52011DC0941

GREEN PAPER Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl /* KUMM/2011/0941 finali */


1. Introduzzjoni

Pagamenti elettroniċi siguri, effiċjenti, kompetittivi u innovattivi huma kruċjali jekk il-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-kumpaniji jridu jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-Suq Uniku, aktar u aktar hekk kif id-dinja timxi mill-kummerċ fiżiku għall-kummerċ elettroniku. Il-mod kif jinxtraw il-prodotti u s-servizzi fl-Ewropa qiegħed jinbidel b’mod fundamentali. Hekk kif iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jsiru dejjem iżjed attivi barra l-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, il-pagamenti elettroniċi li jaħdmu mingħajr problemi bejn il-fruntieri jiffaċilitaw b’mod sinifikanti l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Billi tibni fuq il-kisbiet fil-qasam tal-pagamenti bl-imnut, l-Ewropa għandha l-opportunità biex tkun fl-avangwardja ta’ x’jista’ jfisser ‘li tagħmel pagament’ fil-ġejjieni, sew jekk ikun b’kard tal-pagament, bl-internet jew bl-użu ta’ mowbajl.

L-ewwel pass importanti f’dan il-vjaġġ huwa ż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (Single Euro Payments Area - SEPA), li hija bbażata fuq il-premessa li ma għandu jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn il-pagamenti elettroniċi bl-imnut transkonfinali u dawk domestiċi[1] bil-munita euro madwar l-UE. Il-proġett tas-SEPA jkopri l-istrumenti prinċipali kollha tal-pagamenti bl-imnut: it-trasferimenti ta’ kreditu, id-debiti diretti u l-kards ta’ pagament. Minn din il-bażi, is-SEPA għandha tkun katalista għall-ħolqien ta’ suq Ewropew kompetittiv u innovattiv tal-pagamenti b’żewġ modi. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-proporzjon dejjem jiżdied ta’ pagamenti onlajn jew bl-internet (pagamenti-e) u pagamenti mobbli (pagamenti-m). Fuq kollox, l-użu ta' massa ta' smart phones qiegħed jibdel ix-xenarju tal-pagamenti u qiegħed iwassal għal applikazzjonijiet ġodda ta’ pagament, pereżempju l-kartieri elettroniċi, li jissostitwixxu l-kartieri u l-kards fiżiċi, jew il-biljetti virtwali tat-trasport pubbliku maħżuna f’mowbajl. Hawnhekk, l-istrumenti tal-pagament pan-Ewropew tas-SEPA jistgħu jipprovdu l-bażi għal innovazzjonijiet ta’ pagamenti iżjed integrati u siguri. It-tieni, l-istandards u r-regoli eżistenti żviluppati taħt is-SEPA jistgħu jerġgħu jiġu applikati għal strumenti ta’ pagament f’muniti mhux euro, li jestendu l-konfini tas-Suq Uniku għall-pagamenti lil hinn mit-tranżazzjonijiet denominati fl-euro.

Il-benefiċċji ta’ integrazzjoni akbar tas-suq joħorġu prinċipalment minn erba’ fatturi:

1)           Aktar kompetizzjoni — f’industrija ta’ netwerk, bħall-pagamenti, l-aċċess għas-suq għall-entranti ġodda jew għall-kompetituri minn Stati Membri oħra huwa ffaċilitat permezz tal-integrazzjoni. Abbażi ta’ standards miftuħa komuni, il-fornituri ta’ servizz jistgħu joffru s-soluzzjonijiet ta’ pagament eżistenti tagħhom f’iżjed minn pajjiż wieħed. Dan jespandi l-bażi tan-negozju tagħhom u b’hekk joħloq inċentiv għall-innovazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-ispejjeż u l-prezzijiet sabiex jiġu pprovduti l-pagamenti, jikkonverġu ’l isfel. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni akbar tista’ tnaqqas id-dominanza preżenti tas-suq tal-kards ta’ pagament miż-żewġ skemi eżistenti ta’ kards internazzjonali.

2)           Iżjed għażla u trasparenza għall-konsumaturi — b’għażla usa' ta’ servizzi kompetittivi, l-utenti tal-pagamenti jistgħu jagħżlu l-istrumenti ta’ pagament u l-fornituri li li jaqdu l-aħjar il-ħtiġijiet tagħhom. Illum, l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż tal-għażla li jagħmlu, ħafna drabi mhumiex viżibbli għall-konsumaturi[2]. Minħabba l-ispejjeż moħbija, ħafna drabi jintuża l-iżjed metodu għali ta’ pagament u l-ispejjeż jiġu mgħoddija indirettament lill-konsumaturi kollha permezz ta’ prezzijiet ogħla. B’kuntrast, suq integrat u trasparenti jiggwida lill-konsumaturi lejn l-iżjed strumenti ta’ pagament effiċjenti.

3)           Iżjed innovazzjoni — suq integrat iżid l-effetti tal-iskala. Dan ifisser li l-atturi eżistenti jkollhom iżjed opportunitajiet biex jiffrankaw l-ispejjeż jew biex iżidu d-dħul. Barra minn hekk, l-inċentivi għall-innovazzjoni mill-entranti ġodda fis-suq ikunu akbar u tiżdied il-firxa ġeografika tal-innovazzjoni.

4)           Żieda fis-sigurtà tal-pagamenti u fil-fiduċja tal-konsumaturi — b'konformità mal-progress miksub fil-pagamenti sikuri u siguri fil-punt tal-bejgħ, suq integrat iżid is-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tal-pagamenti mill-bogħod, bħall-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli.

Suq integrat tal-UE għas-servizzi ta’ pagament jista’ jipproduċi wkoll, bħala prodott inċidentali, dejta amministrattiva li tista’ tintuża għall-produzzjoni ta’ statistika armonizzata. Din iżżid il-kwalità u l-ambitu tal-istatistika tal-UE, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji u investiment limitat għall-komunità statistika.

Din il-Green Paper tivvaluta x-xenarju preżenti tal-pagamenti bil-kards, il-pagamenti bl-internet u l-pagamenti mobbli fl-Ewropa, tidentifika n-nuqqasijiet bejn is-sitwazzjoni preżenti u l-viżjoni ta’ suq tal-pagamenti kompletament integrat u l-ostakli li ħolqu dawn in-nuqqasijiet. L-għan tal-Green Paper huwa li tniedi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex jivvalida jew jikkontribwixxi għall-analiżi tal-Kummissjoni u biex jgħin sabiex tiġi identifikata t-triq it-tajba sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tas-suq.

2. xenarju tal-pagamenti preżenti u n-nuqqasijiet tiegħu

Is-suq tal-pagamenti bl-imnut fl-euro huwa wieħed mill-akbar fid-dinja u jinvolvi miljuni ta’ kumpaniji u mijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini. Skont statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), fl-2009 saru kważi 58 biljun tranżazzjoni ta’ pagament bl-imnut fiż-żona tal-euro waħedha. L-Anness 1 jipprovdi analiżi statistika skont l-istrument ta’ pagament. Il-benefiċċji ekonomiċi tal-integrazzjoni ta’ dan is-suq huma sostanzjali. Pereżempju, studji jissuġġerixxu li l-migrazzjoni sħiħa għas-SEPA għat-trasferimenti ta’ kreditu, id-debiti ta’ kreditu u l-kards ta’ pagament jistgħu jipproduċu benefiċċji diretti u indiretti ta’ iżjed minn EUR 300 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin. Il-livell preżenti ta’ integrazzjoni tal-pagamenti fuq livell Ewropew ivarja b’mod konsiderevoli bejn id-diversi strumenti ta’ pagament (bħat-trasferimenti tal-kreditu, id-debiti ta’ kreditu u l-kards ta’ pagament) li jintużaw sabiex isir pagament.

2.1. Strumenti prinċipali ta’ pagament (trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti)

It-trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti huma l-uniċi strumenti ta’ pagament li għalihom jeżistu skemi pan-Ewropej speċifiċi ta’ pagament, jiġifieri s-settijiet ta’ regoli dwar it-Trasferiment ta’ Kreditu tas-SEPA (SEPA Credit Transfer - SCT) u dwar id-Debiti Diretti tas-SEPA (SEPA Direct Debit -SDD) żviluppati mill-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti (European Payments Council - EPC) għall-pagamenti bl-euro. F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi skadenzi obbligatorji għall-migrazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ pagament għall-iskemi pan-Ewropej[3]. L-ilħuq ta’ din il-mira essenzjali se jpoġġi l-bażi għal iżjed integrazzjoni tas-suq għall-istrumenti ta’ pagament u l-kanali deskritti hawn taħt.

2.2. Kards ta’ pagament

Il-kards ta’ pagament huma l-iżjed strument ta’ pagament elettroniku komuni u li jintuża ta’ spiss għall-pagamenti bl-imnut. F’termini ta’ volum (għadd ta’ tranżazzjonijiet), il-pagamenti bil-kards kienu jirrappreżentaw terz tal-pagamenti bl-imnut kollha fl-2009. Kien hemm madwar 726 miljun kard ta’ pagament li qiegħdin jintużaw fl-UE, li jirrappreżentaw 1.45 kards per capita. Bħala medja, il-konsumaturi tal-UE nefqu EUR 2 194 għal kull kard fi 43 tranżazzjoni bil-kard fil-punt tal-bejgħ (fl-2009[4], ara l-Anness 1 għad-dejta speċifika dwar il-pajjiżi).

Madankollu, l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-kards ta’ pagament għadha mhijiex lesta u r-riżultati tanġibbli għadhom limitati. Żieda qawwija fil-volum ta’ pagamenti bil-kards matul l-aħħar għaxar snin u l-effetti fuq skala kbira li rriżultaw ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż għall-konsumaturi u fit-tariffi interbankarji u għan-negozjanti. Barra minn hekk, l-iskemi tal-kards ta’ debitu domestiċi ħafna drabi mhumiex aċċettati barra mill-Istat Membru tal-oriġini, li jxekkel l-iżvilupp tas-Suq Uniku. L-użu frodulenti tal-kards ta’ pagament jibqa’ wkoll kwistjoni, speċjalment għat-tranżazzjonijiet mill-bogħod.

2.3. Pagamenti permezz tal-internet (pagamenti elettroniċi)

Il-pagamenti elettroniċi huma pagamenti li jsiru fuq l-internet, ġeneralment b’wieħed minn dawn it-tliet modi:

1)           It-twettiq ta’ tranżazzjoni b’kard ta’ pagament mill-bogħod permezz tal-internet.

2)           Trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti bbażati fuq servizzi bankarji onlajn li bihom min iħallas juża portal bankarju onlajn għall-awtentikazzjoni (attwalment operattiv biss fuq livell domestiku)[5].

3)           Pagamenti permezz ta’ fornituri ta’ pagamenti elettroniċi, li magħhom il-konsumatur ikun stabbilixxa kont individwali. Il-kontijiet jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta’ metodi ta’ pagament ‘tradizzjonali’, pereżempju trasferimenti bankarji jew pagamenti b’kards ta’ kreditu.

Bit-tfaċċar tal-kummerċ elettroniku, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti minn fuq l-internet, il-pagamenti elettroniċi għandhom rwol dejjem aktar importanti. Skont Forrester Research[6], l-għadd ta’ xerrejja onlajn huwa previst li jiżdied minn 141 miljun fl-2009 għal 190 miljun sal-2014. Ir-rati ta' tkabbir annwali tad-daqs tas-suq tal-kummerċ elettroniku matul il-ħames snin li ġejjin huma pproġettati għal madwar 10 %. L-infiq medju per capita fuq livell tal-UE huwa previst li se jiżdied minn EUR 483 fl-2009 għal EUR 601 fl-2014. Minkejja l-potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti tiegħu, il-kummerċ elettroniku fil-preżent jirrappreżenta biss 3.4 % tal-kummerċ bl-imnut Ewropew kollu[7], u għalhekk għad hemm potenzjal ta’ tkabbir konsiderevoli li għadu ma ġiex sfruttat.

Skont konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-kummerċ elettroniku[8], il-pagamenti ġew identifikati bħala wieħed mill-ostakli prinċipali għat-tkabbir ġejjieni tal-kummerċ elettroniku. Il-kwistjonijiet prinċipali relatati li ġew identifikati fil-konsultazzjoni jinkludu d-diversità tal-metodi ta’ pagamenti madwar l-Istati Membri, l-ispiża tal-pagamenti għall-konsumaturi u n-negozjanti, speċjalment għall-pagamenti ta’ valur baxx (mikropagamenti) u s-sigurtà tal-pagamenti. In-nuqqas ta’ qafas (awto)regolatorju koerenti u komprensiv fil-preżent iwassal għal ambjent Ewropew ta’ pagamenti elettroniċi li huwa fframmentat ħafna tul il-fruntieri nazzjonali b’għadd żgħir ta’ skemi domestiċi ta’ pagament elettroniku li rnexxew u għadd limitat ta’ atturi internazzjonali kbar minn barra l-Ewropa.

2.4. Pagamenti mobbli (pagamenti-m)

Il-pagamenti mobbli huma pagamenti li għalihom id-dejta dwar il-pagament u l-ordni ta’ pagament jiġu mibdija, trażmessi jew ikkonfermati permezz ta’ telefown jew apparat mobbli. Dan jista’ japplika għax-xiri onlajn jew offlajn ta’ servizzi, prodotti diġitali jew fiżiċi.

Il-pagamenti mobbli jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji prinċipali:

1)           Il-pagamenti mobbli mill-bogħod iseħħu l-aktar permezz tal-internet/WAP[9] jew permezz ta’ servizzi primjum tal-SMS li jiġu ċċarġjati lil min iħallas permezz tal-Operatur tan-Netwerk Mobbli (Mobile Network Operator - MNO). Il-biċċa l-kbira tal-pagamenti mobbli permezz tal-internet fil-preżent huma bbażati fuq skemi ta’ pagament bil-kard. Soluzzjonijiet oħra, ibbażati fuq it-trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti, huma teknikament fattibbli u possibbilment siguri, effiċjenti u kompetittivi daqshom, iżda donnhom għandhom diffikultajiet biex jidħlu fis-suq.

2)           Il-pagamenti ta’ prossimità ġeneralment iseħħu fil-punt tal-bejgħ. Billi jużaw "Near Field Communication" (NFC), it-teknoloġija ewlenija ta’ prossimità f’dan l-istadju, il-pagamenti jeħtieġu telefowns mgħammra speċifikament li jistgħu jiġu rikonoxxuti meta jitpoġġew qrib modulu li jaqra fil-punt tal-bejgħ (eż. ħwienet, trasport pubbliku, spazji ta’ parkeġġ).

Dawn id-definizzjonijiet, b’mod partikolari dawk għall-pagamenti mobbli mill-bogħod, jissuġġerixxu li l-linja bejn il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli hija vaga, u tista’ ssir saħansitra aktar vaga fil-ġejjieni.

Il-volum ta’ pagamenti magħmula permezz tal-mowbajls huwa dak li qiegħed jikber bl-akbar pass mgħaġġel fost il-metodi kollha ta’ pagament. Il-proliferazzjoni rapida ta’ smart phones bl-opzjoni li jiġu installati applikazzjonijiet sofistikati ta’ pagament, alimentat dan l-iżvilupp. Juniper Research tbassar li bejn l-2010 u l-2012, il-valur tal-pagamenti mobbli kollha madwar id-dinja se jiżdied minn USD 100 biljun għal USD 200 biljun. Studji oħra jissuġġerixxu li l-valur tal-pagamenti mobbli madwar id-dinja se jaqbeż USD 1 triljun fl-2014, USD 350 biljun minnhom fl-Ewropa biss. Huwa stmat ukoll li wieħed minn kull ħames smart phones se jkollhom il-kapaċita għall-NFC sal-istess data.

Il-penetrazzjoni tas-suq tal-pagamenti mobbli fl-UE għad għandha potenzjal konsiderevoli mhux realizzat, meta mqabbel, pereżempju, mar-reġjun tal-Asja/Paċifiku. Skont stimi mill-kumpanija tar-riċerka Gartner, kien hemm 7.1 miljun utent ta’ pagament mobbli fl-Ewropa tal-Lvant fl-2010, meta mqabbel ma’ 62.8 miljun utent fl-Asja/Paċifiku, proporzjon kbir minnhom fil-Ġappun. Waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-penetrazzjoni aktar bil-mod fl-Ewropa hija s-suq frammentat ħafna tal-pagamenti mobbli. L-atturi prinċipali tas-suq (l-operaturi tan-netwerks mobbli, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, il-manifatturi tal-mowbajls) għadhom ma qablux fuq mudell kummerċjali vijabbli li jippermetti soluzzjonijiet interoperabbli. Minħabba f’hekk, l-akbar u l-iżjed inizjattivi globali promettenti ta’ pagament mobbli bħalissa qed jiġu varati barra mill-Ewropa. Apple, Google u Visa kollha ħabbru katalizzaturi ewlenin biex jidħlu fin-negozju tal-pagamenti mobbli.

L-isforzi għall-integrazzjoni tal-pagamenti mobbli fuq livell Ewropew attwalment iseħħu fuq bażi awtoregolatorja. F’dan il-kuntest, l-EPC qiegħed jikkoopera mal-assoċjazzjoni globali tal-operaturi mobbli (Global Association of Mobile Operators - GSMA) u f’Lulju 2010 ippubblika White Paper dwar il-pagamenti mobbli[10]. Il-White Paper tiffoka fuq il-pagamenti mobbli permezz tal-kards ta’ pagament.

L-istess bħal fil-każ tal-pagamenti elettroniċi, in-nuqqas ta’ qafas Ewropew konkret li jindirizza t-tħassib prinċipali, bħall-istandards tekniċi, is-sigurtà, l-interoperabilità, u l-kooperazzjoni bejn il-parteċipanti fis-suq, jirriskja li jipperpetwa suq frammentat tal-pagamenti mobbli fl-Ewropa. Barra minn hekk, kemm għall-pagamenti elettroniċi kif ukoll għall-pagamenti mobbli, il-parteċipanti (potenzjali) fis-suq jidhru riluttanti li jinvestu sakemm is-sitwazzjoni legali rigward il-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ arranġamenti kollettivi għat-tariffi, pereżempju għall-kards ta’ pagament, ma tkunx ġiet solvuta (ara 4.1. hawn taħt).

3. Viżjoni u għanijiet

Skont il-viżjoni tas-SEPA ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE għall-pagamenti bl-imnut elettroniċi bl-euro madwar l-UE[11], ma għandu jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn il-pagamenti domestiċi u dawk transkonfinali. Abbażi tal-istandards u s-settijiet ta’ regoli pprovduti mis-SEPA, din id-distinzjoni għandha ssir obsoleta wkoll għall-pagamenti mhux bl-euro fi ħdan l-UE. Dan jirriżulta f’Suq Uniku tassew diġitali f’livell tal-UE. Integrazzjoni sħiħa tkun tfisser:

Il-konsumaturi jużaw kont bankarju wieħed għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament, anki jekk ikunu jgħixu barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew jivvjaġġaw ta’ spiss madwar l-UE. Billi tiġi aċċellerata l-innovazzjoni, il-pagamenti jsiru aktar konvenjenti u aġġustati għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tat-tranżazzjoni ta’ xiri (onlajn v offlajn, mikropagamenti v pagamenti ta’ valur kbir, eċċ.).

In-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw il-proċessi tagħhom ta’ pagament u jiċċentralizzaw l-operazzjonijiet finanzjarji madwar l-UE. Dan għandu potenzjal sinifikanti sabiex jiġġenera ffrankar. Barra minn hekk, standards miftuħa komuni u saldu aktar veloċi tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament itejbu l-fluss tal-flus.

In-negozjanti jistgħu jibbenefikaw ukoll minn soluzzjonijiet ta’ pagament elettroniku rħas, effiċjenti u siguri. Iż-żieda fil-kompetizzjoni tagħmel l-alternattivi għall-immaniġġar tal-flus kontanti iżjed attraenti. Min-naħa tagħha, din tagħmel ukoll id-dħul fil-kummerċ elettroniku iżjed konvinċenti u twassal għal esperjenzi aħjar tal-konsumaturi meta jagħmlu l-pagamenti.

Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament (Payment service providers - PSPs), jiġifieri l-banek u PSPs mhux banek, jistgħu jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala billi jistandardizzaw l-istrumenti ta’ pagament, u b’hekk jiksbu ffrankar fl-ispejjeż wara l-investiment inizjali. Dan jiftaħ l-aċċess għal swieq ġodda, kemm sabiex tiżdied il-bażi tad-dħul għall-istrumenti ta’ pagamenti eżistenti kif ukoll sabiex jiġu mnedija innovazzjonijiet fuq skala aktar wiesgħa.

Il-fornituri tat-teknoloġija, bħall-bejjiegħa tas-softwer, il-proċessuri u l-konsulenti tal-IT, jistgħu jibbażaw il-ħidma ta’ żvilupp u s-soluzzjonijiet tagħhom fuq strumenti pan-Ewropej, u b’hekk jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Biex din il-viżjoni ssir realtà għall-pagamenti bil-kards, il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet addizzjonali, bħas-sigurtà, il-libertà tal-għażla, l-innovazzjoni teknika u kummerċjali mhux imxekkla, l-istandardizzazzjoni tad-diversi komponenti u l-interoperabilità. Il-kapitolu li jmiss jesplora dawn il-kwistjonijiet f’aktar dettall.

4. Il-ħtieġa li tiġi promossa u aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq

Bi qbil mal-viżjoni ta’ hawn fuq, kienu identifikati ħames modi potenzjali kif tiġi stimulata l-integrazzjoni ulterjuri tal-pagamenti bil-kards, il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli.

4.1. Il-frammentazzjoni tas-suq, l-aċċess għas-suq u d-dħul fis-suq bejn il-fruntieri

Jistgħu jiġu identifikati għadd ta’ kwistjonijiet separati f’dan il-kuntest. Importanti wieħed jinnota li dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li storikament kollha joħorġu minn prattiki kummerċjali għall-kards ta’ pagament, huma applikati jew fl-istess għamla għall-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli jew tal-anqas għandhom effetti mifruxa sinifikanti li jaffettwaw indirettament il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli, pereżempju meta pagament elettroniku jew pagament mobbli jsir bl-użu ta’ kard ta’ pagament.

4.1.1. Tariffi Multilaterali tal-Interkambju (Multilateral Inter-change Fees - MIFs)

Taħt il-mudell kummerċjali ‘klassiku’ għall-iskemi ta’ kards b’erba’ partijiet, it-tariffi interbankarji jitħallsu mill-PSP tan-negozjant (il-PSP akkwirent) lill-PSP tad-detentur tal-kard (il-PSP emittent) għal kull tranżazzjoni b’kard. It-tariffi tal-interkambju jistgħu jiġu miftiehma b’mod bilaterali, bejn il-PSPs emittenti u l-PSPs akkwirenti, jew b’mod multilaterali, permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti għall-PSPs kollha li jipparteċipaw fi skema ta’ kards ta’ pagamenti. Aktar sfond dwar il-MIFs huwa pprovdut fl-Anness 2[12].

L-awtoritajiet u r-regolaturi tal-kompetizzjoni ilhom jistudjaw it-tariffi tal-interkambju għal xi żmien. F’ċerti pajjiżi mhux tal-UE[13], huma ġew indirizzati permezz ta’ regolament. Fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni adottaw diversi deċiżjonijiet li jipprojbixxu arranġamenti speċifiċi ta’ MIF taħt ir-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE[14].

Il-ġustifikazzjoni tas-soltu għall-MIFs hija li huma jipprovdu bażi għall-PSPs emittenti sabiex jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jużaw kard ta’ pagament. L-iċċarġjar ta’ MIFs jippermetti lill-PSPs emittenti li jagħtu kards mingħajr tariffi jew b’tariffi baxxi għad-detenturi tal-kards u potenzjalment jinkludu bonusijiet[15] għall-konsumaturi (eż. mili tal-ajru). Dan il-‘mekkaniżmu ta’ bilanċ’ jista’ joħloq effiċjenzi permezz ta’ użu akbar tal-kards.

L-eżistenza ta’ varjetà wiesgħa ta’ tariffi differenti/livelli differenti ta' tariffi u l-iskedi u l-ambitu differenti tal-proċeduri legali li għaddejjin jew li huma konklużi fuq livell nazzjonali u Ewropew tista’ twassal għal distorsjonijiet fis-Suq Uniku. Dan jista’ jiggrava l-frammentazzjoni tas-suq, u jfisser li l-bejjiegħa bl-imnut għadhom ma jistgħux igawdu l-benefiċċji ta’ Suq Uniku fil-kards ta’ pagament.

Barra minn hekk, MIFs għoljin jistgħu jaġixxu bħala ostakli għad-dħul għal skemi ta’ kards irħas u skemi oħra ta’ pagament (eż. pagamenti elettroniċi u pagamenti mobbli).

Dawn il-karatteristiċi tal-MIFs ġeneralment japplikaw fir-rigward ta’ skemi b’erba’ partijiet. L-iskemi bi tliet partijiet — li taħthom hemm biss PSP wieħed li jaqdi kemm lil min iħallas kif ukoll lil min jitħallas — japplikaw tariffa ‘impliċita’ ta’ interkambju li tista’ tqajjem kwistjonijiet simili ta’ restrizzjonijiet kompetittivi.

Il-problemi tal-MIFs għoljin u n-nuqqas ta’ trasparenza (ara 4.2) jidhru li huma partikolarment rilevanti għan-negozjanti li jaċċettaw kards kummerċjali — jiġifieri kards ta’ pagament maħruġa lill-kumpaniji u lill-impjegati tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jħallsu għal spejjeż relatati max-xogħol (eż. vjaġġi tan-negozju, provvisti tal-uffiċċju)[16] — li bihom id-detenturi tal-kards jistgħu jiġu inċentivati b’bonusijiet u vantaġġi oħra sabiex jużaw dan il-mezz ta’ pagament.

Mistoqsijiet

1)           Taħt l-istess skema ta’ kards, il-MIFs jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, u għall-pagamenti transkonfinali. Jista’ dan joħloq problemi f’suq integrat? Taħseb li t-termini u l-kundizzjonijiet differenti fis-swieq tal-kards fi Stati Membri differenti jirriflettu differenzi strutturali oġġettivi f’dawn is-swieq? L-applikazzjoni ta' tariffi differenti għal pagamenti domestiċi u transkonfinali tista' tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi?

2)           Hemm bżonn li tiżdied iċ-ċarezza legali dwar it-tariffi tal-interkambju? Jekk iva, kif u b’liema strument taħseb li dan jista’ jintlaħaq?

3)           Jekk taħseb li hija meħtieġa azzjoni dwar it-tariffi tal-interkambju, liema kwistjonijiet għandhom jiġu koperti u f’liema forma? Pereżempju, it-tnaqqis fil-livelli tal-MIFs, il-provvediment ta’ trasparenza fit-tariffi u l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq? Għandhom jiġu koperti l-iskemi bi tliet partijiet? Għandha ssir distinzjoni bejn il-kards għall-konsumaturi u l-kards kummerċjali?

4.1.2. Akkwisti transkonfinali

L-akkwisti transkonfinali jirreferu għal sitwazzjoni li fiha negozjant juża s-servizzi ta’ PSP akkwirent stabbilit f’pajjiż ieħor. Taħt dan l-arranġament, mhux biss in-negozjanti kollha jibbenefikaw minn kompetizzjoni akbar fuq it-Tariffi għas-Servizzi tan-Negozjant (Merchant Service Charges - MSCs) iżda l-kumpaniji jistgħu jaħtru wkoll akkwirent uniku għat-tranżazzjonijiet tagħhom, li jwassal għal effiċjenzi amministrattivi u kompetizzjoni transkonfinali.

Madankollu, għadd ta’ problemi jxekklu l-iżvilupp tal-akkwisti transkonfinali. Minbarra d-differenza fl-istandards tekniċi (trattati f’4.3), sensiela ta’ regoli u arranġamenti applikati mill-iskemi ta’ kards internazzjonali jistgħu jagħmlu l-akkwisti transkonfinali inqas attraenti għan-negozjanti:

– L-iskemi ta’ kards internazzjonali japplikaw sistemi speċjali ta’ awtorizzazzjoni u tariffi tal-iskemi/tal-liċenzja speċjali lill-akkwirenti li joffru servizzi transkonfinali.

– L-akkwirenti transkonfinali jridu jħallsu lill-PSPs emittenti l-MIF domestika applikabbli fil-pajjiż tal-punt tal-bejgħ. Dan jimpedixxi lin-negozjanti milli jfittxu l-irħas akkwirent, għalkemm il-PSP transkonfinali ġeneralment ma jkunx irreġistra għall-MIF domestika kkonċernata, li tiġi stabbilita mill-PSPs fil-pajjiż ikkonċernat.

– L-akkwirenti transkonfinali jistgħu jkunu wkoll fi żvantaġġ f’pajjiżi fejn il-PSPs domestiċi jkollhom netwerks paralleli ta’ ftehimiet bilaterali dwar it-tariffi tal-interkambju. Dan jimpedixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni transkonfinali billi l-akkwirenti jridu jħallsu l-ammont uffiċjali sħiħ tal-MIF.

Mistoqsijiet

4)           Attwalment hemm xi ostakli għall-akkwisti transkonfinali jew ċentrali? Jekk iva, x’inhuma r-raġunijiet? X’benefiċċji sostanzjali jinħolqu mill-iffaċilitar tal-akkwisti transkonfinali jew ċentrali?

5)           Kif jistgħu jiġu faċilitati l-akkwisti transkonfinali? Jekk taħseb li hija meħtieġa azzjoni, x’forma għandha tieħu u liema aspetti għandha tkopri? Pereżempju, l-awtorizzazzjoni obbligatorja minn qabel mill-iskema tal-kards ta’ ħlas għall-akkwisti transkonfinali hija ġustifikabbli? Għandhom il-MIFs jiġu kkalkulati abbażi tal-pajjiż tal-bejjiegħ bl-imnut (fil-punt tal-bejgħ)? Jew għandha tapplika MIF transkonfinali għall-akkwisti transkonfinali?

4.1.3. Co-badging

Il-co-badging jgħaqqad marki differenti ta’ pagament fuq l-istess kard jew strument. Illum, l-iżjed mod li jawgura tajjeb għall-iskemi l-ġodda biex jidħlu fis-suq jista’ jkun li jikkonvinċu lill-PSPs emittenti sabiex jagħmlu co-badging tal-kards ta’ pagament tagħhom li jkollhom marka ta’ skema internazzjonali (eżistenti) mal-marka kummerċjali l-ġdida. Dan jippermetti lill-konsumaturi li jagħżlu bejn il-marki kummerċjali meta jħallsu (bil-kundizzjoni li n-negozjant jaċċetta ż-żewġ marki), billi jikkunsidraw il-bonusijiet li jista’ jkun hemm mill-PSP emittenti tagħhom (mili tal-ajru, eċċ.) u l-inċentivi li jista’ jkun hemm min-negozjant (soprataxxa, skontijiet, gwida).

F’dan l-istadju mhuwiex ċar jekk, u eventwalment safejn, ir-regoli tal-iskemi eżistenti jippermettux marki kummerċjali li llum jikkompetu wkoll magħhom fis-swieq nazzjonali, li jidhru fuq l-istess kard. L-iskemi jistgħu jimponu wkoll rekwiżiti ta’ rappurtar jew imposti fuq l-emittenti u l-akkwirenti għat-tranżazzjonijiet imwettqa b’kards li jġorru l-marka kummerċjali tagħhom, anki jekk il-marka kummerċjali tagħhom ma tintużax f’dawn it-tranżazzjonijiet. Il-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards għandu regola li abbażi tagħha l-PSP emittent, f’konsultazzjoni mal-konsumatur, jista’ jagħżel minn qabel il-marka li għandha tintuża fuq kard co-badged fil-punt tal-bejgħ. Għalhekk, il-co-badging jista’ jqajjem ukoll kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni jekk huwa jintuża sabiex jillimita jew jinfluwenza b’mod mhux ġustifikat l-għażla tal-marka kummerċjali u/jew l-istrument ta’ pagament. Għalissa l-kwistjoni tal-co badging hija limitata għall-kards iżda fil-ġejjieni se tapplika dejjem iżjed għall-pagamenti mobbli.

Mistoqsijiet

6)           X’inhuma l-benefiċċji u/jew l-iżvantaġġi potenzjali tal-co-badging? Hemm xi restrizzjonijiet potenzjali fuq il-co-badging li huma partikolarment problematiċi? Jekk tista’, jekk jogħġbok ikkwantifika d-daqs tal-problema. Ir-restrizzjonijiet fuq il-co-badging mill-iskemi għandhom jiġu indirizzati u, jekk iva, f’liema forma?

7)           Meta jintuża strument ta’ pagament co-badged, min għandu jieħu d-deċiżjoni dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istrument li għandu jintuża l-ewwel? Kif jista’ dan jiġi implimentat fil-prattika?

4.1.4. Separazzjoni tal-iskemi tal-kards u l-ipproċessar tal-pagamenti bil-kards

Xi skemi ta’ kards għandhom sussidjarji li jipproċessaw it-tranżazzjonijiet u huma f’pożizzjoni li jimponu l-użu ta’ dan is-sussidjarju fuq il-parteċipanti fl-iskemi. Dan jikkostitwixxi ostaklu għall-proċessuri u għall-iskemi ta’ kards ġodda li jista’ jingħeleb billi b’mod effettiv tiġi separata l-ġestjoni tal-iskemi tal-kards mill-entitajiet li jipproċessaw il-pagamenti bil-kards. Is-separazzjoni għalhekk iżżid il-kompetizzjoni bejn l-iskemi tal-kards u bejn il-proċessuri u tippermetti lill-banek li jipparteċipaw biss f’infrastruttura konformi waħda. Il-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards (SEPA Cards Framework - SCF) jipprovdi għas-separazzjoni bejn il-ġestjoni tal-iskema u l-ipproċessar iżda ma jistabbilix arranġamenti speċifiċi.

Ir-riżultat tan-nuqqas preżenti ta’ qafas komuni ta’ interoperabilità huwa suq segmentat tal-ipproċessar tal-kards. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu mtejba l-proċeduri tekniċi u kummerċjali għall-ikklerjar u/jew is-saldu tal-pagamenti bejn banek li jużaw infrastrutturi differenti. L-iżvilupp ta’ standards ta’ pproċessar indipendenti mill-iskema jgħin ukoll l-implimentazzjoni tas-separazzjoni bejn l-iskemi u l-entitajiet tal-ipproċessar.

Mistoqsijiet

8)           Taħseb li l-irbit flimkien tal-entitajiet tal-iskemi u tal-ipproċessar joħloq problemi, u jekk iva, għaliex? Kemm hi kbira l-problema?

9)           Għandha tittieħed xi azzjoni dwar dan? Inti favur separazzjoni legali (jiġifieri separazzjoni operattiva, għalkemm is-sjieda tibqa’ tal-istess kumpanija possedenti) jew ‘separazzjoni sħiħa tas-sjieda’?

4.1.5. Aċċess għas-sistemi ta’ saldu

B’kuntrast mal-banek, l-istituzzjonijiet ta’ pagament kif iddefiniti mid-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (PSD)[17] u l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ma għandhomx aċċess dirett għas-sistemi ta’ kklerjar u saldu. Taħt l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu (SFD), l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment biss jistgħu jipparteċipaw f’sistemi ta’ saldu magħżula. Minħabba f’hekk, PSPs oħra jsostnu li ma jistgħux jikkompetu mal-banek fuq bażi ugwali billi huma obbligati jużaw is-servizzi ta’ bank biex jissaldaw il-pagamenti.

Mistoqsijiet

10)         L-aċċess mhux dirett għas-sistemi ta’ kklerjar u saldu joħloq problemi għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u jekk iva, kemm hi kbira l-problema?

11)         Għandu jiġi stabbilit qafas komuni għall-ipproċessar tal-kards li jistabbilixxi r-regoli għall-ipproċessar tal-kards SEPA (jiġifieri l-awtorizzazzjoni, l-ikklerjar u s-saldu)? Għandu dan jistabbilixxi termini u tariffi għall-aċċess għall-infrastrutturi tal-ipproċessar tal-kards taħt kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji? Għandu dan jindirizza l-parteċipazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Pagament u tal-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi f’sistemi ta’ saldu magħżula? L-SFD u/jew il-PSD għandhom jiġu emendati f’dak ir-rigward?

4.1.6. Konformità mal-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards (SCF)

Is-SCF żviluppat mill-ECP ma ġiex implimentat b’mod sħiħ fl-1 ta’ Jannar 2011, kif skedat oriġinarjament, billi ħafna mill-elementi sottostanti tiegħu mhumiex applikati attivament. L-impatt potenzjali tal-SCF mhuwiex limitat għall-pagamenti bl-euro. Filwaqt li l-SCF ikopri kards għal skop ġenerali li jintużaw biex isiru l-pagamenti u jinġibdu flus kontanti tal-euro fiż-żona kollha tas-SEPA, il-PSPs u l-iskemi li joperaw f’pajjiżi tas-SEPA li ma jużawx l-euro għandhom inċentiv sabiex ikunu konformi mal-SCF sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġaw it-tranżazzjonijiet bl-euro. Taħt l-SCF, l-iskemi eżistenti ta’ pagament għal pagamenti f'euro li mhumiex konformi mas-SEPA, fil-prinċipju se jiġu mneħħija mis-suq. Dan jimplika li l-iskemi mhux konformi se jispiċċaw wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-SCF. L-SCF jiddefinixxi l-obbligi sabiex il-kards ikunu konformi mas-SEPA: il-pagamenti bil-kards iridu jkunu garantiti mill-PSP emittenti u l-istandards tal-EMV (Chip u PIN) jiġu implimentati b’mod sħiħ. Dawn ir-rekwiżiti tekniċi jaffettwaw/jillimitaw ukoll il-mudelli tan-negozju li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni Ewropea bil-vantaġġ li għas-sistemi li huma permessi, jinħoloq suq Ewropew uniku integrat.

Mistoqsijiet

12)         X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kontenut u l-impatt fuq is-suq (prodotti, prezzijiet, termini u kundizzjonijiet) tal-SCF? L-SCF huwa suffiċjenti sabiex jixpruna l-integrazzjoni tas-suq fuq livell tal-UE? Hemm xi oqsma li għandhom jiġu riveduti? L-iskemi mhux konformi għandhom jgħibu wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-SCF, jew hemm każ għas-sopravivenza tagħhom?

4.1.7. Informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-fondi

F’bosta mudelli kummerjċali għas-servizzi ta’ pagament, l-informazzjoni minn qabel dwar id-disponibbiltà tal-fondi — meħtieġa għall-awtorizzazzjoni u/jew il-garanzija fuq il-pagament ta’ tranżazzjoni speċifika ta’ pagament — hija element fundamentali. Bħala d-detenturi tal-kont bankarju, il-banek għandhom ‘funzjoni ta’ portal’ li fil-fatt tiddetermina l-vijabilità ta’ bosta mudelli ta’ negozju. Anki jekk għal ċerti servizzi ġodda ta’ pagament il-konsumaturi jaqblu li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi fil-kont bankarju tagħhom tingħata lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-għażla tagħhom, il-banek jistgħu jirrifjutaw li jagħtu aċċess għal din l-informazzjoni lil fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament. Minħabba l-importanza tal-pagamenti siguri u l-fiduċja fis-sistema ta’ pagament b’mod ġenerali u l-fatt li l-banek huma soġġetti għal superviżjoni, tali ċaħdiet f’xi każijiet jistgħu jkunu ġustifikati. Madankollu, dan joħloq kunflitt tal-interessi għall-banek, li jista’ jkollhom inċentiv sabiex jirrifjutaw li jikkooperaw, minkejja r-rieda tal-klijenti tagħhom. Dan jista’ jxekkel b’mod eċċessiv it-tfaċċar ta’ soluzzjonijiet alternattivi siguri u effiċjenti ta’ pagament, anki jekk ikunu soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali.

Mistoqsijiet

13)         Hemm bżonn li l-istituzzjonijiet mhux bankarji jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi fil-kontijiet bankarji, bil-qbil tal-klijent, u jekk iva, x’limiti jeħtieġ li jitpoġġew fuq dik l-informazzjoni? Għandha tiġi kkunsidrata azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, u jekk iva, x’aspetti għandha tkopri u liema forma għandha tieħu?

4.1.8. Dipendenza fuq it-tranżazzjonijiet bil-kards ta’ pagament

Madwar id-dinja kollha, l-użu tal-kards qed ikompli jiżdied. Bejn l-2009 u l-2010 il-volumi tat-tranżazzjonijiet globali żdiedu b’9.7 %. Il-kards jibqgħu l-istrument preferut għall-pagamenti mhux bi flus kontanti, b’sehem mis-suq ta’ iżjed minn 40 % fil-maġġoranza tas-swieq[18]. Minħabba l-użu dejjem jiżdied tal-kards ta’ pagament, inkluż fid-dinja tal-kummerċ elettroniku, huwa probabbli li se jkun hemm għadd dejjem jiżdied ta’ kumpaniji li l-attivitajiet tagħhom ikunu effettivament dipendenti fuq li jkunu kapaċi jaċċettaw pagamenti bil-kard. F’dak il-każ, tqum il-mistoqsija dwar jekk huwiex fl-interess pubbliku li jiġu ddefiniti regoli oġġettivi li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri li bihom l-iskemi ta’ pagament bil-kards jistgħu jirrifjutaw b’mod unilaterali l-aċċettazzjoni.

Mistoqsijiet

14)         Minħabba l-użu dejjem jiżdied tal-kards ta’ pagament, taħseb li hemm kumpaniji li l-attivitajiet tagħhom jiddependu fuq il-ħila tagħhom li jaċċettaw pagamenti bil-kard? Jekk jogħġbok agħti eżempji konkreti ta’ kumpaniji u/jew setturi. Jekk iva, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli oġġettivi li jindirizzaw l-imġiba tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u l-iskemi tal-kards ta’ pagament fir-rigward tal-utenti indipendenti?

4.2. Ipprezzar trasparenti u kosteffettiv tas-servizzi ta’ pagament għall-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u negozji oħra

Il-prezz reali ta’ dawn is-servizzi ta’ pagament ħafna drabi mhuwiex ċar, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti, li jwassal għal spejjeż ta’ pagamenti ogħla fl-ekonomija tal-UE. In-nuqqas ta’ trasparenza japplika l-aktar għas-suq tal-kards, iżda r-rabtiet bejn il-kards, il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli għandhom implikazzjonijiet għal dawn il-metodi kollha ta’ pagament. Barra minn hekk, it-trasparenza akbar fl-ipprezzar għandha titqies bħala mod sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament għall-partijiet kollha involuti u finalment tottimizza l-ispejjeż madwar l-UE għall-benefiċċju tal-utenti tas-servizzi ta’ pagament. Kwistjoni oħra marbuta mal-ipprezzar tas-servizzi ta’ pagament tirrigwarda l-mikropagamenti, jiġifieri l-pagamenti ta’ valur baxx, li fin-natura tagħhom ħafna drabi jsiru permezz ta’ pagamenti bil-kard, bl-internet jew pagamenti mobbli. It-tariffi fuq il-pagamenti ħafna drabi huma perċepiti bħala eċċessivi, kemm mill-konsumaturi kif ukoll min-negozjanti minħabba li dawn ġeneralment jirrappreżentaw proporzjon konsiderevolment ogħla tal-valur tat-tranżazzjoni milli huwa l-każ għall-pagamenti ta’ valur għoli. Din is-sitwazzjoni setgħet ikkontribwiet għall-iżvilupp ta’ muniti diġitali alternattivi.

4.2.1. Relazzjoni konsumatur — negozjant: it-trasparenza

Il-konsumaturi rari jkunu konxji tal-prezz sħiħ tal-użu ta’ strumenti ta’ pagament speċifiċi, jiġifieri l-ispejjeż li ma jiġux imposti biss fuqhom direttament, iżda wkoll fuq min jitħallas (negozjanti). Jekk il-prezz tal-użu ta’ strumenti ta’ pagament differenti (eż. marki kummerċjali ta’ kards differenti, flus kontanti, ċekkijiet) ikun l-istess għall-konsumaturi, dawn x'aktarx jemmnu li l-metodu ta’ pagament tagħhom huwa irrilevanti għan-negozjant. Konsegwentement, il-konsumaturi jibbażaw l-għażla tagħhom tal-strument ta’ pagament fuq il-konvenjenza jew fuq il-benefiċċji potenzjali li kieku jistgħu jiksbu billi jużaw metodu ta’ pagament speċifiku.

Madankollu, l-istrument ta’ pagament magħżul mill-konsumatur jista’ ma jkunx ottimali f’termini tal-prezz sħiħ għall-ekonomija. In-negozjanti ġeneralment jinkludu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni tagħhom fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li joffru. Ir-riżultat finali huwa li l-konsumaturi kollha jħallsu aktar għax-xirjiet tagħhom sabiex ikopru l-ispiża reali tal-metodi ta’ pagament aktar għaljin użati minn xi wħud.

Għalhekk jekk il-prezz totali tal-użu ta’ strumenti ta’ pagament differenti jsir aktar trasparenti, dan jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-pagamenti totali fl-ekonomija. Dan jista’ jintlaħaq billi tiġi pprovduta informazzjoni lill-konsumatur dwar kemm jiġi jiswa lin-negozjant l-użu u/jew l-immaniġġar ta’ strument ta’ pagament partikolari. F'dan il-kuntest huwa importanti li jiġi vvalutat l-impatt probabbli ta’ trasparenza akbar fuq l-imġiba tal-konsumaturi, billi tiffoka fuq fehim aħjar tar-reazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ħtiġijiet tagħhom.

Mistoqsijiet

15)         In-negozjanti għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi tagħhom dwar it-tariffi li jħallsu għall-użu ta’ diversi strumenti ta’ pagament? Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament għandhom ikunu obbligati jinfurmaw lill-konsumaturi dwar it-Tariffa għas-Servizzi tan-Negozjant (MSC) iċċarġjata / id-dħul tal-MIF riċevut mit-tranżazzjonijiet tal-konsumaturi? Din l-informazzjoni hija rilevanti għall-konsumaturi u tinfluwenza l-għażliet ta’ pagament tagħhom?

4.2.2. Relazzjoni konsumatur — negozjant: skontijiet, soprataxxa u prattiki oħra ta’ gwida

Opzjoni oħra biex tiżdied it-trasparenza tal-ipprezzar fir-relazzjonijiet bejn il-konsumatur u n-negozjant u biex jiġi stimulat l-użu tal-iżjed strumenti ta’ pagament effiċjenti tista’ tkun l-użu sistematiku u komprensiv ta’ skontijiet, soprataxxa u prattiki oħra ta’ gwida (eż. l-aċċettazzjoni sistematika ta’ ċerti kards ’il fuq minn ċertu ammont, indikazzjoni espliċita tal-mezz ta’ pagament preferut) min-negozjant. Dan jista’ joħloq inċentivi sabiex jintuża l-iżjed mezz ta’ pagament effiċjenti. F’konformità mal-prinċipju ta’ ‘l-utent iħallas’, l-ispejjeż fil-prinċipju għandhom jinġarbu minn dawk li jużaw servizz speċifiku u mhux jitqassmu bejn grupp aktar wiesa’.

Huwa ġustifikat ukoll li jiġi kkunsidrat l-abbuż potenzjali li jista’ jirriżulta mis-soprataxxa, bħan-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ strumenti prattiċi alternattivi ta’ pagament sabiex jiġi evitat il-pagament ta’ soprataxxa[19]. Din kienet kwistjoni partikolari f’ċerti setturi ekonomiċi (eż. l-industrija tal-linji tal-ajru). Is-soprataxxa ma għandhiex tintuża bħala sors ieħor ta’ dħul min-negozjanti iżda għandha tkun limitata għall-prezz reali tal-użu ta’ strument ta’ pagament, kif stabbilit fl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi[20].

L-Artikolu 52(3) tal-PSD jagħti b’mod espliċitu s-setgħa lin-negozjanti sabiex jużaw is-soprataxxa u l-iskontijiet għall-użu ta’ strument ta’ pagament partikolari[21]. Madankollu, l-Istati Membri xorta jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw is-soprataxxa (iżda mhux l-iskontijiet) taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Istati Membri għażlu li japplikaw din id-dispożizzjoni b’modi differenti ħafna fit-territorji tagħhom. L-għażliet nazzjonali differenti jżidu b’mod sinifikanti l-kumplessità tas-Suq Uniku u jiġġeneraw konfużjoni kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti, b’mod partikolari fit-tranżazzjonijiet bejn il-fruntieri.

Mistoqsijiet

16)         Hemm bżonn li jiġu armonizzati aktar l-iskontijiet, is-soprataxxi u prattiki oħra ta’ gwida madwar l-Unjoni Ewropea għall-pagamenti bil-kards, bl-internet u l-pagamenti mobbli? Jekk iva, f’liema direzzjoni għandha tmur tali armonizzazzjoni? Pereżempju:

              – għandhom jiġu inkoraġġiti ċerti metodi (skontijiet, soprataxxa, eċċ.), u jekk iva, kif?

              – is-soprataxxa għandha tiġi inkoraġġita b’mod ġenerali, bil-kundizzjoni li tkun limitata għall-prezz reali tal-istrument ta’ pagament li jġarrab in-negozjant?

              – in-negozjanti għandhom jiġu mitluba jaċċettaw strument ta’ pagament elettroniku wieħed, kosteffettiv u użat b’mod wiesa’, mingħajr soprataxxa?

              – għandhom japplikaw regoli speċifiċi għall-mikropagamenti u, jekk applikabbli, għal muniti diġitali alternattivi?

4.2.3. Relazzjoni negozjant — fornitur ta’ servizzi ta’ pagament

It-trasparenza fl-ipprezzar tal-istrumenti ta’ pagament u l-ispejjeż reali tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament tista’ tittejjeb ukoll billi tiġi indirizzata r-relazzjoni bejn in-negozjanti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament.

Ċerti regoli applikati mill-iskemi ta’ kards jagħmluha diffiċli għan-negozjanti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar l-għażla tal-istrument ta’ pagament u jillimitaw il-kapaċità tagħhom stess sabiex jaċċettaw biss kards partikolari. Dan jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ MIFs għoljin mill-PSPs, u b’hekk jista’ jżid il-prezz tal-pagamenti bil-kards u joħnoq il-kompetizzjoni. Ir-regoli inkwistjoni huma:

– Ir-Regola tal-Ebda Diskriminazzjoni (No Discrimination Rule - NDR), li biha l-bejjiegħa bl-imnut huma pprojbiti milli jidderieġu lill-klijenti tagħhom lejn l-użu tal-istrument ta’ pagament li jippreferu huma permezz ta’ soprataxxa, l-offerta ta’ skontijiet jew forom oħra ta’ gwida.

– Ir-Regola li Jiġu Onorati l-Kards Kollha (Honour All Cards - HAC), li biha n-negozjanti huma obbligati jaċċettaw il-kards kollha fi ħdan l-istess marka kummerċjali, anki jekk it-tariffi relatati magħhom ma jkunux l-istess[22].

– Il-prattiki ta’ taħlit, applikati mill-akkwirenti tal-kards. B’riżultat tat-taħlit, tiġi ċċarġjata tariffa medja biss għall-pagamenti bil-kard lin-negozjanti mill-akkwirenti tagħhom u n-negozjant ma jiġix infurmat dwar il-MSCs applikati għad-diversi kategoriji individwali ta’ kards.

Il-bidliet fir-regoli dwar l-iskemi tal-kards u fil-prattiki tal-akkwirenti jistgħu jagħtu lin-negozjanti iżjed saħħa meta jinnegozjaw mal-PSPs akkwirenti, b’mod partikolari fuq livell ta’ MSC, filwaqt li fl-istess ħin itejbu l-kapaċità tan-negozjanti li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi. Dan jista’ jbaxxi l-prezz tal-pagamenti bil-kards fl-ekonomija u jżid iċ-ċansijiet li skemi kompetituri ġodda jiġu aċċettati min-negozjanti.

Mistoqsijiet

17)         Jistgħu bidliet fl-iskemi tal-kards u fir-regoli dwar l-akkwirenti jtejbu t-trasparenza u jiffaċilitaw l-ipprezzar kosteffettiv tas-servizzi ta’ pagament? Tali miżuri jkunu effettivi waħedhom jew ikunu jeħtieġu miżuri addizzjonali ta’ akkumpanjament? Dawn il-bidliet ikollhom bżonn kontrolli addizzjonali jew miżuri ġodda fir-relazzjonijiet bejn in-negozjant u l-konsumatur, sabiex id-drittijiet tal-konsumaturi ma jkunux affettwati? Għandhom jiġu koperti l-iskemi bi tliet partijiet? Għandha ssir distinzjoni bejn il-kards għall-konsumatur u dawk kummerċjali? Hemm rekwiżiti speċifiċi u implikazzjonijiet għall-mikropagamenti?

4.3. Standardizzazzjoni

L-utenti tal-pagamenti Ewropej (kumpaniji, konsumaturi, negozjanti) se jibbenefikaw b’mod sħiħ minn kompetizzjoni, libertà tal-għażla u operazzjonijiet ta’ ħlas iżjed effiċjenti jekk tinkiseb interoperabilità transkonfinali. Dan japplika għall-pagamenti elettroniċi kollha u jinvolvi atturi multipli fil-proċess tal-pagament, skont il-metodu ta’ pagament. Madankollu, l-istandardizzazzjoni tad-diversi komponenti (eż. protokolli, interfaċċji, applikazzjonijiet, servizzi) jeħtieġ li titwettaq b’mod komprensiv[23] sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ esklużjoni ta’ kompetituri jew innovazzjoni potenzjali.

Pagamenti bil-kard

Kif deskritt hawn fuq, pagament bil-kard jinvolvi skambju ta’ dejta bejn il-PSP akkwirent u l-PSP emittent (dominju A2I) iżda wkoll bejn in-negozjant (potenzjalment permezz ta’ terminal fiżiku tal-pagament) u l-PSP akkwirent (dominju T2A).

Fid-dominju T2A, hemm nuqqas ta’ standards komuni bejn il-fruntieri u f’bosta każijiet anki fuq livell domestiku. Jeżistu ftit inizjattivi privati li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi, bħall-EPAS (Electronic Protocol Application Software) u s-C-TAP (Common Terminal Acquirer Protocol). Madankollu, dawn il-proġetti ħafna drabi jiżviluppaw f’iżolament u f’direzzjonijiet differenti, xprunati minn interessi kummerċjali diverġenti. Il-ħidma frammentata tal-istandardizzazzjoni għandha tliet effetti. L-ewwel, in-nuqqas ta’ standards komuni jillimita l-firxa ta’ fornituri potenzjali ta’ servizzi għall-PSPs akkwirenti domestiċi u għalhekk ixekkel il-kisba ta’ Suq Uniku kompetittiv għas-servizzi ta’ pagament. It-tieni, in-negozjanti jridu jżommu sistemi u protokolli differenti sabiex jimmaniġġjaw l-iskambju tad-dejta fil-proċess tal-akkwist — mill-anqas waħda f’kull pajjiż li joperaw fih, iżda f’bosta każijiet saħansitra aktar, u b’hekk inaqqsu l-opportunitajiet sabiex jiċċentralizzaw l-operazzjonijiet u jillimitaw il-kisbiet fl-effiċjenza. It-tielet, in-nuqqas ta’ standards komuni fid-dominju T2A ħafna drabi jimpedixxi l-kards ta’ debitu milli jkunu aċċettati barra l-pajjiż — esperjenza għall-konsumaturi li mhijiex konsistenti mas-Suq Uniku u munita komuni għall-pagamenti bi flus kontanti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Fid-dominju A2I, is-sitwazzjoni hija daqstant ieħor mhux sodisfaċenti. L-ipproċessar interbankarju tal-pagamenti (awtorizzazzjoni, ikklerjar u saldu tat-tranżazzjonijiet) fil-preżent huwa bbażat fuq regoli differenti ta’ skemi ta’ kards individwali. Is-separazzjoni sħiħa tal-iskemi u l-ipproċessar (ara 4.1.4) se tkun teħtieġ standards ta’ interoperabilità tal-iskemi għall-ipproċessar A2I. L-isforzi ta’ standardizzazzjoni xprunati mill-industrija fil-qasam A2I fil-preżent huma limitati u għadhom ma kisbux wisq ġibda fost l-atturi kollha tas-suq.

It-tielet kwistjoni tirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni. Għal kull pajjiż u skema ta’ kard, hemm kriterji u proċeduri ta’ evalwazzjoni differenti għaċ-ċertifikazzjoni obbligatorja tal-kards biċ-ċippa, it-terminals ta’ pagament, eċċ. Dawn il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni huma kruċjali sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-pagamenti iżda peress li mhumiex armonizzati madwar l-Ewropa, huma jirriżultaw fi spejjeż żejda eċċessivi għall-manifatturi tal-kards u tat-terminals. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni kienu varati l-inizjattivi tal-OSeC (Open Standards for Security and Certification - Standards Miftuħa għas-Sigurtà u ċ-Ċertifikazzjoni) u l-CAS (Common Approval Scheme - Skema Komuni ta’ Approvazzjoni) xprunati mis-suq. Filwaqt li l-progress inizjali kien jawgura tajjeb, l-inizjattivi għad iridu jipproduċu riżultati tanġibbli fis-suq.

L-EPC waqqaf Grupp tal-Partijiet Interessati dwar il-Kards (Cards Stakeholder Group - CSG) komprensiv b’rappreżentanti mis-setturi prinċipali, jiġifieri n-negozjanti, il-proċessuri tal-pagamenti bil-kards, l-iskemi tal-kards, il-PSPs u l-fornituri tekniċi. Il-CSG qiegħed jiżviluppa volum għall-istandardizzazzjoni tal-Kards tas-SEPA, li l-ħames verżjoni tiegħu ġiet ippubblikata f’Diċembru 2010. L-għan tal-volum huwa li jiġu armonizzati l-istandards tas-SEPA sabiex ‘kwalunkwe kard tas-SEPA tkun tista’ teknikament taħdem fi kwalunkwe terminal tas-SEPA’ u l-promozzjoni ta’ proċeduri u standards armonizzati ta’ ċertifikazzjoni. Madankollu, f’dan l-istadju huwa pproduċa riżultati konkreti limitati f’termini ta’ ħolqien ta’ suq tassew integrat għall-kards.

Pagamenti elettroniċi u pagamenti mobbli

F’Ottubru 2010, l-ECP u l-assoċjazzjoni globali tal-operaturi mobbli GSMA ppubblikaw dokument li spjega r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi mobbli u l-banek fl-immaniġġjar ta’ applikazzjonijiet mingħajr kuntatt[24]. Is-settur bankarju/tal-kards u l-operaturi tan-netwerks mobbli għalhekk bdew diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Madankollu, għad iridu jinkisbu riżultati tanġibbli u għad iridu jimtlew diversi lakuni importanti sabiex tinkiseb ekosistema stabbli msejsa fuq mudelli kummerċjali koerenti ta’ pagament mobbli li jaħdmu bejn il-fruntieri.

Il-ħidma ta’ standardizzazzjoni fuq il-pagamenti mobbli għandha tiżgura interoperabilità sħiħa bejn is-soluzzjonijiet ta’ pagament mobbli u tiffavorixxi standards miftuħa sabiex jippermettu l-mobilità tal-konsumaturi. Barra minn hekk, minħabba l-ispeċifiċità tal-pagamenti mobbli, l-istandardizzazzjoni għandha tindirizza l-kwistjoni tal-portabilità tal-applikazzjonijiet ta’ pagament mobbli (jiġifieri kif l-applikazzjonijiet ta’ pagament isegwu lill-konsumaturi meta dawn ibiddlu l-operaturi tan-netwerks mobbli).

In-nuqqas ta’ standards komuni jidher li huwa kwistjoni li tikkonċerna inqas il-pagamenti elettroniċi. Dan huwa parzjalment dovut għall-użu tal-internet bħala pjattaforma komuni bi protokolli definiti għall-komunikazzjoni. Anki jekk jiġu mibdija fl-internet, il-pagamenti elettroniċi ħafna drabi mbagħad jiġu pproċessati bħala pagamenti regolari b’kard jew permezz ta’ pjattaformi ta’ servizzi bankarji onlajn. Għalhekk dawn iżjed huma affettwati b’mod negattiv min-nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-atturi fil-katina tal-proċess ta’ pagament (ara 4.4) milli min-nuqqas ta’ standards. Fl-aħħarnett, l-istandardizzazzjoni għandha tiżgura wkoll li s-soluzzjonijiet għal pagamenti elettroniċi u mobbli offruti lil konsumaturi huma faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent.

Mistoqsijiet

18)         Taqbel li l-użu ta’ standards komuni għall-pagamenti bil-kards ikun ta’ benefiċċju? X’inhuma l-lakuni prinċipali, jekk hemm? Hemm aspetti speċifiċi oħra tal-pagamenti bil-kards, għajr it-tlieta msemmija aktar ’il fuq (A2I, T2A, ċertifikazzjoni), li jistgħu jibbenefikaw minn aktar standardizzazzjoni?

19)         Huma biżżejjed l-arranġamenti ta’ governanza preżenti sabiex jikkoordinaw, jixprunaw u jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ standards komuni għall-pagamenti bil-kards f’qafas ta’ żmien raġonevoli? Hemm rappreżentanza tajba tal-gruppi kollha ta’ partijiet interessati? Hemm modi speċifiċi li bihom tista’ tittejjeb is-soluzzjoni tal-kunflitti u jiġi aċċellerat is-sejbien ta’ kunsens?

20)         Il-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (Comité européen de normalisation, CEN) jew l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (European Telecommunications Standards Institute - ETSI) għandhom ikollhom rwol iżjed attiv fl-istandardizzazzjoni tal-pagamenti bil-kards? F’liema qasam tara l-akbar potenzjal għall-involviment tagħhom u x’inhuma r-riżultati konkreti potenzjali? Hemm korpi oħra ġodda jew eżistenti li jistgħu jiffaċilitaw l-istandardizzazzjoni għall-pagamenti bil-kards?

21)         Fir-rigward tal-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli, tara oqsma speċifiċi li standardizzazzjoni akbar fihom tkun kruċjali sabiex jiġu appoġġjati prinċipji fundamentali, bħall-innovazzjoni miftuħa, il-portabilità tal-applikazzjonijiet u l-interoperabilità? Jekk iva, liema?

22)         Il-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bħas-CEN jew l-ETSI, għandhom ikollhom rwol iżjed attiv fl-istandardizzazzjoni tal-pagamenti elettroniċi jew il-pagamenti mobbli? F’liema qasam tara l-akbar potenzjal għall-involviment tagħhom u x’inhuma r-riżultati konkreti potenzjali?

4.4. Interoperabilità bejn il-fornituri ta’ servizzi

Il-kooperazzjoni hija rekwiżit ewlieni f’industrija ta’ netwerk bħall-pagamenti, billi kwalunkwe pagament jeħtieġ ftehim bejn il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament ta’ min iħallas u l-fornitur tas-servizzi ta’ pagament ta’ min jitħallas. Sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe pagament ikun jista’ jasal għand il-benefiċjarju mingħajr detriment għall-atturi u l-intermedjarji involuti, huwa meħtieġ livell ogħla ta’ koordinazzjoni fil-forma ta’ interoperabilità sħiħa.

Bi qbil mal-proposta tal-Kummissjoni għat-trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti, il-prinċipju tal-interoperabilità jista’ jiġi applikat fis-suq tal-kards, flimkien mal-indirizzar tal-ostakli msemmija aktar ’il fuq, b’mod partikolari għall-għażla tal-akkwirent u r-regoli kummerċjali.

4.4.1. Interoperabilità fid-dominju tal-pagamenti mobbli

Is-suq tal-pagamenti mobbli fl-Ewropa għadu fl-infanzja tiegħu. Wieħed mill-ostakli prinċipali għall-adozzjoni ġenerali tal-pagamenti mobbli jidher li huwa l-istaġnar bejn l-Operaturi tan-Netwerks Mobbli (MNOs), il-PSPs tradizzjonali (banek) u atturi oħra bħall-manifatturi jew l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. Il-MNOs donnhom qegħdin ifittxu li jżommu l-kontroll tan-negozju, għall-inqas fir-rwol tagħhom ta’ amministraturi tas-sigurtà għas-servizz. Fl-istess ħin, l-atturi tal-pagamenti elettroniċi qegħdin ifittxu li jestendu l-firxa tagħhom għall-ambjent mobbli (kemm għall-pagamenti mill-bogħod kif ukoll għal dawk ta’ prossimità).

Jidher probabbli li atturi privati li jikkontrollaw l-istandards u, għalhekk l-interoperabilità, se jiddominaw il-katina kollha ta’ pagament: l-apparat innifsu, il-pjattaforma tal-applikazzjoni u l-ġestjoni tas-sigurtà. F’din is-sitwazzjoni, hemm riskju serju ta’ frammentazzjoni permezz ta’ soluzzjonijiet proprjetarji. Barra minn hekk, m’għandhiex tiġi injorata l-importanza ta’ setturi oħra potenzjalment involuti fl-interoperabilità mingħajr ma għandhom rwol ewlieni fl-istrateġija tal-istandardizzazzjoni, bħas-setturi tat-trasport pubbliku (pagamenti għall-biljetti) jew tas-saħħa (pagamenti għall-assigurazzjoni tas-saħħa bbażati fuq kard).

4.4.2. Interoperabilità fid-dominju tal-pagamenti elettroniċi

L-ECP iddeċieda kontra l-istabbiliment tal-iskema ta’ servizzi bankarji onlajn tiegħu stess, u minflok ippropona li jiġi fformulat qafas ta’ interoperabilità li jippermetti l-kompetizzjoni bejn diversi skemi u jippermetti lill-banek individwali li jiddeċiedu f’liema skema jissieħbu. Għalissa, l-ebda fornitur ta’ servizz mhux bankarju ma tħalla jissieħeb f’dan ix-xogħol[25]. Tliet skemi bbażati fuq il-banek[26] wettqu eżerċizzju ta’ ‘prova tal-kunċett’ biex jittestjaw l-interoperabilità bejn l-iskemi. Għadu kmieni wisq biex jiġi aċċertat jekk dan il-proġett jistax jiġi żviluppat b’suċċess għal skema għall-UE kollha.

Fl-istess ħin, EBA Clearing, operatur ta’ kklerjar u saldu bi kważi 70 bank azzjonista, ħabbar inizjattiva ta’ pagament elettroniku bbażat fuq servizzi bankarji onlajn. Skema pilota hi mistennija li tiġi varata f’Mejju 2012.

4.4.3. Interoperabilità u kompetizzjoni

L-interoperabilità teknika għandha tiġi distinta mill-interoperabilità kummerċjali, jiġifieri l-kapaċità li n-negozjanti jagħżlu l-akkwirenti u li l-konsumaturi jagħżlu l-emittenti irrispettivament minn fejn ikunu. Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-isfidi tal-interoperabilità fi skemi bi tliet partijiet meta mqabbla mal-iskemi b’erba’ partijiet.

Mistoqsijiet

23)         Attwalment hemm xi segment fil-katina ta’ pagament (min iħallas, min jitħallas, il-PSP, proċessur, skema ta’ min jitħallas, il-PSP ta’ min iħallas) fejn in-nuqqasijiet ta’ interoperabilità huma partikolarment prominenti? Kif għandhom jiġu indirizzati? X’livell ta’ interoperabilità jkun meħtieġ biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq? Jistgħu jiġu identifikati rekwiżiti minimi għall-interoperabilità, b’mod partikolari tal-pagamenti elettroniċi?

24)         Kif jista’ jiġi solvut l-istaġnar preżenti dwar l-interoperabilità għall-pagamenti mobbli u l-progress bil-mod dwar il-pagamenti elettroniċi? L-arranġamenti ta’ governanza preżenti huma suffiċjenti sabiex jikkoordinaw, imexxu u jassiguraw l-interoperabilità f’qafas ta’ żmien raġonevoli? Hemm rappreżentanza tajba tal-gruppi kollha ta’ partijiet interessati? Hemm modi speċifiċi li bihom tista’ tiġi mtejba s-soluzzjoni tal-konflitti u jiġi aċċellerat is-sejbien ta’ kunsens?

4.5. Sigurtà tal-pagamenti

Is-sigurtà tal-pagamenti bl-imnut hija prerekwiżit kruċjali kemm għall-utenti tal-pagamenti kif ukoll għan-negozjanti. Il-konsumaturi huma ġustifikament allarmati mill-kopertura frekwenti fl-istampa tal-inċidenti ta’ frodi u tal-abbuż mid-dejta u għalhekk huma partikolarment sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà għall-pagamenti bil-kards u bl-internet. Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern ikkonfermat dan u identifikat is-sigurtà tal-pagamenti bħala wieħed mill-ostakli prinċipali li jimpedixxu l-adozzjoni ġenerali tal-kummerċ elettroniku.

Ir-rekwiżiti tas-sigurtà jirrigwardaw fuq kollox il-prevenzjoni tal-frodi. Is-sostituzzjoni kontinwa tal-kards ibbażati fuq il-firma (mgħammra bi strixxa manjetika għall-qari tal-kard) b’kards ‘Chip and PIN’ (konformi mal-EMV) għenet sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-frodi fil-punt tal-bejgħ fuq livell Ewropew. Fl-aħħar tal-2010, madwar 90 % tat-terminals tal-kards kollha fil-punt tal-bejgħ u 80 % tal-kards kollha ta’ pagament fl-UE kienu konformi mal-EMV. Filwaqt li dan għen sabiex jitnaqqas il-frodi bil-kards fi tranżazzjonijiet fiżiċi ta’ ħlas, l-attività frodulenti issa qiegħda tispostja ruħha dejjem aktar lejn tranżazzjonijiet mill-bogħod permezz tal-kards, b’mod partikolari lejn il-pagamenti fuq l-internet. It-tranżazzjonijiet mill-bogħod bil-kards jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir tat-tranżazzjonijiet kollha li jsiru bil-kards iżda diġà jammontaw għall-maġġoranza tal-każijiet kollha ta’ frodi. Il-pagamenti elettroniċi mhux permezz tal-kards huma wkoll vulnerabbli għall-frodi. Ir-rimedji potenzjali għas-servizzi bankarji onlajn jew tranżazzjonijiet oħra ta’ pagament fuq l-internet jinkludu dik li hija magħrufa bħala awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, jiġifieri l-użu ta’ PIN flimkien ma’ kodiċi tat-tranżazzjoni ta’ darba li tirċevih permezz ta’ SMS jew token, pereżempju. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-kompromess bejn is-sigurtà, il-veloċità u l-faċilità tal-użu.

Kwistjoni importanti oħra f’dan il-qasam hija l-protezzjoni tad-dejta. Il-mezzi kollha ta’ pagament imsemmija f’dan id-dokument jimplikaw l-ipproċessar ta’ dejta personali u l-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika. Informazzjoni sensittiva dwar il-konsumaturi għandha tibqa’ ġewwa infrastruttura ta’ pagament sigura, f’termini kemm tal-ipproċessar kif ukoll tal-ħażna tad-dejta. Id-Direttivi 95/46/KE[27] u 2002/58/KE[28] jistabbilixxu l-qafas legali applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta personali fl-UE u jirregolaw l-attivitajiet ta’ pproċessar li jitwettqu f’dan il-kuntest minn atturi differenti f’operazzjoni ta’ ħlas. Din hija responsabbiltà ewlenija għall-atturi kollha tas-suq involuti f'operazzjoni ta’ pagament. Huwa kruċjali li l-mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament jiġu mfassla mill-bidu sabiex jinkludu l-miżuri neċessarji sabiex tkun assigurata l-konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-għadd ta’ partijiet li jkollhom aċċess għad-dejta tal-awtentikazzjoni waqt u wara tranżazzjoni ta’ pagament għandu jkun ristrett għal dawk li huma strettament neċessarji sabiex titwettaq it-tranżazzjoni.

Minbarran dan, suq integrat għal pagamenti siguri bl-internet jista' potenzjalment jiffaċilita l-ġlieda kontra s-siti elettroniċi li joffru kontenut illegali jew prodotti ffalsifikati. Soġġetti għal proċeduri prestabbiliti xierqa, il-PSPs jistgħu jkunu meħtieġa li jirrifjutaw li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji fuq siti elettroniċi li preċedentement ġew identifikati bħala illegali.

Mistoqsijiet

25)         Taħseb li t-tranżazzjonijiet fiżiċi, inklużi dawk b’kards konformi mal-EMV u l-pagamenti mobbli ta’ prossimità, huma siguri biżżejjed? Jekk le, x’inhuma n-nuqqasijiet fis-sigurtà u kif għandhom jiġu indirizzati?

26)         Hemm bżonn ta’ rekwiżiti addizzjonali tas-sigurtà (eż. awtentikazzjoni b’żewġ fatturi jew l-użu ta’ protokolli ta’ pagament sigur) għall-pagamenti mill-bogħod (permezz ta’ kards, pagamenti elettroniċi jew pagamenti mobbli)? Jekk iva, liema approċċi/teknoloġiji speċifiċi huma l-iżjed effettivi?

27)         Is-sigurtà tal-pagamenti għandha tkun appoġġjata minn qafas regolatorju, potenzjalment flimkien ma’ inizjattivi oħra ta’ awtentikazzjoni diġitali? Liema kategoriji ta’ atturi tas-suq għandhom ikunu soġġetti għal tali qafas?

28)         X'inhuma l-aktar mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta personali u l-konformità mar-rekwiżiti legali u tekniċi stabbiliti mil-liġi tal-UE?

5. Implimentazzjoni/governanza tal-istrateġija 5.1. Governanza tas-SEPA

Sal-lum, is-SEPA kienet immexxija predominantement bħala proġett awtoregolatorju, imwaqqaf u ġestit mill-industrija bankarja Ewropea permezz tal-ECP, bl-appoġġ qawwi tal-BĊE u l-Kummissjoni. Is-seduta plenarja tal-ECP hija responsabbli għall-immaniġġjar tal-iskemi tas-SEPA u l-oqfsa tiegħu, u biex tintroduċi regoli ġodda jew bidliet f’dawn l-iskemi u oqfsa. Fir-rigward tas-sħubija fl-ECP, minbarra l-banek, bħalissa huwa mogħti siġġu wieħed lill-istituzzjonijiet ta’ pagament iżda fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament, il-proċessuri, l-atturi tas-suq min-naħa tal-provvista (eż. il-bejjiegħa tas-softwer, il-manifatturi tat-terminals) u l-utenti mhumiex rappreżentati.

Sabiex jittejjeb l-involviment tal-partijiet interessati fil-governanza tas-SEPA fuq livell tal-UE, il-Kummissjoni u l-BĊE stabbilew flimkien korp ta’ tmexxija ta’ livell għoli, il-‘Kunsill tas-SEPA’, f’Marzu 2010. Dan ilaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli min-naħa tad-domanda u tal-provvista tas-suq tal-pagamenti. L-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-kisba ta’ suq integrat tal-pagamenti bl-imnut fl-euro u li jibni kunsens dwar il-passi li jmiss sabiex titlesta s-SEPA. Huwa ma għandux setgħat leġiżlattivi u ma jistax jimponi dispożizzjonijiet vinkolanti.

Bl-adozzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta' kreditu u d-debiti diretti f'euro, jaf ikun utli involviment aktar attiv tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-governanza tas-SEPA. F'dan il-kuntest, għandu jitqies rwol aktar prominenti għas-sorveljanza leġiżlattiva u regolatorja, pereżempju, peremezz tal-BĊE, il-Kummissjoni jew l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).

Mistoqsijiet

29)         Kif tivvaluta l-arranġamenti preżenti għall-governanza tas-SEPA fuq livell tal-UE? Tista’ tidentifika xi dgħufijiet, u jekk iva, għandek xi suġġerimenti sabiex titjieb il-governanza tas-SEPA? X’bilanċ globali tikkunsidra xieraq bejn approċċ regolatorju u approċċ awtoregolatorju? Taqbel li r-regolaturi u superviżuri Ewropej għandhom ikollhom rwol aktar attiv fl-ixprunar 'il quddiem tal-proġett SEPA?

5.2. Governanza fil-qasam tal-pagamenti bil-kards, tal-pagamenti mobbli u tal-pagamenti elettroniċi

Sabiex jittejjeb l-involviment tal-partijiet interessati, l-ECP waqqaf il-Forum tal-Partijiet Interessati dwar il-Konsumaturi (li jittratta t-Trasferiment ta’ Kreditu tas-SEPA u d-Debitu Dirett tas-SEPA) u l-Grupp tal-Partijiet Interessati dwar il-Kards (li jittratta l-pagamenti bil-kards). Dawn iż-żewġ korpi huma kopreseduti mill-ECP u rappreżentanti tal-utenti finali. Min-naħa awtoregolatorja, għalkemm teħtieġ kjarifika ulterjuri, il-Qafas tas-SEPA dwar il-Kards (SCF) li ġie adottat mill-ECP — bl-istatus ta’ kodiċi tal-kondotta volontarju — jiddefinixxi l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li l-banek, il-proċessuri u l-iskemi tal-kards iridu jsegwu sabiex ikunu konformi mal-SCF jew mas-SEPA. Madankollu, u minkejja inċentiv qawwi għall-operaturi li kienu lesti li jaċċettaw pagamenti bl-euro biex isiru konformi mas-SEPA, l-SCF ma għandux l-appoġġ unanimu tal-partijiet kollha interessati u mhemmx mekkaniżmu formali sabiex tiġi interpretata, immonitorjata u infurzata l-konformità mas-SEPA għall-iskemi tal-kards u lanqas biex tiġi solvuta kwalunkwe tilwima potenzjali.

F’oqsma bħall-ħolqien ta’ qafas xieraq għall-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli, l-isforzi ta’ integrazzjoni kienu bil-mod biex jipproduċu riżultati tanġibbli, u b’hekk ittardjaw l-interoperabilità, l-innovazzjoni, l-għażla akbar u l-effetti ta’ skala. L-ostakli u l-inċertezzi jistgħu jwasslu lill-parteċipanti fis-suq biex jieħdu attitudni ta’ ‘nistennew u naraw’. Minħabba n-nuqqas ta’ impenn preżenti għal inizjattiva importanti bħal din għall-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali, il-kisba ta’ suq integrat titlob li jittieħed approċċ integrat li jinvolvi r-regolazzjoni, l-awtoregolazzjoni u l-konformità ma’ u l-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

Mistoqsijiet

30)         Kif għandhom jiġu indirizzati l-aspetti tal-governanza preżenti tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabilità? Hemm bżonn li jiżdied l-involviment ta’ partijiet interessati differenti mill-banek u jekk iva, kif (eż. konsultazzjoni pubblika, memorandum ta’ ftehim mill-partijiet interessati, l-għoti ta’ rwol lill-Kunsill tas-SEPA biex joħroġ gwida dwar ċerti standards tekniċi, eċċ.)? Għandha titħalla f’idejn il-parteċipanti fis-suq biex imexxu l-integrazzjoni tas-suq mal-UE kollha u, b’mod partikolari, jiddeċiedu jekk u taħt liema kundizzjonijiet l-iskemi ta’ pagament f’muniti mhux euro għandhom jallinjaw ruħhom mal-iskemi ta’ pagament eżistenti bl-euro? Jekk le, kif jista’ dan jiġi indirizzat?

31)         Għandu jkun hemm rwol għall-awtoritajiet pubbliċi, u jekk iva, xi rwol? Pereżempju, jista’ jiġi kkunsidrat memorandum ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u l-ECP li jidentifika skeda taż-żmien/pjan ta’ ħidma b’riżultati speċifiċi (‘stadji ewlenin’) u dati fil-mira speċifiċi?

6. Rimarki ġenerali

Mistoqsijiet

32)         Dan id-dokument jindirizza aspetti speċifiċi relatati mal-funzjonament tas-suq tal-pagamenti għall-pagamenti bil-kards, il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli? Taħseb li tħallew barra xi kwistjonijiet importanti jew ma ġewx rappreżentati biżżejjed?

7. Il-passi li jmiss

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jissottomettu l-veduti tagħhom bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ hawn fuq. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej biex jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-11ta’ April 2012: markt-sepa@ec.europa.eu.

Il-kontribuzzjonijiet ma għandhomx għalfejn ikopru l-mistoqsijiet kollha mqajma f’din il-Green Paper. Għalhekk, jekk jogħġbok indika b’mod ċar il-mistoqsijiet li dwarhom tkun il-kontribuzzjoni tiegħek. Jekk ikun possibbli, jekk jogħġbok agħti argumenti speċifiċi favur jew kontra l-opzjonijiet u l-approċċi ppreżentati f’dan id-dokument.

Bħala segwitu għal din il-Green Paper u abbażi tat-tweġibiet li tirċievi, il-Kummissjoni se tħabbar il-passi li jmiss sat-tieni kwart tal-2012. Il-proposti, jekk applikabbli, se jiġu adottati sar-raba’ kwart tal-2012 jew l-ewwel kwart tal-2013. Kwalunkwe proposta leġislattiva jew mhux leġislattiva futura se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni estensiva tal-impatt.

Il-kontribuzzjonijiet se jiġu ppubblikati fuq l-internet. Importanti li taqra d-dikjarazzjoni speċifika dwar il-privatezza li takkumpanja din il-Green Paper għall-informazzjoni dwar kif se jiġu ttrattati d-dejta personali u l-kontribuzzjoni tiegħek.

Anness 1: Użu tal-istrumenti differenti ta’ pagament

Grafika 1: Pagamenti mhux fi flus kontanti fl-UE — volum skont l-istrument ta’ pagament

Sors: BĊE, Tabelli komparattivi, Tranżazzjonijiet bl-imnut

Tabella 1: Pagamenti bil-kards fl-UE (2009)

Stat Membru || Għadd ta’ kards ta’ ħlas maħruġa għal kull persuna || Għadd ta’ tranżazzjonijiet bil-kards għal kull persuna[29] || Valur medju tat-tranżazzjoni bil-kard għal kull kard (EUR) || Għadd ta’ tranżazzjonijiet POS għal kull kard[30] || Valur annwali tat-tranżazzjonijiet POS għal kull kard (EUR)

Il-Belġju || 1.78 || 92 || 55 || 52 || 2 843

Il-Ġermanja || 1.54 || 30 || 64 || 20 || 1 247

L-Estonja || 1.37 || 116 || 17 || 85 || 1 405

L-Irlanda || 1.22 || 72 || 73 || 56 || 4 237

Il-Greċja || 1.35 || 8 || 101 || 5 || 487

Spanja || 1.62 || 47 || 46 || 27 || 1 234

Franza || 1.35 || 107 || 49 || 80 || 3 905

L-Italja || 1.15 || 24 || 80 || 22 || 1 788

Ċipru || 1.54 || 40 || 87 || 25 || 2 072

Il-Lussemburgu || 2.00 || 109 || 76 || 57 || 4 166

Malta || 1.55 || 27 || 63 || 18 || 1 108

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 1.83 || 125 || 42 || 68 || 2 902

L-Awstrija || 1.24 || 46 || 63 || 28 || 1 395

Il-Portugall || 1.89 || 100 || 39 || 53 || 2 060

Is-Slovenja || 1.66 || 54 || 37 || 32 || 1 187

Is-Slovakkja || 0.94 || 21 || 57 || 15 || 596

Il-Finlandja || 1.74 || 172 || 34 || 100 || 3 402

Subtotal taż-żona Euro || 1.45 || 58 || 52 || 40 || 2 066

Il-Bulgarija || 1.01 || 2 || 78 || 2 || 138

Ir-Repubblika Ċeka || 0.89 || 17 || 38 || 21 || 813

Id-Danimarka || 1.25 || 180 || 47 || 129 || 5 875

Il-Latvja || 1.10 || 43 || 20 || 37 || 698

Il-Litwanja || 1.29 || 28 || 18 || 22 || 384

L-Ungerija || 0.88 || 18 || 27 || 21 || 1 028

Il-Polonja || 0.87 || 18 || 25 || 21 || 539

Ir-Rumanija || 0.60 || 4 || 39 || 7 || 251

L-Isvezja || 1.85 || 182 || 40 || 89 || 2 735

Ir-Renju Unit || 2.33 || 132 || 58 || 56 || 3 294

Total UE27 || 1.45 || 63 || 52 || 43 || 2 194

Sors: Statistika tal-BĊE dwar il-Pagamenti, Frar 2011

Anness 2: Aktar sfond dwar il-MIFs

MIF tista’ tkun perċentwal, tariffa fissa jew tariffa kombinata (perċentwal u tariffa fissa). Fl-UE huma applikati varjetà wiesgħa ta’ MIFs. Mhux dawn it-tariffi kollha huma pubbliċi. Madankollu, b’riżultat ta’ arranġamenti informali u formali mal-Kummissjoni Ewropea, MasterCard u Visa Europe fil-preżent jippubblikaw il-MIFs li stabbilew (f’għadd ta’ pajjiżi l-MIFs jiġu stabbiliti mill-komunitajiet bankarji lokali fil-qafas tas-sistemi tal-MasterCard u tal-Visa, li t-tariffi taħthom ġeneralment ma jsirux pubbliċi). Għall-MasterCard u Visa Europe, skont il-kategorija tal-kards u l-pajjiż, il-MIFs ivarjaw minn żero (Maestro fl-Isvizzera) għal 1.62 % (il-kards ta’ debitu MasterCard fil-Polonja) u 1.90 % (il-kards ta’ debitu Visa u l-kards kummerċjali fil-Polonja).

Taħt il-ftehim informali tagħha mal-Kummissjoni, MasterCard naqqset il-MIFs tagħha għall-kards ta’ debitu u l-kards ta’ kreditu transkonfinali tal-konsumatur għal 0.20 % u 0.30 % rispettivament. Visa Europe naqqset il-MIFs tagħha għat-tranżazzjonijiet permezz ta’ kards ta’ debitu transkonfinali għall-konsumatur u t-tranżazzjonijiet b’dawn il-kards f’disa’ Stati Membri tal-UE għal 0.20 %. L-istandard applikat f’dawn l-arranġamenti huwa l-hekk imsejjaħ ‘test tal-indifferenza tan-negozjant’. Taħt dan it-test, il-MIF hija stabbilita fil-livell fejn il-pagament b’kard ma jirriżultax fi spejjeż ogħla għall-bejjiegħa bl-imnut minn pagament bi flus kontanti, li jagħmel il-bejjiegħ bl-imnut indifferenti bejn iż-żewġ mezzi ta’ pagament. Dan il-livell għalhekk jista’ jitqies bħala li jassigura li n-negozjanti u l-konsumaturi sussegwenti tagħhom jirċievu parti mill-benefiċċju tal-effiċjenzi allegatament iġġenerati mill-MIFs. F’xi każijiet, l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni aċċettaw ftehimiet formali jew informali dwar livelli speċifiċi ta’ tariffi interbankarji u kundizzjonijiet oħra[31].

Skemi b’erba’ partijiet u skemi bi tliet partijiet

Il-MIFs japplikaw għat-tranżazzjonijiet magħmula fil-punt tal-bejgħ permezz ta’ kards ta’ ħlas, jiġifieri tranżazzjonijiet magħmula mid-detentur tal-kard fin-negozju tan-negozjant. Fi skema b’erba’ partijiet, il-PSP emittent jidħol f’kuntratt mad-detentur tal-kard (min iħallas) u n-negozjant jikkuntratta PSP akkwirent (jew PSP li jitħallas) biex jikseb il-pagamenti bil-kards li jsiru fit-terminal tiegħu. Għas-servizzi tiegħu, il-PSP akkwirent jiċċarġja lin-negozjant dawk li huma magħrufa bħala t-tariffi għas-servizz tan-negozjant (MSC).

It-tariffi tal-interkambju għal dawn l-iskemi huma tariffi ċċarġjati mill-PSP emittent fuq tranżazzjonijiet bil-kards li jkun ħareġ. Il-prezz ta’ dawn it-tariffi jinġarr mill-PSPs akkwirenti u mbagħad jiġu mgħoddija lin-negozjanti permezz ta’ MSCs miżjuda. It-tariffa tal-interkambju għalhekk effettivament tiddetermina b’mod konsiderevoli l-prezz iċċarġjat mill-PSPs lin-negozjanti għall-aċċettazzjoni tal-kards. Għalhekk, il-MIFs għandhom impatt fuq il-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn il-PSPs akkwirenti għad-detriment tan-negozjanti u x-xerrejja sussegwenti[32], b’mod partikolari flimkien ma’ prattiċi kummerċjali oħra spjegati fil-punti 4.1 u 4.2 ta’ dan id-dokument.

L-iskemi ta’ kards bi tliet partijiet, li xi drabi ssir referenza għalihom bħala skemi ‘proprjetarji’, huma differenti mill-iskemi b’erba’ partijiet billi t-tranżazzjoni tinvolvi biss lil min iħallas/negozjant, min jitħallas/negozjant u l-iskema, filwaqt li fi skema b’erba’ partijiet, it-tranżazzjoni tinvolvi lil min iħallas/id-detentur tal-kard, il-PSP emittent (jew il-PSP ta’ min iħallas), min jitħallas/in-negozjant u l-PSP tiegħu (il-PSP akkwirent jew il-PSP ta’ min jitħallas). Dan ifisser li r-rwol tal-iskemi huwa limitat prinċipalment għall-forniment tal-infrastruttura fil-każ tal-aħħar.

Fi skema bi tliet partijiet, huwa involut biss PSP wieħed, li jkun l-emittent u l-akkwirent fl-istess ħin. Madankollu, meta jinħarġu liċenzji mill-iskema lil diversi PSPs sabiex joħorġu kards u sabiex jakkwiżixxu t-tranżazzjonijiet, din ma tkunx sistema ‘pura’ bi tliet partijiet iżda tixbah sistema b’erba’ partijiet.

L-iskemi ‘puri’ bi tliet partijiet ma għandhomx MIF miftiehma b’mod espliċitu bejn il-PSPs. Hemm biss it-tariffi mħallsa mid-detentur tal-kard (tariffi annwali, tariffi għal kull tranżazzjoni, eċċ) u t-Tariffi għas-Servizzi tan-Negozjant imħallsa mill-bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, l-iskema tista’ tuża t-tariffa miġbura biex tissussidja ‘parti’ waħda jew l-oħra (jiġifieri n-negozjant jew id-detentur tal-kard), li tirriżulta f’MIF impliċita.

[1]               Il-pagamenti bl-imnut huma ddefiniti bħala tranżazzjonijiet ta’ pagament fejn mill-anqas parti waħda fit-tranżazzjoni (jiġifieri dak li jagħmel il-pagament, il-benefiċjarju jew it-tnejn) ma tkunx istituzzjoni finanzjarja. Għalhekk, il-pagamenti bl-imnut jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet kollha ta’ ħlas li ma jseħħux bejn żewġ banek.

[2]               Dan huwa r-riżultat tat-tariffi kumplessi bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ pagament involvuti fit-tranżazzjoni ta’ pagament u tal-imposti mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament lin-negozjant li jbigħ prodott jew servizz.

[3]               Proposta għal Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009, COM(2010)775,             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52010PC0775:MT:NOT.

[4]               Sors: ECB Payment Statistics, Frar 2011. Għal statistika dettaljata skont il-pajjiż, ara l-Anness 1.

[5]               Dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jsiru jew direttament permezz tas-sistema bankarja onlajn ta’ min iħallas jew permezz ta’ parti terza (eż. Ideal fil-Pajjiżi l-Baxxi, Giropay u Sofortüberweisung fil-Ġermanja jew EPS fl-Awstrija).

[6]               http://www.forrester.com/ER/Press/Release/0,1769,1330,00.html

[7]               Euromonitor 2010

[8]               http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/e-commerce_en.htm

[9]                      Il-Wireless Application Protocol (WAP) ġie żviluppat mill-Open Mobile Alliance (OMA), forum għall-partijiet interessati tal-industrija sabiex jiftiehmu dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-industrija tat-telefowns mobbli. Brawżer WAP huwa brawżer tal-web li jintuża b’mod komuni hħall-mowbajls.

[10]             http://www.europeanpaymentscouncil.eu/knowledge_bank_detail.cfm?documents_id=402 u http://www.europeanpaymentscouncil.eu/knowledge_bank_detail.cfm?documents_id=557

[11]             Dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew, http://www.ecb.int/press/pr/date/2006/html/pr060504_1.mt.html.

[12]             L-Anness jinkludi b’mod partikolari aktar dettalji dwar l-analiżi mwettqa mid-DĠ Kompetizzjoni taħt l-Artikolu 101 §3 tat-TFUE tal-livell xieraq ta’ MIF bl-użu tat-Test tal-Indifferenza tan-Negozjant (Merchant Indifference Test - MIT).

[13]             L-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika.

[14]             Deċiżjonijiet dwar il-Visa, MasterCard, Deċiżjoni dwar il-MasterCard Pollakka, Deċiżjoni dwar il-MasterCard Ungeriża, Deċiżjoni dwar il-MasterCard Taljana.

[15]             Il-banek emittenti jistgħu jinkoraġġixxu l-użu frekwenti tal-kard billi joffru benefiċċji addizzjonali jew premjijiet bħal assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, skontijiet fuq il-ħlas jew saħansitra billi jirrimborżaw parti mill-prezz tal-prodotti jew is-servizzi mixtrija. F’xi każijiet, il-konsumaturi jiġu ċċarġjati wkoll tariffi addizzjonali jekk ma jħallsux bil-kards tagħhom ta’ spiss biżżejjed jew ma jonfqux ammont meħtieġ ta’ flus fi żmien perjodu partikolari.

[16]             Il-kards kummerċjali jinkludu tliet sottokategoriji prinċipali: (i) kards tan-negozju, li ġeneralment jinħarġu lil konsumaturi kummerċjali żgħar li lilhom — differenti mill-każ tal-kards għall-konsumatur — ma jiġux ipprovduti servizzi addizzjonali, (ii) kards korporattivi, li ġeneralment jinħarġu lil konsumaturi kummerċjali medji u kbar li lilhom jiġu pprovduti servizzi ta’ informazzjoni addizzjonali, u (iii) kards għax-xiri, li jintużaw għal xiri kummerċjali u ħafna drabi joffru servizzi ta’ ħruġ ta’ fatturi relatati mal-VAT.

[17]             Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

[18]             World Payments Report 2011, p. 10, CapGemini, RBS u EFMA.

[19]                    Dawn inaqqsu l-livell li l-konsumaturi jduru fi ħwienet differenti u jqabblu l-offerti bil-prezzijiet sħaħ, li jirriżulta f’dannu għall-konsumaturi, skont l-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust (OFT) tar-Renju Unit, ‘Payment surcharges — Response to the Which? super-complaint’, Ġunju 2011.

[20]             Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, ĠU L304, 22.11.2011, p. 64.

[21]             Madankollu, il-PSD ma tapplikax għall-pagamenti bi flus kontanti jew b’ċekk.

[22]             Fil-prattika l-HACR tista’ tidher bħala żewġ regoli separati: li jkunu onorati l-emittenti kollha (eż. jekk negozjant jaċċetta kards tal-Visa maħruġa minn banek lokali, huwa għandu jaċċetta wkoll kards barranin); u li jiġu onorati l-prodotti kollha (eż. jekk negozjant jaċċetta kards ta’ kreditu tal-konsumatur, huwa jrid jaċċetta wkoll kards kummerċjali aktar għaljin). B’mod ġenerali aħna ma narawx problema bir-regola li jiġu onorati l-emittenti kollha, iżda aħna mħassba mill-impatt kompetittiv tar-regola li jiġu onorati l-prodotti kollha.

[23]             Parti 7. Ftehimiet ta’ Standardizazzjoni, Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, ĠU C 11/1, 14.1.2011.

[24]             http://www.europeanpaymentscouncil.eu/knowledge_bank_detail.cfm?documents_id=423

[25]             Il-Kummissjoni Ewropea fetħet każ dwar l-istandardizzazzjoni sabiex tiżgura l-interoperabbiltà fil-qasam tal-Pagamenti elettroniċi:

http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39876

[26]             iDEAL (Olandiża), EPS (Awstrijaka) u Giropay (Ġermaniża).

[27]                    Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[28]                    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

[29]             Teskludi tranżazzjonijiet bil-kards fi flus elettroniċi.

[30]             Tranżazzjonijiet fil-punt tal-bejgħ; tinkludi tranżazzjonijiet f’terminals li jinsabu fl-Istat Membru u barra minnu.

[31]             Visa, MasterCard, Pagobancomat, Groupement.

[32]             Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzati lil MasterCard u Visa — Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.12.2007 dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE — Kawża COMP/34.579 — MasterCard, Kawża COMP/36.518 — EuroCommerce, Kawża COMP/38.580 — Kards Kummerċjali; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8.12.2010 dwar proċeduri taħt l-Artikolu 101 tat-TFEU u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE — Kawża COMP/39.398 — Visa MIF.