SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali — Notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 8 — Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument — Assenza ta’ traduzzjoni ta’ xi wieħed mid-dokumenti mibgħuta — Assenza tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament — Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑519/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti Suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru ( 1 )(Anotato Dikastirio Kyprou, Ċipru), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Alpha Bank Cyprus Ltd

vs

Senh Dau Si,

Alpha Panareti Public Ltd,

Susan Towson,

Stewart Cresswell,

Gillian Cresswell,

Julie Gaskell,

Peter Gaskell,

Richard Wernham,

Tracy Wernham,

Joanne Zorani,

Richard Simpson,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Alpha Bank Cyprus Ltd, minn R. Garcia u B. Sigler, solicitors, B. Kennelly u P. Luckhurst, barristers, kif ukoll minn P. G. Polyviou, E. Florentiadou u G. Middleton, dikigoroi,

għal S. Dau Si, S. Towson, S. Cresswell, G. Cresswell, J. Gaskell, P. Gaskell, R. Wernham, T. Wernham, J. Zorani, R. Simpson, kif ukoll Alpha Panareti Public Ltd, minn K. Koukounis, G. Koukounis u C. Zanti, dikigoroi,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou u N. Ioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Skiani u M. I. Germani, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ seba’ tilwimiet bejn, minn naħa, Alpha Bank Cyprus Ltd (iktar ’il quddiem “Alpha Bank”), stabbiliment bankarju li għandu s-sede tiegħu f’Ċipru, u, min-naħa l-oħra, rispettivament, S. Dau Si, S. Towson, S. Cresswell, G. Cresswell, J. Gaskell, P. Gaskell, R. Wernham, T. Wernham, J. Zorani, R. Simpson, li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem l-“intimati fil-kawża prinċipali”), kif ukoll Alpha Panareti Public Ltd, kumpannija Ċiprijotta li kienet garanti tas-self ipotekarju konkluż mis-seba’ partijiet intimati fil-kawża prinċipali, dwar il-pagament tal-bilanċ ta’ dan is-self.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 6 sa 12 tar-Regolament Nru 1393/2007 jistabbilixxu fost oħrajn:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz [għan-notifika] bejn l-Istati Membri.

[…]

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri.

[…]

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn is-servizz [in-notifika] ikun ser jitwettaq [tkun ser titwettaq], jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal servizz [notifika] ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

(9)

Is-servizz [In-notifika] ta’ dokument għandu jitwettaq [għandha titwettaq] malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi.

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz [notifika] ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(11)

Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u s-servizz [n-notifika] ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)

L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tas-servizz [tan-notifika]. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għas-servizz [notifika] sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. […] Għandu jkun stabbilit li s-servizz [n-notifika] tad-dokument irrifjutat jista’ jkun rrimedjat permezz tas-servizz [tan-notifika] lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz [notifika] hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

5

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri jaħtru “aġenżiji li jibagħtu”, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor, kif ukoll l-“aġenżiji li jirċievu”, kompetenti biex jirċievu tali dokumenti minn Stat Membru ieħor.

6

L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skond l-Artikolu 2.

2.   It-trasmissjoni ta’ dokumenti […] bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu tista’ ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma’ dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta’ ġo fih tkun tista’ tinqara faċilment.

3.   Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta’ formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun ser jitwettaq is-servizz [notifika], jew b’lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. […]

[…]”

7

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-aġenzija li tibgħat għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument […]”

8

Konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha, mill-iktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi ta’ trasmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat jew permezz ta’ metodu partikolari mitluba mill-aġenzija li tibgħat, ħlief jekkdak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-aġenzija li tirċievi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq is-servizz tad-dokument malajr kemm jista’ jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha.[…]”

10

Skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument”:

“1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

(b)

il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz [tkun trid issir in-notifika].

2.   Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz [in-notifika] tad-dokument jista’ jkun irrimedjat permezz ta’ servizz [notifika] lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tas-servizz [tan-notifika] tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz [tan-notifika] tad-dokument oriġinali […]

[…]”

11

Il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 hija ppreżentata kif ġej:

Image

12

Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi:

“Meta l-formalitajiet dwar is-servizz [in-notifika] tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta’ tlestija ta’ dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Annes I u jiġi indirizzat lill-aġenzija li tibgħat […]”

13

L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz [notifika], u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li ċ-ċitazzjoni kienet innotifikata permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna tal-Istat Membru indirizzat, jew id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst mill-imsemmi regolament, u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, it-trasmissjoni kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

Id-dritt Ċiprijott

14

L-Artikolu D.48 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi fost oħrajn:

“12.   B’effett mid-data li ddaħħal hemmhekk, kull digriet huwa vinkolanti għall-persuna li talbet l-adozzjoni tiegħu kif ukoll għall-persuni kollha għall-istanzi li lilhom notifika tat-talba ġiet debitament innotifikata. Meta n-notifika tat-talba ma ġietx debitament innotifikata lil kwalunkwe mill-partijiet, l-imsemmi digriet huwa vinkolanti għaliha biss b’effett mid-data li fiha ġiet innotifikata b’kopja konformi mat-talba.

13.   Meta huwa nnotifikat, konformement ma’ dan il-kodiċi, digriet mogħti wara talba ex parte, it-talba ex parte hija nnotifikata flimkien miegħu, kif ukoll l-eventwali dikjarazzjoni ġuramentata mwaħħla magħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Alpha Panareti Public Ltd biegħet lill-intimati fil-kawża prinċipali proprjetajiet li jinsabu fit-territorju Ċiprijott. Dawn il-proprjetajiet ġew akkwistati permezz ta’ kreditu ipotekarju mogħti minn Alpha Bank.

16

Għall-finijiet li jinkiseb il-pagament tal-bilanċ ta’ kull wieħed mill-krediti mogħtija, Alpha Bank assenja quddiem il-qorti Ċiprijotta kemm lill-intimati fil-kawża prinċipali kif ukoll lill-venditriċi, li kienet ikkostitwixxiet ruħha bħala garanti ta’ kull wieħed mill-krediti billi ipotekat il-proprjetajiet immobbli.

17

Peress li l-intimati fil-kawża prinċipali kellhom ir-residenza permanenti tagħhom fir-Renju Unit, il-qorti Ċiprijotta tal-ewwel istanzi tat, wara talba minn Alpha Bank, (talba ex parte), digriet dwar in-notifika lix-xerrejja, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, tal-assenjazzjoni barra mit-territorju Ċiprijott.

18

Id-dokumenti segwenti ġew innotifikati lill-intimati fil-kawża prinċipali:

kopja ċċertifikata tal-assenjazzjoni u ta’ nota relatata hemm (“notice of writ”) bil-lingwa Griega u b’dik Ingliża;

kopja ċċertifikata tad-digriet ġudizzjarju li jawtorizza n-notifika barra minn Ċipru, bil-lingwa Griega biss, u,

kopja ċċertifikata tad-dikjarazzjoni ġuramentata tat-traduttriċi li tiċċertifika li t-traduzzjoni bil-lingwa Ingliża tal-att promotur tal-kawża kienet tikkorrispondi mal-oriġinal.

19

Filwaqt li jiddikjaraw li jidhru bla ħsara, l-intimati fil-kawża prinċipali ppreżentaw rwieħhom quddiem il-qorti Ċiprijotta tal-ewwel istanzi biex jitolbu l-annullament tan-notifika billi jargumentaw li din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 u fl-Artikolu D.48, regola 13, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ċiprijott, peress li ma ġewx innotifikati:

kopja tat-talba ex parte skont l-imsemmi Artikolu D.48, regola 13;

traduzzjoni bl-Ingliż tad-digriet relatat man-notifika barra minn Ċipru;

ċertifikazzjoni fuq il-formola standard kif imsemmija fl-Artikolu 8(1) tal-Regolament Nru 1393/2007, u

ittra ta’ spjegazzjoni dwar id-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati.

20

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-digriet ġudizzjarju msemmi iktar ’il fuq, li jawtorizza n-notifika tal-assenjazzjoni barra mit-territorju Ċiprijott u li ma kienx is-suġġett ta’ traduzzjoni, minn naħa, it-terminu impost lill-konvenuti biex jidhru quddiem il-qorti Ċiprijotta kien sensibbilment itwal minn dak indikat f’dan ir-rigward fiċ-ċitazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan id-digriet kien jinkludi l-preċiżjoni li tipprovdi, jekk taħrika ma hijiex ippreżentata fit-terminu msemmi mill-imsemmi digriet, kull talba iktar tard kienet meqjusa li ġiet innotifikata lill-parti inkwistjoni peress li kopja tagħha kienet imwaħħla fuq il-bord tal-avviżi tat-Tribunal tar-reġjun ta’ Paphos (Eparchiako Dikastirio Paphos) matul iż-żmien ta’ ħamest ijiem.

21

Għalkemm Alpha Bank iwieġeb li n-notifika li huwa kien għamel f’dan il-każ kien regolari, peress li l-partijiet assenjati kienu ħadu konjizzjoni tal-eżistenza tal-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata u l-għan tagħha, il-qorti Ċiprijotta tal-ewwel istanzi annullat din in-notifika billi kkunsidrat li l-ommissjonijiet ikkritikati mill-intimati fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu ksur kemm tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ċiprijott kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 1393/2007. Fil-fatt, id-destinatarji kienu mċaħħdin mill-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tal-kontenut tad-dokumenti kollha rilevanti u huma ma kinux ġew infurmati aħjar permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, tad-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jirċievu d-digriet fil-lingwa Griega u mhux akkumpanjat bit-traduzzjoni bl-Ingliż.

22

Adita b’appell minn Alpha Bank, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-annullament tan-notifika li kienet ipproċediet lejha l-qorti tal-ewwel istanzi ma kinitx ġustifikata sakemm kienet ibbażata fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu fuq il-konsegwenzi f’dan il-każ tal-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit ma kkunsidrawx utli li jinnotifikaw lill-intimati fil-kawża prinċipali l-formola standard kif imsemmija fl-Artikolu 8(1) tal-Regolament Nru 1393/2007 u li jidher fl-Anness II tiegħu.

24

Ċertament, l-imsemmi regolament huwa intiż li jibbilanċa d-drittijiet tal-partijiet li qed jagħmlu t-talba u l-konvenuta għall-finijiet li jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ xieraq, b’mod li jkun importanti li l-konvenut kellu konjizzjoni sħiħa taċ-ċitazzjoni, iżda ma jidhirx li fil-kawżi prinċipali l-intimati fil-kawża prinċipali ġew leżi fid-drittijiet tagħhom, peress li huma preżenti fil-ħin quddiem il-qorti Ċiprijotta u li ma speċifikawx la n-natura u lanqas il-konsegwenzi konkreti tal-“qerq” li jallegaw li huma vittmi tiegħu. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jispeċifikax liema dokumenti għandhom jiġu nnotifikati f’kull ċirkustanza. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjonijiet jekk n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament hija meħtieġa fil-każijiet kollha u jekk l-ommissjoni ta’ din in-notifika twassal neċessarjament għall-annullament tal-proċedura.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-notifika tal-formola standard skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 hija meħtieġa fil-każijiet kollha jew jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet?

2)

Fil-każ li jitqies li n-notifika hija meħtieġa fil-każijiet kollha, in-nuqqas tagħha f’din il-kawża jikkostitwixxi raġuni għall-invalidità tan-notifika?

3)

Jekk le, huwa konformi mal-ispirtu tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 li n-notifika ssir lill-avukat li qed jirrappreżenta konvenuti li qed jidhru taħt protest, li ntrabat f’dan is-sens mal-klijenti tiegħu jew hemm bżonn ta’ notifika ġdida skont il-proċedura prevista fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, lid-destinatarju tad-dokument maħsub għan-notifika tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan id-dokument huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha u, jekk ikun il-każ, liema huma l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-ommissjoni tal-informazzjoni permezz ta’ din il-formola.

Fuq in-natura obbligatorja tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007

27

Fir-rigward ta’ dan l-ewwel aspett imqajjem mid-domandi magħmula, kif ifformulati mill-ġdid, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jippermettux, bħala tali, li tingħata risposta hemmhekk validatament.

28

Il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi ddeterminata billi tiġi ssostitwita fil-kuntest tagħha. Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati l-objettivi segwiti mir-Regolament Nru 1393/2007 kif ukoll is-sistema introdotta minnu u li fiha joqgħod l-Artikolu 8 tiegħu (ara, f’dan is-sens is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 45).

29

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-objettivi tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar, adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bħal ma tipprovdi l-premessa 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ notifika intra-Komunitarju ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali, li għandu bħala għan il-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern (ara s-sentenzi Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 29, u Fahnenbrock et, C‑226/13, EU:C:2015:383, punt 40).

30

B’hekk, bl-għan tat-titjib tal-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji u biex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmi regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trażmissjoni diretta ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 3), liema għandu bħala effett li jiġu ssemplifikati jew aċċelerati l-proċeduri. Dawn l-objettivi huma mfakkra fil-premessi 6 sa 8 tiegħu.

31

Madankollu, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi drabi, l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, b’xi mod jew ieħor, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tagħhom, li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, fost oħrajn, is-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ dokument jirċievi realment id-dokument inkwistjoni, iżda wkoll li jitqiegħed f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż, b’tali mod li jista’ jinvoka validatament id-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru li jibgħat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 36 u 41, kif ukoll, b’analoġija fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227), li ppreċeda r-Regolament Nru 1393/2007, sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punti 64 u 73].

33

F’din il-perspettiva, għaldaqstant, ser ikun hemm lok li jiġi interpretat r-Regolament Nru 1393/2007 b’mod li jkun iggarantit, f’kull każ konkret, bilanċ ġust bejn l-interessi tal-applikant u dawk tal-konvenut, destinatarju tad-dokument, permezz ta’ konċiljazzjoni tal-objettivi tal-effikaċja u l-ħeffa tat-trażmissjoni tal-atti ta’ proċedura mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn id-dokumenti (ara s-sentenzi Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 48, kif ukoll Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 36).

34

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema introdotta mir-Regolament Nru 1393/2007 sabiex jitwettqu dawn l-objettivi, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikoli 2 u 4(1) ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessa 6 tiegħu, it-trażmissjoni tad-dokumenti għandha ssir, bħala prinċipju, bejn l-“aġenziji li jibgħatu” u l-“aġenziji li jirċievu” maħtura mill-Istati Membri (ara s-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 30). B’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, id-dokumenti maħsuba għan-notifika huma trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr, b’kull mezz xieraq, bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu.

35

Konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, hija l-aġenzija li tibgħat li għandha tavża lill-applikant fuq ir-riskju li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. Madankollu, huwa l-applikant li għandu jiddeċiedi jekk hemm lok li jagħmel traduzzjoni tad-dokument inkwistjoni, li barra minn hekk għandu jbati l-ispejjeż tagħha, konformement mal-Artikolu 5(2) ta’ dan l-istess regolament.

36

Inkwantu għall-aġenzija li tirċievi, huwa l-obbligu tagħha li tipproċedi effettivament għan-notifika tad-dokument lid-destinatarju, kif jipprevedi l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1393/2007. F’dan il-kuntest, hija għandha, minn naħa, iżżomm informata l-aġenzija li tibgħat bl-elementi kollha rilevanti ta’ din it-tranżazzjoni billi tibgħat lura l-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, iġġib għall-konjizzjoni tad-destinatarju li huwa jista’ jirrifjuta li jirċievi d-dokument jekk dan tal-aħħar ma huwiex ifformulat jew tradott f’waħda mil-lingwi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri jew lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem, jew il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk ikun il-każ, waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn wieħed għandu jipproċedi għan-notifika, lingwi li d-destinatarju huwa mistenni li jrażżan. Meta tali rifjut huwa effettivament oppost minn dan tal-aħħar, huwa l-obbligu tiegħu barra minn hekk, bis-saħħa tal-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, li għandu javża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat u jibgħat lura t-talba u d-dokument li tagħhom tintalab traduzzjoni.

37

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija aġenziji ma jistgħux jieħdu deċiżjoni fuq domandi ta’ natura sostanzjali, bħal dawk li ssir taf liema lingwa jew lingwi d-destinatarju tad-dokument jifhem u jekk id-dokument għandu jew le li jkollu miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi indikati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.

38

Kull interpretazzjoni oħra hija fil-fatt ta’ natura li tqajjem problemi legali li jistgħu jiġġeneraw litigazzjoni li ddewwem u trendi iktar diffiċli l-proċedura ta’ trażmissjoni tad-dokumenti ta’ Stat Membru lil ieħor.

39

Fil-kawżi prinċipali, madankollu jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-aġenzija li tirċievi kkunsidrat li d-digriet li jawtorizza n-notifika tad-dokument barra mill-pajjiż ma kellux ikun is-suġġett ta’ traduzzjoni u minn dan iddeduċiet li ma kellhiex tehmeż mad-dokument inkwistjoni l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

40

Madankollu, dan ir-regolament ma jagħti lill-aġenzija li tirċievi ebda setgħa biex tevalwa jekk iċ-ċirkustanzi li fihom id-destinatarju ta’ dokument jista’ jirrifjuta li jirċivih, jinsabu fl-Artikolu 8(1) tiegħu huma ssodisfatti jew le.

41

Għall-kuntrarju, huwa l-obbligu tal-unika qorti nazzjonali adita fl-Istat Membru li jibgħat li tieħu deċiżjoni fuq id-domandi ta’ din in-natura, peress li jipprekludu l-applikant u l-konvenut.

42

F’dan ir-rigward, wara li bdiet il-proċedura ta’ notifika billi ġie determinat id-dokument jew id-dokumenti rilevanti għal dan l-effett, din il-qorti ser tiddeċiedi biss wara li d-destinatarju ta’ dokument effettivament irrifjuta li jirċivih minħabba li ma huwiex ifformulat f’lingwa li jifhem jew mistenni li jifhem. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ser titwassal li tivverifika, għat-talba tal-applikant, jekk tali rifjut kien iġġustifikat jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 85). Għal dan il-għan, ser ikollha tqis debitament l-elementi kollha tal-proċess biex, minn naħa, tistabbilixxi l-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju tad-dokument (ara s-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 80) u, min-naħa l-oħra, tiddeċiedi jekk, fid-dawl tan-natura tad-dokument li jirrigwardah, traduzzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa meħtieġ.

43

B’mod definittiv, l-imsemmija qorti ser ikollha, f’kull każ f’dan il-każ, tiżgura li d-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati huma protetti b’mod ibbilanċjat, billi jitqiegħed f’ekwilibriju l-objettiv tal-effikaċja u tal-ħeffa tan-notifika fl-interess tal-applikant u dak tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tad-destinatarju.

44

Peress li dan ġie speċifikat, għandu jingħad ukoll, fir-rigward tas-sistema, li din tal-aħħar tipprevedi wkoll l-użu ta’ żewġ formoli standard li jidhru, rispettivament, fl-Annessi I u II tiegħu.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jinkludi ebda eċċezzjoni għall-użu ta’ dawn il-formoli.

46

Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan l-istess regolament, “għandhom jintużaw” il-formoli standard previsti minnu peress li jikkontribwixxu, fl-osservanza tad-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati u kif din tirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 1393/2007, biex tissimplifika u trendi iktar trasparenti l-proċedura ta’ trażmissjoni tad-dokumenti, li b’hekk tiggarantixxi kemm il-leġibbiltà tagħhom kif ukoll is-sigurtà fit-trasmissjoni tagħhom.

47

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija formoli jikkostitwixxu, kif tindika l-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, strumenti li permezz tagħhom id-destinatarji huma informati bil-fakultà li għandhom li jirrifjutaw li jirċievu d-dokument innotifikat.

48

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi ddeterminata l-portata eżatta li għandha tingħaraf fil-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u, konsegwentement, fl-Artikolu 8(1) tiegħu, li jsemmi n-notifika tal-imsemmija formola lid-destinatarju tad-dokument.

49

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-istess kliem tat-titolu u tal-kontenut tal-imsemmija formola, il-fakultà li jiġi rrifjutat id-dokument innotifikat, kif previst fl-imsemmi Artikolu 8(1) hija kklassifikata bħala “dritt” tad-destinatarju ta’ dan id-dokument.

50

Madankollu, sabiex dan id-dritt mogħti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ effettivament jipproduċi l-effetti tiegħu, għandu jinġieb bil-miktub għall-konjizzjoni tad-destinatarju tad-dokument. Fis-sistema introdotta mir-Regolament Nru 1393/2007, din l-informazzjoni hija pprovduta lilu permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, bl-istess mod li l-applikant huwa, mill-bidu tal-proċedura, informat permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament tal-eżistenza ta’ dan id-dritt fil-konfront tad-destinatarju tad-dokument.

51

Minn dan jirriżulta li għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393 jinkludi żewġ dikjarazzjonijiet ċertament marbutin, iżda madankollu distinti, jiġifieri, minn naħa, id-dritt materjali tad-destinatarju tad-dokument li jirrifjuta li jirċievi dan, minħabba biss li ma huwiex ifformulat jew għandu miegħu traduzzjoni f’lingwa li mistenni li jifhem u, min-naħa l-oħra l-informazzjoni formali tal-eżistenza tal-imsemmi dritt miġjub għall-konjizzjoni tiegħu mill-aġenzija li tirċievi. Fi kliem ieħor u kontrarjament għal dak li l-aġenzija li tirċievi tidher li ammettiet fil-kawżi prinċipali, il-kundizzjoni relatata mas-sistema lingwistika tad-dokument jirreferi mhux għall-informazzjoni tad-destinatarju mill-aġenzija li tirċievi, iżda esklużivament għad-dritt ta’ rifjut irriżervat għal dan tal-aħħar.

52

Barra minn hekk, il-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament tagħmel distinzjoni netta bejn dawn iż-żewġ aspetti, billi tagħmel riferiment, fir-rubriki differenti, għall-informazzjoni bil-miktub lid-destinatarju tad-dokument tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan u għall-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-rifjut stess huwa ċertament ċarament ikkundizzjonat, fis-sens li d-destinatarju tad-dokument jista’ validatament jagħmel użu minnu biss fl-ipoteżi fejn id-dokument inkwistjoni ma huwiex ifformulat jew għandu miegħu traduzzjoni jew f’lingwa li jifhem, jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun ser titwettaq in-notifika (ara, f’dan is-sens, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1393/2007). Kif dan jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa l-obbligu definittiv tal-qorti adita li tiddeċiedi jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, billi tivverifika jekk ir-rifjut oppost mid-destinatarju tad-dokument kien iġġustifikat jew le.

54

Xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ rifjut jippreżumi li d-destinatarju tad-dokument ġie debitament informat, minn qabel u bil-miktub, tal-eżistenza tad-dritt tiegħu.

55

Għaldaqstant, l-aġenzija li tirċievi, meta għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah lid-destinatarju tiegħu, hija marbuta, f’kull każ, li tehmeż mad-dokument inkwistjoni l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 li tinforma lil dan id-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan id-dokument.

56

Għandu wkoll jiġi speċifikat li tali obbligu ma joħloqx diffikultajiet partikolari għall-aġenzija li tirċievi, ladarba huwa biżżejjed li din l-aġenzija tehmeż mad-dokument innotifikat it-test stampat minn qabel kif previst mill-imsemmi regolament f’kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

57

B’hekk, l-interpretazzjoni hawn fuq hija ta’ natura kemm li tiggarantixxi t-trasparenza billi tqiegħed id-destinatarju f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tal-estenzjoni tad-drittijiet tiegħu u li tippermetti applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007 (ara, b’analoġija, is-sentenzi Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 46, kif ukoll Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 60), mingħajr ma twassal għal ebda dewmien fit-trażmissjoni ta’ dan id-dokument, iżda, għall-kuntrarju, billi tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u għall-faċilitazzjoni tiegħu.

58

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġenzija li tirċievi hija marbuta, f’kull ċirkustanzi u mingħajr ma għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ dokument bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan, billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

Fuq il-konsegwenzi tal-ommissjoni tal-informazzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

59

Fir-rigward ta’ dan it-tieni aspett imqajjem mid-domandi preliminari, kif ifformulati mill-ġdid, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, dwar ir-rifjut li wieħed jirċievi d-dokument, ma jinkludix dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju ta’ dokument, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi din.

60

Barra minn hekk, ma jirriżulta mill-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li tali assenza twassal għall-annullament tal-proċedura tan-notifika.

61

Barra minn hekk, fir-rigward tal-konsegwenzi tar-rifjut tad-destinatarju ta’ dokument li jirċievi dan tal-aħħar, minħabba li dan id-dokument ma kellux miegħu traduzzjoni f’lingwa li jifhem jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, fir-rigward tar-Regolament Nru 1348/2000 li ġie qabel ir-Regolament Nru 1393/2007, li kien hemm lok mhux li tingħata deċiżjoni dwar l-annullament tal-proċedura, iżda li tippermetti, min-naħa l-oħra, lill-mittenti li jkollu l-possibbiltà li jirrimedja l-assenza tad-dokument meħtieġ billi jibgħat it-traduzzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punti 38 u 53).

62

Ir-Regolament Nru 1393/2007 issa stabbilixxa dan il-prinċipju fl-Artikolu 8(3) tiegħu.

63

Madankollu, għandha tinżamm soluzzjoni simili fl-ipoteżi fejn l-aġenzija li tirċievi naqset milli tittrażmetti lid-destinatarju ta’ dokument il-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

64

Fil-fatt, l-ommissjoni tal-imsemmija formola standard u r-rifjut li wieħed jirċievi dokument minħabba n-nuqqas ta’ traduzzjoni xierqa huma marbutin mill-qrib sa fejn, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, tista’ tiġi ppreġudikata l-proċedura, mid-destinatarju ta’ tali dokument, tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi d-dokument inkwistjoni.

65

Għaldaqstant, jidher xieraq li jitqies li għal dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet għandhom jiġu applikati konsegwenzi legali identiċi.

66

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-annullament jew tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat jew inkella tal-proċedura tan-notifika hija inkompatibbli mal-objettiv segwit mir-Regolament Nru 1393/2007, li jikkonsisti li jiġi previst metodu ta’ trażmissjoni diretta, mgħaġġla u effettiva bejn l-Istati Membri tad-dokumenti fil-qasam ċivili u kummerċjali.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun possibbli li wieħed jirrimedja għall-ommissjoni tal-informazzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

68

Għal dawk li huma l-modalitajiet ta’ tali soluzzjoni, għandu jitfakkar li jeżistu biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika ta’ dokument ġudizzjarju bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007: minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ soġġorn abitwali tad-destinatarju ma huwiex magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun innomina rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja (ara s-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 24).

69

Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżijiet tagħhom, ġaladarba d-destinatarju ta’ dokument ġudizzjarju jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, in-notifika ta’ dan id-dokument taqa’ neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, u għaldaqstant għandha, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 1(1) tiegħu, issir b’mezzi stabbiliti mir-regolament innifsu għal dan il-għan (ara s-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 25).

70

Konsegwentement, wieħed għandu jirrikorri għall-uniku Regolament Nru 1393/2007 sabiex jirrimedja għal ommissjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

71

Din is-soluzzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-bżonn ta’ applikazzjoni uniformi tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’sitwazzjoni bħal dik tal-kawżi prinċipali, ser ikun l-obbligu għaldaqstant tal-aġenzija li tirċievi li tipproċedi mingħajr dewmien għall-informazzjoni lid-destinatarji tad-dokument tad-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jirċievu dan tal-aħħar, billi titrażmettilhom, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

73

Għandu jingħad ukoll li, fl-ipoteżi fejn, wara din l-informazzjoni, id-destinatarji kkonċernati jagħmlu użu tad-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jirċievu d-dokument inkwistjoni, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali adita fl-Istat Membru li jibgħat li tiddeċiedi jekk tali rifjut, fid-dawl tal-elementi kollha ta’ dan il-każ, huwa ġġustifikat jew le, kif dan huwa espost fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentenza.

74

Fl-ipoteżi fejn din il-qorti tikkonkludi l-fondatezza tar-rifjut li wieħed jirċievi d-dokument inkwistjoni, il-verżjoni tradotta tiegħu għandha wkoll tkun sottomessa għad-destinatarji, skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 1393/2007 u, fost oħrajn, l-Artikolu 8(3) tiegħu.

75

Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprevedix li n-notifika ta’ dokument jista’ jiġi validatament magħmul lill-aġenti tad-destinatarji li aċċettaw li jidhru bla ħsara quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat, għall-finijiet biss li jikkontestaw ir-regolarità tal-proċedura.

76

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li l-aġenzija li tirċievi, meta tipproċedi bin-notifika ta’ dokument lid-destinatarju tagħha, ma tehmiżx il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tikkostitwixxi mhux motiv tal-annullament tal-proċedura, iżda ommissjoni li għandha tiġi rregolarizzata konformement mad-dispożizzjonijiet iddikjarati minn dan ir-regolament.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tweġiba għat-tliet domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-aġenzija li tirċievi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ dokument bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan, billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, u

iċ-ċirkustanza li din l-aġenzija, meta tipproċedi bin-notifika ta’ dokument lid-destinatarju tiegħu, ma tehmiżx il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tikkostitwixxi mhux motiv tal-annullament tal-proċedura, iżda ommissjoni li għandha tiġi rregolarizzata konformement mad-dispożizzjonijiet iddikjarati minn dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

l-aġenzija li tirċievi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ dokument bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi dan, billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, u

 

iċ-ċirkustanza li din l-aġenzija, meta tipproċedi bin-notifika ta’ dokument lid-destinatarju tiegħu, ma tehmiżx il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tikkostitwixxi mhux motiv tal-annullament tal-proċedura, iżda ommissjoni li għandha tiġi rregolarizzata konformement mad-dispożizzjonijiet iddikjarati minn dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

( 1 ) Skont il-metodu l-ġdid ta’ ċitazzjoni deċiż mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.