19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret — id-Danimarka) — NCC Construction Danmark A/S vs Skatteministeriet

(Kawża C-174/08) (1)

(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 19(2) - Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa - Persuna taxxabbli mħallta - Oġġetti u servizzi użati kemm għal attivitajiet taxxabbli kif ukoll għal attivitajiet eżenti - Kalkolu tal-proporzjon imnaqqas - Kunċett ta’ ‘transazzjoni inċidentali għal [marbuta ma’] beni immobbli’ - Provvisti għaliha nnifisha - Prinċipju ta’ newtralità fiskali)

2009/C 312/08

Lingwa tal-kawża: Id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NCC Construction Danmark A/S

Konvenuta: Skatteministeriet

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Østre Landsret — Interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima — Kumpannija tal-kostruzzjoni li hija involuta fil-bejgħ ta’ immobbli, mibnija minnha u f’isimha stess bil-għan finali ta’ bejgħ — Oġġetti u s-servizzi użati kemm għal attivitajiet li jagħtu kif ukoll għal dawk li ma jagħtux lok għal dritt tat-tnaqqis ta’ l-input VAT– Kalkolu tal-proporzjon imnaqqas — Kunċett ta’ tranżazzjonijiet inċidentali għal beni immobbli

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens, fil-każ ta’ impriża ta’ kostruzzjoni, il-bejgħ minnha ta’ beni immobbli mibnija f’isimha stess, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “transazzjoni inċidentali għal [marbuta ma’] beni immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din l-attività tikkostitwixxi estensjoni diretta, permanenti u neċessarja tal-attività taxxabbli tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi evalwat sa liema punt din l-atttività ta’ bejgħ, ikkunsidrata separatament, timplika użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi li għalihom hija dovuta l-VAT.

(2)

Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jipprekludi lil impriża ta’ kostruzzjoni, li tħallas il-VAT fuq servizzi ta’ kostruzzjoni li hija twettaq f’isimha stess (provvista għaliha nnifisha), li ma tnaqqasx integralment il-VAT fuq l-ispejjeż ġenerali sostnuti mit-twettiq ta’ dawn is-servizzi, peress li d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-kostruzzjoni mwettqa b’dan il-mod huma eżenti mill-VAT.


(1)  ĠU C 171, 05.07.2008.