16.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 479/65


P9_TA(2022)0217

L-istabbiliment ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 – mikrokredenzjali, kontijiet ta' apprendiment individwali u apprendiment għal ambjent sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 – mikrokredenzjali, kontijiet ta' apprendiment individwali u apprendiment għal ambjent sostenibbli (2022/2568(RSP))

(2022/C 479/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022),

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2020 bit-titolu “A European approach to micro-credentials – output of the micro-credentials higher education consultation group” (Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali – il-kontribut tal-grupp ta' konsultazzjoni dwar il-mikrokredenzjali fl-edukazzjoni għolja),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (2),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 – mikrokredenzjali, kontijiet ta' apprendiment individwali u apprendiment għal ambjent sostenibbli (O-000011/2022 – B9-0013/2022 u O-000012/2022 – B9-0014/2022),

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A.

billi, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva u t-tagħlim tul il-ħajja huwa dritt bażiku tal-bniedem u huwa essenzjali għall-kisba u ż-żamma tal-ħiliet, għall-parteċipazzjoni sħiħa u attiva fis-soċjetà u sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għal suq tax-xogħol li qed jevolvi;

B.

billi l-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025;

C.

billi l-bidliet fis-suq tax-xogħol qed iwasslu biex il-ħiliet isiru skaduti iktar malajr u kkawżaw domanda dejjem tikber għal opportunitajiet ta' apprendiment flessibbli; billi l-motivazzjoni, il-ħin u l-finanzjament huma fatturi ewlenin fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

1.

Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, għall-kontijiet individwali tal-apprendiment u għall-apprendiment għas-sostenibbiltà ambjentali bħala parti miż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, li jgħin biex il-perkorsi tal-apprendiment isiru aktar flessibbli, iwessa' l-opportunitajiet ta' apprendiment, japprofondixxi r-rikonoxximent reċiproku, joħloq rabtiet mat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u jsaħħaħ ir-rwol li għandhom l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) fit-tagħlim tul il-ħajja;

2.

Jenfasizza li l-mikrokredenzjali u l-kontijiet individwali tal-apprendiment jistgħu jkunu importanti għall-persuni li jixtiequ jtejbu l-ħiliet, jitħarrġu mill-ġdid u jiksbu kwalifiki rikonoxxuti uffiċjalment sabiex ilaħħqu mal-bidliet rapidi fis-soċjetà u ma' suq tax-xogħol dejjem aktar diġitalizzat, kif ukoll jaqilbu l-perkorsi tagħhom għall-iżvilupp personali jew għall-mobbiltà soċjali 'l fuq;

3.

Jistieden lill-Kunsill jadotta definizzjoni komuni għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ta' mikrokredenzjali u standards komuni, li jiffurmaw il-bażi għall-garanzija tal-kwalità, ir-rikonoxximent, it-trasparenza u l-portabbiltà;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strument robust li jimmotiva lill-Istati Membri jimplimentaw il-mikrokredenzjali, li għandhom jibqgħu volontarji; jinnota li dan bħalissa huwa nieqes mill-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-pilotaġġ b'suċċess tal-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej bħala mudell;

5.

Jinsisti fuq l-importanza li jiġu pprovduti reġistri nazzjonali li jkunu faċli għall-utent u aġġornati regolarment, li għandhom ikunu viżibbli u faċilment aċċessibbli permezz ta' portal tal-UE, bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-kwalità tal-mikrokredenzjali u li l-mikrokredenzjali jsiru disponibbli f'format diġitali biex jiġu appoġġati t-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u l-akkwist ta' kompetenzi ġodda, tiżdied it-trasparenza u jittejbu l-mobbiltà, l-iskambji u l-kooperazzjoni transfruntiera u internazzjonali;

6.

Jenfasizza li l-mikrokredenzjali Ewropej huma partikolarment meħtieġa għar-rikonoxximent transsettorjali u transfruntier ta' perjodi iqsar ta' apprendiment, li huwa fundamentali biex titħeġġeġ mobilità akbar madwar l-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-użu tal-mikrokredenzjali fir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba permezz tal-mobilità Ewropea għall-apprendiment u l-involviment ċiviku fil-qafas tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u tirrapporta dwaru;

7.

Jissottolinja r-rwol ta' appoġġ li l-mikrokredenzjali għandu jkollhom biex jorbtu;-apprendiment informali u mhux formali mal-edukazzjoni formali; iħeġġeġ li jiġi żviluppat u implimentat qafas komuni biex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet, il-kompetenzi u l-metodoloġiji miksuba permezz tal-apprendiment informali u mhux formali;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi approċċ komuni għall-ħiliet psikosoċjali u personali f'konformità mad-definizzjonijiet adottati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u mill-UNESCO; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jispira ruħu mill-inizjattivi u l-proġetti attwali ffinanzjati taħt il-programmi tal-UE u mir-rapport ta' politika taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni dwar il-kompetenzi tul il-ħajja (3), u għandu jitfassal f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-għalliema u l-atturi tas-suq tax-xogħol sabiex, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni;

9.

Jirrimarka li r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-mikrokredenzjali fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jista' jkun pass lejn l-iffaċilitar tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki b'mod aktar ġenerali; iqis li l-istabbiliment ta' sistema Ewropea koerenti tal-mikrokredenzjali li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti jkun pass' il quddiem fit-tisħiħ tas-setgħa edukattiva u l-kompetittività globali tal-Ewropa;

10.

Ifakkar lill-awtoritajiet pubbliċi fir-rwol essenzjali tagħhom fl-iżgurar tal-bilanċ fit-taħriġ tal-ħiliet offrut lill-adulti u jirrimarka, b'mod partikolari, li l-ħiliet bażiċi, trasversali, psikosoċjali u personali huma importanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali daqs il-ħiliet tekniċi;

11.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja jiżviluppaw mikrokredenzjali biex joffru lill-istudenti esperjenzi soċjalment impenjattivi, ta' kwalità għolja u inklużivi, inklużi l-volontarjat, il-mentoraġġ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ matul l-istudji tagħhom;

12.

Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti riżorsi għas-servizzi ta' gwida u ta' konsulenza biex l-adulti u ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jidentifikaw u jiċċertifikaw il-ħiliet u l-kompetenzi li diġà jkunu kisbu permezz tal-apprendiment informali u jidderiġuhom lejn opportunitajiet biex ikomplu jiżviluppaw is-settijiet ta' ħiliet tagħhom, sabiex il-mikrokredenzjali jsiru għodod għall-inklużjoni aktar milli jipperpetwaw jew jikkonsolidaw l-inugwaljanzi eżistenti fl-aċċess għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; jinsisti fuq l-użu tal-mikrokredenzjali fil-livell universitarju ta' qabel il-lawrja sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarji primarji ma jkunux studenti minn gruppi li diġà jgawdu vantaġġi f'termini tal-edukazzjoni u tal-istatus professjonali;

13.

Jilqa' l-fatt li l-kontijiet individwali tal-apprendiment, flimkien mal-mikrokredenzjali, huma mfassla biex jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja aktar inklużiv, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd; ifakkar li dawn l-inizjattivi huma maħsuba sabiex ikunu għal kulħadd, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, l-istatus tal-impjieg, l-introjtu jew il-livell ta' edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa mentalità ta' tagħlim tul il-ħajja fost iż-żgħażagħ;

14.

Jinsisti li l-għażliet disponibbli permezz ta' kontijiet individwali tal-apprendiment m'għandhomx ikunu limitati wisq għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandhom iservu biex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini billi jippermettulhom jagħmlu għażliet individwali u jiftħu opportunitajiet ta' impjieg indipendenti u ta' intraprenditorija;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-intitolamenti għat-taħriġ fil-kontijiet individwali tal-apprendiment għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet, persuni b'diżabilità, studenti żvantaġġati, persuni minn gruppi vulnerabbli jew emarġinati, rifuġjati u dawk li jgħixu f'żoni remoti jew rurali, u biex jistabbilixxu kriterji ċari għall-allokazzjoni tagħhom;

16.

Iwissi li l-implimentazzjoni tal-mikrokredenzjali u tal-kontijiet individwali tal-apprendiment m'għandhiex toħloq ostakli mhux intenzjonati għall-istudenti adulti li jeħtieġu jkopru l-ispiża ta' programmi edukattivi aktar fit-tul u/jew formali;

17.

Jemmen li t-tagħlim għas-sostenibbiltà ambjentali għandu jiġi integrat fil-kurrikuli edukattivi kollha madwar l-UE b'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, inkluż permezz tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u globali, sabiex l-istudenti jingħataw is-setgħa biex ikunu jistgħu jsiru proponenti attivi ta' soċjetajiet aktar inklużivi u sostenibbli;

18.

Jenfasizza d-diversi benefiċċji potenzjali tat-tliet inizjattivi, peress li l-parteċipazzjoni akbar fi programmi ta' tagħlim għall-adulti hija assoċjata ma' titjib fil-litteriżmu ambjentali, parteċipazzjoni ċivika akbar, u relazzjoni aħjar mal-ambjent, is-sens ta' benesseri u s-sodisfazzjon tal-ħajja;

19.

Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi s-setturi kulturali u kreattivi biex jitrawmu mentalitajiet immirati lejn l-iżvilupp sostenibbli fir-riġenerazzjoni tar-realtajiet ekonomiċi, kif muri minn ċerti Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-opportunitajiet ġodda pprovduti mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

20.

Jinsisti li dawn l-inizjattivi għandhom jingħataw viżibilità eċċellenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi d-dimensjoni Ewropea u l-valur miżjud tagħhom, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod ċar il-benefiċċji possibbli u jsiru konxji tal-merti ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0452.

(3)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Science for Policy Report, LifeComp: The European Framework for Personal, Social and Learning to Learn Key Competence (Rapport dwar ix-Xjenza għall-Politika, LifeComp: Il-qafas Ewropew għall-kompetenza ewlenija personali, soċjali u biex wieħed jitgħallem jitgħallem), il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020.