SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

19 ta' Jannar 1982 (*)

"Effett tad-Direttivi"

Fil-kawża C-8/81

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Finanzgericht (Tribunal tal-Finanzi) ta' Münster, bl-iskop li tinkiseb, fil-kawża pendenti quddiem dan it-Tribunal bejn

Ursula Becker

vs

Finanzamt Münster

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn M. J. Mertens de Wilmars, President, G. Bosco, A. Touffait u O. Due, Presidenti ta' Awla, P. Pescatore, Mackenzie Stuart, A. O’Keeffe, T. Koopmans, U. Everling, A. Chloros u F. Grévisse, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Sir Gordon Slynn,

Reġistratur: A. Van Houtte

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Id-dritt

1        Permezz ta' digriet tas-27 ta’ Novembru 1980, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja nhar l-14 ta’ Jannar 1981, il-Finanzgericht ta’ Münster għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, domanda għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 B (d) 1 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) intiża biex jiġi deċiż jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi meqjusa bħala li ilha applikabbli direttament fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa mill-1 ta’ Jannar 1979 minħabba li dan l-Istat Membru naqas milli jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-implementazzjoni tagħha fit-terminu preskritt.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Għandu jiġi mfakkar li s-Sitt Direttiva ġiet adottata nhar is-17 ta’ Mejju 1977, u li skond l-Artikolu 1 tagħha, l-Istati Membri kellhom jadottaw, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1978, dawk il-liġijiet, regolamenti u provvedimenti amministrattivi meħtieġa biex jadattaw is-sistemi tagħhom tat-taxxa fuq il-valur miżjud skond l-eżiġenzi tad-Direttiva. Għadd ta’ Stati Membri, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma kinux f'pożizzjoni li jagħmlu l-adattamenti neċessarji fiż-żmien stipulat u għalhekk il-Kunsill, permezz tad-Disa' Direttiva 78/583/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1978, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU, L 194, p. 16), ipproroga t-terminu stabbilit mill-Artikolu 1 tas-Sitt Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1979, favur dawn l-Istati Membri.

3        Kien biss wara li ġiet ippromulgata l-liġi tas-26 Novembru 1979 (Bundesgesetzblatt I, p. 1953), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1980, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implementat is-Sitt Direttiva.

4        Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li teżerċita l-professjoni ta' negozjatriċi ta' krediti għal rasha, applikat, fid-dikjarazzjonijiet mensili tat-taxxa fuq id-dħul tagħha għall-perijodu bejn Marzu u Ġunju 1979, għal eżenzjoni mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tagħha, a bażi li l-Artikolu 13 B (d) 1 tas-Sitt Direttiva, li jobbliga lill-Istati Membri jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud, inter alia, "l-għoti u n-negozjar ta' krediti", li kien ilu jagħmel parti mil-liġijiet nazzjonali sa mill-1 ta’ Jannar 1979.

5        Mill-proċess jidher li r-rikorrenti għarrfet lill-Finanzamt dwar l-ammont tad-dħul tagħha u l-input tax li kienet ħallset, filwaqt li talbet l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13 B (d) 1 tad-Direttiva. Bħala konsegwenza, hija kienet dejjem tiddikjara l-ammont ta’ taxxa dovuta u t-tnaqqis ta' l-input tax imħallsa bħala “0”.

6        Il-Finanzamt m'aċċettax id-dikjarazzjonijiet tagħha, u fl-avviżi provviżorji għall-ħlas għax-xhur in kwistjoni, u b'mod konformi mal-liġi nazzjonali li kienet għadha ma ġietx emendata, issuġġetta t-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti għat-taxxa fuq id-dħul, bit-tnaqqis ta' l-input tax.

7        Kien proprju kontra dawn l-avviżi li r-rikorrenti, wara li l-applikazzjoni għall-eżenzjoni tagħha ġiet irrifjutata, ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht, li fih invokat id-dispożizzjoni ċċitata tad-Direttiva.

8        Quddiem il-Finanzgericht, il-Finanzamt iddefenda ruħu billi sostna li fiż-żmien in kwistjoni, is-Sitt Direttiva kienet għadha ma ġietx implementata fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra dan, il-Finanzamt żied li skond perċezzjoni li l-Istati Membri kollha jaqblu fuqha, l-Artikolu 13 B m'għandux jiġi kkunsidrat bħala li joħloq dritt li hu applikabbli direttament, peress li din id-dispożizzjoni tirriżerva marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

9        Bil-għan li tinsab soluzzjoni għal din il-kawża, il-Finanzgericht għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda:

“Id-dispożizzjoni relattiva għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta' krediti prevista mit-Titolu X, Artikolu 13 B (d) 1 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud - bażi uniformi ta' stima, ilha tapplika direttament fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa mill-1 ta’ Jannar 1979?”

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx irrappreżentata fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. It-teżi tagħha kienet appoġġjata mill-Kummissjoni, li ppreżentat argumenti lill-Qorti intiżi biex jiġi stabbilit li l-individwi jistgħu jinvokaw il-benefiċċju ta’ l-Artikolu 13 B (d) 1 tas-Sitt Direttiva.

11      Min-naħa l-oħra, il-Finanzamt u l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw għadd ta’ argumenti biex juru li d-dispożizzjoni in kwistjoni ma setgħetx tiġi invokata fil-perijodu - jiġifieri fis-sena fiskali 1979 - meta d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-implementazzjoni kienu ghadhom ma ddaħħlux fis-seħħ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Gvern tar-Repubblika Franċiża esprima l-istess opinjoni.

 Fuq il-mertu

12      Il-Finanzamt, il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża ma jinnegawx li f’ċerti ċirkustanzi d-dispożizzjonijiet tad-direttivi jistgħu jiġu invokati minn individwi, kif jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti, iżda jsostnu li dan l-effett m’għandux jiġi rrikonoxxut lid-dispożizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

13      Skond il-Gvern Franċiż, id-direttivi fiskali huma intiżi għal armonizzazzjoni progressiva tad-diversi sistemi fiskali nazzjonali, u mhux għas-sostituzzjoni tagħhom b’sistema fiskali Komunitarja. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tas-Sitt Direttiva, li tikkonsisti f'għadd ta’ dispożizzjonijiet li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, imħollija għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri. Peress li hemm għadd kbir ta’ għażliet li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu taħt din id-Direttiva, il-Gvern Franċiż huwa tal-fehma li d-Direttiva, fl-intier tagħha, ma jista’ jkollha ebda effett fl-Istati Membri qabel ma dawn jadottaw il-miżuri nazzjonali leġiżlattivi xierqa.

14      F'kull każ, huwa impossibbli, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-marġni ta' diskrezzjoni, il-poteri u l-għażliet li l-Artikolu 13 jagħti lill-Istati Membri, li jiġi attribwit xi effett dirett lid-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu. Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa ta’ l-istess fehma.

15      L-awtorità amministrattiva konvenuta, appoġġjata mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tiġbed l-attenzjoni għall-koerenza tas-sistema ta' tassazzjoni stabbilita mid-Direttiva u, b’mod partikolari, għall-problemi li jirriżultaw mill-katina ta' tassazzjoni, li hija karatteristika tat-taxxa fuq il-valur miżjud. L-awtorità amministrattiva tikkunsidra li mhuwiex possibbli li eżenzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 13 B (d) 1, tiġi iżolata mill-kuntest tagħha mingħajr ma jiġi ddisturbat il-mekkaniżmu sħiħ ta’ l-imsemmija sistema fiskali.

16      Fid-dawl ta' dawn l-argumenti, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-problema mqajma kemm fir-rigward tad-Direttiva kif ukoll fir-rigward tas-sistema fiskali kkonċernata, u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti relattiva għall-effett tad-direttivi.

 Fuq l-effett tad-direttivi b'mod ġenerali

17      Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat, “Id-direttivi għandhom jorbtu lil kull Stat Membru li lilu jiġu indirizzati, safejn jirrigwarda r-riżultat li għandu jintlaħaq, iżda għandhom iħallu l-kwistjonijiet ta' forma u mezzi fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali.”

18      Minn dan it-test jidher ċar li l-Istati li lihom tiġi indirizzata d-direttiva huma obbligati jiksbu r-riżultat, u dan qabel ma jagħlaq it-terminu stipulat mid-direttiva stess.

19      Minn dan isegwi li, kull fejn direttiva tiġi implementata tajjeb, l-effetti tagħha jolqtu lill-individwi permezz tal-miżuri ta' implementazzjoni meħudin mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas-6.5.1980, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju 102/79 Ġabra p. 1473).

20      Min-naħa l-oħra, jinqalgħu ċerti problemi partikolari fil-każ li Stat Membru ma jkunx implementa d-direttiva kif imiss u, aktar u aktar, meta d-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma jkunux ġew implementati fit-terminu stabbilit biex isir dan.

21      Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti u, aktar reċentement, mis-sentenza tal-5 ta’ April 1979 (Ratti, 148/78, Ġabra p. 1629), jirriżulta li filwaqt li skond l-Artikolu 189, ir-regolamenti huma direttament applikabbli u għalhekk, min-natura tagħhom stess kapaċi li jipproduċu effetti diretti, dan ma jfissirx li atti li jaqgħu taħt kategoriji oħra u koperti minn dak l-Artikolu ma jistgħu qatt jipproduċu effetti simili.

22      Fil-fatt, kien ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 189 jattribwixxi lid-direttiva, li tiġi eskluża, bħala regola, il-possibbiltà li l-obbligu impost minnha jiġi invokat mill-persuni kkonċernati.

23      B’mod partikolari, f’dawk il-każijiet fejn l-awtoritajiet tal-Komunità jkunu, permezz ta’ direttiva, obbligaw lill-Istati Membri jaġixxu b'ċertu mod, l-effettività ta’ tali att tiddgħajjef jekk iċ-ċittadini jiġu preklużi milli jinvokawh quddiem il-qrati u jekk il-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jeħduh in kunsiderazzjoni in kwantu huwa element tad-dritt Komunitarju.

24      Konsegwentement, Stat Membru li ma jkunx adotta l-miżuri ta’ l-implementazzjoni imposti mid-Direttiva fit-terminu stipulat, ma jistax imbagħad jinvoka, kontra l-individwi, l-inadempjenza tiegħu stess ta' l-obbligi li joħorġu mid-direttiva.

25      Għalhekk, f'kull każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, għal dak li jikkonċerna l-kontenut tagħhom, li huma inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta' miżuri ta' implementazzjoni adottati fit-terminu preskritt, kontra kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ma tkunx konformi mad-direttiva, jew ukoll, jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jkunu tali li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat.

26      Id-domanda tal-Finanzgericht hija intiża biex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 13 B (d) 1 tad-Direttiva huwiex ta' din in-natura. Skond l-imsemmi Artikolu, “l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta' kwalunkwe e[vaż]joni possibbli, evitar u abbuż:…. d) it-tranżazzjonijiet li ġejjin: 1. l-għoti jew in-negozjar ta' kreditu…".

 Fuq is-sistema tad-Direttiva u l-kuntest ta' l-Artikolu 13

27      Din id-dispożizzjoni, ikkunsidrata fiha nfisha u inkwantu tiddetermina liema tranżazzjoni tista' tiġi eżentata u l-benefiċjarju ta' din l-eżenzjoni, hija preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti. Madankollu, tibqa' l-kwistjoni jekk id-dritt għall-eżenzjoni li hija tagħti jistax jiġi meqjus bħala inkundizzjonat, fid-dawl tas-sistema ġenerali tad-Direttiva u tal-kuntest ta’ l-Artikolu 13, kif ukoll tal-karatteristiċi partikolari tas-sistema fiskali fil-kuntest li fih għandha tapplika l-eżenzjoni.

28      Rigward is-sistema ġenerali tad-Direttiva, jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-argument li joħroġ mill-fatt li d-dispożizzjoni li għaliha rriferiet il-qorti nazzjonali tifforma parti integrali minn direttiva ta' armonizzazzjoni li f’ħafna aspetti tirriżerva marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri li tinvolvi ċerti poteri u għażliet.

29      Filwaqt li mhemm ebda dubju li s-Sitt Direttiva tagħti lill-Istati Membri marġni ta' diskrezzjoni xi ftit jew wisq wiesgħa għall-implementazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, b’daqshekk ma jfissirx li l-individwi għandhom ikunu miċħuda mid-dritt li jinvokaw dawk id-dispożizzjonijiet li, fid-dawl tas-suġġett partikolari tagħhom, jistgħu jiġu iżolati mill-bqija u jiġu applikati separatament. Din il-garanzija minima favur dawk li ġew leżi min-nuqqas ta' implementazzjoni tad-Direttiva, hija konsegwenza tan-natura vinkolanti ta’ l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat. Dan l-obbligu jiġi pprivat minn kull effikaċja li kieku l-Istati Membri kellhom jitħallew jannullaw, b' riżultat ta’ l-inattività tagħhom, anki dawk l-effetti li ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva kapaċi jipproduċu bis-saħħa tal-kontenut tagħhom.

30      Konsegwentement, in-natura ġenerali tad-Direttiva in kwistjoni jew id-diskrezzjoni li tagħti lill-Istati Membri, ma jistgħux jiġu invokati sabiex dawk id-dispożizzjonijiet li, fid-dawl tas-suġġett tagħhom, jistgħu jiġu invokati utilment quddiem il-qrati anki jekk id-direttiva ma ġietx implementata fit-totalità tagħha, jiġu mċaħħda minn kull effett.

31      Rigward il-kuntest ta’ l-Artikolu 13, il-Finanzamt, sostenut mill-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari għall-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mis-sentenza tal-ftuħ tal-Parti B ta’ dan l-Artikolu, li tippreċiża li l-eżenzjoni hija mogħtija mill-Istati Membri “taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu" sabiex "jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet" u għall-"prevenzjoni ta' kwalunkwe e[vaż]joni possibbli, evitar u abbuż". Ġie rrilevat li, meta jiġu kkunsidrati dawk id-dispożizzjonijiet, il-klawżoli ta' eżenzjoni ta’ l-Artikolu 13 mhumiex inkundizzjonati; u għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati qabel ma jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet imsemmija.

32      Jeħtieġ f’dan ir-rigward li jiġi osservat li l-"kundizzjonijiet" imsemmija m'għandhom ebda effett fuq id-definizzjoni tal-kontenut ta' l-eżenzjoni prevista.

33      Minn naħa waħda, il-"kundizzjonijiet" imsemmija huma intiżi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' l-eżenzjonijiet previsti. Stat Membru ma jistax jinvoka l-fatt li jkun naqas milli jadotta dawk l-istess dispożizzjonijiet li huma intiżi eżattament biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din l-istess eżenzjoni, kontra persuna li tħallas it-taxxi li tista’ turi li s-sitwazzjoni fiskali tagħha taqa’ effettivament taħt waħda mill-kategoriji ta’ eżenzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva.

34      Barra dan, il-"kundizzjonijiet" jirrigwardaw il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-evażjoni fiskali, l-evitar u l-abbuż possibbli. Stat Membru li jkun naqas milli jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan ma jistax jinvoka l-omissjoni tiegħu sabiex jiċħad lil persuna taxxabbli l-benefiċċju ta' eżenzjoni li bis-saħħa tad-Direttiva hija tista' leġittimament titlob, iżjed u iżjed meta mhemm xejn li jxekkel lill-Istat milli, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward, jirrikorri għad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-liġijiet fiskali ġenerali tiegħu maħsuba biex jeliminaw l-evażjoni.

35      Jidher li l-argument ibbażat fuq l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 13 B għandu jiġi miċħud.

36      Il-Finanzamt, il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dak tar-Repubblika Franċiża jinvokaw ukoll, sabiex isostnu l-argument tagħhom li d-dispożizzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi invokata, il-Parti C ta’ l-Artikolu 13, li tgħid: "Għażliet. L-Istati Membri jistgħu jħallu lil min iħallas it-taxxa, dritt għal għażla ta’ tassazzjoni fil-każijiet ta': … b) it-tranżazzjonijiet koperti f'B (d), ... [L-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan id-dritt ta' l-għażla; huma għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet għall-eżerċizzju tiegħu]".

37      Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li l-għażla prevista minn din id-dispożizzjoni hija “rriżervata għall-Istati Membri” u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-fakultà biss fl-Artikolu 9 tal-liġi implementattiva. L-ebda antiċipazzjoni dwar din l-għażla legali ma hija ammissibbli. Fid-dawl ta' din il-fakultà, irriżervata għall-Istati Membri, u tal-possibbiltà li ġġib magħha li tiġi limitata l-portata tad-dritt ta’ l-għażla u li jiġu stabbiliti l-modalitajiet għall-eżerċizzju tiegħu, id-dispożizzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala regola inkundizzjonata.

38      Din l-argumentazzjoni hjia bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-portata ta’ l-Artikolu 13 C. Bis-saħħa tal-fakultà mogħtija minn din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-benefiċjarji ta' l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva, il-possibbiltà li jirrinunzjaw għall-eżenzjonijiet tagħhom f’kull każ jew f’ċerti limiti jew skond ċerti modalitajiet. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skond id-dispożizzjoni msemmija, meta Stat Membru jagħmel użu minn din il-fakultà, l-eżerċizzju ta' l-għażla mogħtija f'dawk iċ-ċirkustanzi huwa miftuħ biss għall-persuna li tħallas it-taxxa u mhux għall-Istat.

39      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13 C bl-ebda mod ma jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jimponu kundizzjonijiet fuq jew b’xi mod jillimitaw l-eżenzjonijiet previsti mill-parti B; l-Artikolu sempliċement jirriżerva għall-Istati Membri l-fakultà li jagħtu lill-benefiċjarji ta' dawn l-eżenzjonijiet, b'mod xi ftit jew wisq wiesgħa, il-possibbiltà li, jekk huma jidhrilhom li jkun jaqblilhom, jagħżlu huma nfushom li jiġu ntaxxati.

40      Jidher, għalhekk, li d-dispożizzjoni invokata mill-Finanzamt u mill-Gvern Ġermaniż sabiex juru li l-eżenzjoni hija kundizzjonata, mhijiex rilevanti għas-sitwazzjoni ta' persuna li tħallas it-taxxa li tkun uriet l-intenzjoni tagħha li tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva, peress li din l-intenzjoni bilfors teskludi l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-għażla mogħti mill-Artikolu 13 C.

 Fuq is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud

41      L-awtorità amministrattiva konvenuta, sostenuta mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tiżviluppa fid-dettall diversi argumenti kontra l-invokabilità ta' l-Artikolu 13 B (d) 1, li huma bbażati fuq il-karatteristiċi partikolari tas-sistema fiskali in kwistjoni, jiġifieri l-katina ta' tassazzjoni li hija tipika tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li hija mnissla mill-mekkaniżmu tad-dritt għat-tnaqqis. Fil-fehma tal-Finanzamt, il-ksur ta’ din il-katina, minħabba l-eżenzjoni, jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-interessi kemm tal-benefiċjarju stess ta' l-eżenzjoni, kif ukoll ta' dawk il-persuni li jħallsu t-taxxa u li jiġu qablu jew warajh fil-katina ta’ provvista. Il-Finanzamt jiġbed l-attenzjoni fuq il-kumplikazzjonijiet li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva tista' ġġib magħha għall-awtoritajiet amministrattivi fiskali qabel ma tiġi adattata l-liġi nazzjonali applikabbli.

42      F’dan il-kuntest, il-Finanzamt isostni l-ewwel nett li, f’ċerti ċirkustanzi, eżenzjoni prevista mid-Direttiva tista' tkun ta’ żvantaġġ għall-benefiċjarju stess, kull darba li dik il-persuna tipprovdi servizzi lil persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis. Jista’ jkun hemm ukoll żvantaġġi għall-benefiċjarju fil-każ li jsir aġġustament tat-tnaqqis fir-rigward ta' oġġetti kapitali, li skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva jista' jiġi effettwat tul perijodu ta' ħames snin. Il-Finanzamt jirreferi wkoll għad-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-ħruġ ta’ fatturi, imsemmija fl-Artikolu 22(3)(b), tad-Direttiva, li jgħid li l-fatturi li għandhom x'jaqsmu mal-provvista ta’ servizzi taxxabbli għandhom juru b’mod ċar l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Skond l-Artikolu 21(1)(c), indikazzjoni bħal dik tagħti lok, għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi eżentati, għal debitu fiskali indipendenti; skond l-Artikolu 17(2), it-taxxa dovuta skond din id-dispożizzjoni ma tista’ f’ebda ċirkustanza tiġi mnaqqsa bħala input tax mill-persuna li tkun irċeviet is-servizzi. Konsegwentement, il-konċessjoni ta’ eżenzjoni tikkostitwixxi żvantaġġ kunsiderevoli għan-negozjaturi ta' krediti li jkunu ħarġu fatturi li fuqhom ikun jidher l-ammont tat-taxxa.

43      L-awtorità amministrattiva tenfasizza, b’mod partikolari, il-konfużjoni kkawżata mill-fatt li eżenzjoni tista’ tintalab ukoll a posteriori, u dan għad-dannu ta’ dawk il-persuni li jħallsu t-taxxa li jagħmlu n-negozju mal-persuna eżentata u li jiġu jew qabilha jew warajha fil-katina tat-tranżazzjonijiet.

44      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li s-sistema tad-Direttiva taħdem b'tali mod li, minn naħa waħda, il-benefiċjarji ta' l-eżenzjoni, minħabba l-fatt li jkunu għamlu użu minnha, ikollhom bilfors jirrinunzjaw għad-dritt li jitolbu tnaqqis ta' l-input tax, u min-naħa l-oħra, ladarba jkunu ġew eżentati mit-taxxa, dawn ma jistgħu jgħaddu ebda ħlas lill-persuna li tiġi warajhom fil-katina ta’ provvista, bir-riżultat li, bħala regola, id-drittijiet ta’ terzi persuni ma jistgħux ikunu effettwati.

45      Jidher għalhekk li l-argumenti tal-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż rigward l-alterazzjoni tal-mod kif is-soltu jiġi ttrasferit il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud huma infondati fil-każ fejn dak li jħallas it-taxxa jkun wera l-intenzjoni tiegħu li jibbenefika mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva filwaqt li jġarrab il-konsegwenzi ta' l-għażla li jkun għamel.

46      Fl-aħħar nett, rigward l-argument ta' l-awtorità amministrattiva konvenuta dwar ix-xkiel ikkawżat mill-eżenzjonijiet li jintalbu a posteriori mill-persuna li tħallas it-taxxa, skond id-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti fil-każ ta’ bniedem li jkun talab il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni meta ppreżenta d-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu u li, konsegwentement, ma jkunx iffattura t-taxxa lil dawk li jirċievu s-servizzi tiegħu, u dan b'mod li d-drittijiet ta' terzi persuni ma jiġux effettwati.

47      Rigward id-diffikultajiet amministrattivi ta’ natura ġenerali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni prevista mid-Direttiva, f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni fiskali u l-prassi amministrattiva jkunu għadhom ma ġewx adattati għall-fatturi l-ġodda li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, biżżejjed jingħad li, li kieku kellhom jinqalgħu dawn id-diffikultajiet, dawn ikunu riżultat tan-nuqqas, min-naħa ta’ l-Istat Membru, li josserva t-terminu preskritt għall-implementazzjoni tad-Direttiva in kwistjoni. Il-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni jridu jbatuhom l-awtoritajiet amministrattivi u ma jistgħux jiġu ttrasferiti fuq min iħallas it-taxxa għaliex dawn ta’ l-aħħar jistrieħu fuq obbligu preċiż li l-Istat Membru kien ilu fid-dmir li jaqdi skond id-dritt Komunitarju sa mill-1 ta’ Jannar 1979.

48      Minn dan jirriżulta li anki l-argumentazzjoni bbażata fuq is-sistema fiskali li hija s-suġġett tad-Direttiva ma tistax tintlaqa'.

49      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjoni relattiva għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta' krediti prevista mill-Artikolu 13 B (d) 1, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud - bażi uniformi ta' stima, setgħet tiġi invokata mill-1 ta' Jannar 1979, fin-nuqqas ta' implementazzjoni ta' din id-Direttiva, minn negozjatur ta' krediti meta dan m'għaddiex it-taxxa lil persuni li jiġu warajh fil-katina ta’ provvista, mingħajr ma l-Istat jista' jinvoka kontrih in-nuqqas min-naħa tiegħu li jimplementa d-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

50      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula lilha mill-Finanzgericht Munster, permezz ta' digriet tas-27 ta' Novembru 1980, u tiddikjara:

1)      Id-dispożizzjoni relattiva għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta' krediti prevista mill-Artikolu 13 B (d) 1, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud - bażi uniformi ta' stima, setgħet tiġi invokata mill-1 ta' Jannar 1979, fin-nuqqas ta' implementazzjoni ta' din id-Direttiva, minn negozjatur ta' krediti meta dan m'għaddiex it-taxxa lil persuni li jiġu warajh fil-katina ta’ provvista, mingħajr ma l-Istat jista' jinvoka kontrih in-nuqqas min-naħa tiegħu li jimplementa d-Direttiva.

Mertens de Wilmars

Bosco

Touffait

Due

Pescatore

Mackenzie Stuart

O’Keeffe

Koopmans

Everling

Chloros

 

Grévisse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta' Jannar 1982.

A Van Houtte

 

      J. Mertens de Wilmars

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.