22.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (Ir-Renju Unit) fil-11 ta’ Awwissu 2011 — Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd, National Association of Pension Funds Ltd, Ford Pension Fund Trustees Ltd, Ford Salaried Pension Fund Trustees Ltd, Ford Pension Scheme for Senior Staff Trustee Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-424/11)

2011/C 311/39

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber) (Ir-Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd, National Association of Pension Funds Ltd, Ford Pension Fund Trustees Ltd, Ford Salaried Pension Fund Trustees Ltd, Ford Pension Scheme for Senior Staff Trustee Ltd

Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

(1)

Il-kliem “fondi ta’ investiment” li jinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (1) u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 (2) għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi (i) skema ta’ pensjoni ta’ rtirar stabbilita minn persuna li tħaddem sabiex toffri lill-impjegati tagħha benefiċċji ta’ pensjoni u/jew (ii) fond komuni ta’ investiment li fi ħdanu jinġabar l-attiv ta’ diversi skemi ta’ pensjoni għall-finijiet ta’ investimenti meta, fil-kuntest tal-iskemi ta’ pensjoni inkwistjoni:

(a)

il-pensjoni li tista’ tiġi perċepita minn membru hija ddefinita minn qabel fl-istatuti tal-iskema (ibbażata fuq formula msejsa fuq it-tul tal-karriera tal-membru ma’ min iħaddem u s-salarju tiegħu) u mhux fuq il-bażi tal-valur tal-attiv tal-iskema;

(b)

min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iskema;

(c)

huma biss l-impjegati ta’ min iħaddem li jistgħu jipparteċipaw fl-iskema u jirċievu pensjoni f’dan il-kuntest (fejn parteċipant f’din l-iskema huwa indikat bħala “membru”);

(d)

impjegat huwa ħieles li jiddeċiedi li jsir jew ma jsirx membru;

(e)

impjegat li huwa membru huwa normalment obbligat li jikkontribwixxi għall-iskema abbażi ta’ perċentwali tas-salarju tiegħu;

(f)

il-kontribuzzjonijiet minn min iħaddem u mill-membri huma miġbura mit-trustee tal-iskema u jiġu investiti (ġeneralment f’azzjonijiet) bil-għan li jiġi stabbilit fond li minnu jitħallsu lill-membri l-benefiċċji provduti taħt l-iskema;

(g)

jekk l-attiv tal-iskema huwa ogħla minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-benefiċċji previsti taħt l-iskema, it-trustee tal-iskema u/jew min iħaddem jista’, skont it-termini tal-iskema u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jagħżel waħda mis-segwenti soluzzjonijiet (i) inaqqs il-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ min iħaddem; (ii) jittrasferixxu parti jew l-intier tal-eċċess tal-benefiċċju lil min iħaddem jew (iii) iżidu l-benefiċċji għall-membri tal-iskema;

(h)

jekk l-attiv tal-iskema jkun inqas milli meħtieġ biex jiffinanzja l-benefiċċji previsti fil-kuntest tal-iskema, min iħaddem huwa bħala prinċipju obbligat li jassorbi l-iżbilanċ u, jekk min iħaddem ma jagħmilx dan jew ma jkunx jista’ jagħmel dan, il-benefiċċji rċevuti mill-membri jiġu mnaqqsa;

(i)

l-iskema tippermetti li l-membri jagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali (“AVC”) li ma jkunux miżmuma mill-iskema, iżda ttrasferiti lil terz għall-finijiet ta’ investimenti u l-provvista ta’ benefiċċji addizzjonali msejsa fuq il-prestazzjoni tal-investimenti magħmulin (dawn l-arranġamenti ma humiex suġġetti għall-VAT);

(j)

il-membri huma intitolati li jittrasferixxu l-benefiċċji akkumulati tagħhom fil-kuntest tal-iskema (evalwati abbażi tal-valur attwarjali ta’ dawn il-benefiċċji fil-mument tat-trasferiment) għal skemi ta’ pensjoni oħra;

(k)

il-kontribuzzjonijiet ta’ minn min iħaddem u tal-membri għall-iskema ma humiex ikkunsidrati bħala dħul tal-membri għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul;

(l)

il-pensjonijiet riċevuti mill-membri fil-kuntest tal-iskema huma kkunsidrati bħala dħul tal-membri għall-finijiet tat-taxxa tad-dħul; u

(m)

min iħaddem, u mhux il-membri tal-iskema, jieħdu r-responsabbiltà għall-ispiża tal-ġestjoni tal-iskema?

(2)

Fid-dawl (i) tal-għanijiet tal-eżenzjoni previsti taħt l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, (ii) tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u (iii) taċ-ċirkostanzi deskritti fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari:

(a)

Stat Membru jista’ jiddefinixxi, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-fondi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi ta’ investiment” b’tali mod li jeskludi l-fondi li għalihom isir referiment fl-ewwel domanda preliminari u jinkludi impriżi ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva 85/611, kif emendata?

(b)

Sa fejn (jekk ikun il-każ) il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk fond, kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari, għandu jew ma għandux jiġi kkunsidrat minn Stat Membru, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, bħala fond speċjali ta’ investiment:

(i)

il-karatteristiċi tal-fond (kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari);

(ii)

sa fejn il-fond huwa “simili u għalhekk jikkompeti ma’” mezzi ta’ investiment li diġà ġew identifikati mill-Istat Membru bħala fondi speċjali ta’ investiment?

(3)

Jekk, fil-kuntest tat-tweġiba għad-domanda 2b(ii), hemm lok li jiġi evalwat sa fejn il-fond huwa “simili u għalhekk jikkompeti ma’” mezzi ta’ investiment li diġà ġew ikkunsidrati mill-Istat Membru bħala fond speċjali ta’ investiment, l-eżistenza jew il-livell ta’ “kompetizzjoni” bejn il-fond inkwistjoni u tali mezzi oħra ta’ investiment għandha tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni separata minn dik ta’ xebh?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23)

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)