iżda M li, fis-7 ta’ Jannar 2014, ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza, li attwalment jinsab pendenti quddiem il-Cour de cassation (Franza), talbet lill-High Court, fid-9 ta’ Mejju 2014, li tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

Id-deċiżjoni tal-High Court u d-deċiżjoni tar-rinviju

26

Fid-29 ta’ Mejju 2013, C ressaq proċeduri quddiem il-High Court bil-għan li jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri lejn Franza, skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament u tal-Liġi tal-1991 dwar il-ħtif ta’ minuri u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja, u li jiġi ddikjarat li l-omm żammitha illegalment fl-Irlanda.

27

B’sentenza tat-13 ta’ Awwissu 2013, il-High Court ċaħdet dawn it-talbiet billi rrilevat, essenzjalment, li t-tneħħija tal-minuri lejn l-Irlanda kienet leġittima peress li seħħet abbażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti Franċiża li awtorizzat din it-tneħħija, li t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja tad-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 kienet ġiet miċħuda, li din id-deċiżjoni kienet definittiva, peress li la kienet digriet għal miżuri provviżorji u lanqas deċiżjoni temporanja jew provviżorja, u li din id-deċiżjoni la kienet ġiet irriformata u lanqas irrevokata fl-appell fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament. Minn dan hija kkonkludiet li r-residenza abitwali tal-minuri ma kinitx saret kundizzjonali minħabba l-appell ippreżentat minn C minn din id-deċiżjoni u li l-eżitu tal-kawża li kienet tressqet quddiemha kien jiddependi essenzjalment minn evalwazzjoni ta’ natura fattwali, billi xejn fil-kunċett ta’ “residenza abitwali” ma kien jipprekludi li din tinbidel u billi, barra minn hekk, ir-Regolament kien jipprevedi s-sitwazzjoni fejn tali tibdil isir qabel it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, hija qieset li, f’dan il-każ, il-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Irlanda minn mindu ommha kienet ħaditha f’dan l-Istat Membru bl-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha hemmhekk.

28

C appella minn din id-deċiżjoni fl-10 ta’ Ottubru 2013 billi, b’mod partikolari, sostna li l-fatt li t-tneħħija tal-minuri lejn l-Irlanda kienet leġittima ma jfissirx li r-residenza abitwali tagħha nbidlet, li tneħħija leġittima ma teskludix żamma illegali, li d-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 ġiet iddikjarata eżegwibbli provviżorjament u għalhekk kienet temporanja sakemm l-appell minn din id-deċiżjoni kien għadu pendenti, li l-omm ma indikatx quddiem il-qrati Franċiżi li kellha l-intenzjoni tiżgura l-kustodja tal-minuri fl-Irlanda, li hija qatt ma kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi u lanqas ma sostniet li r-residenza abitwali tal-minuri kienet inbidlet, li l-intenzjoni ċara ta’ dawn il-qrati hija li jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kustodja, li l-qrati Irlandiżi huma marbuta bid-deċiżjonijiet tal-qrati Franċiżi li huma l-ewwel qrati li ġew aditi u li jżommu l-ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda l-kustodja u, fl-aħħar nett, li l-High Court interpretat ħażin l-Artikolu 9 tar-Regolament.

29

B’risposta, M issostni, b’mod partikolari, li r-residenza abitwali tal-minuri għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-fatti u li, f’dan il-każ, kienet inbidlet wara t-tneħħija tiegħu lejn l-Irlanda, skont id-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 li kienet tippermettilha tiddeċiedi waħedha dwar il-post ta’ residenza tal-minuri b’mod li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet ta’ kustodja. Skontha, la n-natura ta’ din id-deċiżjoni u lanqas l-appell minnha ma jipprekludu tali bidla fattwali fir-residenza. F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ residenza abitwali, hija tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja A (C‑523/07, EU:C:2009:225) u Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829).

30

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 12, 19 u 24 tar-Regolament. Hija tirrileva li l-qrati Franċiżi kienu l-ewwel qrati li quddiemhom tressqu proċeduri fis-sens tar-Regolament, li l-ġurisdizzjoni tagħhom ġiet aċċettata b’mod inekwivoku miż-żewġ ġenituri meta tressqu proċeduri quddiemhom u li huma jaffermaw li żammew il-ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri minkejja l-preżenza tal-minuri fl-Irlanda. Jekk dan huwa l-każ, l-omm, skontha, żammet il-minuri illegalment sa mill-ewwel ksur tad-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni stabbilit mid-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk din il-ġurisdizzjoni ntemmitx jew le fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2)(b) jew tal-Artikolu 12(3)(a) u (b) tar-Regolament. Skontha, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament huwa applikabbli.

31

Hija tispjega wkoll, billi tirreferi għas-sentenzi A (EU:C:2009:225) u Mercredi (EU:C:2010:829), li l-kunċett ta’ residenza abitwali, li ma huwiex iddefinit mir-Regolament, huwa dejjem kwistjoni fattwali u li għandhom, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tas-soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u r-raġunijiet għalih. Għalhekk għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-qrati Franċiżi għadhomx iżommu l-ġurisdizzjoni jew jekk l-omm u l-minuri kinux awtorizzati, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom fl-Irlanda.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-eżistenza tal-proċedura Franċiża dwar il-kustodja tal-ulied tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-istabbiliment ta’ residenza abitwali tal-wild fl-Irlanda?

2)

Il-missier jibqa’ detentur tad-drittijiet ta’ kustodja jew il-qrati Franċiżi jibqa’ jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ kustodja tal-wild b’mod li n-nuqqas ta’ ritorn tal-wild fl-Irlanda jsir illegali?

3)

Il-qrati Irlandiżi għandhom is-setgħa li jeżaminaw il-kwistjoni tar-residenza abitwali tal-wild meta dan ikun irrisjeda fl-Irlanda minn Lulju 2012, data li fiha t-teħid tiegħu lejn l-Irlanda ma kienx jikser id-dritt Franċiż?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

33

Is-Supreme Court talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li l-premessa 17 tar-Regolament tiddikjara li, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, ir-ritorn tiegħu għandu jinkiseb mingħajr dewmien.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament li ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, illum l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab taħt it-Titolu V tal-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod li l-imsemmi rinviju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ddefinita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

35

Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li s-setgħa tal-ġenituri fuq il-minuri ngħatat liż-żewġ ġenituri bid-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012, li dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni kien ingħata lill-missier b’din id-deċiżjoni u li s-sentenza tal-Cour d’appel de Bordeaux tal-5 ta’ Marzu 2013, li rrevokat parzjalment l-imsemmija deċiżjoni, stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-missier, dan tal-aħħar jinsab imċaħħad minn kuntatt regolari mat-tifla tiegħu, li llum għandha sitt snin, minn meta din tal-aħħar tneħħiet lejn l-Irlanda fit-12 ta’ Lulju 2012. Billi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ kawża li għandha bħala suġġett talba għar-ritorn tal-minuri lejn Franza mressqa mill-missier u r-risposti għad-domandi magħmula huma determinanti għall-eżitu ta’ din il-kawża, deċiżjoni tardiva f’din il-kawża tista’ tkun ta’ ħsara għall-istabbiliment mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn il-minuri u l-missier u, fil-każ ta’ ritorn lejn Franza, għall-integrazzjoni tal-minuri fl-ambjent tal-familja u soċjali l-ġdid tagħha.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament

37

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li ma jeżisti ebda kunflitt jew riskju ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati Franċiżi u Irlandiżi fil-kawża prinċipali, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 19 tar-Regolament li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju ma humiex rilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża.

38

Fil-fatt, huwa paċifiku, minn naħa, li l-minuri kienet residenti abitwalment fi Franza fil-mument meta tressqu l-proċeduri quddiem it-Tribunal de grande instance d’Angoulême u l-Cour d’appel de Bordeaux, b’mod li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament, dawn il-qrati kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

39

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fid-29 ta’ Mejju 2013, tressqet talba quddiem il-High Court għar-ritorn tal-minuri lejn Franza, abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament u tal-Liġi tal-1991 dwar il-ħtif ta’ minuri u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja.

40

Tali azzjoni, li s-suġġett tagħha huwa r-ritorn, fl-Istat Membru ta’ oriġini, tal-minuri li tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru ieħor, ma tirrigwardax il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri u għalhekk la għandha l-istess suġġett u lanqas l-istess kawża bħal azzjoni intiża sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri (ara s-sentenza Purrucker, C‑296/10,EU:C:2010:665, punt 68). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, deċiżjoni dwar ir-ritorn mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija konvenzjoni ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja. Għalhekk, ma tistax teżisti lis alibi pendens bejn tali azzjonijiet.

41

Għandu jiżdied li l-Artikolu 10 tar-Regolament, bl-istess mod, ma japplikax f’din il-kawża, billi din tal-aħħar ma tirrigwardax il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

42

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li lanqas ma huma rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament, li għalihom irreferiet il-High Court fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2013, liema artikolu jikkonċerna ż-żamma, għal ċertu perijodu, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-antika tal-minuri fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament li ssemmi l-qorti tar-rinviju, liema artikolu jifforma parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitoli III tar-Regolament, li tikkonċerna r-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet preċedenti, il-kawża prinċipali la tqajjem kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar dritt ta’ aċċess u lanqas kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ qorti Franċiża fl-Irlanda.

43

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, min-naħa l-oħra, li huma rilevanti l-Artikolu 2(11) tar-Regolament, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tneħħija nġusta jew iż-żamma [tneħħija jew żamma illegali]” ta’ minuri, kif ukoll l-Artikolu 11 tar-Regolament, li jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u japplika meta, bħal fil-kawża prinċipali, qorti tal-Unjoni Ewropea tiġi adita, abbażi ta’ din il-konvenzjoni, b’talba għar-ritorn fi Stat Membru ta’ minuri li jkun tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

44

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża prinċipali, il-minuri tneħħiet minn Franza lejn l-Irlanda b’mod leġittimu, wara d-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 li stabbilixxiet ir-residenza abitwali tal-minuri fid-dar tal-omm u li awtorizzat lil din tal-aħħar “tistabbilixxi r-residenza tagħha fl-Irlanda”. Kif speċifika l-Gvern Franċiż bi tweġiba għal talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, din id-deċiżjoni ma kellhiex awtorità ta’ res judicata, għaliex kienet suġġetta għal appell, iżda d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-minuri kienu eżegwibbli fuq bażi provviżorja. L-imsemmija deċiżjoni, li ġiet appellata qabel it-tneħħija tal-minuri, ġiet irrevokata, kważi tmien xhur wara t-tneħħija tal-minuri lejn l-Irlanda, permezz tas-sentenza tal-Cour d’appel de Bordeaux tal-5 ta’ Marzu 2013, li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar ta’ missierha li joqgħod Franza. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż, din is-sentenza, li minnha M ippreżentat appell ta’ kassazzjoni, hija eżegwibbli u għandha awtorità ta’ res judicata, billi l-appell ta’ kassazzjoni ma għandux effett sospensiv fid-dritt Franċiż.

45

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 37 sa 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(11) u 11 tar-Regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-qorti tal-Istat Membru li lejh tneħħiet il-minuri, adita b’talba għar-ritorn tal-minuri, għandha tivverifika, billi twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni, jekk il-minuri kinitx għadha residenti abitwalment fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel l-allegata żamma illegali.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni tat-tneħħija jew taż-żamma illegali mogħtija fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament, li t-termini tagħha huma simili ħafna għal dawk tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sabiex it-tneħħija jew iż-żamma titqies li hija illegali fis-sens tar-Regolament, din għandha tkun seħħet bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, mill-operat tal-liġi jew minn ftehim fis-seħħ, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li fih il-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tagħha.

47

Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-eżistenza ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament tippresupponi li l-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tagħha u tirriżulta mill-ksur tad-dritt ta’ kustodja mogħti skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

48

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament jipprovdi li l-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw meta d-detentur tal-kustodja jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jagħtu deċiżjoni abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bil-għan li jikseb ir-ritorn ta’ minuri li jkun tneħħa jew inżamm illegalment fi “Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali]”. Minn dan isegwi li dan ma huwiex il-każ jekk il-minuri ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu.

49

Għaldaqstant, kemm mill-Artikolu 2(11) kif ukoll mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament jirriżulta li dan l-artikolu tal-aħħar jista’ japplika għall-finijiet li tintlaqa’ t-talba għar-ritorn biss jekk il-minuri kellu, immedjatament qabel l-allegata żamma illegali, ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini.

50

F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, meta interpretat l-Artikolu 8 tar-Regolament fis-sentenza A (EU:C:2009:225) u l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament fis-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829), li r-Regolament ma jinkludi ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett u kkunsidrat li t-tifsira u l-portata ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu ddeterminati, b’mod partikolari, skont l-għan li jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament, li skontha r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu huma fformati fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-qrubija (sentenzi A, EU:C:2009:225, punti 31 u 35, u Mercredi, EU:C:2010:829, punti 44 u 46).

51

F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-residenza abitwali tal-minuri għandha tiġi stabbilita mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għal kull każ inkwistjoni (sentenzi A, EU:C:2009:225, punti 37 u 44, u Mercredi, EU:C:2010:829, punti 47 u 56). F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li, minbarra l-preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu juru li din il-preżenza bl-ebda mod ma hija ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r-residenza tal-minuri tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari (sentenzi A, EU:C:2009:225, punti 38 u 44, u Mercredi, EU:C:2010:829, punti 47, 49 u 56).

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għal dan l-iskop, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn fit-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, in-nazzjonalità tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi u r-relazzjonijiet familjari u soċjali tal-minuri fl-imsemmi Stat (sentenzi A, EU:C:2009:225, punti 39 u 44, u Mercredi, EU:C:2010:829, punti 48, 49 u 56). Hija kkunsidrat ukoll li l-intenzjoni tal-ġenituri jew ta’ wieħed minnhom li jistabbilixxu ruħhom mal-minuri fi Stat Membru ieħor, espressa permezz ta’ ċerti miżuri tanġibbli bħall-akkwist jew il-kiri ta’ akkomodazzjoni f’dan l-Istat Membru, tista’ tikkostitwixxi indizju tat-trasferiment tar-residenza abitwali tal-minuri (ara s-sentenzi A, EU:C:2009:225, punti 40 u 44, u Mercredi, EU:C:2010:829, punt 50).

53

Barra minn hekk, fil-punti 51 sa 56 tas-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tul tas-soġġorn jista’ jservi biss bħala indizju fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni u speċifikat l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari meta l-minuri jkun ta’ età żgħira.

54

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri li jinsab fl-Artikoli 2(11) u 11 tar-Regolament ma jistax ikollu kontenut differenti minn dak spjegat fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament. Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 46 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-qorti tal-Istat Membru li lejh tneħħiet il-minuri, adita b’talba għar-ritorn ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament, li għandha tivverifika jekk il-minuri kellhiex ir-residenza abitwali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel l-allegati tneħħija jew żamma illegali, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni u billi ssegwi l-kriterji ta’ evalwazzjoni pprovduti f’dawk is-sentenzi.

55

Meta jiġu eżaminati, b’mod partikolari, ir-raġunijiet għas-soġġorn tal-minuri fl-Istat Membru li lejh tneħħiet u l-intenzjoni tal-ġenitur li ħadha hemmhekk, huwa importanti, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ġudizzjarja li awtorizzat it-tneħħija setgħet tiġi eżegwita provviżorjament u li ġiet appellata. Fil-fatt, dawn l-elementi ma jimmilitawx favur konstatazzjoni ta’ trasferiment tar-residenza abitwali tal-minuri billi l-imsemmija deċiżjoni kienet ta’ natura provviżorja u billi dan il-ġenitur ma setax ikun ċert, fil-mument tat-tneħħija, li s-soġġorn f’dan l-Istat Membru ma kienx ser ikun temporanju.

56

Fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri, dawn l-elementi għandhom jiġu bbilanċjati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni, ma’ elementi fattwali oħra li jistgħu juru ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari minn meta tneħħiet, bħal dawk imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, iż-żmien li għadda bejn din it-tneħħija u d-deċiżjoni ġudizzjarja li annullat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini. Min-naħa l-oħra, iż-żmien li għadda minn din id-deċiżjoni fl-ebda każ ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

57

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(11) u 11 tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-qorti tal-Istat Membru li lejh tneħħiet il-minuri, adita b’talba għar-ritorn tal-minuri, għandha tivverifika, billi twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni, jekk il-minuri kinitx għadha residenti abitwalment fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel l-allegata żamma illegali. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ġudizzjarja li awtorizzat it-tneħħija setgħet tiġi eżegwita provviżorjament u li ġiet appellata.

Fuq it-tieni domanda

58

Billi l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jidhrilhom li hemm dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, għandu jiġi osservat li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 57 tal-opinjoni tiegħu, peress li, f’uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ir-Regolament jirriproduċi t-termini tal-imsemmija konvenzjoni jew jirreferi għaliha, l-interpretazzjoni mitluba hija neċessarja sabiex ir-Regolament u l-imsemmija konvenzjoni jiġu applikati b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni u ma tidhirx li hija irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punti 32 sa 37).

59

Preliminarjament, fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Gvern Franċiż iddikjara, waqt is-seduta, li, skont id-dritt Franċiż, qorti ma setgħetx tkun detentur tad-dritt ta’ kustodja.

60

It-tieni nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tidher li qed torbot il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi sabiex jiddeċiedu fuq id-dritt ta’ kustodja tal-minuri mal-kwistjoni tan-natura illegali taż-żamma, għandu jiġi osservat li, kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Cour d’appel de Bordeaux kellha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament meta, permezz tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 2013, stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-missier. Madankollu, dan ma jaffettwax il-kwistjoni jekk iż-żamma tal-minuri kinitx ta’ natura illegali, billi tali natura ma tirriżultax mill-ġurisdizzjoni, fiha nfisha, tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, iżda, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, minn ksur tad-dritt ta’ kustodja mogħti skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

61

It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament ma jinkludix, fid-definizzjoni ta’ “tneħħija nġusta jew iż-żamma [tneħħija jew żamma illegali]”, il-ksur ta’ dritt ta’ aċċess jew ta’ akkomodazzjoni.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ ritorn tal-minuri f’dan l-Istat Membru wara din it-tieni deċiżjoni huwa illegali, b’mod li l-Artikolu 11 tar-Regolament huwa applikabbli.

63

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ ritorn tal-minuri fl-Istat Membru ta’ oriġini wara deċiżjoni ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru li tistabbilixxi r-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-imsemmi Stat Membru jikkostitwixxi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, fis-sens tar-Regolament, billi d-dritt ta’ kustodja jinkludi, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament, id-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tal-minuri. Għaldaqstant, iż-żamma tal-minuri bi ksur ta’ tali deċiżjoni hija illegali fis-sens tar-Regolament. Għalhekk, l-Artikolu 11 ta’ dan tal-aħħar ikun applikabbli fil-każ li, immedjatament qabel din iż-żamma, il-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini.

64

Jekk jitqies li din il-kundizzjoni ta’ residenza ma ġietx issodisfatta, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba għar-ritorn ibbażata fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament, li ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja li fuqu diġà ddeċidiet il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, tittieħed mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

65

Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ritorn tal-minuri fi Franza jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ kustodja, fis-sens tar-Regolament, li jirriżulta mis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2013 tal-Cour d’appel de Bordeaux. Il-konsegwenza ta’ dan hija li din iż-żamma hija illegali, fis-sens tar-Regolament, u li l-Artikolu 11 ta’ dan tal-aħħar jista’ jiġi applikat għall-finijiet li tintlaqa’ t-talba għar-ritorn jekk jiġi kkunsidrat, mill-qorti Irlandiża kompetenti, li, immedjatament qabel din is-sentenza, il-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha fi Franza. Jekk, għall-kuntrarju, dik il-qorti jidhrilha li, dak iż-żmien, il-minuri kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Irlanda, id-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għar-ritorn tittieħed mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

66

F’din l-ipoteżi tal-aħħar, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 21 tar-Regolament, dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il-kunċett li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent għandhom ikunu limitati għall-minimu neċessarju (sentenza Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 50).

67

Il-fatt li r-residenza abitwali tal-minuri setgħet inbidlet wara deċiżjoni tal-ewwel istanza, fil-mori tal-proċedura ta’ appell, u li, jekk ikun il-każ, dan it-tibdil ġie kkonstatat mill-qorti adita b’talba għar-ritorn ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament, ma jistax jikkostitwixxi element li jista’ jibbaża ruħu fuqu l-ġenitur li jżomm minuri bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja sabiex itawwal is-sitwazzjoni fattwali maħluqa mill-aġir illegali tiegħu u sabiex jopponi għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini fuq l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li hija eżegwibbli hemmhekk u li ġiet innotifikata. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li l-konstatazzjoni tat-tibdil fir-residenza abitwali tal-minuri magħmula mill-qorti adita b’tali talba tippermetti li tittawwal din is-sitwazzjoni fattwali u li tiġi ostakolata l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, dan jikkostitwixxi evażjoni tal-mekkaniżmu stabbilit mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament u jċaħħad lil dan il-mekkaniżmu mis-sinjifikat tiegħu.

68

Bl-istess mod, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, il-preżentata ta’ appell minn tali deċiżjoni mogħtija mill-Istat Membru ta’ oriġini fuq l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma jistax ikollha effett fuq l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ ritorn tal-minuri f’dan l-Istat Membru wara din it-tieni deċiżjoni huwa illegali u l-Artikolu 11 tar-Regolament ikun applikabbli jekk jiġi kkunsidrat li l-minuri kien għad kellha r-residenza abitwali tagħha fl-imsemmi Stat Membru immedjatament qabel din iż-żamma. Jekk, għall-kuntrarju, jiġi kkunsidrat li, dak iż-żmien, il-minuri ma kienx għad kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba għar-ritorn ibbażata fuq din id-dispożizzjoni tittieħed mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 2(11) u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-qorti tal-Istat Membru li lejh tneħħiet il-minuri, adita b’talba għar-ritorn tal-minuri, għandha tivverifika, billi twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni, jekk il-minuri kinitx għadha residenti abitwalment fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel l-allegata żamma illegali. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ġudizzjarja li awtorizzat it-tneħħija setgħet tiġi eżegwita provviżorjament u li ġiet appellata.

 

2)

Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-minuri seħħet skont deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli provviżorjament li sussegwentement ġiet irrevokata b’deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet ir-residenza tal-minuri fid-dar tal-ġenitur li joqgħod fl-Istat Membru ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ ritorn tal-minuri f’dan l-Istat Membru wara din it-tieni deċiżjoni huwa illegali u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament ikun applikabbli jekk jiġi kkunsidrat li l-minuri kien għad kellha r-residenza abitwali tagħha fl-imsemmi Stat Membru immedjatament qabel din iż-żamma. Jekk, għall-kuntrarju, jiġi kkunsidrat li, dak iż-żmien, il-minuri ma kienx għad kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba għar-ritorn ibbażata fuq din id-dispożizzjoni tittieħed mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.