SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Tneħħija illegali tal-wild – Miżuri provviżorji dwar is-‘setgħa ta’ deċiżjoni tal-ġenituri’ – Dritt ta’ kustodja – Deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-wild – Infurzar – Ġurisdizzjoni – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C-211/10 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura mibdija minn

Doris Povse

vs

Mauro Alpago,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Malacek,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u A. Hable, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn D. Hadroušek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G Palmieri, bħala aġent, assistit minn M. Russo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drevina u E. Drobiševska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Sloven, minn A. Vran u V. Klemenc, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington, bħala aġent, u K. Smith, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wilderspin u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbililtà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Povse u M. Alpago dwar ir-ritorn fl-Italja tat-tifla tagħhom Sofia, li tinsab fl-Awstrija ma’ ommha, u dwar il-kustodja ta’ din il-wild.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

3        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, fuq l-aspetti ċivili fis-sekwestru internazzjonali tal-minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), jipprovdi:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild għandhom jitqiesu bħala illegali:

a)      meta dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew entità oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-wild kien soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu, u

b)      fil-waqt tat-tneħħija jew taż-żamma dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għat-tneħħija jew għaż-żamma.

Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 12 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Meta wild jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat kontraenti fejn ikun jinsab il-wild, ikun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid-data tat-tneħħija jew żamma illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-wild biex dan isir minnufih.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta l-proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il-perijodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-wild kemm-il darba ma jiġix pruvat li l-wild ikun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.

Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ikollha għaliex tissuspetta li l-wild ikun ittieħed fi Stat ieħor, din tista’ twaqqaf il-proċedimenti jew tiċħad l-applikazzjoni għar-ritorn tal-wild.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980:

“Minkejja d-disposizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità l-oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)      il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-wild ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-wild jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew iż-żamma tal-wild;

b)      jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk issib li l-wild joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-isfond soċjali tal-wild kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-wild.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6        Il-premessa 17 tar-Regolament tispjega:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri [wild], ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Hagg tal-1980] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament [illegalment] jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

7        Il-premessa 21 tar-Regolament tistabbilixxi:

“Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

8        Il-premessa 23 tar-Regolament hija fformulat kif ġej:

“Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere kkunsidra fil-konklużjonijiet tiegħu (punt 34) li sentenzi fil-qasam tat-tilwim familjari għandhom ikunu “awtomatikament rikonoxxuti f’kull parti ta’ l-Unjoni mingħajr ebda proċedimenti intermedji jew bażi għar-rifjut ta’ l-infurzar”. Huwa għalhekk li sentenzi dwar id-drittijiet ta’ aċċess u sentenzi dwar ir-ritorn li ġew ċertifikati ġewwa l-Istati Membri fejn oriġinaw skond id-disposizzjoniet ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati fl-Istati Membri kollha mingħajr ma tkun neċessarja ebda proċedura oħra. L-arranġamenti għall-infurzar ta’ dawn is-sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

9        Il-premessa 24 tar-Regolament tistabbilixxi:

“Iċ-ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l-infurzar tas-sentenza m’għandux ikun suġġett għall-appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza.”

10      L-Artikolu 2 tar-Regolament għandu, fil-punt 11, definizzjoni tal-kunċett ta’ “tneħħija nġusta [illegali] jew iż-żamma [illegali]” li tikkorrispondi esenzjalment għal dak li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

11      It-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-Ġenituri”, tal-Kapitolu II tar-Regolament, tinkludi l-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 8 tar-Regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [jkollha quddiemha l-kawża].

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

12      Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, li għandu regoli speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)      fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii) każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

(iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

13      L-Artikolu 11 tar-Regolament, taħt it-titolu “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l-1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti […] sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta' l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

14      L-Artikolu 15 tar-Regolament, li għandu t-titolu “Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprovdi:

“1.      B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)      twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)      titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

[…]

Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.      Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

15      L-Artikolu 40 jagħmel parti mit-Taqsima 4, intitolata “L-infurzabilità ta’ ċerti sentenzi dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess u ċerti sentenzi li jeħtieġu r-ritorn ta’ l-minuri” li taqa’ taħt il-Kapitolu III, li għandu t-Titolu “Rikonoxximent u Infurzar”. Dan l-artikolu, intitolat “L-Iskop” jipprovdi:

“1.      Din it-taqsima għandha tapplika għal:

[…]

b)      ir-ritorn ta’ l-minuri bħala konsegwenza ta’ sentenza mogħtija skond l-Artikolu 11(8).

2.      Id-disposizzjonijiet ta’ din it-Taqsima m’għandhomx iċaħħdu lil min għandu r-responsabbilità ta’ l-ġenituri milli jfittex ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza skond id-disposizzjonijiet fit-Taqsima 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.”

16      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament, intitolat “Ir-ritorn ta’ l-minuri”:

“1.      Ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l-infurzar mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.

Anke jekk il-liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall-infurzabilità b’operat ta’ l-liġi, minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 11(b)(8), il-qorti ta’ l-oriġini tista’ tiddikjara s-sentenza bħala nfurzabbli.

2.      L-Imħallef ta’ l-oriġini li qata’ s-sentenza msemmija fl-Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 biss jekk:

a)      il-minuri ingħata l-opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu;

b)      il-partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

(ċ)      il-qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza r-raġunijiet għal u x-xhieda wara ta’ l-ordni maħruġa skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l-1980.

Fil-każ li l-qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tagħhom fl-Istat abitwali tar-residenza, iċ-certifikat għandu jinkludi fih id-dettalji dwar l-imsemmija miżuri.

L-Imħallef ta’ l-oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ-ċertifikat billi juża l-forma standard li tinstab fl-Anness IV (iċ-ċertifikat dwar ir-ritorn ta’ l-minuri).

Iċ-ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl-ilsien tas-sentenza.”

17      Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament, li għandu t-titolu “Korrezzjoni taċ-ċertifikat”:

“1.      Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha ssir applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat.

2.      M’għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat skond l-Artikoli41(1) or 42(1).”

18      L-Artikolu 44 tar-Regolament, taħt it-titolu “L-Effetti taċ-ċertifikat”, huwa fformulat kif ġej:

“Iċ-ċertifikat għandu jkollu effett biss fil-limiti ta’ l-infurzabilità tas-sentenza.”

19      L-Artikolu 47 tar-Regolament intitolat “Il-Proċedura ta’ l-Infurzar”, jipprovdi:

“1.      Il-proċedura ta’ l-infurzar hija rregolata mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.

2.      Kwalsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta' Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli skond it-Taqsima 2 jew li ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) għandha tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-infurzar bl-istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l-Istat Membru.

Partikolarment, sentenza li tkun ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) ma tistax tiġi nfurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma xi sentenza ta’ l-infurzar sussegwenti.”

20      L-Artikolu 60 tar-Regolament, intitiolat “Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, jiddisponi li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza, b’mod partikolari, fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li D. Povse u M. Alpago, koppja mhux miżżewġa, għexu flimkien, f’Vittorio Veneto, l-Italja, sal-aħħar tax-xahar ta’ Jannar 2008, mat-tifla tagħhom Sofia, imwielda fis-6 ta’ Diċembru 2006. Skont l-Artikolu 317 bis tal-Kodiċi Ċivili Taljan, il-ġenituri kellhom il-kustodja konġunta tal-wild. Fl-aħħar ta’ Jannar 2008, il-koppja sseparat u D. Povse telqet mid-dar konjugali akkumpanjata minn binthom Sofia. Għalkemm it-Tribunale per i Minorenni di Venezia (Qorti tal-Minuri ta’ Venezia) (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni provviżorja u urġenti meħuda fit-8 ta’ Frar 2008 fuq talba tal-missier, ipprojbixxa lill-omm milli toħroġ mill-pajjiż mal-wild, l-omm marret flimkien mal-wild fi Frar 2008 fl-Awstrija, fejn għadhom jirrisjedi sal-lum.

22      Fis-16 ta’ April 2008, M. Alpago mar quddiem il-Leoben Bezirksgericht (l-Awstrija) sabiex jikseb ir-ritorn tal-wild tiegħu fl-Italja abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

23      Fit-23 ta’ Mejju 2008, it-Tribunale di Venezia per i Minori di Venezia adotta deċiżjoni li fiha tneħħiet il-projbizzjoni kontra l-omm li tħalli t-territorju Taljan mal-wild u assenja, provviżorjament, il-kustodja tal-wild liż-żewġ ġenituri, filwaqt li spjega li l-wild setgħet tirrisjedi, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha, fl-Awstrija ma’ ommha, li lilha tat is-setgħa ta’ “deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni ordinarja.” Bl-istess deċiżjoni provviżorja, il-qorti Taljana pprovdiet li l-missier għandu jaqsam l-ispejjeż għall-ħajja tal-wild, u jiġu stabbiliti t-termini u l-ħinijiet ta’ aċċess mogħti lill-wild, u ordnat perizja ta’ assistent soċjali sabiex tiġi vverifikata r-relazzjoni bejn il-wild u ż-żewġ ġenituri.

24      Minkejja din id-deċiżjoni, minn rapport imħejji fil-15 ta’ Mejju 2008 mill-assistent soċjali maħtur jirriżulta li l-aċċess tal-missier kien permess mill-omm b’mod minimu u insuffiċjenti sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni tal-missier ma’ bintu, speċjalment mil-lat tal-ħiliet tiegħu ta’ ġenitur, u għaldaqstant l-imsemmi assistent soċjali kkunsidra li ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu b’mod sħiħ u fl-interess tal-wild.

25      Fit-3 ta’ Lulju 2008, il-Bezirksgericht Leoben ċaħdet it-talba ta’ M. Alpago tas-16 ta’ April 2008, iżda din id-deċiżjoni ġiet annullata, fl-1 ta’ Settembru 2008, mil-Landesgericht Leoben (l-Awstrija), għaliex M. Alpago ma nstemgħax skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament.

26      Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-Bezirksgericht Leoben reġgħet ċaħdet it-talba ta’ M. Alpago, abbażi tad-deċiżjoni tal-Tribunale per i Monorenni di Venezia, tat-23 ta’ Mejju 2008, li minnha jirriżulta li l-wild tista’ tibqa’ provviżorjament għand ommha.

27      Fis-7 ta’ Jannar 2009, il-Landesgericht Leoben ikkonfermat id-deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ M. Alpago minħabba riskju serju ta’ dannu psikoloġiku, lill-wild fis-sens tal-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

28      D. Povse talbet lill-Bezirksgericht Judenburg (l-Awstrija), li hija territorjalment kompetenti, sabiex hija tiġi fdata bil-kustodja tal-wild. Fis-26 ta’ Mejju 2009, din il-qorti, mingħajr ma tat lil M. Alpago id-dritt li jesprimi ruħu, skont il-prinċipju tal-kontradittorju, iddikjarat ruħha li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament, u talbet lit-Tribunale dei Minori di Venezia sabiex dan tal-aħħar jirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tiegħu.

29      Madankollu, M. Alpago kien diġà talab, fid-9 ta’ April 2009, lit-Tribunale per i Minorenni di Venezia fil-kuntest tal-proċeduri pendenti dwar id-dritt ta’ kustodja sabiex din il-qorti tordna r-ritorn tal-wild tiegħu fl-Italja abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament. Waqt seduta li nżammet minn din il-qorti fil-15 ta’ Mejju 2009, D. Povse ddikjarat id-disponibbiltà tagħha li ssegwi l-programm ta’ laqgħat bejn il-missier u bintu, ippreparati mill-assistent soċjali. Hija ma kixfitx il-passi ġudizzjarji tagħha quddiem il-Judenburg Bezirksgericht, u dan wassal għad-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2009, imsemmija iktar ’il fuq.

30      Fl-10 ta’ Lulju 2009, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia kkonferma l-ġurisdizzjoni tiegħu stess, sa fejn, skont hu, il-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ma ġewx sodisfatti, u kkonstata li l-rapport tal-assistent soċjali li kien ordnat ma setax jiġi kkompletat minħabba li l-omm ma kinitx irrispettat il-pjan li l-imsemmi assistent soċjali kien ipprepara għall-aċċess.

31      Barra minn hekk, permezz tal-istess deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009, it-Tribunale per i Minorenni di Venezia ordna r-ritorn immedjat tal-wild fl-Italja u ta struzzjonijiet lid-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-belt ta’ Vittorio Veneto li, fil-każ li l-omm tiġi lura mal-wild, jagħmlu disponibbli għalihom akkomodazzjoni u li jiġi stabbilit mill-istess servizzi soċjali pjan ta’ kuntatti mal-missier. Il-qorti xtaqet, b’dan il-mod, li jerġgħu jiġu stabbiliti l-kuntatti bejn il-wild u missierha, li ġew interrotti minħabba l-attitudni tal-omm. Għal dan il-għan, it-Tribunale per i minori di Venezia ħareġ ċertifikat abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament.

32      Fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Bezirksgericht Judenburg ħarġet digriet ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, li bih il-kustodja tal-wild ingħatat lil M. Povse b’mod provviżorju. Hija impustat kopja ta’ dan id-digriet lill-missier, fl-Italja, mingħajr ma informatu bid-dritt tiegħu li jirrifjuta n-notifika u mingħajr traduzzjoni annessa. Fit-23 ta’ Settembru 2009, id-digriet sar finali u infurzabbli fid-dritt Awstrijak.

33      Fit-22 ta’ Settembru 2009, M. Alpago talab, mingħand il-Bezirksgericht Leoben, l-infurzar tad-deċiżjoni tat-Tribunale per i Minorenni di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009 li tordna r-ritorn tal-wild tiegħu fl-Italja. Il-Bezirksgericht Leoben ċaħdet din l-infurzar minħabba li l-infurzar tad-deċiżjoni tal-qorti Taljana kellha riskju serju ta’ dannu psikoloġiku għall-wild. M. Alpago appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesgericht Leoben, u din tal-aħħar, abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, Ġabra p.I‑5271), irriformat din id-deċiżjoni u ordnat ir-ritorn tal-wild.

34      Quddiem l-Oberster Gerichtshof, D. Povse ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Landesgericht Leoben intiża għaċ-ċaħda tat-talba għall-infurzar. Din il-qorti, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      B’“sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament [...] għandu jinftiehem ukoll bħala miżura provviżorja, li permezz tagħha “is-setgħa ta’ deċiżjoni” u b’mod partikolari d-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza huwa attribwit lill-ġenitur li ħataf lil minuri, sakemm tingħata deċiżjoni finali rigward id-dritt tal-kustodja?

2)      Digriet li jordna ritorn jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Brussell II biss meta l-qorti tordna r-ritorn abbażi ta’ deċiżjoni dwar id-dritt tal-kustodja mogħtija minnha stess?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 jew 2:

a)      In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini (domanda 1) jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament (domanda 2) jistgħu jiġu invokati fit-tieni Stat kontra l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata mill-qorti tal-oriġini skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament,

b)      jew jeħtieġ, f’tali każ, li l-parti li qed topponi titlob ir-revoka taċ-ċertifikat fl-istat tal-oriġini, li jippermetti sospensjoni tal-infurzar fit-tieni Stat sakemm tingħata deċiżjoni fl-Istat tal-oriġini?

4)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domandi 1 u 2, jew għad-domanda 3a):

Deċiżjoni li tingħata minn qorti tat-tieni Stat, li tagħti l-kustodja provviżorja lill-ġenitur li ħataf lil minuri u li titqies bħala infurzabbli skont id-dritt ta’ dan l-Istat, tipprekludi, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament, l-infurzar ta’ digriet li jordna r-ritorn mogħti preċedentement fl-Istat ta’ oriġini skont l-Artikolu 11(8) tal-imsemmi Regolament, anki jekk ma tipprekludix l-infurzar ta’ deċiżjoni li tordna ritorn mogħtija mit-tieni Stat skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag?

5)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda 4:

a)      L-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata li fir-rigward tagħha l-qorti tal-istat tal-oriġini ħarġet ċertifikat skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament tista’ tiġi rrifjutata fit-tieni stat meta tpoġġi f’riskju serju l-aħjar interessi tal-minuri, minħabba li nbidlu ċ-ċirkustanzi minn meta ngħatat din id-deċiżjoni?

b)      jew il-parti li qed topponi għandha tinvoka l-bidla f’dawn iċ-ċirkustanzi fl-istat ta’ oriġini abbażi tal-premessa li jista’ jkun hemm sospensjoni tal-infurzar fit-tieni Stat sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Istat tal-oriġini?

 Fuq il-proċedura ta’ urġenza

35      Il-qorti tar-rinviju ġġustifikat it-talba tagħha li tissuġġetta r-rinviju preliminari lill-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura billi sostniet li l-kuntatti bejn il-wild u missierha ġew interrotti. Għalhekk, deċiżjoni tardiva dwar l-infurzar tad-deċiżjoni tat-Tribunale dei Minori di Venezia tal-10 ta’ Lulju 2009 li ordnat ir-ritorn tal-wild fl-Italja ser taggrava r-relazzjoni bejn il-missier u l-wild u żżid konsegwentement ir-riskju ta’ dannu psikoloġiku jekk din tal-aħħar tiġi rritornata lura lilu fl-Italja.

36      Fuq proposta tal-imħallef relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tisma’ r-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont il-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Huwa paċifiku li, dan il-każ jirrigwarda tneħħija illegali ta’ wild fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament.

38      Huwa wkoll paċifiku li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, għall-inqas fil-mument tal-ħtif, kienet it-Tribunale per i Minorenni di Venezia, il-qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija inġusta tagħha.

 Fuq l-ewwel domanda

39      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tifittex li tkun taf jekk, f’ċirkustanzi ta’ tneħħija illegali ta’ wild, l-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura provviżorja għandha tiġi kkunsidrata bħala “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li s-sistema stabbilita mir-Regolament hija bbażata fuq ir-rwol ċentrali mogħti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u li, skont il-premessa 21 tagħha, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

41      Fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ wild, l-Artikolu 10 tar-Regolament jagħti, bħala regola ġenerali, il-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild kienu abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu. Din il-ġurisdizzjoni fil-prinċipju tinżamm u hija trasferita biss sakemm il-wild jakkwista residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u sakemm, barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi msemmija f’dan l-Artikolu 10 hija sodisfatta wkoll.

42      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda speċifikament il-punt dwar jekk, billi adottat miżura provviżorja, il-qorti li għandha ġuridizzjoni ttrasferiet il-ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament, lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild maħtuf kien ittieħed.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament huwa intiż li jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ wild bejn Stati Membri u, fil-każ ta’ ħtif, li jinkiseb ir-ritorn tal-wild mingħajr dewmien (ara sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

44      Minn dan isegwi li l-ħtif illegali ta’ wild ma għandux, fil-prinċipju, iwassal għal trasferiment tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu lil dak tal-Istat Membru li fih il-wild ittieħed, u dan anki fil-każ li, wara l-ħtif, il-wild ikun akkwista residenza abitwali f’dan l-Istat.

45      Għaldaqstant il-kundizzjoni li saret fl-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

46      B’hekk, fid-dawl tar-rwol ċentrali mogħti mir-Regolament għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni u għall-prinċipju li tinżamm il-ġurisdizzjoni tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” hija deċiżjoni finali, adottata abbażi ta’ analiżi komprensiva tal-elementi kollha rilevanti, li permezz tagħha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-kustodja tal-wild li ma għadhiex suġġetta għal deċiżjonijiet ulterjuri amministrattivi jew ġudizzjarji. Il-fatt li dan ir-Regolament jipprovdi għal reviżjoni jew rieżami b’mod regolari, f’terminu speċifiku, jew skont ċerti ċirkustanzi, ma jneħħix din id-deċiżjoni min-natura finali tagħha.

47      Din il-konklużjoni tirriżulta mill-istruttura tar-Regolament u taqdi wkoll l-interessi tal-wild. Fil-fatt, fil-każ li deċiżjoni preliminari twassal għat-telf ta’ ġurisdizzjoni fuq il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild tirriskja li tkun dissważa milli tadotta tali deċiżjoni provviżorja, u dan minkejja l-fatt li l-interessi tal-wild jirrikjedu dan.

48      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2008 tat-Tribunale per i Minorenni tat-23 ta’ Mejju 2008, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, peress li ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali li nħolqot mit-tneħħija tal-wild u kkunsidrat l-interess tal-istess wild, irrevokat il-projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju Taljan, provviżorjament tat il-kustodja liż-żewġ ġenituri, tat lill-missier drittijiet ta’ aċċess u ordnat ir-rapport ta’ assistent soċjali dwar ir-relazzjoni bejn il-wild u ż-żewġ ġenituri, sabiex ġustament tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar il-kustodja. Barra minn hekk, din il-qorti tat lill-omm id-dritt li tieħu id-deċiżjonijiet dwar l-amministrazzjoni ordinarja (“decisioni [...] concernenti l’ordinaria amministrazione”) fir-rigward tal-wild, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-ġenituri dwar l-aspetti prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum tal-wild.

49      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li din id-deċiżjoni, deskritta bħala provviżorja kemm mit-Tribunale per i Minorenni di Venezia kif ukoll mill-qorti tar-rinviju, ma tikkostitwixxi bl-ebda mod, deċiżjoni finali dwar id-dritt ta’ kustodja.

50      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura provviżorja ma’ tikkostitwixxix “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u ma tistax tkun il-bażi ta’ trasferiment ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li għalih il-wild ġie illegalment imneħħi.

 Fuq it-tieni domanda

51      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(8) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tordna r-ritorn tal-wild taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss jekk tkun ibbażata fuq deċiżjoni finali tal-istess qorti dwar il-kustodja tal-wild.

52      Għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni, li biha l-infurzar tad-deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tordna r-ritorn tal-wild tkun tiddependi mill-eżistenza ta’ deċiżjoni finali dwar kustodja adottati mill-istess qorti, ma ssib ebda bażi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament u, speċifikament, fl-Artikolu 11(8). Għall-kuntrarju, l-Artikolu 11(8) ir-Regolament ikopri “kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri”.

53      Ċertament, l-Artikolu 11(7) jipprovdi li l-qorti jew l-awtorità tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali preċedenti għandha tinnotifika lill-partijiet li hija rċeviet ordni ta’ żamma meħuda fl-Istat Membru ta’ tneħħija u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet “ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri”. Madankollu, din id-dispożizzjoni sempliċement tindika l-għan aħħari tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, jiġifieri r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wild. Ma jistax jiġi dedott minn dan li deċiżjoni dwar il-kustodja tal-wild hija prerekwiżit għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-wild. Fil-fatt, din id-deċiżjoni intermedjarja tal-aħħar isservi wkoll għat-twettiq tal-għan aħħari, b’mod partikolari s-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-kustodja tal-wild.

54      Bl-istess mod, l-Artikoli 40 u 42 sa 47 tar-Regolament ma jorbtu bl-ebda mod l-infurzar ta’ deċiżjoni mogħtija skont l-Artikolu 11(8), u akkumpanjata minn ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament mal-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni dwar il-kustodja.

55      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalkemm essenzjalment marbuta ma’ kwistjonijiet oħra rregolati bir-Regolament, b’mod partikolari d-dritt ta’ kustodja, l-infurzabbiltà ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild wara deċiżjoni ta’ żamma għandha awtonomija proċedurali, sabiex ma ddewimx ir-ritorn ta’ wild li tneħħa illegalment. Hija ddikjarat ukoll din l-awtonomija proċedurali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(8), 40 u 42 tar-Regolament u l-prijorità mogħtija lill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini, fil-kuntest tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64).

57      Għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-objettiv u l-għan tal-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikoli 11(8), 40 u 42 tar-Regolament.

58      Skont dan il-mekkaniżmu, meta qorti tal-Istat Membru li fejn wild kien ġie illegalment imneħħi tadotta deċiżjoni ta’ żamma skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ir-Regolament, li ddikjara fl-Artikolu 60 tiegħu s-supremazija tiegħu fuq il-konvenzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, għandu l-intenzjoni li jirriżerva lill-qorti li għandha ġuridizzjoni skont dan l-istess Regolament kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-ritorn eventwali tal-wild. Għaldaqstant, l-Artikolu 11(8) jipprovdi li tali deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija infurzabbli skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament, sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tal-wild.

59      Għandu jitfakkar li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet u l-provi li abbażi tagħhom id-deċiżjoni ta’ żamma ngħatat. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni jikkontribwixxi sabiex jiġġustifika l-infurzabbiltà ta’ tali deċiżjoni, ġaladarba ġiet adottata, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat ir-Regolament.

60      Barra minn hekk, din is-sistema għalhekk għandha eżami doppju tal-kwistjoni tar-ritorn tal-wild, li tiggarantixxi bażi aħjar għad-deċiżjoni u protezzjoni ikbar għall-interessi tal-wild.

61      Barra minn hekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, il-qorti li għandha finalment tiddetermina d-dritt tal-kustodja għandha jkollha s-setgħa li tiffissa l-arranġamenti u l-miżuri intermedji, inklużi l-indikazzjoni tal-post ta’ residenza tal-wild, li jista’ eventwalment ikun jirrikjedi r-ritorn tal-wild.

62      L-għan ta’ ħeffa segwit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(8), 40 u 42 tar-regoli u l-prijorità mogħtija lill-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini jkun diffiċli li jiġu rrikonċiljat ma’ interpretazzjoni li biha deċiżjoni ta’ ritorn għandha tiġi ppreċeduta minn deċiżjoni finali dwar id-dritt tal-kustodja. Tali interpretazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni li tobbliga eventwalment lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar id-dritt tal-kustodja, mingħajr ma jkollha l-informazzjoni u l-elementi kollha rilevanti għal dan il-għan, kif ukoll il-ħin meħtieġ għall-evalwazzjoni oġġettiva u serena tagħhom.

63      Rigward l-argument segwenti li tali interpretazzjoni tista’ twassal għal tneħħija inutli tal-wild, fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fl-aħħar tagħti finalment il-kustodja definittiva lill-ġenitur li jgħix fl-Istat Membru ta’ tneħħija, għandu jiġi enfasizzat li l-interess li tingħata deċiżjoni ġudizzjarja ġusta u fondata fuq il-kustodja definittiva tal-wild, ir-rekwiżit li tiġi skoraġġuta t-tneħħija tal-wild kif ukoll id-dritt tal-wild li jżomm regolarment relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri għandhom jieħdu preċedenza fuq l-iżvantaġġi potenzjali li tista’ toħloq tneħħija bħal din.

64      Fil-fatt, wieħed minn dawn id-drittijiet fundamentali tal-wild huwa dak, stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, pproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu u li r-rispett ta’ dan id-dritt huwa inkontestabbilment marbut ma’ interess superjuri ta’ kull wild (ara, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, Ġabra p. I‑12193, punt 54). Issa, għandu jiġi kkonstatat li tneħħija illegali ta’ wild, wara li tittieħed deċiżjoni unilaterali minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, iċċaħħad, ħafna drabi, lill-wild mill-possibbiltà li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-ġenitur l-ieħor (ara s-sentenza Detiček, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

65      Il-korrettezza ta’ dan l-approċċ tirriżulta wkoll mill-eżami tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66      Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009 li biha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ordnat ir-ritorn tal-wild hija motivata mill-kunsiderazzjoni li r-relazzjonijiet bejn il-missier u l-wild huma interrotti. Għaldaqstant, huwa fl-aħjar interessi tal-wild li dawn ir-rapporti jiġi ristabbiliti u sabiex tiġi żgurata, ukoll, sa fejn huwa possibbli, il-preżenza tal-omm fl-Italja, sabiex ir-relazzjonijiet tal-wild maż-żewġ ġenituri, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-ġenituri u l-personalità ta’ dawn tal-aħħar, ikunu eżaminati b’mod approfondit mid-dipartimenti kompetenti Taljani qabel ma tiġi adottata deċiżjoni finali dwar il-kustodja u r-responsabbiltà tal-ġenituri.

67      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 11(8) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tordna r-ritorn tal-wild taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk hija ma tkunx ippreċeduta minn deċiżjoni finali tal-istess qorti dwar id-dritt ta’ kustodja tal-wild.

 Fuq it-tielet domanda

68      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

69      Għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tagħti d-dritt ta’ kustodja b’mod provviżorju, mogħtija sussegwentement minn qorti tal-Istat Membru ta’ infurzar u kkunsidrata infurzabbli skont id-dritt ta’ dak l-Istat, tipprekludix l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata, mogħtija preċedentement u li ordnat ir-ritorn tal-wild, bħala mhux konċiljabbli ma’ din l-aħħar deċiżjoni.

70      Kif jirriżulta mill-premessa 24 u mill-Artikolu 42(1) u 43(2) tar-Regolament, l-għoti ta’ ċertifikat ma huwiex suġġett għal appell, u d-deċiżjoni b’hekk iċċertifikata hija awtomatikament infurzabbli, mingħajr ebda possibbiltà li tiġi prekluża r-rikonoxximent tagħha.

71      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament, il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini hija applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat, bil-kundizzjoni li, bħall-premessa 24, tali azzjoni tkun inbdiet biss fil-każ ta’ żball materjali, jiġifieri jekk iċ-ċertifikat ma jirriflettix korrettement il-kontenut tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, huwa previst fl-Artikolu 44 tar-Regolament li ċ-ċertifikat jipproduċi biss l-effetti tiegħu fil-limiti tal-infurzabbiltà tas-sentenza, u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament li deċiżjoni ċċertifikata tista’ ma tiġix infurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma’ xi deċiżjoni infurzabbli mogħtija sussegwentement.

72      Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 23 tar-Regolament, l-arranġamenti għall-implementazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru ta’ infurzar.

73      Mid-dispożizzjonijiet premessi, li jistabbilixxu tqassim ċar tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru ta’ infurzar u intiżi għar-ritorn ta’ malajr tal-wild, jirriżulta li ċertifikat mogħti skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, li jagħti lid-deċiżjoni hekk iċċertifikata infurzabbiltà speċifika, ma huwa suġġetta għal ebda appell. Il-qorti li lilha sar ir-rikors tista’ tikkonstata biss l-infurzabbiltà ta’ tali deċiżjoni, peress li l-uniċi motivi li jistgħu jiġu invokati fir-rigward taċ-ċertifikat huma dawk sabiex jiġi sostnut rikors għal rettifika jew dubji dwar l-awtentiċità tiegħu, skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinau, punti 85, 88 u 89). Il-liġijiet tal-Istat Membru tal-oriġini li huma applikabbli huma dawk biss li jirregolaw il-kwistjonijiet proċedurali.

74      Għall-kuntrarju, id-domandi dwar il-mertu tad-deċiżjoni bħala tali, inkluża l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħti din id-deċiżjoni huma sodisfatti, inkluż il-kontestazzjonijiet eventwali dwar il-ġurisdizzjoni, għandhom jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini, skont ir-regoli tas-sistema legali tagħha. Bl-istess mod, talba għal sospensjoni tal-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata tista’ ssir biss quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini skont ir-regoli tas-sistema legali tagħha.

75      B’hekk, ebda motiv ma jista’ jitqajjem quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ tneħħija kontra l-infurzar ta’ tali deċiżjoni, peress li l-liġijiet ta’ dan l-Istat jirregolaw biss il-kwistjonijiet proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament, jiġifieri l-arranġamenti għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni. Issa, proċeduri bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari ma jikkonċernawx la r-rekwiżiti formali u lanqas kwistjonijiet proċedurali, iżda jitrattaw kwistjonijiet fuq il-mertu.

76      Konsegwentement, in-natura mhux konċiljabbli fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament, ta’ deċiżjoni ċċertifikata ma’ deċiżjoni infurzabbli sussegwenti għandha tiġi vverifikata biss fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti mogħtija mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini.

77      Tali natura mhux konċiljabbli tidher mhux biss fil-każijiet fejn id-deċiżjoni ġiet annullata jew riformata bħala riżultat ta’ kawża fl-Istat Membru tal-oriġini. Fil-fatt, ġie rrilevat matul is-seduta ta’ trattazzjoni li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew, jekk ikun il-każ, fuq talba tas-servizzi soċjali, tirrevedi l-pożizzjoni tagħha, meta l-interess tal-wild jirrikjedi dan, u tadotta deċiżjoni infurzabbli ġdida, mingħajr ma tirtira espliċitament l-ewwel deċiżjoni, li b’hekk ma tibqax iktar valida.

78      Li jiġi kkunsidrat li deċiżjoni mogħtija sussegwentement minn qorti fl-Istat Membru ta’ infurzar tista’ tipprekludi l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti ċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini u li tordna r-ritorn tal-wild tikkostitwixxi evażjoni tal-mekkaniżmu stabbilit mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament. Tali eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament, li ultimament jagħti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni d-dritt ta’ deċiżjoni u għandu preċedenza, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament, fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni, fil-mertu, tal-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar.

79      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni mogħtija sussegwentement minn qorti tal-Istat Membru ta’ infurzar, li tagħti d-dritt ta’ kustodja provviżorjament u hija kkunsidrata infurzabbli skont id-dritt ta’ dan l-Istat, ma tistax tipprekludi l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata, mogħtija preċedentement mill-qorti li għandha ġuridizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini u li tordna r-ritorn tal-wild.

 Fuq il-ħames domanda

80      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tistaqsi jekk l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata tista’ tiġi rrifjutata fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-raġuni li, minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi li jirriżulta wara l-adozzjoni tagħha, hija tista’ tippreġudika serjament l-aħjar interessi tal-wild, jew jekk tali bidla għandha tiġi invokata quddiem il-qrati tal-Istati Membri tal-oriġini, li jimplika s-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni fl-Istat Membru rikjest, pendenti l-eżitu tal-proċeduri fl-Istat Membru tal-oriġini.

81      F’dan ir-rigward, tibdil sinjifikattiv fiċ-ċirkustanzi marbuta mal-aħjar interessi tal-wild hija kwistjoni fil-mertu, li tista’ twassal, jekk ikun il-każ, għat-tibdil tad-deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq ir-ritorn tal-wild. Issa, b’ mod konformi mat-tqassim tal-kompetenzi invokati ripetutament f’din is-sentenza, tali kwistjoni għandha tiġi solvuta mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu din il-qorti, skont is-sistema stabbilita mir-Regolament, għandha ġurisdizzjoni li tevalwa l-aħjar interess tal-wild, u hi din l-istess qorti li quddiemha għandha titressaq talba għas-sospensjoni eventwali tal-infurzar tad-deċiżjoni tagħha.

82      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-riferiment fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament, għall-infurzar ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor taħt l-“istess kondizzjonijiet” li japplikaw għal deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ infurzar. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi interpretat b’mod strett. Dan ir-rekwiżit jirreferi biss għall-arranġamenti proċedurali li bihom r-ritorn tal-wild għandu jseħħ, u fl-ebda każ ma jista’ jipprovdi raġuni fil-mertu sabiex jipprekludi d-deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

83      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għall-ħames domanda li l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata ma jistax jiġi rrifjutat, għar-raġuni li, minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi li seħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-infurzar jista’ jippreġudika serjament l-aħjar interessi tal-wild. Tali bidla għandha tiġi invokata quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membri tal-oriġini, li għandha wkoll tisma’ kwalunkwe talba għas-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(b)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbililtà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura provviżorja ma’ tikkostitwixxix “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax [...] t-talba tar-ritorn tal-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u ma tistax tkun il-bażi ta’ trasferiment ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li għalih il-wild ġie illegalment imneħħi.

2)      L-Artikolu 11(8) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tordna r-ritorn tal-wild taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk hija ma tkunx ippreċeduta minn deċiżjoni finali tal-istess qorti dwar id-dritt ta’ kustodja tal-wild.

3)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni mogħtija sussegwentement minn qorti tal-Istat Membru ta’ infurzar, li tagħti d-dritt ta’ kustodja provviżorjament u hija kkunsidrata infurzabbli skont id-dritt ta’ dan l-Istat, ma tistax tipprekludi l-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata, mogħtija preċedentement mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini u li tordna r-ritorn tal-wild.

4)      L-infurzar ta’ deċiżjoni ċċertifikata ma jistax jiġi rrifjutat, għar-raġuni li, minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi li seħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-infurzar jista’ jippreġudika serjament l-aħjar interessi tal-wild. Tali bidla għandha tiġi invokata quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membri tal-oriġini, li għandha wkoll tisma’ kwalunkwe talba għas-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.