18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-535/07) (1)

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE - Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi - Klassifikazzjoni inkorretta u protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ żoni speċjali tal-protezzjoni)

2010/C 346/04

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Sauer u D. Recchia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: E. Riedl, E. Pürgy u K. Drechsel, aġenti)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) u tal-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġI (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) — Nuqqas li jikklassifika, bħala żoni speċjali tal-protezzjoni, territorju xieraq għall-konservazzjoni tal-ispeċji tal-għasafar (“Hanság”) u klassifikazzjoni żbaljata ta’ territorju ieħor (“Niedere Tauern”) — Nuqqas li jiggarantixxi liż-żoni speċjali tal-protezzjoni diġà kklassifikati protezzjoni legali li tikkorrispondi għall-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju

Dispożittiv

(1)

Ir-Repubblika tal-Awstrija:

meta naqset li tinnomina bħala żona speċjali ta’ protezzjoni is-sit ta’ Hanság, fil-Land ta’ Burgenland, u tiddelimita ż-żona speċjali ta’ protezzjoni f’Niedere Tauern, fil-Land ta’ Steiermark, b’mod korrett, konformi ma’ kriterji ornitoloġiċi, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, u

meta naqset li tipprovdi protezzjoni legali liż-żoni speċjali tal-protezzjoni ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun, fil-Land ta’ Oberösterreich, kif ukoll liż-żona speċjali ta’ protezzjoni ta’ Verwall, fil-Land ta’ Vorarlberg, konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din l-aħħar direttiva,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

(2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


(1)  ĠU C 51, 23.02.2008.