SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

12 ta' Ottubru 2004 (*)

"Istituzzjonijiet ta' kreditu – Skemi ta' garanzija tad-depożiti – Direttiva 94/19/KE – Direttivi 77/780/KEE, 89/299/KEE u 89/646/KEE – Miżuri ta' kontroll mill-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-protezzjoni tad-depożitatur – Responsabbiltà ta' l-awtoritajiet ta' sorveljanza għat-telf ikkawżat minn sorveljanza ineffettiva"

Fil-kawża C-222/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Bundesgerichtshof (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Mejju 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Ġunju 2002, fil-proċedura

Peter Paul,

Cornelia Sonnen-Lütte,

Christel Mörkens

vs

Bundesrepublik Deutschland,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, Presidenti ta' Awli, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

 wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Settembru 2003,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Peter Paul, Cornelia Sonnen-Lütte u Christel Mörkens, minn K. Hasse, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, BL,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Palmieri, avvocatessa dello Stato,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u L. Máximo dos Santos, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Hoskins, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Zavvos, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 1994, dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (ĠU L 135, p. 5), kif ukoll ta' diversi dispożizzjonijiet ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE, tat-12 ta' Diċembru 1977, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 322, p. 30), tad-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE, tas-17 ta' April 1989, dwar il-fondi ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 124, p. 16), kif ukoll tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE, tal-15 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u li temenda d-Direttiva 77/780 (ĠU L 386, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawżi bejn Peter Paul, Cornelia Sonnen-Lütte u Christel Mörkens (aktar 'il quddiem "Paul et") u l-Bundesrepublik Deutschland, li fihom dawn qegħdin kumpens għat-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 94/19 u għas-sorveljanza ineffettiva ta' bank mill-Bundesaufsichtsamt für das Kreditwesen (uffiċċju federali għas-sorveljanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, aktar 'il quddiem il-"Bundesaufsichtsamt").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 94/19:

"[…] din id-Direttiva ma tistax tirriżulta li l-Istat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu responsabbli fir-rigward ta’ depożitaturi jekk huma jkunu assiguraw li skema waħda jew aktar li tiggarantixxi depożiti jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nnifishom u tassigura kumpens jew protezzjoni tad-depożitaturi skond il-kundizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva kienu ġew introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti."

4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/19 jipprovdi li:

"1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. […]

[…]

2.      Jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx konformi ma l-obbligazzjonijiet mitfuha fuqha bħala membru ta’ skema ta’ garanzija ta’ depożitu, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni tagħha għandhom ikunu nnotifikati u, b’kollaborazzjoni ma l-iskema ta’ garanzija, għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa inklużi l-impożizzjonijiet ta’ sanzjonijiet biex jassiguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun konformi ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha.

3.      Jekk dawk il-miżuri jonqsu milli jiżguraw konformità min-naħa ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu, l-iskema tista’, meta l-liġi nazzjonali tippermetti l-esklużjoni ta’ membru, bil-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti, tagħti notifika ta’ mhux anqas minn 12-il xhar ta’ l-intenzjoni tagħha li teskludi l-istituzzjoni ta’ kreditu mis-sħubija ta’ l-iskema. Depożiti magħmula qabel ma jiskadi l-perijodu tan-notifika għandhom jibqgħu […] jkunu koperti bis-sħiħ mill-iskema. Jekk, meta jiskadi l-perijodu tan-notifika, l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx konformi ma' l-obbligazzjonijiet tagħha, l-iskema ta’ garanzija tista’, [dejjem bi]l-kunsens espress ta’ l-awtorità kompetenti, tipproċedi għal esklużjoni.

4.      Meta l-liġi nazzjonali tippermetti, u bil-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti li [jkunu ħarġu] l-awtorizzazzjoni tagħha, l-istituzzjoni ta’ kreditu eskluża minn skema ta’ garanzija ta’ depożitu tista’ tibqa li taċċetta depożiti jekk, qabel ma tkun eskluża, […] tkun għamlet arranġamenti alternattivi ta’ garanzija li jassiguraw li d-depożitaturi jgawdu livell u skop ta’ protezzjoni mill-anqas ekwivalenti bħal dik offruta mill-iskema uffiċjalment magħrufa.

5.      Jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu li l-esklużjoni tagħha tkun proposta abbażi tal-paragrafu 3 ma tkunx tista’ tagħmel arranġamenti alternattivi li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet preskritti fil-paragrafu 4, allura l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni tagħhom, għandhom jirrevokawha minnufih."

5       Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/19:

"1.      Skemi ta’ garanzija tad-depożiti għandhom jistipulaw li d-depożiti aggregati għal kull depożitatur għandhom ikunu koperti b’sa ECU 20000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[…]

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jipprekludi iż-żamma jew l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li joffru [protezzjoni] ogħla u aktar komprensiva għad-depożiti. Partikolarment, skemi ta’ garanzija tad-depożiti jistghu, fuq konsiderazjonijiet soċjali, ikopru bis-sħiħ ċerti tipi tad-depożiti.

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-drittijiet tad-depożitaturi għal kumpens jista’ jkun suġġett għal azzjoni mid-depożitatur kontra l-iskema ta’ garanzija ta’ depożitu."

6       L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 94/19 jipprovdi li "[l]-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex dawn ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Lulju 1995".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 6(3) u 4 tal-Gesetz über das Kreditwesen (liġi dwar il-kreditu, aktar 'il quddiem il-"KWG"), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (kif tirriżulta mill-emendi tad-9 ta' Settembru 1998, BGB1. 1998 I, p. 2776), jipprovdi li:

"3.      Il-Bundesaufsichtsamt jista', fil-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lilu, jieħu, fir-rigward ta' l-istituzzjoni u d-diretturi tagħha, miżuri li huma xierqa u neċessarji sabiex jiġu evitati u rimedjati problemi fi ħdan l-istituzzjoni li jistgħu jheddu s-sigurtà ta' l-assi li jkunu fdati lilha jew ifixklu t-tmexxija korretta ta' l-operazzjonijiet bankarji jew tas-servizzi finanzjarji.

4.      Il-Bundesaufsichtsamt għandu jwettaq il-funzjonijiet fdati lilu minn din il-liġi u minn liġijiet oħra fl-interess ġenerali biss."

8       Illum, l-Artikolu 4(4) tal-Gesetz über die Bundesanstalt für Finanzdienstleitungsaufsicht (liġi dwar is-sorveljanza integrata tas-servizzi finanzjarji), tat-22 ta' April 2002 (BGB1. 2002 I, p. 1310), jikkorrispondi għal din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar.

9       L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 839(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, aktar 'il quddiem il-"BGB") tipprovdi li:

"Kull uffiċjal li, intenzjonalment jew minħabba negliġenza, jikser l-obbligi imposti fuqu mill-kariga tiegħu fir-rigward ta' persuna terza huwa marbut li jikkumpensa lil din il-persuna d-dannu li jirriżulta minn dan il-ksur."

10     Il-Grundgesetz (liġi fundamentali, aktar 'il quddiem il-"GG") tipprovdi, fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 34 tagħha, li:

"Jekk persuna, fl-eżerċizzju ta' kariga pubblika li tkun fdata lilha, tikser l-obbligi imposti fuqha minn din il-kariga fir-rigward ta' persuna terza, ir-responsabbiltà għal dan il-ksur hija, fil-prinċipju, ta' l-Istat jew tal-korp li din il-persuna tkun fis-servizz tiegħu."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11     Paul et kienu klijenti tal-BVH Bank für Vermögensanlagen und Handel AG (aktar 'il quddiem il-"BVH Bank"). Dan il-bank kien irċieva l-awtorizzazzjoni tal-Bundesaufsichtsamt fl-1987 iżda ma kienx jipparteċipa fi skema ta' garanzija tad-depożititad-depożiti. Bejn l-1987 u l-1992, dan il-bank kien ipprova, mingħajr suċċess, jitħalla jipparteċipa fil-fondi ta' garanzija tad-depożiti tal-Bundesverband deutscher Banken eV, iżda ma kienx kompla l-proċedura ta' dħul minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba.

12     Fl-1991, 1995 u 1997, il-Bundesaufsichtsamt wettaq inkjesti dwar l-attivitajiet tal-BVH Bank minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tiegħu. Wara t-tielet inkjesta, il-Bundesaufsichtsamt, fl-14 ta' Novembru 1997, talab li tinfetaħ il-proċedura ta' falliment u rtira l-awtorizzazzjoni tal-BVH Bank sabiex jeżerċita attivitajiet bankarji.

13     Paul et kienu fetħu kontijiet b'depożitu fiss mal-BVH Bank fis-7 ta' Ġunja 1995, fit-28 ta' Frar 1994 u fis-17 ta' Ġunju 1993 rispettivament. Fil-kuntest tal-proċedura ta' falliment mibdija f'Diċembru 1997, huwa ddikjaraw krediti ta' DEM 131,455.80, DEM 101,662.51 u DEM 66,976.20 rispettivament.

14     Paul et ressqu, quddiem il-Landgericht Bonn (Il-Ġermanja), rikorsi kontra l-Bundesrepublik Deutschland intiżi sabiex jiksbu kumpens għat-telf tad-depożiti tagħhom. Huma sostnew li huma ma kinux jitilfu dawn id-depożiti li kieku d-Direttiva 94/19 kienet ġiet ittrasposta fit-terminu mogħti fl-Artikolu 14(1) tagħha, jiġifieri qabel l-1 ta' Lulju 1995. Fil-fatt, il-Bundesaufsichtsamt kien għalhekk jieħu miżuri ta' sorveljanza fir-rigward tal-BVH Bank saħansitra qabel mar-rikorrenti għamlu depożiti ma' dan il-bank.

15     Id-Direttiva 94/19 kienet ġiet biss trasposta fid-dritt Ġermaniż bil-liġi ta' traspożizzjoni tad-Direttiva KE dwar il-garanzija tad-depożiti u tad-Direttiva KE dwar il-kumpens ta' l-investituri, tas-16 ta' Lulju 1998 (BGB1. 1998 I, p. 1842) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 1998.

16     Fl-ewwel istanza, il-Landgericht Bonn iddeċidiet li t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 94/19 kienet tammonta għal ksur serju tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Bundesrepublik Deutschland u kkundannatha tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti ammont ta' DEM 39,450, li jiswa' EUR 20,000, jiġifieri l-ammont previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, flimkien ma' l-interessi.

17     Fir-rigward tad-dannu finanzjarju li jaqbeż dan l-ammont, il-pretensjonijiet ta' Paul et kienu ġew miċħuda mil-Landgericht Bonn kif ukoll mill-Oberlandesgericht Köln (Il-Ġermanja). Skond dawn iż-żewġ qrati, l-implementazzjoni ta' responsabbiltà amministrattiva taħt l-Artikolu 839 tal-BGB, moqri flimkien ma' l-Artikolu 34 tal-GG, tippresupponi ksur ta' "obbligi imposti […] minn din il-kariga fir-rigward ta' persuna terza", jiġifieri obbligu li jeżisti fil-każijiet kollha fir-rigward tal-parti li tkun sofriet id-dannu. Huma kkonkludew li dan kien eskluż fir-rigward tal-Bundesaufsichtsamt li, skond l-Artikolu 6(4) tal-KWG, iwettaq il-funzjonijiet mogħtija lilu fl-interess ġenerali biss.

18     Għaldaqstant, Paul et għamlu appell għal "reviżjoni" quddiem il-Bundesgerichtshof u talbu li l-Bundesrepublik Deutschland tkun ikkundannata għall-ħlas ta' dannu u interessi għal ksur tad-dritt Komunitarju.

19     Il-Bundesgerichtshof tosserva, minn naħa, li Paul et ma indikawx bi preċiżjoni l-miżuri ta' sorveljanza li kienu meħtieġa iżda li ma ġewx implementati mill-Bundesaufsichtsamt. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-Bundesrepublik Deutschland ma kkontestatx espliċitament l-akkuża ta' amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Bundesaufsichtsamt iżda sempliċement innegat responsabbiltà minħabba li din l-awtorità eżerċitat il-funzjonijiet tagħha fl-interess ġenerali biss. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof jidhrilha li, għall-finijiet tar-rikors għal "reviżjoni", hija għandha tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-Bundesaufsichtsamt ma wettaqx il-miżuri ta' sorveljanza li kien imissu wettaq jew wettaqhom meta kien tard wisq u li minħabba f'hekk Paul et sofrew dannu li jeċċedi l-ammont li kien diġà ġie mogħti lilhom fl-ewwel istanza.

20     Il-Bundesgerichtshof tqis li, għall-evalwazzjoni ġuridika fil-proċedura pendenti quddiemha, huwa deċiżiv li tkun taf jekk regola bħal dik li tinstab fl-Artikolu 6(4) tal-KWG tistax, b'mod li ma jistax jiġi kkritikat, tillimita l-involviment tar-responsabbiltà amministrattiva tal-Bundesaufsichtsamt billi tirrikonoxxilu obbligi amministrattivi fl-interess ġenerali biss – f'liema każ il-qrati ta' qabilha kienu ċaħdu ġustament responsabbiltà tal-Bundesrepublik Deutschland taħt l-Artikolu 839 tal-BGB moqri flimkien ma' l-Artikolu 34 tal-GG –, jew jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tibqa' inapplikabbli minħabba s-supremazija tad-dritt Komunitarju.

21     Il-Bundesgerichtshof tispjega li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-Direttiva 94/19 jew direttivi oħra fil-qasam ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jikkonferixxu fuq id-depożitaturi d-dritt li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw miżuri ta' sorveljanza fl-interess tagħhom, l-Artikolu 6(4) tal-KWG ikun imur kontra d-dritt Komunitarju.

22     Fir-rigward tad-diversi direttivi ta' koordinament fil-qasam bankarju li għalihom tirreferi, il-Bundesgerichtshof tindika li, fil-kuntest tar-rikors għal "reviżjoni" tagħhom, Paul et sostnew li, mill-imsemmija direttivi meħudin flimkien, jirriżulta li l-miżuri ta' sorveljanza bankarja kellhom bħala għan li jipproteġu lid-depożitaturi. Minkejja li dawn id-direttivi, rilevanti mill-aspett tad-dritt tas-sorveljanza bankarja, ma fihom l-ebda indikazzjoni espressa dwar il-protezzjoni tad-depożitaturi, huma jagħmlu parti minn sistema regolatorja globali ta' sorveljanza tal-banek li, skond Paul et, tkun imneżża' mill-applikazzjoni prattika tagħha jekk il-Bundesaufsichtsamt, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(4) tal-KWG, jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-interess ġenerali biss.

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      a)     Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 94/19 […] jikkonferixxu lid-depożitatur apparti d-dritt li, fil-każ li d-depożitu tiegħu ma jkunx disponibbli, jingħata kumpens permezz ta' skema ta' garanzija tad-depożiti sa l-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(1), id-dritt addizzjonali li l-awtoritajiet kompetenti jimplementaw il-miżuri elenkati fl-Artikolu 3(2) sa (5) u li dawn l-awtoritajiet jirtiraw, jekk ikun hemm bżonn, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-istituzzjoni ta' kreditu?

         b)     Jekk id-depożitatur igawdi minn dritt bħal dan, dan id-dritt ikopri wkoll il-possibbiltà li jitlob kumpens għal dannu li jirriżulta minn kondotta ħażina ta' l-awtoritajiet kompetenti u li jeċċedi l-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [94/19]?

2)      a)     Id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il quddiem ta' direttivi dwar l-armonizzazzjoni tad-dritt tas-sorveljanza tal-banek – meħudin waħedhom jew flimkien u, jekk dan ikun il-każ, b'effett minn meta – jikkonferixxu lill-persuna li tfaddal u lill-investitur drittijiet fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jimplementaw, fl-interess ta' dawn il-persuni, miżuri ta' sorveljanza li bihom jinkarigawhom dawn id-direttivi u li dawn l-awtoritajiet huma responsabbli fil-każ ta' kondotta ħażina,

         jew id-Direttiva [94/19] tinkludi leġiżlazzjoni speċjali esklużiva fir-rigward tal-każijiet kollha meta d-depożiti ma jkunux disponibbli?

–       l-Artikolu 6(1), ir-raba' u t-tnax-il premessa ta' l-Ewwel Direttiva 77/780;

–       l-Artikolu 3, l-Artikoli 4 sa 7 u l-Artikoli 10 sa 17, il-ħdax-il premessa tat-Tieni Direttiva 89/646 […];

–       l-Artikolu 7, flimkien ma' l-Artikoli 2 sa 6, tad-Direttiva 89/299 […];

–       il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 95/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' Ġunju 1995, [li temenda d-Direttivi 77/780/KEE u 89/646/KEE fil-qasam ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-Direttivi 73/239/KEE u 92/49/KEE fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, id-Direttivi 79/267/KEE u 92/96/KEE fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja, id-Direttiva 93/22/KEE fil-qasam ta’ ditti ta’ investiment u d-Direttiva 85/611/KEE fil-qasam ta’ impriżi ta’ l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (Ucits), bil-għan li tissaħħaħ is-superviżjoni prudenti] (ĠU L 168, p. 7).

b)      Id-Direttivi

–       92/30/KEE tal-Kunsill, tas-6 ta' April 1992, dwar is-sorveljanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fuq bażi kkonsolidata (ĠU L 110, p. 52), il-ħdax-il premessa;

–       93/6/KEE tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 1993, dwar l-adekwatezza ta' kapital ta' ditti ta' l-investiment u ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 141, p. 1), it-tmien premessa;

–       93/22/KEE tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Mejju 1993, dwar servizzi ta' investiment fil-qasam ta' titoli (ĠU L 141, p. 27), it-tieni, il-ħames, id-disgħa u għoxrin, it-tnejn u tletin, il-wieħed u erbgħin u t-tnejn u erbgħin premessi,

huma għodda ta' interpretazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, irrispettivament mill-fatt jekk, f'dan il-każ, fihomx dritt applikabbli jew le?

3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikonoxxi li d-direttivi msemmija jew uħud fosthom jikkonferixxu lill-persuni li jfaddlu u lill-investituri d-dritt li l-awtoritajiet kompetenti jassiguraw, fl-interess tagħhom, miżuri ta' sorveljenza, il-Qorti tissottometti wkoll id-domandi segwenti:

a)      dritt tal-persuna li tfaddal u ta' l-investitur li fl-interess tiegħu jiġu implementati miżuri ta' sorveljanza għandu, fi proċedura mressqa kontra l-Istat Membru, effett dirett fis-sens li n-normi nazzjonali li jipprekludu dan id-dritt m'għandhomx jiġu applikati,

         jew

b)      l-Istat Membru li ma kkunsidrax dan id-dritt tal-persuni li jfaddlu u ta' l-investituri meta ttraspona d-direttivi huwa responsabbli biss minħabba prinċipji Komunitarji dwar ir-responsabbiltà ta' l-Istat?

         c)     F'dan l-aħħar każ, l-Istat Membru jkun kiser id-dritt Komunitarju b'mod serju biżżejjed meta ma jkunx irrikonoxxa l-għoti ta' dritt li jiġu implementati l-miżuri ta' sorveljanza?"

 Fuq id-domandi preliminari

24     Minkejja li f'uħud mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja tqajmu xi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivazzjoni dettaljata tagħha, imfakkra fil-punti 19 sa 22 ta' din is-sentenza, il-Bundesgerichtshof uriet għalfejn jidhrilha li l-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji in kwistjoni tidher meħtieġa sabiex tkun tista' tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija esponiet b'mod suffiċjenti l-kuntest ġuridiku u fattwali sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħtiha risposta utli u sabiex il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom, b'mod partikolari, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ewwel domanda

25     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-Bundesgerichtshof qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 94/19, safejn, fl-Artikolu 3(2) u (5) tagħha, tipprovdi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza u għal obbligu ta' rtirar ta' l-awtorizzazzjoni mogħtija lil istituzzjoni ta' kreditu, tipprekludix regola nazzjonali li tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitwettqu fl-interess ġenerali biss, fatt li jeskludi, skond id-dritt nazzjonali, li individwi jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat minn sorveljanza ineffettivai min-naħa ta' din l-awtorità.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 94/19 hija intiża sabiex tistabbilixxi, irrispettivament minn fejn jinstabu d-depożiti ġewwa l-Komunità, protezzjoni għad-depożitaturi fil-każ li d-depożiti mqiegħda ma' istituzzjoni ta' kreditu li tipparteċipa fi skema ta' garanzija tad-depożiti ma jkunux disponibbli.

27     Id-dritt għal kumpens ta' depożitaturi f'sitwazzjoni bħal din huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1) u (6) ta' din id-direttiva. Dan l-artikolu jiddetermina, fil-paragrafu (1) tiegħu, l-ammont massimu tal-kumpens li għalih depożitatur jista' jkollu pretensjoni abbażi tad-Direttiva filwaqt li fil-paragrafu (3) ta' l-istess artikolu huwa ppreċiżat li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, għal leġiżlazzjoni li toffri lid-depożitaturi protezzjoni aktar għolja jew aktar kompleta fir-rigward tad-depożiti. L-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19 jobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw li d-dritt għal kumpens tad-depożitatur, kif stabbilit, b'mod partikolari, fil-paragrafi (1) u (3) jista' jkun is-suġġett ta' rikors imressaq mid-depożitatur kontra l-iskema ta' garanzija tad-depożiti.

28     L-Artikolu 3(2) sa (5) ta' l-istess direttiva jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jassiguraw, b'kooperazzjoni ma' l-iskema ta' garanzija tad-depożiti, li l-imsemmija istituzzjonijiet ta' kreditu jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala membri ta' l-iskema ta' garanzija tad-depożiti u li jadottaw, jekk ikun meħtieġ. skond il-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-paragrafu (5), deċiżjoni ta' revoka ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-istituzzjoni ta' kreditu in kwistjoni.

29     L-għan ta' l-Artikolu 3(2) sa (5) tad-Direttiva 94/19 huwa li jassigura lid-depożitaturi li l-istituzzjoni ta' kreditu li magħha huma jagħmlu d-depożitu tagħhom tipparteċipa fi skema ta' garanzija tad-depożiti, b'tali mod li jkun imħares id-dritt tagħhom li jiġu kkumpensati fil-każ li d-depożitu tagħhom ma jkunx disponibbli skond ir-regoli previsti fl-imsemmija direttiva u, b'mod aktar partikolari, fl-Artikolu 7 tagħha. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet iservu biss sabiex tiġi stabbilita l-iskema ta' garanzija tad-depożiti kif prevista mid-Direttiva 94/19 u sabiex din tiffunzjona kif suppost.

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u kif osservaw il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif ukoll il-Kummissjoni, sakemm ikun assigurat il-kumpens tad-depożitaturi fil-każ li d-depożiti tagħhom ma jkunux disponibbli kif tipprovdi d-Direttiva 94/19, l-Artikolu 3(2) sa (5) ta' din id-direttiva ma jikkonferixxix lid-depożitaturi dritt li l-awtoritajiet kompetenti jadottaw il-miżuri ta' sorveljanza fl-interess tagħhom.

31     Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 94/19 hija kkorroborata mill-erbgħa u għoxrin premessa tagħha li teskludi li din id-direttiva jista' jkollha l-effett li tinvolvi r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri jew ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward tad-depożitaturi sakemm huma jkunu assiguraw il-kumpens jew il-protezzjoni tad-depożitaturi fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttiva.

32     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sakemm ikun assigurat il-kumpens tad-depożitaturi previst mid-Direttiva 94/19, l-Artikolu 3(2) sa (5) ta' din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitwettqu biss fl-interess ġenerali b'tali mod li tkun eskluża l-possibbiltà fid-dritt nazzjonali li individwi jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat minn sorveljanza ineffettiva minn din l-awtorità.

 Fuq it-tieni domanda

33     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Bundesgerichtshof tixtieq sostanzjalment tkun taf jekk id-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646, safejn fihom regoli dwar is-sorveljanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, jipprekludux li regola nazzjonali tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitwettqu biss fl-interess ġenerali b'tali mod li fid-dritt nazzjonali tkun eskluża l-possibbiltà li individwi jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat minn sorveljanza ineffettiva minn din l-awtorità.

34     F'dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li d-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646 kienu ġew miġbura fil-qafas tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 126, p. 1) peress li l-leġiżlatur Komunitarju kien ikkodifikahom minħabba l-fatt li huma kienu ġew emendati diversi drabi u b'mod sostanzjali.

35     Dawn it-tliet direttivi kienu ġew adottati bis-saħħa ta' l-Artikolu 57(2) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 47(2) KE), li jipprovdi li, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-attivitajiet ta' persuna li taħdem għal rasha u l-eżerċizzju ta' dawn l-attivitajiet, il-Kunsill għandu jadotta direttivi intiżi għall-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw dan l-aċċess u l-eżerċizzju.

36     Mill-ewwel premessa tad-Direttiva 89/646, kif imfakkra fir-raba' premessa tad-Direttiva 2000/12, jirriżulta li l-armonizzazzjoni stabbilita minnha tikkostitwixxi l-istrument essenzjali għat-twettiq tas-suq intern, mill-aspett kemm tal-libertà ta' stabbiliment kif ukoll tal-libertà li jkunu pprovduti servizzi, fis-settur ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

37     Mir-raba' premessa tad-Direttiva 89/646, kif imfakkra fis-seba' premessa tad-Direttiva 2000/12, jirriżulta li l-approċċ adottat mil-leġiżlatur fis-settur ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jikkonsisti fit-twettiq ta' l-armonizzazzjoni essenzjali meħtieġa u suffiċjenti sabiex twassal għal rikonoxximent reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet u ta' l-skemi ta' sorveljanza prudenti, li jagħmel possibbli l-għoti ta' awtorizzazzjoni waħdanija li tkun valida fil-Komunità kollha u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sorveljanza mill-Istat Membru ta' oriġini.

38     F'uħud mill-premessi tad-direttivi li ssir referenza għalihom fil-partijiet (a) u (b) tat-tieni domanda jingħad b'mod ġenerali li l-armonizzazzjoni prevista hija intiża sabiex, fost għanijiet oħra, tipproteġi lid-depożitaturi.

39     Barra minn hekk, id-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646 jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali ċerti obbligi ta' sorveljanza fir-rigward ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

40     Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu Paul et, la mill-eżistenza ta' obbligi bħal dawn u lanqas mill-fatt li l-protezzjoni tad-depożitaturi hija wkoll waħda mill-għanijiet ta' l-imsemmija direttivi ma jirriżulta neċessarjament li dawn id-direttivi huma intiżi sabiex joħolqu drittijiet favur id-depożitaturi fil-każ li d-depożiti tagħhom ma jkunux disponibbli minħabba sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li d-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646 ma fihom l-ebda regola espressa li tikkonferixxi drittijiet bħal dawn fuq id-depożitaturi.

42     Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni prevista fid-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646, li huma bbażati fuq l-Artikolu 57(2) tat-Trattat, hija limitata għal dak li huwa essenzjali, neċessarju u suffiċjenti sabiex jaslu għal rikonoxximent reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet u tas-sistemi ta' sorveljanza prudenti li jagħmel possibbli l-għoti ta' awtorizzazzjoni waħdanija li tkun valida fil-Komunità kollha u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sorveljanza mill-Istat Membru ta' oriġini.

43     Issa, il-koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tad-depożitaturi fil-każ ta' sorveljanza ineffettiva ma jidhirx li hija meħtieġa sabiex jintlaħqu r-riżultati deskritti fil-punt preċedenti.

44     Barra minn hekk, bħalma huwa l-każ fid-dritt Ġermaniż, f'numru ta' Stati Membri huwa eskluż li, fil-każ ta' sorveljanza ineffettiva, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu jkunu responsabbli fir-rigward ta' l-individwi. B'mod partikolari, ġie sostnut li din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet tal-komplessità tas-sorveljanza bankarja li fil-kuntest tagħha l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jipproteġu bosta interessi, fosthom, b'mod aktar partikolari, l-interessi ta' l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

45     Fl-aħħar nett, permezz ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 94/19, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa protezzjoni minima għad-depożitaturi fil-każ li d-depożiti tagħhom ma jkunux disponibbli, li hija ggarantita wkoll fil-każ li din l-indisponibbiltà tkun ikkawżata minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti.

46     F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat, kif osservaw l-Istati Membri u l-Kummissjoni li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jikkonferixxu lid-depożitaturi drittijiet fil-każ ta' indisponibbiltà tad-depożiti tagħhom ikkawżata minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

47     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttivi 77/780, 89/299 u 89/646 ma jipprekludux regola nazzjonali li tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitwettqu fl-interess ġenerali biss, liema regola, skond id-dritt nazzjonali, teskludi li l-individwi jistgħu jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' din l-awtorità.

 Fuq it-tielet domanda

48     It-tielet domanda, li saret biss fl-eventwalità li tingħata risposta pożittiva jew parzjalment pożittiva għall-ewwel żewġ domandi, tikkonċerna l-involviment eventwali tar-responsabbiltà ta' l-Istat taħt il-prinċipji ta' dritt Komunitarju fil-każ ta' sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

49     Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-responsabbiltà ta' l-Istat għal ksur ta' regola ta' dritt Komunitarja tidħol fis-seħħ biss meta, b'mod partikolari, ir-regola ta' dritt miksura għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (ara s-sentenzi tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 51; tat-8 ta' Ottubru 1996, Dillenkofer et, C-178/94, C-179/94 u C-188/94 sa C-190/94, Ġabra p. I-4845, punt 21, u ta' l-4 ta' Diċembru 2003, Evans, C-63/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 83).

50     Issa, mir-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, jirriżulta li d-Direttivi 94/19, 77/80, 89/299 u 89/646 ma jikkonferixxux drittijiet lill-depożitaturi fil-każ li l-indisponibbiltà tad-depożiti tagħhom tkun ikkawżata minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sakemm ikun assigurat il-kumpens tad-depożitaturi previst fid-Direttiva 94/19.

51     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u għall-istess motivi bħal dawk li fuqhom huma bbażati l-imsemmija risposti, id-direttivi msemmija aktar 'il fuq ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkonferixxu lill-individwi, fil-każ ta' indisponibbiltà tad-depożiti tagħhom ikkawżata minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, drittijiet li jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà ta' l-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

52     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Sakemm ikun assigurat il-kumpens tad-depożitaturi previst mid-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 1994, dwar skemi ta' garanzija għal depożiti, l-Artikolu 3(2) sa (5) ta' din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitwettqu biss fl-interess ġenerali b'tali mod li tkun eskluża l-possibbiltà fid-dritt nazzjonali li individwi jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat minn sorveljanza ineffettiva minn din l-awtorità.

2)      L-Ewwel Direttiva tal-Kusnill 77/780/KEE, tat-12 ta' Diċembru 1977, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu, id-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE, tas-17 ta' April 1989, dwar il-fondi ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE, tal-15 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u li temenda d-Direttiva 77/780, ma jipprekludux regola nazzjonali li tipprovdi li l-funzjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitwettqu fl-interess ġenerali biss, liema regola, skond id-dritt nazzjonali, teskludi li l-individwi jistgħu jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn sorveljanza ineffettiva min-naħa ta' din l-awtorità.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.