25.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-20 ta’ Ġunju 2012 — Cascina Tre Pini s.s. vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare

(Kawża C-301/12)

2012/C 258/19

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cascina Tre Pini s.s.

Konvenut: Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare

Domandi preliminari

(1)

(a)

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma jipprovdu l-obbligu ta’ dawn l-amministrazzjonijiet li jeżerċitaw din is-setgħa meta dawn jiġu aditi b’talba mmotivata mressqa f’dan is-sens minn individwi, proprjetarji ta’ siti inklużi fis-SIC, għall-inqas meta dawn l-individwi jallegaw li l-ambjent tas-sit iddeterjora?

(b)

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, wara evalwazzjoni perjodika, mingħajr ma jipprovdu termini regolari ta’ skadenza għal din l-evalwazzjoni (pereżempju biennali jew triennali) u lanqas l-ebda forma ta’ reklamar li jikkonċerna l-ftuħ ta’ din l-evalwazzjoni perjodika sabiex tippermetti lill-partijiet interessati li jressqu l-proposti jew l-osservazzjonijiet tagħhom?

(c)

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma tagħti din l-istess setgħa lill-Istat, minn tal-inqas b’mod sussidjarju, fil-każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mir-Reġjuni jew mill-Provinċji awtonomi?

(d)

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa totalment diskrezzjonali li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma timponilhom li jużaw din is-setgħa, anki fil-każ fejn iseħħu fenomeni ta’ tniġġiż jew ta’ deterjorazzjoni — li jkunu ġew formalment ikkonstatati?

(2)

(…) Il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/43/KEE, irregolata mil-leġiżlatur nazzjonali permezz tal-Artikolu 3(4a) tad-DPR Nru 357/97, għandha tinftiehem bħala proċedura li għandha neċessarjament tiġi konkluża b’att amministrattiv jew bħala proċedura fejn ir-riżultat huwa purament fakoltattiv? “Proċedura li għandha neċessarjament tiġi konkluża b’att amministrattiv”, tfisser proċedura li abbażi tagħha, “meta l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-Ministeru tal-Ambjent u tal-protezzjoni tat-territorju għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni Ewropea l-proposti tar-Reġjun, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-proċedura tistax tinfetaħ biss ex officio jew jekk tistax tinfetaħ ukoll fuq talba ta’ individwu”?

(3)

(a)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva 92/43/KEE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ftuħ tal-proċedura ta’ diklassifikazzjoni, minflok l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ kontroll u ta’ preżervazzjoni, meta individwu jissenjala l-istat ta’ degradazzjoni ta’ sit?

(b)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva 92/43/KEE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ftuħ tal-proċedura ta’ diklassifikazzjoni ta’ sit li jappartjeni għan-netwerk Natura 2000 sabiex jiġu protetti interessi esklużivament privati ta’ natura ekonomika?

(c)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva 92/43/KEE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-preżenza ta’ proġetti infrastrutturali ta’ interess pubbliku, soċjali u ekonomiku, rikonoxxuti wkoll mill-Unjoni Ewropea, li jistgħu jikkawżaw dannu lill-habitat naturali rikonoxxut fis-sens tad-direttiva, tipprovdi għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ diklassifikazzjoni tas-sit, minflok l-adozzjoni tal-miżuri kumpensatorji sabiex tiġi ggarantita l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000?

(d)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva 92/43/KEE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam tal-habitats naturali, tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi ta’ individwu proprjetarju ta’ sit billi tippermettilu li quddiem il-qrati nazzjonali jikseb deċiżjoni li timponi delimitazzjoni ġdida tal-imsemmi sit?

(e)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva 92/43/KEE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi d-diklassifikazzjoni ta’ sit fil-każ ta’ deterjorament ta’ oriġini antropika u mhux naturali?