Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2012 — Il-Kummissjoni vs Il-Portugall

(Kawża C-223/11)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 2000/60/KE — Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma — Pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara — Pubblikazzjoni u notifika lill-Kummissjoni — Assenza — Informazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku dwar il-proġetti ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar — Assenza”

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60) (ara l-punti 16, 29)

Suġġett

Ksur tal-Artikoli 13(1), (2) u (6), 14(1)(ċ) u 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275) — Pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara — Pubblikazzjoni — Informazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku — Nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni tal-kopji tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar

Dispożittiv

1)

Ir-Repubblika Portugiża, billi naqset fit-terminu previst:

–        milli tippubblika l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distrett ta’ baċin tax-xmara nazzjonali u internazzjonali;

–        milli tippubblika u milli tippreżenta għall-osservazzjonijiet tal-pubbliku, inkluż tal-utenti, il-proġetti ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ baċin tax-xmara,

–        milli tibgħat lill-Kummissjoni Ewropea l-kopji ta’ dawn il-pjanijiet,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) u (2), l-Artikolu 14(1)(ċ) u l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva.

2)

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.