5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 171/27


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Repubblika tal-Litwanja) fl-14 ta' Mejju 2008 — Inga Rinau vs Michael Rinau

(Kawża C-195/08)

(2008/C 171/42)

Lingwa tal-kawża: Il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Inga Rinau.

Konvenut: Michael Rinau.

Domandi preliminari

1.

Parti interessata skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 tista' titlob sabiex ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata talba għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni?

2.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, kif għandha l-qorti nazzjonali, meta tevalwa t-talba sabiex ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni ppreżentata mill-persuna li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni hija eżekuttiva, tapplika l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiddisponi li “[…] la l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri [ma jistgħu], f'dan l-istadju tal-proċeduri, jkunu intitolati jagħmlu sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni”?

3.

Il-qorti nazzjonali li quddiemha min għandu r-responsabbiltà parentali jkun ippreżenta t-talba sabiex ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni tal-qorti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina li biha tordna r-ritorn tat-tifel li jgħix għandu lejn l-Istat minn fejn toriġina d-deċiżjoni, li għaliha jkun ġie ppreżentat ċertifikat skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha tevalwah skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 40(2) tar-Regolament imsemmi?

4.

Xi tfisser il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 “Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4”?

5.

L-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ritorn tat-tifel u n-notifika taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 mill-qorti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni wara li l-qorti ta' l-Istat Membru fejn huwa miżmum it-tifel b'mod illegali tkun ħadet deċiżjoni li t-tifel jiġi rritornat lejn l-Istat minn fejn toriġina d-deċiżjoni hija konformi ma' l-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament Nru 2201/2003?

6.

Il-projbizzjoni ta' l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti minn fejn toriġina d-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 tfisser li l-qorti nazzjonali li quddiema tkun tressqet it-talba ta' rikonoxximent jew ta' nuqqas ta' rikonoxximent tad-deċiżjoni ta' qorti barranija, li ma tistax tikkontrolla l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni u li ma sabitx motivi oħra għan-nuqqas ta' rikonoxximent tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha tirrikonoxxi d-deċiżjoni ta' ritorn tat-tifel tal-qorti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni jekk il-qorti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni ma tkunx irrispettat il-proċedura stabbilita mir-regolament għall-finijiet li tiġi solvuta l-kwistjoni tar-ritorn tat-tifel?