SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta' Marzu 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta' għasafar selvaġġi – Re tas-summien – Żona ta' protezzjoni speċjali tal-park naturali nazzjonali tal-Landeracher Ried – Esklużjoni tas-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-ħabitat naturali – Fawna u flora selvaġġi– Proċedura dwar pjan jew proġett ta' kostruzzjoni – Proċedura ta' ffissar ta' rotta ta' awtostrada – Proċedura ta' evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-ambjent – Ksur proċedurali konness mal-proġett ta' kostruzzjoni fuq it-territorju Awstrijak ta' l-awtostrada Federali S 18 – Applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva 92/43"

Fil-kawża C-209/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fit-12 ta' Mejju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u B. Schima, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u J. Müller kif ukoll minn K. Humer, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Ottubru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–       billi naqset li tinkludi, fiż-żona tal-park naturali nazzjonali tal-Lauteracher Ried (iktar 'il quddiem il-"Lauteracher Ried"), ikklassifikat bħala żona ta' protezzjoni speċjali (iktar 'il quddiem iż-"ŻPS"), is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern li jiffurmaw parti, skond kriterji xjentifiċi, bl-istess mod ta' ż-ŻPS, mit-territorji l-aktar adegwati fin-numru u fid-daqs skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta' Lulju 1997 (ĠU L 223, p. 9, iktar 'il quddiem id-"Direttiva dwar l-Għasafar"), u

–       billi ma osservatx korrettament u integralment, matul l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' awtostrada Federali ta' l-għadira ta' Kostanza S 18 (iktar 'il quddiem l-"awtostrada S 18"), ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar 'il quddiem id-Direttiva ħabitat"), fil-każ ta' implementazzjoni tal-proġett minkejja r-riżultat negattiv ta' l-evalwazzjoni ta' l-effett ambjentali tiegħu,

ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Ġħasafar u tad-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikoli 6(4) u 7 tad-Direttiva ħabitat.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Att ta'Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni Ewropea

2       L-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u dwar l-aġġustament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni") kien ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 1994 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995.

3       Skond l-Artikolu 2 ta' l-Att ta' Adeżjoni, "[m]atul l-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti li jkunu saru qabel l-adeżjoni, minn istituzzjonijiet jorbtu l-Istati Membri ġodda u huma applikabbli f'dawn l-Istati fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-Trattati u minn dan l-Att."

4       L-Artikolu 168 ta' l-Att ta' Adeżjoni jipprovdi:

"L-Istati Membri l-ġodda jqegħdu fil-seħħ il-miżuri li huma neċessarji għalihom sabiex jikkonformaw ruħhom, waqt l-adeżjoni, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi u tad-Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 189 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat KEEA, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 14 tat-Trattat KEFA, sakemm mhuwiex previst terminu ta' żmien fil-lista li tinsab fl-Anness XIX jew f'dispożizzjonijiet oħra ta' dan il-Att."

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-Direttiva dwar l-Għasafar

5       Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar l-Għasafar "hija dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċi kollha ta' l-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew ta' l-Istati Membri għall-liema japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta' dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom."

6       Ir-re tas-summien (crex crex) huwa speċi mdaħħal fil-Anness 1 tad-Direttiva dwar l-għasafar (iktar 'il quddiem l-"Anness I") permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 85/411/KEE tal-25 ta' Lulju 1985, li temenda d-Direttiva 79/409 (ĠU L 233, p. 33).

7       L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi:

"1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta' miżuri speċjali ta' konservazzjoni li jkkonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

 F'konnessjoni ma' dan, għandu jittieħed kont ta' l-:

(a)      ispeċi fil-perikolu ta' l-estinzjoni;

(b)      ispeci vulnerabili għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

(c)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzioni partikolari għar-raġunijiet tan-natura specifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-popolazzjoni għandhom ikunu meħuda in kunsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territori tajbin fin-numru u daqs bħala żona speciali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta' dawn l-ispeċi, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta' protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta' l-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratori regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f'moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta' l-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta' tagħmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-Xitwa u postijiet ta' waqfien tul ir-rotot migratori tagħhom. […]

[…]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta' protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest ta' l-għanijiet ta' dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats."

 Id-Direttiva ħabitat

8       L-Artikolu 6 (3) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6 (4) tad-Direttiva ħabitat jipprovdi:

"3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma' jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x'aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b'mod individwali jew inkella flimkien ma' xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta' l-għanjiet ta' konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta' l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma' l-interess pubbliku, inklużi dawk ta' tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta' Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati."

9       L-Artikolu 7 ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta' din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta' l-aħħar tiġi aktar tard."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10     Il-Lauteracher Ried jinsab fil-Land tal-Vorarlberg. Wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni Ewropea, il-Gvern ta' dan l-Istat Membru, fis-7 ta' Ġunju 1995, innotifika għall-ewwel darba lill-Kummissjoni l-klassifikazzjoni bħala ŻPS dan il-park naturali u sussegwentement ippreżenta ċerti dokumenti komplementari. Is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern mhumiex inklużi fil-limiti ta' din iż-ŻPS.

11     Għal dak li jikkonċerna l-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18, il-proċedura ta' tqegħid tar-rotta tagħha nbdiet mis-sena 1992. Wara diskussjonijiet li seħħu fid-29 ta' April 1992 ma' l-amministrazzjoni tal-canton ta' Dornbirn, il-proġett kien ġie kompletament mibdul sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni r-rapport magħmul mill-espert uffiċjali tal-Land ta' Vorarlberg għall-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ. Il-proċedura ta' preżentazzjoni ta' dan il-proġett u tas-smiegħ tal-partijiet ikkonċernati fid-dawl ta' l-iffissar tar-rotta ta' din l-awtostrada nbdiet fit-8 ta' Marzu 1994 abbażi tal-liġi fuq it-toroq Federali ta' l-1971. Din intemmet bl-iffissar tar-rotta permezz tar-regolament tal-Ministru Federali ta' l-Affarijiet Ekonomiċi tat-8 ta' April 1997. F'dan l-istadju ta' żvilupp tal-proġett, l-awtoritajiet Awstrijaċi waslu għall-konklużjoni li ma jeżistux rotot alternattivi għall-awtostrada S 18.

12     Fis-27 ta' Jannar 1999, inbdiet il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni ta' din l-awtostarda. Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta' Lulju 2001, il-proġett ta' kostruzzjoni tagħha ġie awtorizzat mill-amministrazzjonijiet tal-cantons ta' Bregenz u ta' Dornbirn, skond il-liġi tal-Land tal-Vorarlberg. Filwaqt li ġie kkunsidrat ir-regolament tal-Ministru Federali ta' l-Affarijiet Ekonomiċi, din id-deċiżjoni ma setgħetx twaqqaf rotta barra dik li kienet ġiet magħżula.

13     Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta' appell quddiem il-Gvern tal-Land tal-Vorarlberg. Dan ta' l-aħħar, fil-21 ta' Frar 2003, ħa deċiżjoni konfermattiva, li biha l-eżekuzzjoni ġiet sospiża fid-29 ta' Awwissu 2003 mill-Verwaltungsgerichtshof. L-eżekuzzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 attwalment tinsab blukkata.

 Il-proċedura prekontenzjuża

14     Wara lment, il-Kummissjoni, fit-12 ta' Novembru 2001, indirizzat ittra lill-awtoritajiet Awstrijaċi dwar il-klassifikazzjoni insuffiċjenti taħt l-aspett ornitoloġiku taż-ŻPS tal-Lauteracher Ried, il-konsegwenzi negattivi tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 li kienu ta' periklu għar-re tas-summien u l-popolazzjonijiet oħra ta' għasafar li għandhom jiġu protetti f'din iż-żona kif ukoll kwistjonijiet oħra dwar il-protezzjoni ta' din iż-żona.

15     Wara li eżaminat ir-risposta tal-Gvern Awstrijak, indirizzata lil Kummissjoni fl-1 ta' Frar 2002, din bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika ta' l-Awstrija fis-27 ta' Ġunju 2002. Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet mogħtija minn din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni, fil-11 ta' Lulju 2004 bagħtet opinjoni motivata li biha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tiegħu.

16     Peress li kkunsidrat li l-argumenti invokati mir-Repubblika ta' l-Awstrija fir-risposta tagħha tas-26 ta' Settembru għall-opinjoni motivata ma kinux konvinċenti u peress li kkunsidrat li n-nuqqas ikkuntestat baqa' jippersisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

17     Il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti sabiex issostni r-rikors tagħha. Fl-ewwel lok, hija takkuża lir-Repubblika ta' l-Awstrija li ma rrispettatx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar li jikkonċernaw il-proċedura ta' l-għażla u tal-klassifikazzjoni ta' ŻPS. Fit-tieni lok, hija tinvoka n-nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ħabitat matul l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta' rispett tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar

 L-argumenti tal-partijiet

18     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-klassifikazzjoni u l-konfini preżenti taż-ŻPS tal-Lauteracher Ried ma jissodisfawx l-eżiġenzi tal-protezzjoni u tal-konservazzjoni fit-tul ta' l-ispeċi ta' l-għasafar li jinsabu fuq dan is-sit, b'mod partikolari r-re tas-summien kif ukoll speċi oħra ta' għasafar migratorji li jbejtu fl-inħawi. Skond il-Kummissjoni, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, id-daqs ta' din iż-ŻPS għandu jiġi estiż lejn is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern.

19     In sostenn ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni l-ewwel nett issostni li l-element kruċjali għad-delimitazzjoni tal-konfini taż-ŻPS hija l-preżenza ta' l-ispeċi ta' għasafar li għandhom jiġu protetti. Wara l-informazzjoni xjentifika u r-riżultati ta' kontrolli li twettqu fil-kors tas-snin 2000 sa 2002, dawn is-siti jikkostitwixxu mhux biss ħabitat, imma jifformaw ukoll parti mill-post prinċipali ta' riproduzzjoni tar-re tas-summien u għasafar migratorji oħra li jbejtu fl-inħawi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-witat li jinsabu ġewwa u madwar is-sit ta' Lauteracher Ried joffru, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni ta' l-għasafar, habitat naturali uniformi, fejn l-istruttura hija partikolarment adegwata, u huma utilizzati mill-istess popolazzjonijiet ta' għasafar. Hija żżid tgħid li r-re tas-summien li jinsabu fil-wied tar-Rhin, fuq it-territorju tal-Land tal-Vorarlberg, jikkostitwixxu totalità ta' għasafar strettament marbuta ma' xulxin.

20     Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-obbligu li tistabbilixxi, inkwantu ŻPS, iż-żoni kollha li jidhru l-aktar xierqa skond il-kriterji ornitoloġiċi ma jispiċċax ma l-ewwel dikjarazzjoni effettwata. L-obbjettiv ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi mhedda jimponi n-neċessità ta' eżami mill-ġdid ta' dikjarazzjoni fid-dawl tal-konoxxenzi xjentifiċi l-aktar reċenti u eventwalment li teffettwa delimitazzjoni ġdida taż-ŻPS eżistenti.

21     Fl-aħħar nett, il-fatt li r-Repubblika ta' l-Awstrija kklassifikat bħala żona ta' protezzjoni s-siti ta' Bangs u ta' Matschels, li wkoll jinsabu fil-Land tal-Vorarlberg u huma intiżi sabiex jassiguraw il-konservazzjoni tar-re tas-summien, bl-ebda mod ma jneħħi l-obbligu ta' dan l-Istat li jagħmel l-istess għas-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern li jmissu maż-ŻPS iddikjarata.

22     Ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-konfini preżenti taż-ŻPS tal-Lauteracher Ried jissodisfa bl-aħjar mod ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Għasafar għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-re tas-summien u ta' l-ispeċi ta' għasafar migratorji regolari li jgħixu fil-wied tar-Rhineland tal-Land tal-Vorarlberg.

23     Hija tikkunsidra li hija ssodisfat l-obbligi li huma imposti fuqha skond id-Direttiva dwar l-Għasafar, billi ddelimitat flimkien din iż-ŻPS kif ukoll iż-żona ta' protezzoni tal-fawna, tal-flora, tal-ħabitat u ta' l-għasafar ta' Bangs u Matschels, li kienu ġew iddikjarati ŻPS u rrikonoxxuti bħala tali t-territorji tal-wied tar-Rhin li jinsabu fil-Land tal-Vorarlberg bħala l-aktar adegwati fin-numru u daqs għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi tar-re tas-summien imsemmi fl-Anness I, kif ukoll l-ispeċi migratorji regolari.

24     Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tippreċiża li l-erja taż-ŻPS kienet ġiet imfassla fuq il-bażi ta' elementi xjentifiċi disponibbli matul iż-żmien ta' l-għażla u tal-klassifikazzjoni ta' din iż-żona, li huma rikonoxxuti bħala ta' min jorbot fuqhom mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li wasslu għall-klassifikazzjoni ta' din iż-żona biss bħala l-akter firxa importanti ta' riproduzzjoni ta' l-għasafar tal-wita tal-Land tal-Vorarlberg.

25     Hija żżid tgħid li hija bbażat ruħha biss, matul il-klassifikazzjoni ta' din iż-żona, fuq l-aspetti ornitoloġiċi jew ekoloġiċi kif jista' jiġi preżunt mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar. F'dan il-kuntest, hija ssostni li huwa fiż-ŻPS tal-Lauteracher Ried li tinġabar konċentrazzjoni ta' natura verġni indispensabbli għall-iżvilupp tar-re tas-summien, imma li din il-konċentrazzjoni mhijiex estiża għall-witat tal-ħsad li jinsabu fuq is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern.

26     Skond ir-Repubblika ta' l-Awstrija, bosta kriterji għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġu ddeterminati t-territorji l-aktar xierqa, b'mod partikolari l-fatt li l-għasafar taż-żewġ speċi jgħixu f'żona partikolari jew parti minnha. Pero dan l-aħħar kriterju mhuwiex l-uniku wieħed determinanti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Sabiex tifforma parti mit-territorji l-aktar adegwati fis-sens ta' din id-Direttiva, iż-żona għandha kumulattivament tissodisfa parametri ornitoloġiċi jew ekoloġiċi oħra. Għandu wkoll jiġi eżaminat u evalwat jekk din iż-żona hijiex adegwata fid-daqs tagħha u min-naħa kwantitattiva, mill-istat tagħha kif ukoll mill-ambjent tagħha. F'dan ir-rigward, għandhom jissemmew it-theddid diġa eżistenti f'żona, minħabba attivitajiet ta' natura rikreattiva, tas-sistema ta' valorizzazzjoni jew ta' ċirkustanzi oħra, u d-deterjorazzjoni tal-ħabitat li jirriżulta. Skond dan l-Istat Membru, għar-raġuni ta' inkonvenjenzi u ta' ksur diġa eżistenti kif ukoll il-kwalità preżenti taż-żewġ siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern, dawn ma jikkorrispondux għall-kriterji pertinenti tad-Direttiva dwar l-Għasafar sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻPS.

27     F'dan il-kuntest, ir-Repubblika ta' l-Awstrija tindika li kunsiderazzjoni, għall-inqas indiretta, ta' interessi soċjo-ekonomiċi tista' jkollha rwol fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tan-natura adegwata fid-daqs ta' żona u hija ssostni wkoll li dan huwa l-każ ta' theddid għall-qasam ġuridiku ta' l-individwi.

28     Skond ir-Repubblika ta' l-Awstrija, l-ilment li hija kellha l-obbligu li temenda ulterjorment u li tadatta konstantement iż-ŻPS tal-Lauteracher Ried ma jserrah fuq ebda bażi ġuridika. Tali obbligu jista' jirriżulta diffiċli li jiġi kkonċiljat mal-prinċipju tal-legalità ta' l-azzjoni amministrattiva u jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29     Barra minn hekk, ir-Repubblika ta' l-Awstrija tippreċiża li s-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern, jekk huma ma jifformawx parti mit-territorji l-aktar adegwati skond ir-raba subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, mhumiex madankollu mċaħħda minn kull protezzjoni. Fil-fatt, huma kellhom jiġu suġġetti, matul il-proċedura ta' appell dwar il-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18, għas-sistema ta' protezzzjoni prevista fit-tieni frażi tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Sabiex tiġi deċiża din il-kawża, għandhom jiġi mfakkra, preliminarjament, il-prinċipji li jikkonċernaw l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar l-għażla u l-klassifikazzjoni taż-ŻPS imposti mid-Direttiva dwar l-Għasafar.

31     Jirriżulta mir-raba inċiż ta' l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS l-aktar t-territorji adegwati fin-numru u daqs għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi protetti msemmija fl-Anness I. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' protezzjoni ta' dawn l-ispeċi fiż-żona geografika tal-baħar u ta' l-art fejn tapplika din id-Direttiva. Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I rigward iż-żoni ta' riproduzzjoni, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-Xitwa u postijiet ta' waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom.

32     Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jimponi lill-Istati Membri li jikkonferixxu liż-ŻPS status legali ta' protezzjoni li jista' jassigura, b'mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta' l-ispeċi ta' għasafar imsemmija fl-Anness I, kif ukoll ir-riproduzzjoni, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-Xitwa ta' l-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I (ara s-sentenza tat-18 ta' Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/97, Ġabra p. I-1719, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tat-territorji l-aktar adegwati għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS jikkonċerna mhux l-opportunità li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji li jidhru li huma l-iktar approprjati skond kriterji ornitoloġiċi, imma l-implementazzjoni biss ta' dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar adegwati għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness I (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta' Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punt 61).

34     Għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond ir-riżultati ta' studji xjentifiċi u ta' verifika, ippreżentati mill-Kummissjoni matul il-proċedura u li ma kienux ġew ikkontestati mill-Gvern Awstrijak, rispettivament 4 jew 5, 4 u 3 speċi tar-re tas-summien irġiel li jkantaw kienu ġew osservati ġewwa ż-ŻPS tal-Lautercher Ried, li għandu daqs ta' 580 ettari, matul is-snin 2000 sa 2002. L-osservazzjonijiet li jikkonċernaw is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern, li għandhom daqs ta' 64 u 352 ettari, ma kinux ħlief fit inqas, minħabba li l-għasafar osservati kienu fin-numru ta' 4, 2 u 3 rispettivament.

35     Minbarra dan, kif il-Kummissjoni sostniet mingħajr ma reġgħet kienet ikkontestata fuq dan il-punt, fl-2001 l-għasafar migratorji ta' l-ispeċi bekkaċċ (gallinago gallinago), venewwa (vanellus vanellus) u gurlin prim (nurmenius arquata) bl-istess mod irripproduċew ruħhom f'ammonti kbar fiż-żewġ siti mhux nominati inkwantu ŻPS mill-awtoritajiet Awstrijaċi. In-numru ta' koppji ta' għasafar li jbejtu fiż-ŻPS tal-Lauteracher Ried kien minn 3 sa 5 għall-bekkoċċi, ta' 11 jew 12 għall-venewwi u 3 għall-gurlini primi. Fuq is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern, kien hemm rispettivament minn 3 u 3 jew 4 għall-bekkaċċi, minn 6 u 9 għall-venewwi kif ukoll minn 1 (probabbilment) u 8 għall-gurlini primi.

36     Minn dan jirriżulta, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, li s-siti ta' Goren u ta' Gleggen-Köblern jippreżentaw kemm għar-re tas-summien kif ukoll għall-ispeċi ta' għasafar migratorji li ma jidhrux fl-Anness I, bħall-bekkaċċ, il-venewwa u l-gurlin prim, importanza li tista' titqabbel almenu ma' dik tat-territorji li jinsabu ġewwa ż-ŻPS tal-Lauteracher Ried. Minnbarra dan, iċ-ċifri indikati mill-Gvern Awstrijak fil-formularju standard ta' informazzjoni li tikkonċerna dawn l-aħħar tliet speċi ta' għasafar migratorji ma jistgħux jiġu kkonstestati ħlief jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-biċċiet ta' art li jinsabu barra din iż-ŻPS.

37     Għal dak li huwa l-argument tal-Gvern Awstrijak li s-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern mhumiex l-aktar adegwati sabiex jipproteġu l-ispeċi ta' għasafar imsemmija iktar 'il fuq għal raġunijiet ta' inkonvenjenzi u ta' ksur diġa eżistenti, kif ukoll l-istat u l-kwalità preżenti ta' dawn is-siti, għandu jiġi mfakkar li dawn jilqgħu, bħal ma ġie indikat fil-punti 34 u 35 ta' din is-sentenza, fuq żona iżgħar minn dik taż-ŻPS, numru ta' għasafar li jbejtu analogu għal dak li wieħed josserva f'din ta' l-aħħar.

38     B'hekk għandu jiġi kkonstatat li, skond kriterji ornitoloġiċi, is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern jifformaw parti, bl-istess mod taż-ŻPS tal-Lauteracher Ried, mit-territorji l-aktar adegwati fin-numru u fid-daqs sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻPS, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

39     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument invokat mill-Gvern Awstrijak li għandhom jiġu kkunsidrati, anki jekk indirettament, kriterji ekonomiċi u soċjali matul l-evalwazzjoni neċessarja tal-karatteristiċi taż-żona magħżula sabiex tiġi kklassifikata bħala ŻPS.

40     Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax, matul l-għażla u d-delimitazzjoni tal-konfini ta' ŻPS, jieħu in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi, la bħala interess ġenerali superjuri li jissodisfa l-obbjettiv ekoloġiku msemmi mid-Direttiva dwar l-Għasafar u lanqas bħala dak li jissodisfa raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku akbar minn dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ħabitat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds, C-44/95, Ġabra p. I-3805, punti 31 u 42).

41     Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Awstrijak li r-riżultati tal-verifika li twettqet fis-sit ma jippermettux li jjintlaħqu xi konklużjiet dwar id-dispożizzjoni tas-siti ta' Goren u ta' Gleggen-Köblern favur il-konservazzjoni ta' l-ispeċi ta' għasafar li għandhom jiġu protetti, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument mhuwiex ta' natura li jiġġustifika xjentifikament li dawn is-siti jiġu esklużi miż-ŻPS. Bil-kontra, il-klassifikazzjoni ta' dawn is-siti bħala ŻPS għandha tassigura l-istat ta' konservazzjoni tar-re tas-summien, speċi li hija mniżżla fl-Anness 1 u ta' speċi oħra ta' għasafar migratorji regolari, skond l-obbjettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

42     Ma jistax jiġi milqugħ l-argument ta' l-istess Gvern li jkun żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li huwa għandu jbiddel u li jadatta b'mod permanenti ż-ŻPS tal-Lauteracher Ried, peress illi tali rekwiżit ma jistrieħ fuq ebda bażi ġuridika.

43     Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk huwa paċifiku li l-obbligu ta' klassifikazzjoni tat-territorji l-aktar adegwati sabiex jikkostitwixxu ŻPS ipproduċa l-effetti kollha tiegħu fl-1 ta' Jannar 1995 għal dak li jikkonċerna r-Repubblika ta' l-Awstrija, data ta' l-adeżjoni ta' dan l-Istat Membru ma' l-Unjoni Ewropea, tali obbligu ma jintemmx f'din id-data. Fil-fatt, la d-Direttiva dwar l-Għasafar, u lanqas il-kliem ta' l-Artikolu 4 tagħha ma fihom l-inqas indikazzjoni intiża sabiex tippreċiża li l-obbligu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva ttemm l-effetti kollha tagħha f'din id-data. Minbarra dan, kif osservat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, bilkemm ikun hemm kompatibbiltà ma' l-obbjettiv ta' protezzjoni effikaċi ta' l-għasafar jekk ma jiġux issalvagwardati siti eċċezzjonali għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi li għandhom jiġu protetti sempliċement għaliex il-karatteristika eċċezzjonali tagħhom tirriżulta wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

44     Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Awstrijak li huwa bbaża ruħu fuq l-istudju li sar fl-1995 mill-Aġenzija Federali għall-protezzjoni ta' l-ambjent flimkien mal-BirdLife, bl-isem Important Bird Areas in Österreich, peress li dan jikkostitwixxi l-unika dikjarazzjoni u l-unika evalwazzjoni xjentifika affidabbli eżistenti meta saret l-għażla u l-klassifikazjoni tal-Lauteracher Ried bħala ŻPS, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-obbligu ta' klassifikazzjoni mhuwiex limitat, bħalma ġustament issostni l-Kummissjoni, mil-livell tat-tagħrif xjentifiku f'data partikolari.

45     Fil-fatt, jirriżulta mill-inkartament li studji u għarfien ornitoloġiċi oħra, li jippreżentaw karatteristika xjentifika, kif ukoll ir-riżultati ta' verifiki,, aktar reċenti minn dawk li abbażi tagħhom saret il-klassifikazzjoni taż-ŻPS tal-Lauteracher Ried, huma disponibbli. B'hekk huwa fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, li l-eżattezza tagħhom mhijiex ikkontestata mir-Repubblika ta' l-Awstrija, li l-klassifikazzjoni ta' din iż-ŻPS għandha tiġi eżaminata mill-ġdid.

46     Ma jistax jiġi aktar sostnut mir-Repubblika ta' l-Awstrija li, meta kklassifikat is-siti ta' Bangs u ta' Matschels bħala żoni ta' protezzjoni, fejn ir-re tas-summien huwa wkoll preżenti, hija kienet eżenti milli tikklassifika t-territorji ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern bħala ŻPS.

47     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikklasifikaw bħala ŻPS is-siti kollha li, skond kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-aktar adegwati fir-rigward tal-konservazzjoni ta' l-ispeċi in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62).

48     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Awstrijak dwar il-fatt li s-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern mhumiex imċaħħda minn kull protezzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jimponi lill-Istati Membri obbligu li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji l-aktar adegwati fin-numru u daqs għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi msemmija fl-Anness I, obbligu li mhuwiex possibbli għaliha li tevitah permezz ta' l-adozzjoni ta' miżuri oħra ta' konservazzjoni speċjali (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

49     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment, dwar in-nuqqas ta' rispett tar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ħabitat

50     Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta' l-Awstrija ma rrispettatx l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikoli 6(4) u 7 tad-Diretiva ħabitat matul l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 fir-rigward ta' l-eżiġenzi ta' protezzjoni tal-bijotopi u tal-ħabitat stabbiliti għaż-ŻPS tal-Lauteracher Ried.

51     Primarjament, il-Kummissjoni tosserva li ebda evalwazzjoni konkreta u ddettaljata skond l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma kienet seħħet qabel ix-xahar ta' Mejju 2000. Hija ssostni li, meta l-istudju ambjentali wassal għal opinjoni mhux favorevoli mill-espert uffiċjali tal-Land tal-Vorarlberg matul ix-xahar ta' Mejju 2000, minħabba l-effetti tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 fuq iż-ŻPS, ebda studju ma kien inbeda sabiex jiġi vverifikat jekk xi soluzzjonijiet alternattivi kienux possibbli għar-rotta ta' din l-awtostrada. Sussegwentement, il-Kummmissjoni ssostni li, wara d-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni, meħuda fis-6 ta' Lulju 2001, hija ma kinitx ġiet informata direttament bil-miżuri kumpensatorji meħuda sabiex jikkumpensaw l-effetti negattivi ta' din il-kostruzzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sssostni li ma kienx ġie aktar stabbilit li l-miżuri kumpensatorji kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu l-koerenza globali ta' Natura 2000 kienu ġew effettivament adottati.

52     Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta l-motivi kollha invokati mill-Kummissjoni in sostenn tat-tieni lment.

 Fuq l-applikabbiltà matul iż-żmien tad-Direttiva ħabitat.

53     Peress illi jirriżulta mill-punt 11 ta' din is-sentenza li ċerti elementi fattwali dwar il-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 kienu seħħew qabel id-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi eżaminat, qabel ma tiddeċiedi fuq il-ksur allegat tad-Direttiva ħabitat, jekk din hijiex applikabbli għall-fatti tal-kawża li taw lok għar-rikors tal-Kummissjoni.

54     F'dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 beda fl-1992. Wara li l-proċedura kienet ġiet interrotta, din reġgħet tkompliet fit-8 ta' Marzu 1994, data li fiha dan il-proġett kien ġie formalment ippreżentat u sottomess għal proċedura ta' evalwazzjoni fuq il-bażi tal-liġi fuq it-toroq Federali ta' l-1971.

55     Minbarra dan, jirriżulta mill-inkartament li r-rapport ta' l-espert Federali globali kien sar pubbliku matul l-istess sena, jiġifieri qabel l-1 ta' Jannar 1995, li hija d-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni Ewropea.

56     Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta' sottomissjoni tal-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent għal evalwazzjoni ambjentali mhuwiex applikabbli fil-każijiet li fiha d-data ta' introduzzjoni formali tat-talba għal awtorizzazzjoni ta' proġett tinsab qabel id-data ta' skadenza taż-żmien ta' traspożizzjoni ta' Direttiva [ara, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), is-sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punti 29 u 32, kif ukoll tat-18 ta' Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, C-81/96, Ġabra p. I-3923, punt 23].

57     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-kriterju formali huwa l-uniku li huwa konformi mal-prinċipju taċċertezza legali u jippermetti li jinżamm l-effett effikaċi ta' Direttiva. Ir-raġuni ta' din il-kunsiderazzjoni hija li Direttiva, bħad-Direttiva habitat, hija intiża l-aktar għal proġetti ta' skala ċerta, fejn it-twettiq ta' spiss jeħtieġ perijodu twil ta' żmien. B'hekk, ma jkunx opportun li proċeduri diġa kumplessi fuq livell nazzjonali u li formalment bdew qabel id-data ta' skadenza taż-żmien ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, jiġu mtaqqla u mdewma mir-rekwiżiti speċifiċi imposti minnha u li sitwazzjonijiet ġa stabbiliti jiġu affettwati (ara, b'analoġija, is-sentenza Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 24).

58     Madankollu, id-Direttiva 85/337 u d-Direttiva ħabitat ikkunsidraw it-tnejn li huma l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent. Fiż-żewġ każijiet, il-proċedura ta' evalwazzjoni tinsab fil-bidu fl-għażla definittiva tal-proġett. Peress illi r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati matul id-deċiżjoni fuq il-proġett, dan ta' l-aħħar seta' jiġi emendat skond dawn ir-riżultati. Il-fażijiet differenti ta' l-eżami ta' proġett huma marbuta b'tali mod li jikkostitwixxu operazzjoni kumplessa. Il-fatt li l-kontenut ta' ċerti preskrizzjonijiet huwa differenti mhuwiex ta' natura li jerġa' jdawwar din l-evalwazzjoni. Minn dan isegwi li l-ilment għandu jiġi evalwat fid-data li fiha l-proġett kien ġie formalment ippreżentat, jiġifieri dak li ssemma fil-punt 54 ta' din is-sentenza.

59     Sussegwentement għandu jiġi mfakkar li, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-atti ta' adeżjoni, id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-dritt Komunitarju huma, mingħajr eċċezzjoni, immedjatament applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2002, Weidacher, C-179/00, Ġabra p. I-501, punt 18).

60     Jirriżulta mill-Att ta' Adeżjoni li l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi dwar l-agħsafar u ħabitat kellhom effett, għal dak li jikkonċerna r-Repubblika ta' l-Awstrija, mill-1 ta' Jannar 1995 u li ebda deroga jew perijodu tranżitorju ma kien ingħata lil dan l-Istat Membru.

61     Għandu b'hekk jiġi kkonstatat li l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 kien formalment inbeda qabel id-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni Ewropea.

62     Minn dan isegwi li, f'dan il-każ, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta' din is-sentenza, l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva ħabitat ma jimponux ruħhom fuq ir-Repubblika ta' l-Awstrija u li l-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-awtostrada S 18 ma kienx sottomess għall-obbligi elenkati minn din id-Direttiva.

63     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi konkluż li t-tieni lment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat.

64     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset li tinkludi fiż-ŻPS tal-Lauteracher Ried is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern li jifformaw parti, skond kriterji xjentifiċi, bl-istess mod bħal din iż-ŻPS, mit-territorji l-aktar adegwati fin-numru u fid-daqs skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

65     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi l-Kummissjoni u r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi:

1)      Billi naqset li tinkludi fiż-żona ta' protezzjoni speċjali tal-park naturali tal-Lauteracher Ried is-siti ta' Soren u ta' Gleggen-Köblern li jifformaw parti, skond kriterji xjentifiċi, bl-istess mod bħal din iż-żona ta' protezzjoni speċjali, mit-territorji l-aktar adegwati fin-numru u fid-daqs skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta' Lulju 1997, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika ta' l-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.