52013PC0585

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika tar-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2013/0585 final - 2013/0284 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-VAT"), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2013, ir-Rumanija talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi applikata reverse charge għall-injam u l-prodotti tal-injam. B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata 17 ta’ Ġunju 2013, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra datata 18 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

Kuntest ġenerali

Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-persuna taxxabbli li tipprovdi merkanzija jew servizzi hi normalment responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Fl-2009, il-Gvern Rumen talab deroga skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT biex japplika proċedura ta’ reverse charge b'tali mod li l-persuna taxxabli li tirċievi l-fornimenti tal-prodotti jew servizzi, issir responsabbli għall-ħlas tal-VAT f'dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

- il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi minn persuni taxxabbli waqt li jkunu għaddejjin minn proċedura ta’ insolvenza, minbarra l-bejjiegħa bl-imnut.

- il-provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli - speċifikatament, siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex taħdem bih bit-tond jew bix-xaqq, injam biex jintuża bħala fjuwil, prodotti lesti tal-injam, injam imxellef jew bit-truf kwadri kif ukoll injam mhux irfinat, u injam ipproċessat jew nofsu maħdum.

It-talba kienet approvata mill-Kunsill u r-Rumanija kienet awtorizzata li tapplika r-reverse charge għall-provvisti msemmija hawn fuq sal-31 ta’ Diċembru 2013. Ir-Rumanija issa talbet għal estensjoni tad-deroga dwar l-applikazzjoni tar-reverse charge għal provvisti ta’ prodotti tal-injam. Ir-Rumanija madankollu għadha ma talbet l-ebda estensjoni tad-deroga fir-rigward tan-negozji li jkunu fi stat ta’ insolvenza.

Is-settur tal-forestrija fir-Rumanija jikkonsisti minn għadd kbir ta’ bejjiegħa mill-gdid u intermedjarji żgħar li huma diffiċli ħafna biex jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-provvisti ta’ sikwit isiru lil negozji akbar li huma stabbiliti sew fis-suq, li għalhekk huma iżjed faċli biex jiġu kkontrollati. Dan it-tip ta’ settur huwa għalhekk simili ħafna għal dawk koperti fl-Artikolu 199 tad-Direttiva tal-VAT u li għalihom ir-reverse charge uriet li hija strument effettiv mingħajr l-ebda impatt negattiv fuq il-frodi fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut jew frodi fi Stati Membri jew setturi. oħra.

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Rumen, estensjoni tad-deroga tidher ġustifikabbli.

Estensjoni għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet li fuqhom hi bbażata jkunux għadhom validi. Huwa għalhekk propost li t-talba tiġi aċċettata sal-31 ta’ Diċembru 2016 u li l-Gvern Rumen jippreżenta rapport li jinkludi reviżjoni tal-effiċjenza tal-miżura u evalwazzjoni tar-riskju ta’ frodi fis-settur tal-injam jekk tkun prevista talba għal estensjoni ġdida wara dik id-data aħħarija.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta timplika li għandha titkompla miżura li għandha l-għan li tiġġieled kontra l-evażjoni jew l-evitar possibbli tal-VAT u għalhekk għandha impatt ekonomiku potenzjalment pożittiv.

Id-deroga għandha ambitu limitat u speċifiku u għalhekk se jkollha biss impatt limitat.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

L-awtorizzazzjoni biex ir-Rumanija tkun tista’ tkompli tapplika miżura ta’ deroga mid-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti ta’ prodotti tal-injam.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin:

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

L-għażla tal-istrumenti

Strumenti proposti: oħrajn.

Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, huwa possibbli li ssir deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorità tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. L-uniku strument xieraq huwa Deċiżjoni tal-Kunsill peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola sunset.

2013/0284 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tar-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali  ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Permezz ta’ ittra rreġistrata fil-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2013, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni għal estensjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ provvisti ta’ prodotti tal-injam.

(2)       B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata 17 ta’ Ġunju 2013 bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta’ ittra datata 18 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tevalwa t-talba.

(3)       L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tipprovdi merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(4)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/583/UE tas-27 ta’ Settembru 2010 awtorizzat lir-Rumanija biex tapplika miżura ta’ deroga skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tikkunsidra min jirċievi l-prodotti jew servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti ta’ prodotti tal-injam.

(5)       Qabel din l-awtorizzazzjoni biex tapplika reverse charge għall-provvisti tal-injam, ir-Rumanija kellha problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Hemm għadd kbir ta’ impriżi żgħar f'dan is-settur li l-awtoritajiet Rumeni jsibuha diffiċli biex jikkontrollaw. Il-ħatra tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT kellha, skont l-awtoritajiet Rumeni, l-effett li tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f’dan is-settur u tibqa' ġustifikata.

(6)       Il-miżura hija proporzjonata mal-għanijiet segwiti peress li mhijiex maħsuba biex tapplika b'mod ġenerali, iżda biss għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f'settur li jippreżenta problemi konsiderevoli ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

(7)       Il-miżura m’għandhiex, fil-fehma tal-Kummissjoni, ikollha xi impatt negattiv fuq frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew f’setturi jew Stati Membri oħra.

(8)       L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata fir-rigward ta’ żmien sal-31 ta’ Diċembru 2016.

(9)       Fil-każ li r-Rumanija teħtieġ estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2016, għandu jitressaq rapport lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għal estensjoni, mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dik id-data għandha ssir evalwazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le.

(10)     Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tar-Rumanija hija b’dan awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2016 li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

Artikolu 2

Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli, inklużi siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex jinħadem fit-tond jew bix-xaqq, injam għall-użu bħala fjuwil, prodotti lesti tal-injam, kif ukoll injam imxellef jew bit-truf kwadri u injam mhux irfinut, u injam proċessat jew nofsu maħdum.

Artikolu 3

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016, u għandha tiġi akkumpanjata b’rapport li jinkludi evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-miżura u evalwazzjoni tar-riskju ta’ frodi fis-settur tal-injam.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tar-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President