52011DC0363

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar /* KUMM/2011/0363 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar

1. Rio+20: opportunità li d-dinja ma tistax titlef

F'Ġunju tal-2012 l-attenzjoni se tkun kollha fuq Rio de Janeiro, fejn għoxrin sena wara l-ewwel "Summit Dinji", il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern se jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli[1] (UNCSD jew "Rio+20"). Rio+20 se tibni fuq is-summits globali preċedenti: il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent tal-Bniedem fi Stokkolma (1972), il-Konferenza dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp ('is-Summit Dinji') f'Rio de Janeiro (1992), u s-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Joħanesburg (2002). Issegwi wkoll mis-Summit tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tas-sena 2000 u l-istabbilment tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs).

Rio+20 toffri opportunità unika lid-dinja tagħna reċiprokament interdipendenti biex tassigura impenn politiku imġedded għall-iżvilupp sostenibbli. Se tivvaluta l-progress li sar u tindirizza d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u l-isfidi emerġenti. Se tagħmel dan fil-kuntest ta' żewġ temi marbutin flimkien: "ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar" u "l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli".

Rio+20 tista' timmarka l-bidu ta' bidla, mifruxa mad-dinja kollha, aċċellerata u profonda lejn ekonomija ekoloġika – ekonomija li tiġġenera t-tkabbir, toħloq l-impjiegi u teqred il-faqar billi tinvesti fl-offerti tal-kapital naturali li fuqhom tiddependi s-sopravivenza fit-tul tal-pjaneta tagħna, kif ukoll tippreservahom. Tista' wkoll tvara r-riforma meħtieġa tal-governanza internazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Kummissjoni Ewropea hija determinata li tgħin lil Rio+20 tkun suċċess. Bħala bażi ta' aktar djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE, is-soċjetà ċivili, in-negozji u l-pajjiżi globalment, din il-Komunikazzjoni tispjega l-opinjonijiet inizjali tal-Kummissjoni dwar riżultati konkreti potenzjali għal Rio+20. Din tibni fuq il-firxa ta' politiki tal-UE li jirrigwardaw l-iżvilupp sostenibbli u l-Istrateġija tal-UE 2020, u tqis ukoll il-konsultazzjoni pubblika varata fi Frar tal-2011[2].

2. X'ġara mis-sena '92: diskrepanzi fl-implimentazzjoni u sfidi emerġenti 2.1. L-iżvilupp sostenibbli fil-livell internazzjonali

Dawn l-aħħar għexieren ta' snin raw għadd ta' xejriet globali pożittivi. Dan huwa l-aktar notevoli fit-tkabbir fl-introjtu, fejn aktar minn 120 miljun persuna telgħu 'l fuq mill-valur referenzjarju ta' "dollaru kuljum" bejn l-2000 u l-2005. L-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ilma raw titjib ukoll.

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) varati f'Rio fl-1992 urew il-potenzjal tal-azzjoni fil-livell globali. In-negozjati tal-2010 dwar il-klima f'Kankun immarkaw progress lejn governanza globali ġdida tat-tibdil fil-klima u l-objettiv biex it-tibdil fl-kliema jiġi limitat għal żieda ta' inqas minn 2 C. B'mod simili, il-laqgħa tas-CBD f'Nagoya fl-2010 kisbet progress sinifikanti. Kien hemm ukoll żieda kbira fl-informazzjoni xjentifika u l-kuxjenza pubblika dwar il-kwistjonijiet ambjentali, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima, u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika globali, anke bis-saħħa ta' komunikazzjoni mtejba bl-internet.

Matul l-aħħar għoxrin sena, għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw issa saru atturi ekonomiċi u politiċi ewlenin. B'riżultat ta' dan, beda jirriżulta bilanċ ġdid tal-poter u l-influwenza, fejn inħolqu rwoli ġodda - li se jkunu meħtieġa jaċċettaw ukoll responsabbiltajiet ġodda.

Minkejja l-iżviluppi pożittivi, għad fadal diskrepanzi fl-implimentazzjoni u sfidi konsiderevoli, u dawn se jkollhom jiġu indirizzati bħala parti mill-aġenda ta' Rio+20. Madwar 1.4 biljun persuna għadhom jgħixu f'faqar estrem (il-parti l-kbira minnhom fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Ażja ta' Isfel) u parti waħda minn sitta tal-popolazzjoni dinjija jsofru l-ġuħ. Diversi mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) huma żvijjati ħafna. Pereżempju, għall-MDG dwar is-sanità, kienet biss nofs il-popolazzjoni dinjija li qed tiżviluppa li qed jużaw sanità mtejba. Il-progress lejn l-MDGs huwa żbilanċjat ħafna ġeografikament fejn ċerti reġjuni waqgħu aktar lura mill-oħrajn; u l-ebda MDG ma nkiseb f'tal-inqas wieħed mill-istati fraġli. L-isforzi biex jiġu indirizzati dawn il-problemi ġew imxekkla mill-kriżi ekonomika riċenti u l-prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew li żiedu l-għadd ta' persuni li qed jgħixu fil-faqar.

Ħafna sfidi ambjentali għadhom ma ġewx solvuti u saru iktar akuti. It-talba dejjem tikber għar-riżorsi (bħall-art, l-ilma, il-foresti, l-ekosistemi) wasslet għal tnaqqis u degredazzjoni li dejjem qed jiżdiedu, u t-telf tal-bijodiversità u deforestazzjoni qed ikomplu b'rata alarmanti. L-iskarsezzi tar-riżorsi materjali, kif ukoll l-aċċess għal dawn ir-riżorsi, ukoll qed isiru kwistjonijiet ta' tħassib globali. L-emissjonijiet globali tal-gassijiet bl-effett ta' serra għadhom telgħin, minħabba t-tibdiliet fl-użu tal-art u t-talba dejjem tikber għall-fjuwils fossili. Barra minn hekk, l-impatti tat-tibdil fil-klima (bħat-tibdil fil-preċipitazzjoni u ż-żieda fil-livell tal-baħar) jistgħu jkomplu jimpultiplikaw il-problemi ambjentali eżistenti. It-tnaqqis u t-tniġġis tar-riżorsi tal-ilma u l-ambjent tal-baħar qed jirriżultaw fi problemi dejjem aktar serji u l-iskarsezza tal-ilma tista' taffettwa terz tal-popolazzjoni tad-dinja sal-2025. Id-deżertifikazzjoni u d-degredazzjoni tal-art għandhom impatt fuq għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-ekonomiji tagħhom jiddependu l-aktar mill-agrikoltura u l-għejxien minn fuq il-biedja. L-esponiment għas-sustanzi perikolużi (bħall-iskart perikoluż tal-pestiċidji) għadu għaddej fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti, minkejja l-progress fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali. Ħafna minn dawn il-problemi ambjentali mhumiex kwistjonijiet awtonomi, imma huma relatati u interdipendenti b'mod reċiproku.

It-tkabbir ekonomiku fil-futur għandu l-probabbiltà li jkun l-aktar mgħaġġel fl-ekonomiji emerġenti, u jekk amministrati sew, jistgħu jgħinu lill-persuni joħorġu mill-faqar. Madankollu, it-tkomplija tax-xejriet attwali tal-konsum u tal-produzzjoni f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja se jżidu l-użu tar-riżorsi naturali, jaċċelleraw id-degredazzjoni ambjentali u jagħmlu iktar ħsara fit-tibdil fil-klima. Il-pressjonijiet u l-impatti ambjentali se jiħraxu minħabba l-popolazzjoni dejjem tikber (mistennija li titla’ għal tal-inqas 9 biljuni sal-2050), l-urbanizzazzjoni u l-bidliet soċjali (bħaż-żieda ta' 1.2 biljun persuna li se jingħaqdu mal-"klassi medja" fl-ekonomiji emerġenti).

2.2. Żvilupp Sostenibbli fl-UE

F'dan l-aħħar għexieren ta' snin, l-iżvilupp sostenibbli ġie promoss minn għadd ta' politiki tal-UE. Pereżempju, l-UE adottat miri ambjentali vinkolanti flimkien mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, kif ukoll firxa ta' strumenti leġiżlattivi dwar il-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart, l-ilma u l-kwalità tal-arja. Dan ħeġġeġ it-tkabbir tal-industriji ekoloġiċi tal-UE, li issa jikkorrispondu għal aktar minn 2.5 % tal-PDG tal-UE u jipprovdu impjiegi għal aktar minn 3.4 miljun persuna. Fl-2001 l-UE adottat Strateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli (EU SDS) li ġiet aġġornata fl-2006.

Sa mill-iżjed rapport riċenti tal-UE SDS fl-2009, il-progress lejn il-kisba tas-sostenibbiltà fl-UE ġie vvalutat f'diversi modi, inkluż l-indikaturi tas-sostenibbiltà u r-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Dawn il-pubblikazzjonijiet juru li filwaqt li sar progress għadhom jeżistu ħafna sfidi, b'mod partikolari biex it-tkabbir isir iżjed sostenibbli.

Żvilupp ewlieni fil-politika kien l-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010. Din timmira li tittrasforma l-UE f'ekonomija bbażata fuq l-għarfien, effikaċi fir-riżorsi u ekonomija b'ammont baxx ta' karbonju u li tipprovdi rispons sostenibbli għall-isfidi li se tkun qed taffaċċa l-UE sal-2050. L-Istrateġija tfittex li tissimplifika u tirrinforza r-rwol tas-sostenibbiltà fl-iżvilupp tal-politika billi tistabbilixxi l-prijoritajiet ta' rinforz reċiproku ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklusiv li huma mmexxija minn ħames miri ewlenin u seba' inizjattivi ewlenin (ara l-Anness).

Ħafna minn dawn l-inizjattivi ewlenin huma ta' rilevanza diretta għal din il-Komunikazzjoni. Pereżempju, l-inizjattiva ewlenija dwar l-effikaċja fir-riżorsi timmira li tissepara l-użu tar-riżorsi naturali mit-tkabbir ekonomiku u tbassar firxa ta' miżuri ta' politika ġodda inkluż azzjoni dwar il-materja prima, l-effiċjenza fl-enerġija, il-bijodiversità, kif ukoll pjanijiet direzzjonali biex jitneħħa l-karbonju mill-ekonomija, l-enerġija u t-trasport. Tirrakkomanda wkoll iż-żieda fl-użu ta' strumenti bbażati fis-suq, it-tneħħija f'fażijiet ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-ħidma biex is-sistemi tat-taxxa jsiru iktar "ekoloġiċi".

Il-progress fit-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-miri u l-inizjattivi ewlenin l-oħra se jiġu mmonitorjati fi ħdan il-qafas ta’ governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-"Semestru Ewropew". Dan għandu jiġbor flimkien l-input tal-Kunsilli settorjali, il-programmi nazzjonali ta' riforma tal-Istati Membri, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Dan se jirriżulta f'mekkaniżmu msaħħaħ biex iwassal integrazzjoni u koerenza politika akbar favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

Biex jiġi vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni tal-UE SDS, il-Kummissjoni Ewropea permezz tal-uffiċċju tagħha tal-istatistika Eurostat, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u oħrajn se tkompli tipprovdi informazzjoni u indikaturi tal-istatistika li jippermettu li s-sostenibbiltà tiġi mkejla u rrapportata, anki fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Rio+20 se tkun mument deċisiv fl-iżvilupp sostenibbli, kemm fl-UE kif ukoll globalment. Ir-riżultat tagħha se jinspira l-istrateġija u l-azzjonijiet tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, u b'mod partikolari se jgħin jifforma aktar l-Istrateġija Ewropa 2020 tal-UE bħala għodda effettiva għat-twassil tar-riżultati dwar l-iżvilupp sostenibbli.

3. Lejn Ekonomija Ekoloġija u governanza aħjar 3.1. Ngħinu lit-tranżizzjoni

Għoxrin sena wara s-Summit ta' Rio, id-dinja għadha qed taffaċċa żewġ sfidi kbar u marbutin flimkien: li jiġu ssodisfati t-talbiet għal kwalità tal-ħajja aħjar għall-popolazzjoni globali li sal-2050 hija mistennija tikber b'iktar minn terz, u li jiġu indirizzati l-pressjonijiet ambjentali li jekk mhux se jiġu solvuti, se joħolqu l-problemi biex id-dinja tkun tista' tlaħħaq ma' dawk il-bżonnijiet.

Ir-risposti għal dawn l-isfidi mhux se jiġu billi jonqos it-tkabbir, iżda billi ssir promozzjoni tat-tkabbir tat-tip it-tajjeb. Hemm raġunijiet fondati biex b'mod fundamentali jiġi maħsub mill-ġdid il-mudell konvenzjonali tal-progress ekonomiku: sempliċiment ħidma fil-marġini ta' sistema ekonomika li tippromwovi l-użu ineffiċjenti tal-kapital u r-riżorsi naturali, mhux se tkun suffiċjenti biex ikun hemm bidla. Li huwa meħtieġ huwa ekonomija li tista' tassigura t-tkabbir u l-iżvilupp, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem, tipprovdi impjiegi diċenti, tnaqqas l-inugwaljanzi, tindirizza l-faqar u tippreserva l-kapital naturali li fuqu niddependu lkoll. Ekonomija bħal din – ekonomija ekoloġika – toffri mod effettiv ta' promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, il-qerda tal-faqar u l-indirizzar tal-isfidi emerġenti u d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni li għad fadal.

Biex nimxu lejn ekonomija ekoloġika hemm il-ħtieġa li nippreservaw u ninvestu fl-assi tar-riżorsi naturali ewlenin. Dan huwa essenzjali għall-ekonomiji kollha, imma japplika b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom l-opportunità jkabbru l-ekonomiji tagħhom, billi jibnu fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-kapital naturali tagħhom. Ifisser ukoll li nagħmlu użu minn soluzzjonijiet b’livell tal-karbonju baxx u effikaċi fir-riżorsi u li nżidu l-isforzi biex nippromwovu xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli. Dan kollu jinvolvi l-istabbilment tal-oqfsa regolatorji t-tajbin, il-ħolqien ta' inċentivi b'saħħithom għas-swieq u l-innovazzjoni, l-ingranaġġ tar-riżorsi finanzjarji, u l-promozzjoni tal-intraprenditorija u involviment akbar tas-settur privat. Jinvolvi wkoll il-valutazzjoni li tixraq tal-kapital naturali, u, f'termini aktar ġenerali, reviżjoni tal-mod li bih inkejlu t-tkabbir u l-progress.

F'ekonomija ekoloġika ħafna sfidi jistgħu jiġu ttrasformati f'opportunitajiet ekonomiċi, mhux biss jitreġġgħu lura x-xejriet ambjentali negattivi imma wkoll tingħata imbuttatura 'l quddiem lit-tkabbir u lill-impjiegi fil-ġejjieni. Pereżempju, l-esperjenza turi li l-approċċi bbażati fis-suq bħan-negozjar tal-emissjonijiet mhux biss huma għodod kost-effettivi biex jindirizzaw il-problemi ambjentali iżda huma wkoll sors ta' investiment.

L-ekonomija ekoloġika toffri opportunitajiet lill-pajjiżi kollha, irrispettivament mil-livell tagħhom tal-iżvilupp u l-istruttura tal-ekonomiji tagħhom. Filwaqt li f'ħafna każijiet l-investimenti biex nimxu lejn ekonomija ekoloġika jistgħu jirriżultaw f'soluzzjonijiet għal żmien qasir fejn kulħadd ikun rebbieħ, f'każijiet oħrajn tkun meħtieġa perspettiva fuq terminu ta' żmien medju, u jkun jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kostijiet tranżitorji, inkluż il-politiki "favur il-foqra". Minkejja li ma jeżistix mudell ta' "daqs wieħed tajjeb għal kulħadd", hemm sfidi u soluzzjonijiet komuni, u l-pajjiżi għandhom jibbenefikaw mill-iskambju tal-esperjenzi u l-kooperazzjoni internazzjonali mtejba.

Fl-istess ħin, il-mixja lejn l-ekonomija ekoloġika ma tibdiex minn xejn. Diġà hemm għadd ta' strateġiji fis-seħħ li l-pajjiżi jistgħu jibnu fuqhom, bħal: it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni, li lkoll jistgħu jagħtu kontribut biex jgħinu l-ekonomija ekoloġika. L-istrateġiji nazzjonali u internazzjonali tal-ekonomija ekoloġika għall-futur għandhom jibnu u jsaħħu lil dawn, kif qed jiġri fl-Istrateġija Ewropa 2020, u riċentament fil-pjan direzzjonali biex nimxu lejn ekonomija kompetittiva b'karbonju baxx sal-2050.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) qed jiżviluppaw l-Istrateġiji għall-Ekonomija Ekoloġika u t-Tkabbir Ekonomiku. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol qed tiżviluppa programmi għal impjiegi ekoloġiċi diċenti. Il-G8 u l-G20 ukoll qed jaħdmu dejjem iżjed fuq l-aġenda tal-ekonomija ekoloġika. F'Kankun, il-Partijiet għall-UNFCCC qablu li l-pajjiżi kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji tal-iżvilupp b'karbonju baxx, konsistenti mal-iżvilupp sostenibbli.

B'segwitu għall-inizjattivi msemmija hawn fuq, jeħtieġ li nindirizzaw tliet dimensjonijiet tal-politika marbutin flimkien biex niksbu t-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika:

(1) Ninvestu fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ewlenin u l-kapital naturali ("xiex")

(2) Nistabbilixxu s-suq it-tajjeb u l-kundizzjonijiet regolatorji ("kif")

(3) Intejbu l-governanza u l-involviment tas-settur privat ("min")

Fit-taqsimiet li ġejjin dawn it-tliet dimensjonijiet se jiġu analizzati f'aktar dettall, bħala qafas għal azzjoni u investiment immirati.

3.2. Ninvestu fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ewlenin u l-kapital naturali

Ir-riżorsi bħall-ilma, l-enerġija, l-art, il-foresti kif ukoll il-materjali jikkostitwixxu l-bażi ta' kwalunkwe ekonomija – u b'mod partikolari tal-ekonomija ekoloġika. L-għejxien ta' ħafna nies madwar id-dinja jiddependi minnhom, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn in-nuqqas ta' aċċess għar-riżorsi ta' kwalità, kif ukoll l-għarfien insuffiċjenti dwar kif għandna namministrawhom b'mod sostenibbli, huma kawżi sottostanti importanti tal-faqar. Hemm ħafna eżempji li wieħed jista' jsemmi dwar kif l-aċċess għal riżorsi ġestiti b'mod sostenibbli jistgħu jgħinu lin-nies joħorġu mill-faqar. Għalhekk, l-oqsma tar-riżorsi elenkati hawn taħt jistgħu jsiru s-swieq tat-tkabbir ewlenin tal-ekonomija ekoloġika, u b'hekk isaħħu l-iżvilupp ekonomiku fil-futur, il-ħolqien ta' impjiegi u l-qerda tal-faqar, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-ilma huwa wieħed mill-iżjed riżorsi ta' valur, fundamentali għall-ħajja u s-saħħa, imma wkoll għat-tkabbir ta' ħafna setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, il-manifattura u l-produzzjoni tal-enerġija. Il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma hija kruċjali fl-isforzi biex jinqered il-faqar, għaliex il-ħajjiet tal-persuni fqar huma marbuta mill-qrib mal-aċċess għall-ilma u l-użijiet u l-funzjonijiet multipli tiegħu. L-ilma għandu wkoll implikazzjonijiet qawwija għar-relazzjonijiet reġjonali, il-paċi u s-sigurtà. Il-politiki, b'mod ċar, jeħtieġ li jiġu msaħħa biex jitjieb l-aċċess għall-ilma, il-kwalità u l-effiċjenza.

L-aċċess għas-servizzi tal-enerġija huwa prerekwiżit fundamentali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku. L-aċċess għall-enerġija huwa wkoll fattur ewlieni għall-qerda tal-faqar. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iktar minn 1.4 biljun persuna fil-preżent ma għandhomx aċċess għall-elettriku u 2.7 biljun persuna jiddependu minn użu tradizzjonali tal-bijomassa għat-tisjir. Ħafna reġjuni fid-dinja li qed tiżviluppa għandhom potenzjali enormi għall-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari fejn l-estenjonijiet tal-grid tal-elettriku mhumiex ekonomiċi. L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għandu jimxi flimkien ma' miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

Ir-riżorsi tal-baħar huma sors ta' ikel u prosperità ekonomika. Is-settur tas-sajd huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u l-għejxien ta' miljuni ta' persuni madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-oċeani u l-ibħra huma komponent essenzjali tal-ekosistema tad-dinja u għandhom rwol ewlieni fil-moderazzjoni tat-tibdil fil-klima. Is-sikek tal-qroll u l-foresti tal-mangrovja mhumiex biss ħażna ta' karbonju u sors tal-bijodiversità; jipproteġu wkoll iż-żoni kostali kontra l-għargħar, u b'hekk inaqqsu r-riskju tad-diżastri. Madankollu, l-ambjent tal-baħar qed jaffaċċa diversi theddidiet: in-nuqqas ta' stokkijiet tal-ħut, it-telf tal-bijodiversità, il-ħmieġ fil-baħar, l-iskart u t-tniġġiż inkluż l-aċidifikazzjoni. Ħafna kwistjonijiet huma transkonfinali u jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livell internazzjonali.

Sfida ewlenija fl-agrikoltura hija l-abbiltà li titma 9 biljun persuna sal-2050 mingħajr iktar degradazzjoni u art imniġġsa. L-użu sostenibbli tal-art u l-agrikoltura huwa pedament tal-ekonomija ekoloġika. Il-prattiki attwali tal-biedja jirrappreżentaw aktar minn 70 % tar-riżorsi tal-ilma ħelu tad-dinja u jikkontribwixxu għal aktar minn 13 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra (GHG). L-agrikoltura sostenibbli tista' żżid ir-rendimenti b'mod sostanzjali, speċjalment fl-impriżi agrikoli żgħar. Minkejja li huma disponibbli ħafna tekniki tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, l-investiment f'dawn mhuwiex suffiċjenti. Id-degradazzjoni tal-art għandha rabta diretta mal-agrikoltura, u għandha effett dirett fuq madwar 1.5 biljun persuna, inkluż 42 % tal-foqra tad-dinja. Id-degradazzjoni tal-art hija kwistjoni globali, mhux biss fir-reġjuni nexfin jew nofshom nexfin, u tirrikjedi reazzjoni globali. Governanza tajba hija essenzjali biex nindirizzaw dawn il-problemi, permezz ta' rispett lejn id-drittijiet u s-sjieda tal-art, inkluż minn komunitajiet u persuni indiġini. Dawn l-aspetti kollha jridu jiġu indirizzati sabiex niżguraw il-provvista sostenibbli tal-ikel.

Il-foresti huma l-bażi tal-għejxien ta' miljuni ta' persuni, li ħafna minnhom jgħixu fit-tropiċi u jappartjenu għall-oqsma aktar foqra tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-foresti huma parti kruċjali mill-ekosistema tad-dinja, u jipprovdu funzjonijiet bħall-protezzjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità. Madankollu, ir-rata globali ta' deforestazzjoni għadha għolja b'mod allarmanti u għandha impatti sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima globali u l-bijodiversità. L-emissjonijiet mid-deforestazzjoni tropikali, id-degredazzjoni tal-foresta u l-pit fil-preżent huma stmati li huma 15 % tal-emissjonijiet globali tad-CO2. Il-foresti għandhom il-probabbilità li jsiru dejjem iżjed importanti f'ekonomija ekoloġika bħala sorsi ta' materjali ġodda bħal plastiks b'bażi bijo u fl-istrateġiji tal-enerġija rinnovabbli. F'dan il-kuntest il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huma kruċjali.

L-użu sostenibbli tal-art, l-agrikoltura, il-foresti, l-art u l-oċeani huma sottostanti għall-ekosistemi u l-bijodiversità, li jiddeterminaw ir-reżiljenza fit-tul u s-saħħa tal-ambjent. Hemm kuxjenza dejjem tikber dwar il-benefiċċji tas-servizzi tal-ekosistema għall-kummerċ u s-soċjetà inġenerali[3], u tal-potenzjal ta' investiment f'kapital naturali għall-ekonomija ekoloġika.

L-iskart jista' jkun sors ta' valur, u jekk ma jiġix ġestit kif suppost jikkawża riskji ambjentali u għas-saħħa. Il-maniġment tal-iskart tajjeb jimminimizza l-impatti ambjentali bħall-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, jippromwovi l-użu effikaċi tar-riżorsi, u jipprovdi sors ġdid ta' materjali rriċiklati. Il-potenzjal ekonomiku tal-maniġment tal-iskart qed jikber f'ħafna reġjuni tad-dinja, fejn qed joffri opportunitajiet importanti tal-kummerċ u impjiegi. Huwa kruċjali li niżguraw li dawn l-impjiegi huma diċenti, b'mod partikolari f'termini ta' kundizzjonijiet tax-xogħol. Hekk kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikbru b'mod ekonomiku, dejjem hemm iżjed bżonnijiet u opportunitajiet ekonomiċi għal maniġment aħjar tal-iskart. L-iskart perikoluż u l-kimiċi wkoll jibqgħu qasam ta' tħassib partikolari, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak globali.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika globali se tkun teħtieġ politiki globali rinforzati bbażati fuq dawn l-oqsma, u Rio+20 għandha toffri pjattaforma biex tgħin l-ilħuq ta' dan.

3.3. Nistabbilixxu s-suq it-tajjeb u l-kundizzjonijiet regolatorji

Għandhom jidħlu fis-seħħ għadd ta' kundizzjonijiet tas-suq u regolatorji biex ngħinu u nagħtu direzzjoni lit-tkabbir fl-oqsma msemmija hawn fuq. Tali kundizzjonijiet ta' għajnuna mhumiex biss importanti fil-promozzjoni tal-objettivi tal-ambjent, iżda wkoll biex niżguraw it-tbassir u opportunitajiet indaqs għall-kummerċ. Jipprovdu wkoll bażi soda għall-investimenti u t-trawwim tal-ekoinnovazzjoni permezz ta' teknoloġiji ġodda u modi ġodda ta' ħidma.

L-istrumenti regolatorji se jkollhom rwol importanti biex l-ekonomija issir ekoloġika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali. L-istrumenti regolatorji għandhom ikunu kkumbinati mal-istrumenti bbażati fis-suq (bħat-taxxi, il-permessi li jistgħu jiġu nnegozjati u s-sussidji ambjentali) li huma flessibli u għodod kost-effettivi li jistgħu jgħinu l-ilħuq tal-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali kkumbinati. Ir-riformi fiskali li jċaqilqu l-piżijiet tat-taxxa mix-xogħol għall-impatti ambjentali u l-enerġija jistgħu joħolqu riżultati fejn kulħadd ikun rebbieħ fl-oqsma tal-impjiegi u l-ambjent. Is-sistemi tal-limitu u skambju, bħall-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, taw prova li huma strumenti effettivi tas-suq. Skemi oħra effettivi jinkludu inċentivi fiskali għall-SMEs, il-miżati tal-ilma, it-taxxi ekoloġiċi, u t-tariffi garantiti (feed-in). Il-pagamenti għas-servizzi tal-ekosistema qed jiġu applikati diġà f'ċerti pajjiżi u ġew riflessi fin-negozjati li għaddejjin dwar it-Tnaqqis ta’ Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD).

Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent huma ostaklu kbir għal ekonomija aktar ekoloġika. Dawn jipperpetwaw prassi mhux sostenibbli u riżorsi finanzjarji diretti minn investimenti ekoloġiċi meħtieġa. Il-pressjoni qed tiżdied biex dawn jiġu indirizzati. Fl-2009, il-G20 impenjat ruħha li tirrazzjonalizza u f'fażijiet twaqqaf l-użu ta' sussidji ineffiċjenti tal-fjuwil fossilu li jħeġġu l-konsum ħali. Dan l-impenn se jerġa jiġi rivedut fl-2011. Fl-2010, il-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika impenjaw irwieħhom biex jeliminaw, jieqfu jużaw f'fażijiet jew jirriformaw is-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-bijodiversità sal-2020.

Biex ngħinu t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali ekoloġika, se jkun hemm il-bżonn li jiġu mmobilizzati riżorsi finanzjarji fuq skala kbira. Dan se jkun jirrikjedi azzjoni mill-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-banek kollha. L-UNEP tistma li l-iskala tal-investimenti globali meħtieġa tista' tkun fir-rata ta' 2 % tal-PDG globali kull sena matul il-perjodu sal-2050. Dan se jirrikjedi ċaqliqa fil-paradigma fl-approċċi għal finanzjament, fejn il-pajjiżi jiġu mgħejjuna jagħmlu użu minn soluzzjonijiet pubbliċi u privati innovattivi. Id-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi biss mhux se tkun suffiċjenti – anzi, il-finanzjament pubbliku se jkun meħtieġ jikkatalizza u jingranaġġa investiment privat ħafna ikbar. Se jkollhom jidħlu fis-seħħ inċentivi biex jinkoraġġixxu l-investimenti privati ekoloġiċi, u biex ikunu jistgħu jiġu applikati mezzi ta' direzzjonar għall-fondi tal-ekwità, l-assigurazzjoni u l-pensjoni lejn żvilupp sostenibbli, fuq skala ħafna ikbar. Fl-istess ħin, kemm is-settur pubbliku nazzjonali u l-finanzjament pubbliku internazzjonali se jkollhom rwoli importanti fl-istabbilment tal-kundizzjonijiet biex jgħinu t-tnaqqis tar-riskji għall-investiment privat u biex jiżguraw approċċi ġusti u ekwitabbli għall-investiment. Barra minn hekk, l-aċċess għall-kapital tal-finanzi u ta’ riskju marbut ma' ambjent regolatorju favorevoli, huwa kruċjali biex jiġu stimulati l-ekoinnovazzjoni, it-teknoloġiji ambjentali u l-SMEs ekoloġiċi.

Mingħajr il-ħiliet u l-għarfien neċessarji, it-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika ma tkunx possibbli. Fl-istess ħin, għandu jkun żgurat li l-impjiegi ġodda se jkunu "impjiegi diċenti" inkluż il-garanziji tad-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali. Il-politiki ekonomiċi jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki tax-xogħol biex l-impjegati jkunu mgħammra bil-ħiliet il-ġodda u jgħinu l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda tax-xogħol. Mill-ammont stmat ta' 211-il miljun persuna diżokkupati fid-dinja fl-2009, kważi 40 % huma bejn l-età ta' 15 u 24 sena, u jeħtieġ li jittieħdu firxa ta' miżuri biex iż-żgħażagħ ikunu pprovduti bl-opportunitajiet. Barra minn hekk, ħafna mill-ostakli li qed ixekklu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u futur aktar sostenibbli jistgħu jitneħħew biss permezz ta' aktar kooperazzjoni xjentifika u fir-riċerka.

Ix-xejriet sostenibbli tal-provvista u t-talba fil-livell internazzjonali jistgħu jiġu appoġġati mit-titjib tal-appoġġ reċiproku bejn il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Dan jinkludi l-manteniment ta' sistema ta' negozjar multilaterali, miftuħa u nondiskriminatorja, u l-iżgurar li l-ebda pajjiż ma jkun imwaqqaf milli jfassal il-miżuri biex jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, sakemm tali miżuri ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli, jew restrizzjoni moħbija kontra l-kummerċ internazzjonali. L-appoġġ reċiproku jista' jiġi promoss ukoll billi jonqsu jew jiġu eliminati l-barrieri tat-tariffi u n-nontariffi fuq l-oġġetti, it-teknoloġiji u s-servizzi ambjentali, kif ukoll il-prodotti favur l-ambjent jew il-kummerċ ġust. Barra minn hekk, hekk kif jespandu l-iskemi ta' assigurazzjoni sostenibbli u l-prassi korporattivi tar-responsabbiltà soċjali, l-iżvilupp tal-linji gwida u l-istandards internazzjonali, l-iskemi u tikketti ta' ċertifikazzjoni, jistgħu jipprovdu benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Il-miżuri internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali f'oġġetti sensittivi mill-aspett ambjentali (bħall-organiżmi slavaġ, is-sustanzi perikolużi u r-riżorsi naturali) jeħtieġ li jissaħħu – eżempju tajjeb ta' x'jista' jsir huma l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja li l-UE qed tinnegozja fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u l-Kummerċ (FLEGT). Jeħtieġ li tiġi promossa wkoll l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar is-sostenibbiltà bħala parti minn ftehimiet tal-kummerċ multilaterali u bilaterali.

L-iżgurar u l-kejl tal-progress jirrikejdi li l-metriċi u l-indikaturi komparabbli jkunu fis-seħħ. Għadd ta' organizzazzjonijiet, bħall-OECD, qed jaħdmu biex jipprovdu diversi forom ta' indikaturi li jistgħu jirriflettu l-istat tal-assi ambjentali u naturali, l-għejxien tajjeb u l-kwalità tal-ħajja. Dawn l-indikaturi għandhom jintużaw flimkien mall-Prodott Domestiku Gross (PDG). Madankollu, s'issa kienu biss il-ftit minn dawn l-indikaturi li ntużaw b'mod mifrux fil-ħtiġijiet tal-politika tal-komunikazzjoni, bħall-intensità tad-CO2 u l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem. L-Aġenda 21 diġà talbet lill-gvernijiet biex jiżviluppaw indikaturi sostenibbli tal-iżvilupp u l-kontabbiltà ambjentali. Madankollu, il-progress huwa bil-mod u mhux konsistenti. Rio+20 għandha tippromwovi t-trasparenza tar-rapportar nazzjonali u taqbel dwar l-użu tal-kontabbiltà ambjentali u indikaturi robusti fil-livelli nazzjonali u globali sabiex tkejjel dan is-sens mifrux tal-progress apparti mill-PDG.

3.4. Intejbu l-governanza u l-involviment tas-settur privat

L-istrutturi ta’ governanza huma kruċjali biex jgħinu t-twassil tal-iżvilupp sostenibbli, jagħmlu l-ekonomiji tagħna ekoloġiċi u jeqirdu l-faqar. Madankollu, huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-istrutturi ta’ governanza attwali jeħtieġu riforma sinifikanti. Jeħtieġ li jiġu indirizzati erba' mogħdijiet wesgħin ta' riforma.

Hemm ħtieġa li tiġi rrinforzata u ssimplifikata l-governanza tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-sistema tan-NU, inter alia billi titjieb il-koerenza u l-integrazzjoni tal-politika bejn l-attivitajiet li jsiru fl-ambitu tal-pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Fi ħdan in-NU, għaddejjin għadd ta' sforzi, inkluż mekkaniżmi mtejba bejn l-aġenziji u bħala parti mill-inizjattiva "Magħqudin fl-Azzjoni" ("Delivering as One") li tfittex li tippromwovi koerenza mifruxa man-NU fl-oqsma tal-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-ambjent. Il-kwistjonijiet li jikkonċernaw lil kulħadd bħat-tibdil fil-klima ukoll jeħtieġu aktar simplifikazzjoni. Tali proċessi għandhom ikunu rinforzati. Filwaqt li r-rinforzar tal-governanza internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli huwa kruċjali, l-istrutturi reġjonali, nazzjonali u lokali korrispondenti wkoll jeħtieġu l-attenzjoni.

Meta mqabbla mal-istrutturi ekonomiċi globali, il-governanza ambjentali internazzjonali hija dgħajfa. Dan huwa minħabba l-frammentazzjoni istituzzjonali, in-nuqqas ta' kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-politiki maqbula, in-nuqqas ta' vuċi b'saħħitha u awtoritarja fi ħdan is-sistema ta' governanza globali, kif ukoll in-nuqqas ta' riżorsi umani u finanzjarji. Barra min hekk, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet il-ġodda tal-ekonomiji emerġenti mhumiex definiti b'mod suffiċjenti. Matul l-aħħar għaxar snin, saru attentati biex titjieb il-governanza ambjentali internazzjonali – l-aktar riċenti bħala parti mill-grupp konsultattiv ta' livell għoli taħt il-patronaġġ tal-UNEP (il-proċess ta' Najrobi-Ħelsinki) – iżda s'issa rriżulta diffiċli li jsir progress tanġibli.

Il-governanza ekonomika u soċjali internazzjonali hija indirizzata minn għadd ta' istituzzjonijiet. L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (bħall-Grupp tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali) kif ukoll il-banek tal-iżvilupp reġjonali (bħall-Bank tal-Iżvilupp Ażjatiku, il-Bank tal-Iżvilupp Interamerikan, il-Bank tal-Iżvilupp Afrikan, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment) għandhom rwol ċentrali fil-politiki u l-azzjonijiet ekonomiċi tad-dinja. Ir-rwol tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ huwa essenzjali fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ globali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u korpi oħra tan-NU għandhom rwoli sabiex jagħtu forma lill-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali. Kull waħda minn dawn se jkollha tiżvolġi rwol biex l-ekonomija globali ssir ekoloġika.

L-Aġenda 21 u l-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Joħanesburg jinsistu fuq ir-rwol importanti tal-atturi mhux tal-istat (il-"Gruppi Ewlenin") li jinkludu n-nies indiġeni, in-nisa, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema, il-bdiewa, il-gvernijiet lokali, il-komunità xjentifika, il-kummerċ u l-industrija u l-NGOs. Madankollu, ir-rwol u l-impatt tagħhom kien limitat fl-ambitu u jeħtieġ li jiġi msaħħaħ. B'mod partikolari, ikun essenzjali li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-negozji. F'għadd ta' każijiet in-negozji diġà huma impenjati li jagħmlu l-operazzjonijiet tagħhom ekoloġiċi, bħall-industriji tal-ikel, ix-xorb u tal-kimika. Dan jeħtieġ li jiġi sfruttat iżjed permezz ta' sħubijiet pubbliċi/privati aktar dinamiċi, netwerks u allejanzi ġodda tan-negozju, kif ukoll faċilitajiet tal-finanzjament biex jaċċelleraw il-kummerċ ekoloġiku u l-innovazzjoni.

4. Mezzi ta' azzjoni proposti għal Rio+20 4.1. Qafas biex jitwasslu r-riżultati

Biex ikun hemm impetus imġedded għall-iżvilupp sostenibbli, Rio+20 teħtieġ li toħloq viżjoni kondiviża għall-bidla, appoġġata minn qafas deċisiv għal azzjoni speċifika. L-"ingredjenti" ewlenin għar-riżultat aħħari jistgħu jkunu mbassra kif ġej:

1. "Mobilizzazzjoni qawwija" ta' politika mifruxa b'viżjoni u għanijiet kondiviżi u ambizzjużi.

2. Sett ta' azzjonijiet speċifiċi fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali - distribwiti bħala l-"Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija Ekoloġika".

3. "Kaxxa tal-għodda" ta' approċċi ta’ politika u eżempji tal-aħjar prassi li għandhom jintużaw għall-ilħuq tal-objettivi li hemm qbil dwarhom.

4. Mekkaniżmu għall-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-progress kumplessiv.

Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija Ekoloġika jista' jiggarantixxi impenn lil hinn minn Rio+20 li jiżgura li l-viżjoni u l-għanijiet li hemm qbil dwarhom se jitwettqu b’manjiera sistematika. Jista' jqassam firxa ta' azzjonijiet internazzjonali, reġjonali u nazzjonali b'miri importanti, indikaturi u għanijiet, kif ukoll mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-progress kumplessiv.

Pjan Direzzjonali tal-Ekonomika Ekoloġika jista' jgħin lill-pajjiżi kollha jaċċelleraw il-progress lejn ekonomika ekoloġika, filwaqt li jibnu fuq inċentivi eżistenti u jirrispettaw id-differenzi nazzjonali. Ikun essenzjali l-istabbilment ta' strateġiji biex l-ekonomija ssir ekoloġika bħala parti mill-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp kumplessivi u l-pjanijiet tal-pajjiżi. Tali strateġiji – li jridu jiġi mfassla minn "isfel għal fuq" – għandu jkun fihom objettivi u skedi taż-żmien propost fil-livelli nazzjonali, u fejn xieraq, dawk reġjonali. L-azzjonijiet għandhom jibnu fuq sforzi eżistenti u jistgħu jiġu inkorporati fl-istrateġiji nazzjonali ekonomiċi u tal-iżvilupp, filwaqt li jiġbru magħhom ukoll strateġiji ta' karbonju baxx u konsum sostenibbli u pjanijiet tal-produzzjoni. Fejn meħtieġ, il-pajjiżi donaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprovdu assistenza, f'konformità mal-istrateġiji tal-iżvilupp nazzjonali. Fit-tfassil tal-azzjonijiet speċifiċi, il-pajjiżi jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-"kaxxa tal-għodda" tal-aħjar prassi fl-approċċi ta’ politika.

Madankollu, l-isforzi nazzjonali waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex l-ekonomija globali ssir ekoloġika. Ladarba ħafna sfidi jirrikjedu rispons globali u reġjonali, il-Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija Ekoloġika għandu jinkludi wkoll azzjonijiet fil-livelli globali u reġjonali.

Biex isir il-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ekoloġika, se jkunu essenzjali l-identifikazzjoni u l-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin u s-sistema globali li hemm qbil dwarhom għall-kontabbiltà ambjentali u soċjali biex jissupplimentaw il-kontabbiltà ekonomika attwali. Din tkun qed tibni fuq inizjattivi eżistenti bħas-sistema internazzjonali għall-kontabbiltà ambjentali u ekonomika integrata (SEEA), il-UNDP (Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem) u l-OECD (Kejl tal-Progress tas-Soċjetajiet). Il-qafas regolatorju ppjanat tal-UE għall-kontabbiltà ambjentali jista' jservi wkoll ta' eżempju.

It-taqsimiet li ġejjin jibnu fuq id-dimensjonijiet ta' politika fit-taqsima 3 ("xiex", "kif" u "min") u jipproponu sett inizjali ta' azzjonijiet speċifiċi, li jkunu jiffurmaw parti mill-Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija Ekoloġika.

4.2. Azzjoni fuq riżorsi, materjali u kapital naturali

Rio+20 teħtieġ li ġġedded l-impenn biex tippromwovi l-ilma sostenibbli. Dan jista' jinkiseb billi jiġu stabbiliti sħubijiet internazzjonali dwar l-ilma. Dawn jistgħu jibnu fuq u jespandu l-Inizjattiva dwar l-Ilma tal-UE, li tat kontribut għall-ġestjoni mtejba tal-ilma u l-governanza tal-ilma, iżda jagħtu enfasi ikbar fuq l-aspetti ekonomiċi u l-impenn ikbar tan-negozji. Il-ġestjoni tal-baċir internazzjonali tax-xmajjar trid tiġi indirizzata wkoll, b'mod partikolari fi ħdan l-impenji transkonfinali tax-xmajjar.

Jistgħu jiġu varati wkoll sħubijiet biex jiżdied l-aċċess għall-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija u ssir promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija. Dawn jistgħu jibnu fuq azzjonijiet eżistenti bħall-Isħubija tal-Enerġija bejn l-UE u l-Afrika (AEEP), il-Faċilitajiet tal-Investiment Reġjonali tal-UE, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika, il-Faċilità tal-Enerġija ACP, u l-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF), li jistgħu jipprovdu esperjenzi tal-ingranaġġ tal-investiment privat għal tali sħubiji.

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-oċeani, dawk l-istati li s'issa għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), għandhom jiġu inkuraġġuti jagħmlu dan. Hemm bżonn ta' inizjattivi ġodda għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-oqsma lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali ("l-ibħra miftuħa u l-qiegħ tal-baħar fond") pereżempju permezz ta' ftehim ta' implimentazzjoni taħt l-UNCLOS. Sabiex il-bijodiversità tal-baħar tiġi mgħejjuna fil-konservazzjoni f'dawn l-oqsma, il-ftehim għandu jistabbilixxi żoni tal-baħar protetti multiużi u jiżgura aċċess għat-tqassim ġust u ekwitabbli tal-benefiċċji derivati mill-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u oħrajn. Għandu jistabbilixxi wkoll is-sorveljanza u l-mekkaniżmi ta' infurzar. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali biex jiġi żviluppat programm ta' azzjoni globali fil-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar u t-tniġġiż.

Għandhom jidħlu fis-seħħ attivitajiet li jippromwovu l-agrikoltura sostenibbli, l-użu tal-art u s-sigurtà tal-ikel. Dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-inizjattivi eżistenti dwar l-agrikoltura sostenibbli, il-bini fuq azzjonijiet multilaterali (bħall-FAO), l-attivitajiet reġjonali (bħal fuq il-biedja organika) kif ukoll l-inizjattivi tal-kummerċ. Barra minn hekk, is-sħubijiet internazzjonali dwar il-komoditajiet tal-ikel jistgħu jiġu stabbiliti biex il-konsum u l-produzzjoni tal-komoditajiet tal-ikel isiru iktar sostenibbli. Ladarba l-agrikoltura tiddependi mill-kwalità tal-art, ix-xogħol għandu jissaħħaħ biex titjieb il-kwalità tal-art u nikkumbattu d-deżertifikazzjoni. Dan jista' jinkudi l-varar ta' valutazzjoni ekonomika globali tal-kostijiet u l-benefiċċji tat-titjib tal-kwalità tal-art. L-inizjattivi jistgħu jinkludu wkoll l-għotja ta' aktar impetus lis-"Sħubija Globali tal-Ħamrija", kif ukoll servizzi ta' implimentazzjoni għall-monitoraġġ globali tal-użu tal-art, bħala parti mis-Sistema tas-Sistemi ta' Osservazzjoni tad-Dinja Globali (GEOSS).

L-isħubijiet mal-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat jistgħu jgħinu wkoll fil-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresta u jikkumbattu d-deforestazzjoni. Tali sħubijiet jistgħu jibnu fuq l-approċċ ta’ suċċess tal-FLEGT (Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ) u fuq l-esperjenzi inizjali tar-REDD+.

Issa wasal iż-żmien biex nistabbilixxu reġim internazzjonali dwar is-sustanzi kimiċi u perikolużi aktar robust u koerenti u Rio+20 tista' tvara proċess biex jinkiseb dan. Dan ikun jibni fuq impenji preċedenti, bħall-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM) kif ukoll l-esperjenza miksuba mill-approċċ tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi. Ir-reġim – possibbilment fil-forma ta' konvenzjoni qafas – għandu jkun iggwidat mill-mira ta' Joħanesburg, li skontu sal-2020 is-sustanzi kimiċi għandhom jintużaw u jiġu prodotti f'modi li ma jwasslux għal effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Ir-reġim għandu jqis il-Ħarsa Globali lejn is-Sustanzi Kimiċi li attwalment tinsab f'fażi ta' preparazzjoni mill-UNEP u x-xogħol li għaddej dwar l-għażliet finanzjarji biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-isfida biex tiġi globalizzata l-industrija tal-kimiki u l-iskart. Ir-reġim għandu jinkludi kriterji biex jiġu identifikati s-sustanzi kimiċi u s-sustanzi ta' tħassib globali, kif ukoll qafas għall-valutazzjoni tas-sustanzi.

Dawn l-isfidi kollha se jirrikjedu livell li qatt ma ntlaħaq qabel ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika fil-livell globali, u għandhom jibda jiġi implimentat mekkaniżmu għax-xjenza globali u l-kooperazzjoni fir-riċerka dwar l-isfidi tas-soċjetà li huma ta' importanza globali (eż. il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima, l-oċeani).

4.3. Infornu l-istrumenti ekonomiċi u niffinanzjaw u ninvestu fil-kapital tal-bniedem

Rio+20 għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi, b'mod partikolari l-ekonomiji industrijalizzati u dawk emerġenti, biex jiżviluppaw skemi ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-karbonju domestiċi u reġjonali bil-ħsieb li jnaqqsu l-emissjonijiet sal-inqas kost, u bħala blokki tal-bini ta' suq internazzjonali tal-karbonju fil-ġejjieni. Tali strumenti jista' jkollhom ukoll rwol importanti fil-ġenerazzjoni ta' finanzi innovattivi.

Barra minn hekk, Rio+20 għandha tvara sett koordinat ta' azzjonijiet mill-pajjiżi biex jidentifikaw u jneħħu f'fażijiet is-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali, akkumpanjati minn miri u dati ta' skadenza. L-impenn tal-G20 biex jiġu indirizzati is-sussidji tal-fjuwils fossili jista' jservi bħala eżempju wieħed speċifiku. Tali inizjattiva tkun tista' tagħmel użu mil-linji gwida u l-eżempji tal-aħjar prassi ta' kif is-sussidji li jagħmlu ħsara tneħħew b'suċċess fil-passat.

Biex tgħati direzzjoni u ingranaġġ għall-fondi għall-ekonomija ekoloġika, Rio+20 għandha tirrakkomanda li tikkonsolida u ssaħħaħ l-istrateġiji eżistenti u l-faċilitajiet tal-finanzjament, jew tistabbilixxi skemi ta' finanzjament pubbliċi-privati ġodda kif meħtieġ. L-organizzazzjonijiet ta’ żvilupp (bħall-UNDP) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (bħall-Bank Dinji u banek multilaterali tal-iżvilupp oħrajn, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Faċilità Globali tal-Ambjent), għandu jkollhom rwol b'saħħtu, b'impenn biex jiġu stabbiliti strateġiji finanzjarji tal-ekonomija ekoloġika li jistgħu jwasslu għal riżultati demonstrabbli. Il-banek privati, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet ukoll għandhom jagħtu sehemhom. Fokus importanti ta' dawn il-faċilitajiet u skemi tal-finanzjament għandu jkun li jassistu l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kif ukoll l-SMEs.

Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) se tkompli tirrappreżenta sors sinifikanti ta' investiment. L-UE tibqa impenjata biex tgħolli l-volum tal-għajnuna minn 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) sal-2015; fil-preżent l-UE hija responsabbli għal 58 % tal-għajnuna globali. ODA se tkompli tkun disponibbli u tista' tgħin fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ekonomiċi ekoloġiċi nazzjonali u reġjonali tal-pajjiżi sħab, fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom tal-iżvilupp. F'dan il-kuntest, il-programmi bħall-EU SWITCH, li kien qiegħed jippromwovi l-konsum sostenibbli u l-prassi tal-produzzjoni fl-Ażja, jista' jkun stabbilit bħala parti minn azzjoni globali dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

Rio+20 għandha tistabbilixxi programm ta' taħriġ ta' ħiliet ekonomiċi f'oqsma ta' prijorità bħall-enerġija, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, l-iskart u r-riċiklaġġ. Ladarba t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika se toħloq impjiegi ġodda u tibdel oħrajn, l-impjegati eżistenti se jkunu jeħtieġu taħriġ fil-ħiliet mill-ġdid. Dan jista' jinkludi skemi biex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema, tiġi pprovduta l-protezzjoni soċjali, u jiġi formalizzat ix-xogħol informali, pereżempju l-bini fuq il-ħidma tal-ILO lejn "tranżizzjoni ġusta". Huma meħtieġa wkoll programmi ta' taħriġ għaż-żgħażagħ. Dawn għandhom jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol b'taħriġ speċifiku, u jħeġġu l-kurrikuli nazzjonali fl-edukazzjoni sekondarja biex jinkludu ħiliet ekoloġiċi.

4.4. Intejbu l-governanza

Hija meħtieġa governanza globali aħjar u aktar effiċjenti biex taċċelleara l-azzjoni globali lejn ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli, u biex jinqered il-faqar. Din għandha tipprovdi opportunitajiet għall-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw u jagħtu kontribut.

Hemm diversi għażliet biex tissaħħaħ il-governanza sostenibbli tal-iżvilupp fi ħdan in-NU. Għażla waħda hija r-rinforz tar-rwol tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC) dwar l-iżvilupp sostenibbli, b'piż indaqs mogħti lill-pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Approċċ alternattiv jista' jkun l-aġġornament tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (CSD) għal korp aktar permanenti b'funzjonijiet estiżi. Tali sforzi għandhom ikunu mmirati biex jiżguraw li l-korpi kollha rilevanti tan-NU jagħmlu enfasi ħafna aktar b'saħħitha dwar l-iżvilupp sostenibbli. F'għadd ta' każijiet it-titjib jista' jsir fi ħdan il-mandati attwali.

Jeħtieġ li l-UNEP jiġi infurzat biex nibnu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-proċess tal-UNEP Najrobi-Ħelsinki mmirat lejn it-tisħiħ tal-governanza ambjentali internazzjonali. Dan jista' jinkiseb f'diversi modi: i) titjib fl-UNEP fi ħdan il-mandat attwali tiegħu; ii) tisħiħ tal-UNEP b'ħidmiet u responsabbiltajiet ġodda; iii) il-ħolqien ta' organizzazzjoni ambjentali globali u multilaterali, pereżempju billi l-UNEP jiġi ttrasformat f'Aġenzija Speċjalizzata tan-NU (bħall-ILO). L-aħħar għażla, li tkun tinvolvi l-adozzjoni ta' trattat legalment vinkolanti, tkun l-iżjed triq 'il quddiem promettenti biex titjieb il-governanza ambjentali internazzjonali u biex isir progress lejn żvilupp sostenibbli globali. Fl-istess ħin huwa ċar li l-għażliet kollha għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi, u jeħtieġ li jiġu diskussi aktar fit-tul.

Bħala parti mit-tisħiħ tal-governanza ambjentali internazzjonali, ix-xogħol fuq is-simplifikazzjoni u r-rinforz tas-sistema MEA jeħtieġ li jiġi aċċellerat. Filwaqt li għandha tiġi rispettata l-awtonomija tal-MEAs differenti, l-amministrazzjoni tagħhom tista' tiġi ssimplifikata b'mod sostanzjali, u jonqsu l-okkażjonijiet fejn MEA tidħol fuq oħra - b'hekk tinħoloq pjattaforma aħjar biex tkun żgurata sorveljanza u tmexxija politika koerenti u ffukata, u aktar twassil ta' kundizzjonijiet favorevoli għal tkabbir ekoloġiku.

Fi ħdan in-NU hemm il-ħtieġa ta' bini rinfurzat tal-kapaċità għall-ambjent. Dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-għarfien ambjentali espert u l-kuxjenza dwar l-ekonomija ekoloġika fi ħdan it-timijiet tal-pajjiżi tan-NU biex jippromwovu s-simplifikazzjoni fil-programmi tal-pajjiżi, iż-żieda fil-firxa tal-għarfien espert fl-uffiċċji reġjonali tan-NU/UNEP, u l-iżvilupp ta' qafas mifrux tas-sistema għall-bini tal-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni tal-MEA. Għandha tissaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-monitoraġġ tal-ambjent globali.

Ladarba n-negozji huma l-magni tal-ekonomija, Rio+20 għandha ssaħħaħ l-impenn tas-settur privat. In-negozji u s-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkollhom rwoli importanti fil-varjetà ta' sħubijiet u skemi proposti f'din il-Komunikazzjoni, bħall-ilma, l-enerġija, il-komoditajiet tal-ikel, il-foresti, u l-finanzjament.

5. It-triq ’il quddiem

Filwaqt li sar progress lejn l-iżvilupp sostenibbli f'ċerti oqsma mis-Summit ta' Rio de Janeiro tal-1992, xorta għadna qed naffaċċaw sfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali globali. Din il-Komunikazzjoni tistipula l-opinjonijiet inizjali tal-Kummissjoni bħala parti mill-proċess preparatorju li se jwassal għal Rio+20.

Rio+20 hija opportunità sinifikanti biex jiġi avvanzat l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja. Madankollu, ma għandhiex tirriżulta sempliċiment f'dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni tajba – huma meħtieġa azzjonijiet tanġibbli biex niżguraw li Rio+20 se tkun pass importanti fil-possibbilità ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u governanza aħjar. L-UE hija miftuħa għad-diskussjonijiet mal-pajjiżi u l-atturi kollha dwar kif se niffurmaw aktar din l-aġenda fil-preparamenti għal Rio+20. Il-pajjiżi u l-atturi kollha jridu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li r-riżultati ta' Rio+20 jistgħu jilħqu l-isfidi globali tagħna. Flimkien, irridu niżguraw azzjoni tanġibbli u effettiva li jista' jkollha impatt reali madwar id-dinja.

Anness

L-Istrateġija tal-Ewropa 2020. Miri u Inizjattivi Ewlenin

Miri Ewlenin

(1) 75 % tal-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 sena għandu jkollhom impjieg;

(2) 3 % tal-PDG tal-UE għandu jiġi investit fir-riċerka u l-iżvilupp;

(3) il-miri tal-enerġija/klima "20/20/20" għal tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, sehem ta' 20 % tal-enerġija rinnovabbli u 20 % ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika għandhom jintlaħqu (inkluż żieda għal 30 % ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin);

(4) is-sehem ta' dawk li jitilqu mill-iskola kmieni għandu jkun inqas minn 10 % u tal-inqas 40 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandu jkollhom kwalifika terzjarja;

(5) il-persuni fir-riskju tal-faqar għandhom jonqsu b'20 miljun.

Inizjattivi Ewlenin

(1) "Unjoni tal-Innovazzjoni" biex jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas u l-aċċess għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni biex ikun żgurat li l-ideat innovattivi jistgħu jiġu ttrasformati fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi;

(2) "Żgħażagħ mobbli" għat-tisħiħ tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u biex jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

(3) "Aġenda diġitali għall-Ewropa" biex jitħaffef il-proċess tal-introduzzjoni tal-internet b'veloċità qawwija u l-entitajiet domestiċi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji ta' suq diġitali uniku;

(4) "Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi" biex it-tkabbir ekonomiku jiġi sseparat mill-użu tar-riżorsi, tiġi appoġġata ċ-ċaqliqa lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju, jiżdied l-użu ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli, iseħħ l-immodernizzar tas-settur tat-trasport u l-promozzjoni tal-użu effiċjenti enerġetika;

(5) "Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni" biex jitjieb l-ambjent kummerċjali, prinċipalment għall-SMEs, u għas-sostenn tal-iżvilupp ta' bażi industrijali b'saħħitha u sostenibbli li tkun kapaċi tikkompeti fil-livell globali;

(6) "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol filwaqt li n-nies jingħataw is-segħta jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom matul ħajjithom kollha bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jinħolqu impjiegi li tassew ikun hemm bżonnhom fis-suq, inkluż permezz tal-mobbiltà tal-impjiegi;

(7) "Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar" biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b'hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jinħassu b'mod mifrux filwaqt li l-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b'dinjità u jieħdu sehem attiv fis-soċjetà.

[1]               www.uncsd2012.org

[2]               http://ec.europa.eu/environment/consultations/un_2012.htm.

[3]               L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità għall-Kummerċ – "TEEB għall-Kummerċ"