19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten — l-Isvezja) — Skatteverket vs AB SKF

(Kawża C-29/08) (1)

(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 2, 4, 13B(d)(5) u 17 - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 2, 9, 135(1)(f) u 168 - Trasferiment minn kumpannija parent ta’ sussidjarja u tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata - Kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT - Eżenzjoni - Provvisti ta’ servizzi miksuba fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ ishma - Possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT)

2009/C 312/04

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Regeringsrätten

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Skatteverket

Konvenuta: AB SKF

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Regeringsrätten — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 4, 13B(d)(5) u 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) kif ukoll tal-Artikoli 2, 9, 135(1) u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Trasferiment minn kumpannija parent ta’ sussidjarja tagħha u tal-holding tagħha f’kumpannija oħra, bl-għan ta’ ristrutturar tal-grupp tagħha — Tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq il-provvisti ta’ servizzi miksuba mill-kumpannija parent fil-kuntest ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 2(1) u 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995, u l-Artikoli 2(1) u 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li trasferiment, minn kumpannija parent, tal-ishma kollha ta’ kumpannija li hija 100 % proprjetà tagħha kif ukoll tal-bqija tal-holding tagħha f’kumpannija kkontrollata li preċedentement kienet 100 % proprjetà tagħha, u li lilhom hija kienet ukoll ipprovdiet servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, jikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi. Madankollu, sa fejn it-trasferiment ta’ ishma huwa ekwivalenti għat-trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7 jew tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/112 u sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun għażel il-possibbiltà prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix attività ekonomika suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(2)

Trasferiment ta’ ishma, bħall dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżentat mit-taxxa fuq il-valur miżjud taħt l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, kif ukoll taħt l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

(3)

Id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq il-provvisti ta’ servizzi magħmula għall-ħtiġijiet ta’ trasferiment ta’ ishma huwa disponibbli, taħt l-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, kif ukoll taħt l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112, jekk teżisti rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż marbuta mal-provvisti ta’ servizzi tal-input u l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-persuna taxxabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom jiżvolġu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-ispejjeż sostnuti jistgħux jiġu inklużi fil-prezz tal-ishma mibjugħa jew jekk jagħmlux sempliċement parti mill-elementi li jikkostitwixxu l-prezz tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

(4)

Iċ-ċirkustanza li t-trasferiment ta’ ishma jiżvolġi f’numru ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi m’għandhiex inċidenza fuq ir-risposti għad-domandi preċedenti.


(1)  ĠU C 79, 29.03.2008