7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/37


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satakunnan käräjäoikeus (il-Finlandja) fit-12 ta’ Lulju 2013 — Sähköalojen ammattiliitto ry vs Elektrobudowa Spolka Akcyjna

(Kawża C-396/13)

2013/C 260/67

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Satakunnan käräjäoikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Sähköalojen ammattiliitto ry

Konvenuta: Elektrobudowa Spolka Akcyjna

Domandi preliminari

1.1.

Sindakat li jaġixxi fl-interess tal-ħaddiema jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala sors dirett ta’ drittijiet kontra fornitur ta’ servizz minn Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjoni li allegatament tmur kontra l-Artikolu 47 (l-Artikolu 84 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk) hija dispożizzjoni purament nazzjonali?

1.2.

Fi proċedura ġudizzjarja dwar krediti dovuti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 96/71/KE (1), jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni — b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, flimkien mal-libertà ta’ assoċjazzjoni sindakali ggarantita mill-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — li qorti nazzjonali għandha tevita l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tax-xogħol tal-Istat ta’ oriġini tal-ħaddiema li tipprekludi ċ-ċessjoni ta’ kreditu ta’ salarju lil sindakat tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol sabiex dan is-sindakat jiżgura l-irkupru tiegħu, meta d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol tippermetti ċ-ċessjoni tal-kreditu ta’ salarju dovut sabiex jiġi żgurat l-irkupru tiegħu, u għalhekk l-istat ta’ persuna li għandha locus standi, lil sindakat li l-ħaddiema kollha li wettqu ċ-ċessjoni tal-krediti bil-għan ta’ rkupru huma membri tiegħu?

1.3.

Il-klawżoli tal-Protokoll Nru 30 anness mat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki l-qrati nazzjonali li ma humiex stabbiliti fil-Polonja jew fir-Renju Unit għandhom jieħdu dan inkunsiderazzjoni meta t-tilwima inkwistjoni jkollha rabtiet sinjifikattivi mal-Polonja u, b’mod partikolari, meta l-liġi applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol tkun il-liġi Pollakka? Fi kliem ieħor, il-protokoll Pollakk-Brittaniku jipprekludi li qorti Finlandiża tiddikjara li l-liġijiet, regoli jew dispożizzjonijiet, prattiki jew miżuri amministrattivi tal-Polonja huma kuntrarji għall-prinċipji, libertajiet u drittijiet fundamentali pproklamati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

1.4.

Fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi ċ-ċessjoni ta’ krediti u ta’ drittijiet li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg?

1.5.

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni tal-krediti li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol inkwistjoni skont ir-Regolament Ruma I, irrispettivament minn jekk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi oħra għandhomx ukoll effett fuq il-kontenut tad-dritt individwali invokat?

1.6.

Moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas ikopri l-paga bażika ta’ kull siegħa fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju, is-salarju ggarantit għax-xogħol ikkuntrattat fuq il-bażi ta’ ħlas skont ix-xogħol li jsir, il-ħlas għal vaganzi, l-allowance fissa ta’ kuljum u l-allowance għat-traġitt ta’ kuljum, skont kif dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ddefiniti fi ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqa’ taħt l-Anness tad-Direttiva?

1.6.1.

L-Artikoli 56 [u 57] tat-Trattat TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandhom jiġi interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali) ta’ dak li jissejjaħ l-Istat ospitanti, l-Istati Membri jimponu fuq fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra l-obbligu li jħallsu allowance għat-traġitt u allowance ta’ kuljum lill-ħaddiema kkollokati għal xogħol fit-territorju tagħhom, fid-dawl tal-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kull ħaddiem ikkollokat huwa kkunsidrat li jaħdem taħt is-sistema tax-xogħol tal-ivvjaġġar professjonali matul il-perijodu kollu ta’ kollokament, u dan jagħtih id-dritt kemm għall-allowances tat-traġitt u kif ukoll għall-allowances ta’ kuljum?

1.6.2.

L-Artikoli 56 u 57 TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandhom jiġu interpretati li ma jippermettux lil qorti nazzjonali tirrifjuta li tirrikonoxxi t-tqassim tal-ħaddiema fi klassijiet ta’ remunerazzjoni mfassal u applikat minn kumpannija ta’ Stat Membru ieħor fl-istat ta’ oriġini tagħha, jekk tali tqassim ikun sar?

1.6.3.

L-Artikoli 56 u 57 TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil persuna li timpjega minn Stat Membru ieħor li tistabbilixxi b’mod validu, u b’mod vinkolanti għall-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol, il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi skont is-salarju f’sitwazzjoni fejn ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol jkun eżiġa l-istabbilment ta’ klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju differenti mill-perspettiva tar-riżultat finali, jew l-Istat Membru ospitanti li fih il-ħaddiema tal-fornitur ta’ servizzi mill-Istat Membru l-ieħor kienu kkollokati jista’ jimponi fuq il-fornitur ta’ servizzi l-obbligu li josserva d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-ħaddiema f’kategoriji skont is-salarju?

1.6.4.

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, ir-responsabbiltà għall-akkomodazzjoni imposta fuq il-persuna li timpjega mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv imsemmi fid-domanda 5.6. u l-vawċers tal-ikel imqassma skont il-kuntratt tax-xogħol mill-fornitur ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu bħala kumpens għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-kollokament jew bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva?

1.6.5.

Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE u tal-Artikoli 56 u 57 TFUE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol għandu jiġi kkunsidrat iġġustifikat minħabba r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kwistjoni tar-remunerazzjoni tax-xogħol fuq il-bażi tax-xogħol li jsir, tal-allowance għat-traġitt u tal-allowances ta’ kuljum?


(1)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).