52011DC0144

/* KUMM/2011/0144 finali */ WHITE PAPER Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.3.2011

KUMM(2011) 144 finali

WHITE PAPER

Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti

SEG(2011) 359 finaliSEG(2011) 358 finaliSEG(2011) 391 finali

WERREJ

WHITE PAPER Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti 1

1. It-tħejjija taż-Żona Ewropea tat-Trasport għall-Ġejjieni 3

2. Viżjoni għal sistema kompetittiva u sostenibbli tat-trasport 5

2.1. It-tkabbir tat-trasport u l-appoġġ għall-mobilità filwaqt li tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis ta' 60% 5

2.2. Netwerk tal-qalba effiċjenti għall-ivjaġġar u t-trasport multimodali bejn l-ibliet 6

2.3. Ambjent ekwu globali għall-ivjaġġar fuq distanzi twal u t-trasport interkontinentali tal-merkanzija 7

2.4. Trasport u vvjaġġar urban nadif 8

2.5. Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti: parametri ta' referenza għall-ksib tal-mira tat-tnaqqis ta' 60% gassijiet serra 9

3. L-Istrateġija – x'għandu jsir 9

3.1. Żona Unika Ewropea tat-Trasport 9

3.2. L-innovazzjoni għall-ġejjieni –it-teknoloġija u l-imġiba 9

3.3. Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti 9

3.4. Id-dimensjoni esterna 9

4. Konklużjoni 9

IT-TħEJJIJA TAż-ŻONA EWROPEA TAT-TRASPORT GħALL-ĠEJJIENI

1. It-trasport huwa fundamentali għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-mobilità hija vitali għas-suq intern u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini huma u jgawdu l-libertà tagħhom li jivvjaġġaw. It-trasport jippermetti t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi: għandu jkun sostenibbli fid-dawl tal-isfidi l-ġodda li qed inħabbtu wiċċna magħhom. It-trasport huwa globali, u għalhekk l-azzjoni effettiva teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha.

2. Il-prosperità tal-kontinent tagħna fil-ġejjieni se tiddependi mill-ħila tar-reġjuni kollha tiegħu li jibqgħu integrati għal kollox u kompetittivament fl-ekonomija dinjija. It-trasport effiċjenti huwa vitali biex dan iseħħ.

3. It-Trasport Ewropew qiegħed f'salib it-toroq. L-isfidi antiki hemm għadhom, iżda waslu oħrajn ġodda.

4. Għandu jsir ħafna xogħol biex jitlesta s- suq intern għat-trasport , li għad fadallu ingroppi kbar u ostakli oħra. Hemm bżonn nindirizzaw mill-ġdid dawn il-kwistjonijiet – kif inwieġbu aħjar għal xewqet iċ-ċittadini tagħna li jivjaġġaw, u l-ħtiġijiet tal-ekonomija tagħna għat-trasport tal-merkanzija, filwaqt li nantiċipaw il-limiti ambjentali u dawk tar-riżorsi. Is-sistemi tat-trasport tal-Lvant u l-Punent tal-Ewropa jridu jkunu magħquda sabiex jirriflettu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trasport ta' kważi l-kontinent kollu u l-500 miljun ċittadin tagħna.

5. Iż-żejt se jiskarsa dejjem aktar fid-deċennji li ġejjin, u se tiżdied l-estrazzjoni tiegħu minn provvisti inċerti. Kif irrimarkat dan l-aħħar l-IEA, anqas ma d-dinja jirnexxielha tiddekarbonizza, aktar jiżdied il-prezz taż-żejt. Fl-2010, il-kont tal-importazzjoni taż-żejt kien ta' madwar € 210 biljun għall-UE. Jekk ma nindirizzawx din id-dipendenza fuq iż-żejt, se jkun hemm impatt mill-akbar fuq il-possibbiltà li n-nies jivvjaġġaw – u fuq is-sigurtà ekonomika tagħna – b'konsegwenzi gravi għall-inflazzjoni, il-bilanċ kummerċjali u l-kompetittività kumplessiva tal-ekonomija tal-UE.

6. Fl-istess ħin, l-UE, bil-qbil tal-komunità internazzjonali, ġibdet l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitnaqqsu drastikament l- emissjonijiet dinjin tal- gassijiet serra , bil-għan li t-tibdil fil-klima jitrażżan għal taħt iż-2ºC. Kumplessivament, l-UE għandha bżonn, sabiex tilħaq dan il-għan, tnaqqas l-emissjonijiet bi 80-95% taħt il-livelli tal-1990 sal-2050, fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ tal-pajjiżi żviluppati bħala grupp L-analiżi tal-Kummissjoni[1] turi li filwaqt li jista' jsir tnaqqis akbar f'setturi oħrajn tal-ekonomija, huwa meħtieġ tnaqqis ta' mill-inqas 60% tal-gassijiet serra sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990[2] mis-settur tat-trasport li għadu sors sinifikanti u li għadu qed jikber tal-Gassijiet serra. Sal-2030, l-għan għat-trasport se jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għal madwar 20% tal-livell tagħhom tal-2008. Minħabba ż-żieda sostanzjali fl-emissjonijiet tat-trasport fuq dawn l-aħħar żewġ deċenji, dan xorta jħallihom 8% 'l fuq mil-livell tal-1990.

7. Sa mill-ewwel kriżi kbira taż-żejt 40 sena ilu – minkejja l-progress tekniku, il-potenzjal għat-titjib kosteffettiv fl-effiċjenza enreġetika u l-isforzi politiċi – is-sistema tat-trasport ma nbidlitx fundamentalment. It-trasport sar aktar enerġetikament effiċjenti, iżda t-trasport tal-UE għadu jiddependi fuq iż-żejt u l-prodotti taż-żejt għal 96% tal-ħtiġijiet enerġetiċi tiegħu. It-trasport sar aktar nadif, iżda l-volum akbar ifisser li jibqa' għajn ewlenija ta' storbju u tniggis lokali tal-arja.

8. Teknoloġiji ġodda għall-vetturi u l-immaniġġjar tat-traffiku se jkunu kruċjali għal emissjonijiet aktar baxxi mit-trasport fl-UE daqs kemm se jkunu fil-bqija tad-dinja. Il-ġirja lejn il-mobilità sostennibbli hija waħda globali. Bl-azzjoni li ddum ma tittieħed u bl-introduzzjoni timida ta' teknoloġiji ġodda, l-industrija tat-trasport tal-UE taf tiġi kkundannata għal niżla irreversibbli. Is-settur tat-trasport tal-UE qed iħabbat wiċċu ma' kompetizzjoni dejjem akbar fis-swieq dinjin tat-trasport li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla.

9. Bosta kumpaniji Ewropej huma minn quddiem fid-dinja fl-oqsma tal-infrastruttura, il-loġistika, is-sistemi tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-manifattura tat-tagħmir tat-trasport, iżda hemm reġjuni oħra fid-dinja li qed ivaraw proġrammi enormi u ambizzjużi ta' modernizzazzjoni tat-trasport u investiment fl-infrastruttura. Huwa għalhekk kruċjali li t-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa u jinvesti sabiex iżomm il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu.

10. L-infrastruttra tifforma l-mobilità. L-ebda bidla kbira fit-trasport ma tkun possibbli mingħajr l-appoġġ ta' netwerk xieraq u aktar intelliġenza fl-użu tiegħu. L-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, joħolqu l-ġid u l-impjiegi, u jtejbu l-kummerċ, l-aċċessibbiltà ġeografika u l-mobilità tan-nies. Dan għandu jiġi ppjanat b'tali mod li jimmassimizza l-impatt pożittiv fuq it-tkabbir eknomomiku u jimminimizza l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

11. Il-konġestjoni hija preokkupazzjoni ewelenija, partikolarment fit-toroq u fl-ajru, u xxekkel l-aċċessibbiltà. Barra minn hekk, l-infrastruttura tat-trasport mhix żviluppata bl-istess mod fil-partijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-UE, u allura dawn jeħtieġu jinġiebu ta' mpar xulxin. Hemm pressjoni dejjem akbar fuq ir-riżorsi għall-finanzjament tal-infrastruttura u huma meħtieġ metodu ġdid ta' finanzjament u pprezzar.

12. Minn żmien il-White Paper tal-2001 dwar it-Trasport, sar ħafna progress. Sar aktar ftuħ tas-suq fl-avjazzjoni, fit-trasport tat-triq u parzjalment fit-trasport ferrovjarju. Ġie varat b'suċċess l-Ajru Uniku Ewropew. Kibru s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport fil-modi kollha tiegħu. Ġew adottati regoli ġodda dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. In-netwerks tat-trasport trans-Ewropej (iffinanzjati permezz tat-TEN-T, il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni) ikkontribwew għall-koeżjoni territorjali u għall-bini ta' linji ferrovjarji ta' veloċità għolja. Ir-rabtiet u l-kooperazzjoni internazzjonali ssaħħew. Sar ukoll ħafna għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tat-trasport.

13. Xorta waħda, madankollu, is-sistema tat-trasport mhijiex sostenibbli. Jekk inħarsu 40 sena 'l quddiem, joħroġ ċar li t-trasport ma jistax jiżviluppa fuq l-istess linji. Jekk kollox jibqa' kif inhu, id-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt tista' tkun xorta waħda ta' ftit inqas minn 90%[3], bl-għejun tal-enerġija li tiġġedded bilkemm jaqbżu l-mira ta' 10% stipulata għall-2020. Sal-2050, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport kieku jibqgħu terz ogħla mil-livell tagħhom tal-1990. L-ispejjeż tal-konġestjoni se jiżdiedu b'50% sal-2050. Tikber id-differenza tal-aċċessibbiltà bejn iż-żoni periferiċi u ċentrali, u il-kost soċjali tal-inċidenti u l-istorbju jkompli jikber[4].

14. Dan il-pjan tar-rotta jibni fuq it-tagħlimiet meħuda u jagħti ħarsa globali lejn l-iżviluppi fis-settur tat-trasport, l-isfidi futuri tiegħu u l-inizjattivi politiċi li jridu jitqiesu. Il-viżjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasport tal-ġejjieni qed tiġi ppreżentata fil-Parti 2. Il-miżuri ewlenin biex din tintlaħaq huma spjegati fil-Parti 3, imqassra fl-Anness I, u deskritti f'aktar dettall fid-dokument ta' ħidma tal-persunal.

Viżjoni għal sistema kompetittiva u sostenibbli tat-trasport

It-tkabbir tat-trasport u l-appoġġ għall-mobilità filwaqt li tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis ta' 60%

15. Azzjoni politika deċiżiva tagħti riżultati kbar. L-industrija tat-trasport innifisha tirrappreżenta parti importanti tal-ekonomija: fl-UE timpjega direttament madwar 10 miljun ruħ u tgħodd għal 5% tal-PDG.

16. L-UE u l-Gvernijiet jeħtieġu jipprovdu ċ-ċarezza dwar l-oqfsa ta' politikatal-ġejjieni (kemm jista' jkun skont mekkaniżmi bbażati fuq is-suq) għall-manifatturi u l-industrija, sabiex ikunu jistgħu jkunu jippjanaw l-investimenti. Il-koerenza fuq il-livell tal-UE hija vitali – sitwazzjoni fejn (pereżempju) Stat Membru wieħed ikun mar esklussivament għall-karozzi elettriċi u ieħor għall-bijofjuwils biss, twassal għall-qerda tal-kunċett tal-ivjaġġar ħieles madwar l-Ewropa.

17. L-isfida hija li tintemm id-dipendenza tas-sistema tat-trasport fuq iż-żejt mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-effiċjenza u kompromessa l-mobilità. B'konformità mal-inizjattiva ewlenija "Ewropa b'użu effiċjenti ta' riżorsi" mwaqqfa fl-Istrateġija Ewropa 2020[5] u l-Pjan il-ġdid għall-Effiċjenza Enerġetika 2011[6], l-akbar għan tal-politika tat-trasport Ewropew huwa li jirnexxielha tiġi stabbilita sistema li tirfed il-progress ekonomiku Ewropew, ittejjeb il-kompetittività u toffri servizz ta' mobilità ta' kwalità għolja filwaqt li jintużaw ir-riżorsi b'mod aktar effiċjenti. Fil-prattika, it-trasport għandu juża inqas enerġija u enerġija aktar nadifa, jisfrutta aħjar l-infrastruttura moderna u jnaqqas l-impatt negattiv tagħha fuq l-ambjent u assi naturali kruċjali bħall-ilma, l-art u l-ekosistema.

18. It-trażżin tal-mobilità mhuwiex alternattiva.

19. Iridu jfeġġu xejriet ġodda tat-trasport, li bihom volumi akbar ta' merkanzija u għadd akbar ta' passiġġeieri jinġarru flimkien sad-destinazzjoni tagħhom bl-aktar modi (tagħqida tagħhom) effiċjenti. It-trasport individwali jintuża preferibbilment għall-aħħar mili tal-vjaġġ u jsir b'vetturi nodfa. L-informatika tippermetti trasferimenti aktar sempliċi u affidabbli. L-utenti tat-trasport iħallsu l-ispejjeż kollha tat-trasport biex jirbħu inqas konġestjoni, aktar tagħrif, servizz aħjar u sikurezza akbar. L-iżvilupp tal-ġejjieni għandu jiddependi minn għadd ta' aspetti:

20. It-titjib tal-prestazzjoni tal-effiċjenza enerġetika tal-vetturi fiil-modi kollha tat-trasport L-izvilupp u l-użu ta' fjuwil u sistemi ta' propulsjoni sostenibbli;

21. L-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni ta' ktajjen loġistiċi multimodali, inkluż b'użu akbar ta' modi inerentament aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, f'każi fejn innovazzjonijiet teknoloġiċi oħra jafu jkunu insuffiċjenti (eż. ġarr ta' merkanzija fuq distanzi twal);

22. Użu aktar effiċjenti tat-trasport u tal-infrastruttura bis-saħħa ta' mmaniġġjar mtejba tat-traffiku u tas-sistemi informatiċi (eż. ITS, SESAR, ERTMS, SafeSeaNet, RIS), miżuri loġistiċi u tas-suq avvanzati bħall-iżvilupp sħiħ ta' suq ferrovjarju Ewropew integrat, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-kabotaġġ, l-abolizzjoni tal-ostakli tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, prezzar bla distorsjonijiet eċċ

23. L-azzjoni ma tistax tiddewwem. L-infrastruttura teħtieġ bosta snin biex tiġi pjjanata, tinbena u titgħammar – u l-ferroviji, l-ajruplani u l-vapuri iservu għal għexieren ta' snin – l-għażliet li nagħmlu llum se jiddeterminaw it-trasport fl-2050. Irridu naħdmu fuq livell Ewropew bies niżguraw li t-trasformazzjoni tat-trasport tiġi ddefinita flimkien mas-sħab tagħna aktar milli tiġi ddeterminata imkien ieħor fid-dinja.

24. Is-soluzzjoni tal-problemi identifikati tfisser li nilħqu għanijiet diffċili ħafna sal-2050 – u sal-2020/30, dawk li joffru sfida sabiex naraw li mexjin fit-triq it-tajba. L-ambitu għall-bidla fil-mod kif jaħdem it-trasport ivarja skont l-oqsma d-differenti, għaliex l-alternattivi teknoloġiċi għal kull qasam tat-trasport huma differenti. Dan li ġej juri l-viżjoni tal-Kummissjoni bħala waħda li tqis tliet oqsma ewlenin tat-trasport: id-distanzi medji, id-distanzi twal u t-trasport urban. It-twettiq se jistrieħ fuq bosta parteċipanti – l-UE, l-Istati membri, ir-reġjuni, l-ibliet, iżda se jkollhom rwol ukoll l-industrija, is-sħab soċjali u ċ-ċittadini.

Netwerk tal-qalba effiċjenti għall-ivjaġġar u t-trasport multimodali bejn l-ibliet

25. Għad-distanzi intermedji, it-teknoloġiji ġodda huma inqas maturi u l-għażliet modali huma inqas milli fil-belt. Madankollu, hawn l-UE jista' jkollha l-aktar impatt immedjat (inqas limitazzjonijiet mis-sussidjarjetà jew il-ftehimiet internazzjonali). Vetturi li jużaw ir-riżorsi b'mod aktar effiċjenti u fjuwils aktar nodfa x'aktarx ma jistgħux weħidhom jaslu għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet u lanqas ma jsolvu l-problema tal-konġestjoni. Għandu jkollhom magħhom il-konsolidazzjoni ta' volumi kbar ta' trasferimenti fuq distanzi twal. Dan jimplika użu akbar ta' xarabanks u kowċis, trasport ferrovjarju u tal-ajru għall-passiġġieri u, għall-merkanzija, soluzzjonijiet multimodali li jużaw modi fuq l-ilma u ferrovjarjii għat-trasport fuq distanzi twal.

26. Integrazzjoni akbar tan-netwerks modali tissarraf f'għażliet modali aħjar: l-ajruporti, il-portijiet u l-istazzjonijiet tal-ferrovija, tal-metro u tax-xarabank għandhom jkunu aktar mqabbda ma' xulxin u ttrasformati fi pjattaformi ta' konnessjoni multimodali. L-informazzjoni online u sistemi ta' bbukkjar u ħlas elettroniku li jintegraw il-mezzi tat-trasport kollu għandhom jiffaċilitaw l-ivvjaġġar multimodali. Sett xieraq ta' drittijiet tal-passiġġeiri għandu jakkumpanja l-użu usa' tal-modi kollettivi.

27. It-trasport tal-merkanzija fuq distanzi qosra u medji (taħt it-300 km)[7] sejrin fil-biċċa l-kbira jibqgħu fuq it-trakkijiet. Għalhekk importnati li, minbarra li jitħeġġu soluzzjonijiet alternattivi ta' trasport (trasport ferrovjarju, fuq l-ilma), tittejjeb l-effiċjenza tat-trakkijiet, bis-saħħa tal-iżvilupp u l-użu ta' magni ġodda u fjuwils aktar nodfa, l-użu ta' sistemi tat-trasport intelliġneti u aktar miżuri sabiex jittejbu l-mekkaniżmi tas-suq.

28. Għal distanzi itwal, l-alternattivi għad-dekarbonizzazzjoni tat-triq huma aktar limitati, u l-multimodalità tal-ġarr tal-merkanizja għandha ssir ekonomikament aktar attraenti għat-trasportaturi. Hija meħtieġa komodalità effiċjenti. L-UE teħtieġ kurituri tal-merkanzija żviluppati apposta li jkunu ottimizzati f'termini ta' użu ta' enerġija u emissjonijiet, u li jimminimizzaw l-impatti ambjentali, imma li jkunu wkoll attarenti għall-affidabbiltà, il-konġestjoni limitata u l-kostijiet operazzjonali u amministrattivi baxxi.

29. Xi kultant, il-ferrovija, speċjalment għall-merkanzija, titqies bħal mod mhux attraenti. Xi eżempji fl-Istati membri, madankollu, juru li tista' tipprovdi servizz ta' kwalità. L-isfida hija li tiġi żgurata bidla strutturali li tippermetti lill-ferrovija tikkompeti effettivament u tieħu proporzjon bil-wisq akbar ta' merkanzija fuq distanzi medji u twal (u anki passiġġieri – ara isfel) Se jkun hemm bżonn investiment konsiderevoli biex il-kapċità tan-netwerk ferrovjarju tiġi espanduta jew aġġornata. Jiġu introdotti gradwalment vetturi ferrovjarji bi brejkijiet siekta u aġġanċi awtomatiċi.

30. Fuq ix-xtut huma meħtieġa aktar punti tad-dħul effiċjenti għas-swieq Ewropej, biex jiġi evitat traffiku mhux neċessarju li jaqsam l-Ewropa. Il-portijiet għandhom sehem ewlieni bħala ċentri loġistiċi u jeħtieġu konnessjonijiet effiċjenti mal-hinterland. L-iżvilupp tagħhom huwa vitali għat-trattament ta' volumi dejjem akbar ta' merkanzija ttrasportata fi ħdan l-UE bit-trasport fuq distanzi qosra u anki fil-bqija tad-dinja. L-ilmijiet navigabbli interni, meta jkun hemm potenzjal mhux użat, irid ikollhom rwol dejjem akbar, b'mod partikolari fiċ-ċaqliq tal-merkanzija lejn il-hinterland u fil-konessjoni tal-ibħra Ewropej.

Ambjent ekwu globali għall-ivjaġġar fuq distanzi twal u t-trasport interkontinentali tal-merkanzija

31. Is-setturi marittimi u tal-avjazzjoni huma inerentament globali. It-titjib tal-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-ajruplani u tat-traffiku għandu jkompli jitwettaq fis-settur tal-ajru. Dan se jiggarantixxi vantaġġ kompetittiv minbarra li jnaqqas l-emissjonijiet; madankollu wieħed irid joqgħod attent li jevita li jimponi piżijiet eċċessivi fuq l-operazzjonijiet tal-UE li jistgħu jikkompromettulha r-rwol ta' 'pern tal-avjazzjoni globali'. Il-kapaċità tal-ajruporti jeħtieġ tiġi ottimizzata u, fejn hemm bżonn, trid tikber biex tilqa' għad-domanda dejjem tiżdied għall-ivjaġġar minn u lejn pajjiżi terzi u partijiet tal-Ewropa li ma għandhomx konnessjonijiet tajbin. Dan jista' jissarraf f'aktar minn irduppjar, sal-2050, tal-attivitajiet tal-UE tat-trasport bl-ajru. F'każijiet oħra, it-trasport ferrovjarju (b'veloċità għolja) jassorbi ħafna mit-traffiku fuq distanza medja. L-industrija tal-avjazzjoni trid tkun minn ta' quddiem fl-użu ta' fjuwils bi ftit karbonju sabiex tilħaq il-mira tal-2050.

32. Fil-qasam marittimu, bl-istess mod jinħass il-bżonn ta' ambjent ekwu globali[8]. L-UE għandha tistinka – f'kooperazzjoni mal-IMO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra – lejn l-applikazzjoni u l-infurzar universali ta' standards għoljin ta' sikurezza, sigurtà, il-ħarsien ambjentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-eliminazzjoni tal-piraterija. Ir-rekord ambjentali tat-trasport marittimu jista' u għandu jittejjeb sew bit-teknoloġija sew bi fjuwils u operat aħjar: kumplessivament, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu għandhom jitnaqqsu b'40% (jekk fattibbli, 50%) sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

Trasport u vvjaġġar urban nadif

33. Fl-ibliet, il-qlaba lejn trasport aktar nadif hija ffaċilitata minn rekwiżiti aktar baxxi għall-medda tal-vetturi u d-densità akbar tal-popolazzjoni. Għażliet ta' trasport pubbliku huma aktar disponibbli, kif ukoll l-għażla li wieħed jimxi jew jirkeb ir-rota. L-ibliet ibatu l-iżjed mill-konġestjoni, kwalità fqira tal-arja u storbju. It-trasport urban jgħodd għal madwar kwart mill-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport, u 69% tal-inċidenti tat-triq iseħħu fl-ibliet. It-tneħħija gradwali mill-ambjent urban tal-vetturi li jimxu bil-'fjuwils konvenzjonali'[9] hija kontribut ewlieni għal tnaqqis sinifikanti tad-dipendenza fuq iż-żejt, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis lokali tal-arja u dak akustiku. Dan ikollu jiġi kkumplimentat mill-iżbilupp ta' infrastruttura xierqa għall-mili tal-fjuwil/l-iċċarġjar tal-vetturi l-ġodda.

34. Sehem akbar tal-ivvjaġġar bit-trasport kollettiv, flimkien ma' obbligi minimi tas-servizz, jgħinu biex jikbru d-densità u l-frekwenza tas-servizz, u b'hekk jinħoloq ċirku virtwuż għall-modi tat-trasport pubbliku. L-immaniġġjar tad-domanda u l-ippjanar tal-użu tal-art jistgħu jnaqqsu l-volumi tat-traffiku. L-iffaċilitar tal-mixi u taċ-ċikliżmu għandhom isiru parti integrali mill-mobilità urbana u d-disinn tal-infrastruttura.

35. L-użu ta' vetturi tal-passiġġieri iżgħar, eħfef u aktar speċjalizzati għandu jiġi inkoraġġit. Flotot kbar ta' xarabanks, taksis u vannijiet huma partikolarment xierqa għall-introduzzjoni ta' sistemi u fjuwils għall-propulsjoni alternattiva. Dawn ikunu jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għat-tnaqqis tal-intensità fl-użu tal-karbonju mit-trasport urban filwaqt li jipprovdu bank ta' prova għal teknoloġiji ġodda u opportunità biex dawn jinħarġu minn kmieni fis-suq. In-nollijiet tat-toroq u t-tneħħija tad-distorsjonijiet fit-tassazzjoni jistgħu wkoll jgħinu biex iħajru l-użu tat-trasport pubbliku u biex tiddaħħal gradwalment il-propulsjoni alternattiva.

36. Għandha tiġi organizzata b'mod aktar effiċjenti il-ħolqa ta' bejn it-trasport tal-merkanzija fuq distanza twila u l-ġarr għall-aħħar ftit mili. L-għan huwa li jiġu limitati l-kunsinni individwali, l-aktar parti 'ineffiċjenti' tal-vjaġġ, għall-iqsar rotta possibbli. L-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport jikkontribwixxi għall-immaniġġjar tat-traffiku fil-ħin reali, it-tnaqqis tal-ħin għall-kunsinni u l-konġestjoni għad-distribuzzjoni tal-aħħar mil. Dan jista' jsir bi trakkijiet urbani b'emissjonijiet baxxi. L-użu ta' teknoloġiji elettriċi, tal-idroġenu u ibridi mhux biss inaqqas l-emissjonijiet fl-arja, iżda wkoll l-istorbju, u jippermetti li jseħħ bil-lejl porzjon akbar tat-trasport tal-merkanzija fi ħdan iż-żoni urbani. Dan kieku jtaffi l-problema tal-konġestjoni tat-toroq fil-ħinijiet l-aktar traffikużi ta' filgħodu u ta' kmieni filgħaxija.

Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti: parametri ta' referenza għall-ksib tal-mira tat-tnaqqis ta' 60% gassijiet serra

L-izvilupp u l-użu ta' fjuwils u sistemi ta' propulsjoni ġodda u sostenibbli;

37. Jitnaqqas bin-nofs sal-2030 l-użu fit-trasport urban ta' karozzi li jimxu bil-'fjuwil konvenzjonali'; jitneħħew gradwalment mill-ibliet sal-2050; naslu għal loġistika tal-ibliet essenzjalment ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030[10].

38. Il-fjuwils sostenibbli u b'karbonju baxx għall-avjazzjoni jilħqu 40% sal-2050; Sal-2050 ukoll, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils tal-bunkers marittimi b'40% (jekk fattibbli, b'50%[11]).

L-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni ta' ktajjen loġistiċi multimodali, inkluż b'użu akbar ta' modi aktar enerġetikament effiċjenti

39. 30% tat-trasport tal-merkanzija fuq it-triq fuq aktar minn 300 km għandu jaqleb għal modi oħra bħall ferrovija jew it-trasport fuq l-ilma sal-2030, u aktar minn 50% sal-2050, iffaċilitat minn kurituri effiċjenti u tat-trasport ekoloġiku tal-merkanzija. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ tiġi żviluppata infrastruttura xierqa.

40. Sal-2050, jitlesta netwerk ferrovjarju Ewropew ta' veloċità għolja. Jitripplika sal-2030 t-tul tan-netwerk ferrovjarju eżeistenti ta' veloċità għolja u jiġi mantnut netwerk ferrovjarju sfiq fl-Istati Membri kollha. Sal-2050, il-biċċ l-kbira tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanza medja jibda jsir bil-ferrovija.

41. Sal-2030, 'netwerk tal-qalba' TEN-T multimodali u għal kollox funzjonali madwar l-UE, b'netwerk ta' kwalià u kapaċità għolja sal-2050 u sett korrispondenti ta' servizi informatiċi.

42. Sal-2050, jiġu konnessi l-ajruporti kollha tan-netwerk tal-qalba man-netwerk ferrovjarju, preferibbilment ta' veloċità għolja; jiġi żgurat li l-portijiet kollha tal-qalba jkunu mqabbad suffiċjentament mat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, u fejn possibbli, mas-sistema tal-mogħdijiet interni tal-ilma.

It-tkabbir tal-effiċjenza tat-trasport u tal-użu tal-infrastruttura b'sistemi informatiċi u inċentivi bbażati fuq is-suq

43. Sal-2020, it-tħaddim fl-Ewropa tal-infrastruttura modernizzata tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (SESAR[12]) u t-tlestija tal-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni. It-tħaddim ta' sistemi ekwivalenti ta' mmaniġġjar ta' trasport fuq it-triq u fuq l-ilma (ERTMS[13], ITS[14], SSN and LRIT[15], RIS[16]). It-tħaddim tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita (Galileo).

44. Sal-2020, jiġi stabbilit il-qafas għal sistema Ewropea ta' informazzjoni, immaniġġjar u ħlas għat-trasport mutimodali.

45. Sal-2050, nersqu eqreb għal żero mwiet marbuta mat-trasport bit-triq. Konformi ma' dan il-għan, l-UE timmira li tnaqqas l-imwiet fit-toroq b'nofs sal-2020. Jiġi żgurat li l-UE hija minn ta' quddiem fid-dinja fis-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport fil-modi kollha tiegħu.

46. Nersqu lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta' "min juża, jħallas" u "min iniġġes, iħallas" u l-impenn tas-settur privat biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet, inklużi sussidji li jagħmlu l-ħsara, jiġi ġġenerat dħul u jiġi żgurat il-finanzjament għal-investimenti futuri fit-trasport.

L-ISTRATEġIJA – X'GħANDU JSIR

47. L-implimentazzjoni tal-viżjoni msemmija fuq teħtieġ qafas effettiv għall-utenti u l-operaturi tat-trasport, tħaddim minn kmieni tat-tekonoloġiji ġodda u l-iżvilupp ta' infrastruttura xierqa.

48. Għadhom jeżistu ostakli għat-tħaddim bla intoppi tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. L-għan għad-deċennju li jmiss huwa l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport bis-saħħa tal-eliminazzjoni tal-ostakli residwi kollha bejn il-modi u s-sistemi nazzjonali, biex b'hekk jitħaffef il-proċess tal-integrazzjoni u jiġi ffaċilitat id-deher ta' operaturi multinazzjonali u multimodali. Infurzar viġilanti tar-regoli tal-kompetizzjoni mal-modi kollha tat-trasport sejjer jikkumplimenta l-azzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan il-qasam. Sabiex jiġu evitati tensjonijiet u taqlib, iridu jkunu parti integrali minn din l-istrateġija, grad ogħla ta' konverġenza u infurzar ta' regoli soċjali, ambjentali u ta' sigurtà u ta' sikurezza, standards minimi ta-servizz u drittijiet tal-utenti.

49. L-innovazzjoni essenzjali għal din l-istrateġija[17]. Ir-riċerka tal-UE trid tindirizza b'mod integrat iċ-ċiklu sħiħ tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tħaddim, billi tiffoka fuq it-teknoloġiji l-aktar promettenti u ġġib flimkien l-atturi kollha involuti[18] L-innovazzjoni jista' wkoll ikollha sehem fil-promozzjoni ta' mġiba aktar sostenibbli.

50. L-isforzi lejn sistema tat-trasport aktar kompetittiva u sostenibbli għandhom jinkludu riflessjoni dwar il-karatteristiċi meħtieġa tan-netwerk u jridu jipprevedu investimenti xierqa. Il-politika tal-UE dwar l-infrastruttura tat-trasport teħtieġ viżjoni komuni u biżżejjed riżorsi. Il-kosti tat-trasport għandhom ikunu riflessi b'mod mhux distort fil-prezz tiegħu.

51. Lista ta' inizjattivi previsti tingħata fl-Anness I ta' din il-Komunikazzjoni. Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni jagħti aktar dettalji.

Żona Unika Ewropea tat-Trasport

52. Żona Unika Ewropea tat-Trasport għandha tiffaċilita l-movimenti taċ-ċittadini u tal-merkanzija, tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb is-sostenibbiltà tat-trasport Ewropew. L- Ajru Uniku Ewropew jeħtieġ jiġi implimentat kif previst, u ġa fl-2011 il-Kummissjoni sejra tindirizza l-kapaċità u l-kwalità tal-ajruporti. Il-qasam fejn għadhom evidenti l-ingroppi huwa s-suq intern għas-servizzi ferrovjarji. Dan is-suq irid jitlesta bħala prijorità sabiex tinkiseb iż- Żona Unika Ferrovjarja Ewropea. Dan jinkludi l-abolizzjoni ta' ostakli tekniċi, amministrattivi u legali li għandhom iżommu mid-dħul fis-swieq ferrovjarji nazzjonali. Integrazzjoni ulterjuti tas-suq tal-merkanzija bit-triq sejjer jagħmel it-trasport bit-triq aktar effiċjenti u kompetittiv. Għat-trasport marittimu, "Ċinturin Blu" fl-ibħra madwar l-Ewropa għandu jħaffef il-formalitajiet għall-vapuri li jivjaġġaw bejn il-portijiet tal-UE, u għandu jiġi stabbilit qafas sostenibbli biex jieħu ħsieb il-ħidmiet Ewropej għat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni. L-aċċess tas-suq għall-portijiet għandu jitjieb aktar.

53. Il-ftuħ tas-suq irid jimxi id f'id ma' impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol , billi r-riżorsi umani huma komponent kruċjali ta' kull sistema tat-trasport ta' kwalità għolja. Huwa magħruf li n-nuqqas tal-ħaddiema u tal-ħiliet se jsir preokkupazzjoni serja għat-trasport fil-ġejjieni. Se jkun importanti li jiġu allinjati l-kompetittività u l-aġenda soċjali bis-saħħa tal-bini fuq id-djalogu soċjali, sabiex jiġu evitati l-kunflitti soċjali, li wrew li jikkawżaw telf ekonomiku sinifkanti f'għadd ta' settur, partikolarment fl-avjazzjoni.

54. Is-sigurtà tat-trasport qiegħeda fuq nett tal-aġenda tal-UE Il-metodu komprensiv tal-UE ta' politika, leġiżlazzjoni u monitoraġġ tas-sikurezza tat-trasport marittimu u tal-arja għandha tiġi kkonsolidata u msaħħa aktar bis-saħħa tal-kooeprazzjoni ma' sħab internazzjonali ewlenin. Għas-sigurtà tal-passiġġieri, il-metodi tal-iskrinjar għandhom jittejbu biex jiżguraw livelli ta' sigurtà għolja bl-inqas battikati. Għandu jiġi kkunsidrat metodu bbażat fuq ir-riskju għas-sikurezza tal-merkanzija li toriġina minn barra l-UE. Hemm bżonn ukoll li jinstab metodu Ewropew xieraq għas-sigurtà tat-trasport fuq l-art f'dawk iż-żoni fejn l-azzjoni tal-UE għandha valur miżjud.

55. Huwa essenzjali li jinħoloq il-qafas għat- trasport sikur għaċ-ċittadin Ewropew. Strateġija Ewropea għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili se tiġi żviluppata, li tinkludi addattament għat-teknoloġiji ġodda u, ovvjament kooperazzjoni internazzjonali mas-sħab ewlenin. Fit-trasport marittimu, il-ħtiġijiet tas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġeri jeħtieġu jiġu indirizzati proattivament. Is-Sistema ta' Monitoraġġ u Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti SafeSeaNet se ssir il-qalba tal-għodod rilevanti kollha tal-informazzjoni marittima li japoġġaw is-suigurtà u s-sikurezza marittima, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent mit-tniġġis ġej mill-vapuri. Tiġi b'hekk ipprovduta l-kontribuzzjoni essenzjali għall-istabbiliment ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għas-sorveljanza tal-qasam marittimu tal-UE[19] u l-appoġġ għall-ħolqien ta' spazju marittimu komuni. Għat-trasport ferrovjarju, l-armonizzazzjoni u s-superviżjoni taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà huma essenzjali f'Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.. Fit-tliet setturi tat-trasport, l-aġenziji Ewropej tas-sikurezza tal-avjazzjoni, u tal-qasam ferrovjarju u marittimu li twaqffu d-deċennju li għadda, għandhom rwol indispensabbli.

56. Anki jekk l-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-UE naqas kważi bin-nofs fl-aħħar deċennju, fl-2009 inqatlu 34, 500 ruħ fit-toroq tal-UE. L-inizjattivi fil-qasam tat-teknoloġija, l-infurzar, l-edukazzjoni u l-attenzjoni partikolari għall-utenti vulnerabbli tat-toroq se jkunu kruċjali sabiex ikomplu jitnaqqsu drastikament dawn l-imwiet.

57. Il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-affidabbiltà tas-servizz tat-trasport se jiksbu importanza dejjem akbar fis-snin li ġejjin, fost l-oħrajn minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-ħtieġa li jiġi promoss it-trasport pubbliku. Il-karatteristiċi ewlenin tal-kwalità tas-servizz huma l-frekwenzi attraenti, il-kumdità, l-aċċess faċili, l-affidabbiltà tas-servizzi u l-integrazzjoni intermodali. Id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-ħin tal-ivvjaġġar u dwar rotot alternattivi huwa bl-istess mod rilevanti sabiex tiġi żgurata mobilità bieb bieb bla intoppi, sew għall-passiġġieri sew għall-merkanzija.

58. L-UE ġa stabbilixxiet sett komprensiv ta' drittijiet tal-passiġġieri li se jkomplu jiġi kkonsolidati. Wara l-kriżi tas-sħaba tal-irmied u l-esperjenza ta' maltemp estrem fl-2010, sar evidenti li jafu jkunu meħtieġa Pjani ta' Kontinwità tal-Mobilità sabiex tiġi ppreservata l-mobilità tal-passiġġieri u tal-merkanzija f'sitwazzjoni ta' kriżi. Dawn il-ġrajjiet urew anki l-ħtieġa ta' reżiljenza akbar tas-sistema tat-trasport permezz ta' żvilupp tax-xenarju u ppjanar għad-diżastri.

L-innovazzjoni għall-ġejjieni –it-teknoloġija u l-imġiba

Strateġija Ewropea għat-Trasport: riċerka, innovazzjoni u tħaddim

59. Ma jkunx possibbli li 'neħilsu miż-żejt' jekk niddependu fuq soluzzjoni teknoloġika waħda biss. Dan jeħtieġ kunċett ġdid tal-mobilità, sostnut minn grupp ta' teknoloġiji ġodda kif ukoll imġiba aktar sostenibbli.

60. L-innovazzjoni teknoloġika tista' tgħin lejn tranżizzjoni aktar rapida u irħas għal sistema ta' trasport Ewropea aktar effiċjenti u sostenibbli billi taġixxi fuq tliet fatturi ewlenin: l-effiċjenza tal-vetturi permezz ta' magni, materjali u diżinn ġodda; użu aktar nadif tal-enerġija permezz ta' fjuwils u sistemi ta' propulsjoni ġodda; użu aħjar ta' netwerks u tħaddim aktar sikur permezz ta' sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni. Is-sinerġiji ma' għanijiet ta' sostenibbiltà oħra bħat-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, il-kompetittività tal-industrija awtomottiva Ewropea kif ukoll il-benefiċċji għas-saħħa, speċjalment il-kwalità mtejba tal-arja fl-ibliet, huwa argument konvinċenti biex l-UE żżid l-isforzi tagħha sabiex tgħaġġel l-iżvilupp u t-tħaddim bikri tal-vetturi nodfa.

61. Ir-riċerka dwar it-trasport u l-politika tal-innovazzjoni għandhom ikomplu jappoġġaw b'mod koerenti l-iżvilupp u t-tħaddim tat-teknoloġiji kruċjali meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistema tat-trasport tal-UE f'waħda moderna, effiċjenti u dħulija mal-utent. Biex tkun aktar effettiva, ir-riċerka teknoloġika trid tkun ikkumplimentata minn metodu ta' sistema, li jieħu ħsieb l-infrastruttura u r-rekwiżiti regolatorji, il-koordinazzjoni tal-atturi differenti u proġetti kbar ta' wiri li jinkoraġġixxu l-adozzjoni mis-suq. Il-Kummissjoni se tfassal strateġija ta' innovazzjoni u tħaddim għas-settur tat-trasport, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan-SET), u tidentifika strumenti xierqa għall-governanza u l-finanzjament sabiex tiżgura tħaddim u użu rapidu tar-riżultati tar-riċerka.

62. Dan se jikkonċerna wkoll it-tħaddim ta' sistemi tal-mobilità intelliġenti żviluppati permezz ta' riċerka ffinanzjata mill-UE, bħas-sistema tal-immaniġġjar tat-traffku tal-ajru tal-futur (SESAR), is-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS) u sistemi ta' informzzjoni ferrovjarja, sistemi ta' sorveljanza marittima (SafeSeaNet), Sistemi ta' Informazzjoni għax-Xmajjar (River Information Services (RIS), sistemi ta' trasport inteliġenti (ITS), u soluzzjonijiet interkonnessi inteoperabbli għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' mmaniġġjar u sistemi informatiċi għat-trasport multimodali (inkluż għat-tariffi). Ikun ukoll jinħtieġ pjan ta' investiment għal servizzi ġodda ta' navigazzjoni, monitoraġġ tat-traffiku u komunikazzjoni. Ta' importanza ndaqs huma r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-propulsjoni tal-vetturi u l-fjuwils alternattivi (inijzattiva Vettura Ekoloġija, Sema Nadif)

63. L-innovazzjoni u l-iżvilupp iridu jiġu sostnuti minn kundizzjonijiet ta' qafas regolatorju. Il-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali jkollha tiżviluppa b'mod parallel mal-użu usa' tal-għodod informatiċi. Ir-rekiwżiti tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabbiltà, inkluż fuq il-livell internazzjonali, se jevitaw il-frammentazzjoni teknoloġika u jippermettu lin-negozji Ewropej igawdu bis-sħiħ mis-suq kollu tat-Trasport Ewropew, u b'hekk joħolqu opportunitajiet tas-suq madwar id-dinja.

Xejriet tal-mobilità innovattivi

64. Kunċetti ġodda tal-mobilità ma jistgħux jiġu imposti. Sabiex tiġi promossa mġiba aktar sostenibbli, irid jiġi inkoraġġut ippjanar aħjar tal-mobilità. Trid tkun disponibbli b'mod wiesa' informazzjoni dwar il-modi kolha tat-trasport, sew għall-ivjaġġar sew għall-ġarr tal-merkanzija, u dwar il-possibbiltajiet għall-użu kkombinat tagħhom u l-impatt ambjentali tagħhom. Huwa vitali l-ħruġ intelliġenti ta' biljetti intermodali bi standards komuni li jimxu skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Dan jikkonċerna mhux biss it-trasport tal-passiġġieri imma wkoll il-ġarr tal-merkanzija, fejn huma meħtieġa ippjanar elettroniku tar-rotta aħjar, ambjent legali adattat (dokumentazzjoni, assigurazzjoni, responsabbiltà intermodali tal-ġarr tal-merkanzija) u informazzjoni f'ħin reali dwar it-twassil, anki ta' kunsinni iżgħar. L-ICT għandha wkoll il-potenzjal li tissodisfa ċerti ħtiġijiet tal-aċċessibbiltà mingħajr mobilità addizzjonali.

65. Fil-kuntest urban, strateġija mħallta li tinvolvi l-użu tal-art, skemi ta' pprezzar, servizzi u infrastruttura effiċjenti tat-trasport pubbliku għall-modi mhux motorizzati u l-iċċarġjar/mili ta' vetturi nodfa huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-konġestjoni u l-emissjonijiet. L-ibliet 'il fuq minn ċertu daqs għandhom jiġu inkoraġġuti jiżviluppaw Pjani ta' Mobilità Urbana, li jġibu flimkien dawn l-elementi kollha. Il-Pjani tal-Mobilità Urbana għandhom ikunu allinjati għal kollox mal-Pjani għall-Iżvilupp Urban Integrat. Qafas għall-UE kollha se jkun meħtieġ sabiex isiru interoperabbli l-iskemi ta' tariffazzjoni tal-utenti tat-toroq urbani u interurbani.

Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti

Netwerk Ewropew tal-Mobilità

66. L-Ewropa teħtieġ 'netwerk tal-qalba' tal-kurituri, għall-ġarr ta’ volumi kbar u konsolidati ta’ merkanzija u traffiku tal-passiġġieri b'effiċjenza għolja u emissjonijiet baxxi, permezz tal-użu ta’ mezzi aktar effiċjenti f'kombinazzjonijiet multimodali u l-applikazzjoni wiesgħa tat-teknoloġiji avvanzati u l-infrastruttura għall-forniment tal-fjuwils nodfa.

67. Minkejja t-tkabbir tal-UE, għad hemm diverġenzi kbar bejn il-Lvant u l-Punent tal-UE, f'termini ta’ infrastruttura tat-trasport, li jeħtieġu jiġu indirizzati. Il-kontinent Ewropew jeħtieġ ikun magħqud anki f'termini ta’ infrastruttura.

68. F'dan in-netwerk tal-qalba, l-għodod tat-teknoloġija informatika għandhom jiġu żviluppati sew biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, jipprovdu għal-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u jottimizzaw l-iskedi tal-flussi tat-traffiku (Merkanzija-e). L-aġġornatment tagħhom għandu jitħeġġeġ billi jkun meħtieġ li jintużaw fl-infrastruttura TEN-T u integrazzjoni gradwali tas-sistemi modali.

69. In-netwerk tal-qalba jrid jiżgura konnesssjonijiet multimodali effiċjenti bejn il-kapitali tal-UE u bliet prinċipali oħra, portijiet, ajruporti u punt ta’ qsim ewlieni tal-fruntieri fuq l-art, kif ukoll ċentri ekonomiċi prinċipali. Għandu jiffoka fuq it-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa – prinċipalment sezzjonijiet transfruntieri u punti ta' konġestjoni/konnessjonijiet periferiċi – fuq it-titjib tal-infrastruttura eżistenti u fuq l-iżvilupp ta’ terminals multimodali fil-portijiet marittimi u tax-xmajjar u fuq iċ-ċentri tal-konsolidazzjoni loġistika tal-bliet. Irid jitwaqqfu konnessjonijiet ferrovjarji/bl-ajru aħjar għall-ivvjaġġar f'distanzi kbar. L-Awtostradi tal-Baħar ser ikunu d-dimensjoni marittima tan-netwerk tal-qalba.

70. L-għażla tal-proġetti eliġibbli għall-finanzjament tal-UE trid tirrifletti din il-viżjoni u tisħaq aktar il-valur miżjud Ewropew. Proġetti kofinanzjati għandhom daqstant jirriflettu l-ħtieġa għal infrastruttura li timminimizza l-impatt fuq l-ambjent, li tkun reżiljenti għall-impatt possibli tat-tibdil klimatiku u li ttejjeb s-sikurezza u s-sigurtà tal-utenti.

71. Netwerk tat-trasport li jiffunzjona sew jeħtieġ riżorsi sostanzjali. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-UE biex twieġeb għad-domanda tat-trasport ġie stmat li se jiġi jiswa aktar minn EUR 1.5 triljun għall-2010-2030. It-tlestija tan-netwerk TEN-T teħtieġ madwar EUR 550 biljun sal-2020 li madwar EUR 215 biljun minnhom jistgħu jmorru għat-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni prinċipali. Dan ma jinkludix l-investiment fil-vetturi, tagħmir u l-kummissjonar tal-infrastruttura li jista' jkun teħtieġ triljun ieħor biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-sistema tat-trasport.

72. Jeħtieġ sorsi diversifikati ta' finanzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Jeħtieġ koordinazzjoni aħjar tal-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali mal-objettivi tal-politika tat-trasport, u l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li jkun disponibbli biżżejjed finanzjament nazzjonali fl-ippjanar baġitarju tagħhom, kif ukoll biżżejjed kapaċitajiet għall-ippjanar tal-proġetti u implimentazzjoni. Sorsi oħra ta’ finanzjament li ser jitqiesu jinkludu skemi għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u l-imposti għall-użu tal-infrastruttura[20], li jistgħu joħolqu flussi oħra ta’ dħul li jagħmlu l-investimenti fl-infrastruttura aktar interessanti għall-kapital privat.

73. L-iżblukkar tal-potenzjal ta’ finanzi mill-privat jeħtieġ bl-istess mod qafas regolatorju aħjar u strumenti finanzjarji innovattivi. Il-valutazzjoni tal-proġetti u l-awtorizzazzjoni jrid jitwettqu b'mod effiċjenti u trasparenti li jnaqqas id-dewmien, il-kost u l-inċertezza. L-istrumenti ġodda ta’ finanzjament, pereżempju l-inizjattiva tal-bonds tal-UE tal-proġetti[21], tista' tappoġġa lill-finanzjament mis-Sħubijiet Privati Pubbliċi fuq skala akbar.

Prezzijiet veritiera u l-evitar tad-distorsjonijiet

74. Is-sinjali tal-prezzijiet jilgħabu parti kruċjali f'bosta deċiżjonijiet li jkollhom effetti fit-tul fuq is-sistema tat-trasport. L-imposti u t-taxxi tat-trasport iridu jkunu ristrutturati fid-direzzjoni lejn applikazzjoni usa' tal-prinċipju 'min iniġġes,iħallas ' u 'min juża, iħallas'. Dawn għandhom jirfdu r-rwol tat-trasport fil-promozzjoni tal-kompetittività u l-miri ta’ koeżjoni Ewropej, filwaqt li l-piż kumplessiv għas-settur għandu jirrifletti l-kost totali tat-trasport, inkluż il-kost infrastrutturali u estern. Benefiċċji soċjoekonomiċi usa’ u esternalitajiet pożittivi jiġġustifikaw ċertu livell ta’ finanzjament pubbliku, imma fil-futur, l-utenti tat-trasport x'aktarx iħallsu għal proporzjon ogħla tal-kost mil-lum. Huwa importanti li jingħataw inċentivi monetarji xierqa u konsistenti lill-utenti, l-operaturi u l-investituri.

75. L-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet, l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet fiskali u s-sussidji mhux ġustifikati u l-kompetizzjoni ħielsa u bla distorsjonijiet huma għalhekk parti mill-isforz biex jiġu allinjati l-għażliet tas-suq ma' bżonnijiet sostenibbli (u biex jiġi rifless il-kost ekonomiku tan-'nonsostenibbiltà'). Huma wkoll neċessarji biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-modi li huma f'konkorrenza diretta.

76. Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, qed jintużaw żewġ strumenti ewlenin ibbażati fuq is-suq: it-tassazzjoni enerġetika u s-sistema tan-negozjar tal-emissjonijiet. It-tassazzjoni bħalissa qed tiġi applikata fuq il-fjuwils użati mit-trasport fuq l-art, filwaqt li l-ETS tapplika għall-użu tal-elettriku u, mill-2012, għall-avjazzjoni. Ir-reviżjoni tad-Direttiva tat-Tassazzjoni Enerġetika ser tkun opportunità biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn iż-żewġ strumenti. Fl-istess waqt l-UE tisħaq favur deċiżjoni fl-IMO dwar strument globali li jiġi applikat għat-trasport marittimu, fejn il-kost tat-tibdil klimatiku għadu ma ġiex internalizzat[22].

77. Il-kost tal-esternalitajiet lokali bħall-istorbju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni jistgħu jiġu internalizzati permezz ta’ imposti fuq l-użu tal-infrastruttra. Il-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex tiġi emendata l-hekk imsejħa "Direttiva tal-Eurovignette" tirrappreżenta l-ewwel pass lejn livell ogħla ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż iġġenerati mill-vetturi kbar tal-merkanzija, imma jibqa' d-diskrepanzi fil-politiki nazzjonali tal-imposti stradali. Azzjoni ulterjuri ser teżamina l-introduzzjoni gradwali ta’ sistema armonizzata mandatorja ta’ internalizzazzjoni għall-vetturi kummerċjali dwar in-netwerk interurban sħiħ, u tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni tal-lum fejn it-trasportaturi internazzjonali jeħtieġu l-Eurovignette, 5 vignettes nazzjonali u 8 kuntratti differenti ta’ mmarkar u nollijiet biex isuqu bla xkiel fit-toroq bin-noll tal-Ewropa.

78. Għall-karozzi tal-passiġġieri, qed jiġu kkunsidrati dejjem aktar imposti stradali bħala mod alternattiv biex jiġi ġġenerat id-dħul u tiġi influwenzata t-tendenza tat-traffiku u l-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni ta’ imposti ta’ internalizzazzjoni għall-vetturi kollha u għall-esternalitajiet ewlenin kollha. Il-mira fit-tul hija li jiġu applikati imposti għall-utenti għall-vetturi kollha u fuq in-netwerk kollu biex jiġi rifless tal-anqas il-kost ta' manutenzjoni tal-infrastruttura, il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja u mill-istorbju.

79. Fl-istess linja, u qabel l-2020, il-Kummissjoni ser tiżviluppa approċċ komuni għall-internalizzazzjoni tal-kosttat-tniġġis mill-istorbju u lokali fuq in-netwerk ferrovjarju kollu.

80. Ħafna fergħat tat-trasport jingħataw trattament favorevoli f'termini ta’ taxxa, meta mqabbla mal-kumplament tal-ekonomija. trattament fiskali tal-karozzi tal-kumpaniji, l-eżenzjonijiet tal-VAT u t-taxxa enerġetika għat-trasport marittimu u tal-ajru internazzjonali, eċċ. Ġeneralment, dawn l-arranġamenti jipprovdu inċentivi kunfliġġenti fir-rigward tal-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport u jitnaqqsu l-ispejjeż esterni tagħha. Il-Kummissjoni ser teżamina proposti biex tilħaq konsistenza akbar bejn l-elementi varji tat-tassazzjoni tat-trasport u biex tħeġġeġ l-introduzzjoni rapida tal-vetturi nodfa.

Id-dimensjoni esterna

81. It-trasport fundamentalment huwa internazzjonali. Minħabba dan, bosta azzjonijiet mill-Pjan Direzzjonali huma marbuta mal-isfidi relatati mal-iżvilupp tat-trasport lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-ftuħ tas-swieq ta’ pajjiż terz fis-servizzi, prodotti u investimenti tat-trasport jibqa' ta’ prijorità għolja. It-trasport huwa għalhekk inkluż fin-negozjati ta’ kummerċ kollha tagħna (WTO, reġjonali u bilaterali). Ser jiġu adottati strategiji flessibbli biex jiggarantixxu r-rwol tal-UE li tistabbilixxi l-istandards fil-qasam tat-trasport.

82. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ser tiffoka fuq l-oqsma ta’ azzjonijiet li ġejjin:

83. L-estensjoni tar-regoli tas-suq intern permezz ta’ ħidma f'organizzazzjonijiet internazzjonali (ICAO, IMO, OTIF, OSJD, UNECE, il-kummissjoni internazzjonali tax-xmajjar, eċċ.) u fejn rilevanti tinkiseb sħubija sħiħa mill-UE. Il-promozzjoni tas-sikurezza, sigurtà, privatezza u standards ambjentali Ewropej madwar id-dinja permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali. Jissaħħaħ id-djalogu tat-trasport mas-sħab prinċipali.

84. Tiġi estiża l-politika tagħna tat-trasport u l-infrastruttura għall-ġirien immedjati tagħna, inkluż fit-tħejjija tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-mobilità, biex twassal għal integrazzjoni akbar tas-suq[23]. Jista' jintuża qafas ta’ kooperazzjoni simili għal dak tat-Trattat tat-Trasport tal-Balkani tal-Punent biex jiġu estiżi r-regoli tal-UE għal pajjiżi ġirien oħra. Titlesta ż-żona komuni tal-avjazzjoni Ewropea ta’ 58 pajjiż u biljun (1) abitanti[24]. Kooperazzjoni mas-sħab Mediterranji fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Marittima Mediterranja biex jittejbu s-sikurezza, is-sigurtà u s-sorveljanza marittimi[25]. Il-promozzjoni tad-dħul fl-użu tat-teknoloġija SESAR, ERTMS u ITS fid-dinja, u l-istabbiliment ta’ sħubijiet ta’ riċerka u innovazzjoni anki f'livell internazzjonali.

85. Jiġi promoss globalment l-approċċ tagħna: jinfetħu s-swieq tat-trasport għall-konkorrenza ħielsa u mingħajr distorsjonijiet u soluzzjonijiet ambjentalment sostenibbli. Tinżamm il-mira lejn aċċess akbar għas-suq fit-trasport fin-negozjati internazzjonali rilevanti kollha.

KONKLUżJONI

86. Trasformazzjoni tas-sistema Ewroepa tat-trasport tkun possibbli biss permezz ta’ taħlita ta’ inizjattivi diversi fil-livelli kollha. L-azzjonijiet u l-miżuri varji indikati f'dan il-Pjan Direzzjonali ser ikunu elaborati aktar. Il-Kummissjoni ser tipprepara proposti leġiżlattivi xierqa fid-deċennju li jmiss b'inizjattivi kruċjali li jitressqu tul il-mandat attwali. Kull waħda minn dawn il-proposti ser ikunu preċeduti minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa li tqis il-valur miżjud tal-UE u l-aspetti tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jżidu l-kompetittività tat-trasport filwaqt li twassal għal tnaqqis minimu ta’ 60 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport meħtieġa sal-2050, u torjenta lilha nnifisha fid-direzzjoni tal-għaxar miri li għandhom jitqiesu bħala parametri referenzjarji.

87. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jappoġġaw dan il- Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport– Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u l-lista mehmuża ta’ azzjonijiet.

Anness I: Lista ta’ inizjattivi

SISTEMA EFFIċJENTI U INTEGRATA TAL-MOBILITÀ

Żona Unika Ewropea tat-Trasport

1. Suq intern ta’ veru għas-servizzi ferrovjarji

- Il-ftuħ tas-suq domestiku tal-passiġġiera ferrovjarji għall-kompetizzjoni, inkluż l-għoti mandatorju tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku b'sejħiet ta’ offerti kompetittivi.

- Il-ksib ta’ awtorizzazzjoni unika għat-tip ta’ veikolu u ċertifikazzjoni unika tas-sikurezza ta’ impriża ferrovjarja bit-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA).

- L-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-kurituri tal-merkanzija, inkluż l-imposti tal-aċċess tal-għall-binarji.

- L-iżgurar effikaċi u nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja, inkluż servizzi b'rabta ferrovjarja partikolarment permezz ta’ separazzjoni strutturali bejn l-immaniġġjar tal-infrastruttura u l-forniment tas-servizzi[26].

2. It-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew

- L-ilħuq ta’ Ajru Uniku Ewropew konsistenti ta’ veru u d-dħul fl-użu s-sistema futura tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (SESAR) f'qafas ta’ żmien maqbul.

- L-istabbiliment tal-qafas xieraq legali u finanzjarju b'appoġġ għall-politika ta’ Ajru Uniku Ewropew, il-konsolidazzjoni tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropew u l-Eurocontrol.

3. Il-kapaċita u kwalita tal-ajruporti

- Ir-reviżjoni tar-Regolament tas-Slottijiet favur użu aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti.

- Il-kjarifika u t-titjib tal-kundizzjonijiet għad-dħul u l-forniment servizzi ta’ kwalità, inkluż il-maniġġ fl-art: l-iżgurar li l-atturi kollha f'sistema ta’ ajruport tilħaq l-istandards minimi ta’ kwalità.

- Il-Kapaċita tal-Ajruporti - l-iżvilupp ta’ approċċ biex jindirizza l-problemi futuri tal-kapaċità inkluż l-integrazzjoni aħjar man-netwerk ferrovjarju.

4. "Ċinturin Blu" marittimu u l-aċċess għas-suq fil-portijiet

L-Ispazju Ewropew għat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakli għandu jiġi żviluppat aktar f'"Ċinturin Blu" ta’ movimenti marittimi ħielsa fl-Ewropa u madwarha, u l-potenzjal tal-użu tat-trasport akwatiku għandu jisfruttat bis-sħiħ.

- L-integrazzjoni tal-użu tal-għodod tal-monitoraġġ mill-awtoritajiet rilevanti kollha, l-iżgurar tal-interoperabbiltà sħiħa bejn is-sistemi ICT fis-setturi tat-trasport akkwatiku, il-garanzija tal-monitoraġġ tal-bastimenti u merkanzija (iċ-Ċinturin Blu) u t-twaqqif ta' faċilitajiet portwarji xierqa ("Karreġġati Blu").

- L-istabbilitment ta’ qafas għall-għoti ta’ Ċertifikati tal-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ fil-portijiet tal-UE.

- Jiġu eżaminati tar-restrizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi portwarji.

- It-titjib tat-trasparenza tal-finanzjament tal-portijiet, il-kjarifika ta’ fejn jispiċċaw il-fondi pubbliċi f'liema attivitajiet portwarji differenti, bil-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni għall-kompetizzjoni.

5. Qafas xieraq għan-navigazzjoni interna

- L-istabbiliment ta’ qafas xieraq biex jiġi ottimizzat is-Suq Intern għat-trasport fil-passaġġi tal-ilmijiet interni, u t-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li jintuża aktar. Il-valutazzjoni u d-definizzjoni tal-kompiti u mekkaniżmi neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħhom, anki b'perspettiva għall-kuntest usa' Ewropew.

6. Merkanzija fit-triq

- Jiġu eżaminati s-sitwazzjoni tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll il-livell ta’ konverġenza, fost l-oħrajn, tal-imposti għall-utent tat-triq, il-leġiżlazzjoni soċjali u tas-sikurezza, it-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri bil-ħsieb ta' ftuħ akbar tas-swieq tat-trasport bit-triq. Partikolarment, għandha tiġi segwita l-eliminazzjoni tar-r-restrizzjonijiet li għad fadal fuq il-kabotaġġ.

- Jiġu eżaminati r-regoli dwar it-takografu biex isir aktar kosteffikaċi, jagħti aċċess għar-reġistru tal-UE dwar l-impriżi tat-trasport bit-triq lill-pulizija u l-uffiċjali tal-infurzar meta dawn iwettqu kontrolli fuq it-triq; l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar it-trasport professjonali; l-armonizzazzjoni tat-taħriġ tal-uffiċċjal tal-infurzar.

- L-adattar tal-leġiżlazzjoni dwar il-piż u l-qies għaċ-ċirkostanzi, it-teknoloġiji u l-ħtiġijiet ġodda (eż. il-piż tal-batteriji, prestazzjoni ajrudinamka aħjar), u biex jiġi żgurat li tiffaċilita t-trasport intermodali u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet kumplessivi.

7. Trasport multimodali ta’ merkanzija: Merkanzija-e

Il-ħolqien ta’ qafas xieraq li jippermetti t-traċċar ta' merkanzija f'ħin reali, tiġi żgurata r-responsabbiltà intermodali u jiġi promoss it-trasport nadif ta’ merkanzija:

- Jitħaddmu l-kunċetti ta’ 'kjosk uniku' u 'punt amministrattiv uniku ta’ servizz'; billi jinħoloq u jiddaħħal fis-seħħ dokument uniku tat-trasport f'forma elettronika (librett tal-kargu (waybill) elettroniku)

- L-izgurar li r-reġimi tar-responsabbiltà jippromwovu t-trasport ferrovjarju akkwatiku u intermodali.

Il-promozzjoni ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità

8. Il-kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq

- L-inkuraġġiment u l-appoġġ tad-djalogu bejn is-sħab soċjali fid-dawl ta’ ftehim dwar kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq, u jiġu indirizzati wkoll il-problemi tal-impjieg indipendenti moħbi.

9. Aġenda Soċjali għat-trasport marittimu

- L-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati għall-azzjoni fl-Aġenda Soċjali Marittima, b'segwitu għall-miri u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018.

- It-titjib tal-infurzar tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu (MLC) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward tal-Istati tal-Bandiera, l-Istati Portwarji u l-Istati li jipprovdu l-ħaddiema.

- Jiġi inklużi kollha jew parti minnhom il-ħaddiema li jbaħħru, li huma attwalment esklużi, fl-ambitu ta' bosta direttivi tal-UE dwar il-liġi tax-xogħol jew jingħatalhom livell ekwivalenti ta' protezzjoni bis-saħħa ta' mezzi oħra.

- L-aġġornament tad-Direttiva tat-taħriġ tal-baħħara (2008/106/KE) wara reviżjoni tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (il-Konvenzjoni STCW). L-istabbiliment rikonoxxibbli reċiprokament dwar it-taħriġ ta’ ħaddiema portwarji f’oqsma differenti ta’ attivitajiet portwarji.

10. Settur tal-avjazzjoni soċjalment responsabbli

- L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu biex janalizza l-impatt tal-iżviluppi regolatorji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport bl-ajru.

- L-istabbiliment ta’ standards minimi ta’ servizz u ta’ kwalità għall-Ewropa kollha għall-ħaddiema fil-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni (inkluż ATM u l-maniġġ fl-art). L-inkuraġġiment tas-sħab soċjali Ewropej biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti u d-distorsjoni tas-servizz minimu fil-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni.

11. Evalwazzjoni tal-approċċ tal-UE għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-modi kollha tat-trasport

- It-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-proċessi ta' djalogu soċjali settorjali li jsir fis-segmenti varji tas-settur tat-trasport bl-għan tat-titjib tad-djalogu soċjali u l-iffaċilitar tal-effikaċja tiegħu.

- L-iżgurar tal-involviment tal-impjegati, partikolarment permezz tal-Kunsilli Ewropej tal-Ħaddiema, fil-kumpaniji transnazzjonali fis-settur.

- L-indirizzar tal-kwalità tax-xogħol fil-modi kollha tat-trasport, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet neċessarji u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-operaturi tat-trasport fl-UE.

Trasport sikur

12. Is-sigurtà tal-merkanzija

- L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tat-Tisħiħ tas-Sigurtà tal-Ajrumerkanzija, id-definizzjoni skont kif neċessarju tar-regoli l-ġodda dwar l-iskrinjar tal-Ajrumerkanzija u s-sigurtà aħjar tal-merkanzija fil-portijiet.

- Titlesta s-sistema ta’ skrinjar wieħed għall-UE kollha għall-ajrumerkanzija.

13. Livelli għolja ta’ sigurtà tal-passiġġieri bl-anqas inkonvenjent

Il-promozzjoni ta’ metodi aħjar ta’ skrinjar, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; tali metodi għandhom jisħqu l-iżvilupp ta’ 'Punt tal-iċċekkjar tal-futur' – bħal kurituri ta’ sigurtà li jippermettu għadd kbir ta’ passiġġieri li jiġu kkontrollati bl-anqas inkonvenjent u intrużjoni. Għandhom ukoll jappoġġaw dispożizzjonijiet ta’ sigurtà f'oqsma vulnerabbli oħra bħal interkambji kbar tat-trasport.

- Il-promozzjoni, anki permezz ta’ finanzjament, tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji bi prestazzjoni aħjar u b'rispett akbar tal-privatezza (skenners, detetturi ta’ splużivi ġodda, ċipep intelliġenti, eċċ.) kif ukoll soluzzjonijiet favorevoli għall-privatezza mit-teknoloġiji eżistenti.

- Id-definizzjoni ta’ standards komuni ta’ prestazzjoni tad-detezzjoni u proċeduri ta’ ċertifikazzjoni għad-detezzjoni tat-tagħmir.

14. Is-sigurtà tat-trasport bl-art

- Ħidma mal-Istati Membri dwar is-sigurtà tat-trasport bl-art, li tistabbilixxi bħala l-ewwel pass grupp permanenti ta’ esperti dwar is-sigurtà tat-trasport bl-art u l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri fejn azzjoni tal-UE jkollha valur miżjud. Ser tingħata attenzjoni speċjali lil kwistjonijiet ta’ sigurtà urbana.

15. Sigurtà 'minn tarf sa tarf'

- Iż-żieda tal-livell ta’ sigurtà tul il-katina tal-provvista mingħajr ma jitfixkel il-fluss ħieles tal-kummerċ. Għandhom jitqiesu ċertifikati tas-sigurtà 'minn tarf sa tarf' filwaqt li jiġu kkunsidrati l-iskemi eżistenti.

- Valutazzjoni Konġunta tas-Sigurtà li tkopri l-modi kollha tat-trasport.

- L-integrazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ attakki terroristi u kriminali fit-tħejjija tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-mobilità (ara l-Inizjattiva 23).

- It-tiftix ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra bħall-piraterija. Id-dimensjoni esterna (ara l-Inizjattiva 40) hija kruċjali.

Azzjoni fuq is-sikurezza tat-trasport: jissalvaw eluf ta’ ħajjiet

16. Lejn 'viżjoni żero' dwar is-sikurezza tat-triq

- L-armonizzazzjoni u d-dħul fl-użu tat-teknoloġiji tas-sikurezza tat-triq – bħas-sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq, regolaturi tal-veloċità (intelligenti), fakkara taċ-Ċinturin tas-sigurtà, Sejħa-e, sistemi kooperattivi u interfaċċi għall-infrastruttura tal-vetturi – kif ukoll testijiet aħjar tal-affidabbiltà tal-użu fit-triq inkluż sistemi ta’ propulsjoni alternattivi.

- L-iżvilupp ta’ strateġija komprensiva ta’ azzjoni dwar il-korrimenti stradali u s-servizzi tal-emerġenza, inkluż definizzjonijiet komuni u klassifikazzjonijiet standard tal-korrimenti u l-fatalitajiet, bil-ħsieb li tiġi adottata mira ta’ tnaqqis tal-korrimenti.

- Attenzjoni fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni għall-utenti kollha; il-promozzjoni tal-użu tat-tagħmir tas-sikurezza (Ċinturini, ħwejjeġ protettivi, antiadulterazzjoni).

- Tingħata attenzjoni partikolari għall-utenti vulnerabbli bħall-pedonali, ċiklisti u motoċiklisti, inkluż permezz ta’ infrastruttura u teknoloġija vejikola sikura.

17. Strateġija Ewropea għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

Is-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea hija għolja imma mhux l-aqwa fid-dinja. Il-mira tagħna għanda tkun li nkunu l-aktar reġjun sikur għall-avjazzjoni. Sabiex dan iseħħ, neħtieġu niżviluppaw strateġija komprensiva Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, imsejsa fuq il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), li tinkludi l-aspetti li ġejjin:

- It-titjib tal-ġbir, il-kwalità, l-iskambju u l-analiżi tad-dejta permezz tal-eżami tal-leġiżlazzjoni dwar r-rapportar tal-okkorenzi fl-avjazzjoni ċivili.

- L-adattar tal-qafas regolatorju tas-sikurezza għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda (SESAR).

- L-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE tas-sikurezza tal-avjazzjoni konsistentement fid-dominji kollha tal-avjazzjoni.

- Il-promozzjoni tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni tas-sikurezza mal-ICAU u sħab internazzjonali oħra fl-avjazzjoni, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva dwar l-Iskambju Globali ta' Informazzjoni tas-Sikurezza; kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE, partikolarment l-US,I dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza dwar il-konverġenza regolatorja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-assistenza teknika.

- L-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Mmaniġġjar tas-Sikurezza fil-livell tal-UE li tinkorpora l-miri u l-kejl tal-prestazzjoni tas-sikurezza sabiex jiġu identifikati r-riskji u jintlaħaq it-titjib kontinwu tal-livelli tas-sikurezza.

18. Tbaħħir aktar sikur

- Ħidma mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex tiġi mmodernizzata l-leġiżlazzjoni tas-sikurezza għall-bastimenti tal-passiġġieri.

- L-iżvilupp ta’ SafeSeaNet fis-sistema ta’ qofol għall-għodod ta’ informazzjoni marittima kollha rilevanti meħtieġa biex jappoġġaw is-sikurezza u s-sigurtà marittimi u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar minn tniġġis li jkun ġej mill-vapuri.

- Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ reġistru tal-UE u bandiera tal-UE għat-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Essenzjalment, is-sinjal tal-UE jkun jirrapreżenta tikketta ta' kwalità li tiċċertifika vapuri sikuri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, immexxijin minn professjonisti kwalifikati sew.

- Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-funzjonijiet kondiviżi tal-gwardji tal-kosta fl-UE, partikolarment biex jiġu żgurati s-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali marittimi.

19. Is-sikurezza ferrovjarja

- Progressivament l-ilħuq ta’ approċċ settorjali għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza fis-settur tat-trasport ferrovjarju, imsejjes fuq l-approċċi eżistenti għall-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji u l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ bażi ta’ standard Ewropew.

- Titjib tar-rwol tal-ERA fil-kamp tas-sikurezza ferrovjarja, partikolarment fis-superviżjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ sikurezza meħuda mill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza u l-armonizzazzjoni progressiva.

- Titjib tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni u l-manutenzjoni tal-komponenti kruċjali tas-sikurezza użati biex jinbnew veikoli ferrovjarji.

20. Trasport ta’ merkanzija perikoluża

- Allinjament tar-regoli għat-trasport intermodali tal-merkanzija perikoluża biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn il-modi differenti.

Il-kwalità u l-affid abbiltà tas-servizz

21. Id-drittijiet tal-passiġġieri

- L-iżvilupp ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u infurzar armonizzat u effikaċi, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u standard Ewropew għall-protezzjoni taċ-ċittadini.

- Il-ġbir ta’ prinċipji komuni applikabbli għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-modi kollha tat-trasport (Karta tad-drittijiet bażiċi), partikolarment id-'dritt għall-informazzjoni', u aktar kjarifika tad-drittijiet eżistenti. Fi stadju aktar tard, il-kunsiderazzjoni tal-adozzjoni ta' Regolament qafas tal-UE li jkopri d-drittijiet tal-passiġġieri għall-modi kollha tat-trasport (Codex UE).

- It-titjib tal-kwalità tat-trasport għall-anzjani, Passiġġieri b'Mobilità Mnaqqsa u passiġġieri b'diżabbiltà, inkluż aċċessibbiltà aħjar għall-infrastruttura.

- Tlestija tal-qafas leġiżlattiv stabbilit dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'miżuri li jkopru passiġġieri fi vjaġġi multimodali b'biljetti integrati f'kuntratt wieħed tax-xiri kif ukoll fil-każ tal-falliment tal-operatur tat-trasport.

- Titjib tal-kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali permezz tal-inklużjoni tal-istandards ta’ kwalità tal-indukrar fil–ftehimiet bilaterali u multilaterali għall-modi kollha tat-trasport, bil-ħsieb li jiżdiedu d-drittijiet tal-passiġġieri anki fil-kuntest internazzjonali.

22. Mobilità konsistenti 'bieb bieb'

- Id-definizzjoni tal-miżuri neċessarji għal aktar integrazzjoni tal-modi differenti tat-trasport tal-passiġġieri biex jiġi pprovdut vjaġġ multimodali konsistenti minn 'bieb sa bieb'.

- Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas għall-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta’ sistemi intelliġenti għall-iskedar interoperabbli u multimodali, informazzjoni, sistema ta’ bbukkjar online u biljettar intelliġenti. Dan jista' jkun jinkludi proposta leġiżlattiva biex jiġi żgurat l-aċċess għall-fornituri privati tas-servizzi għall-ivjaġġar u informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali.

23. Pjanijiet tal-Kontinwità tal-Mobilità

- L-iżgurar tad-definizzjoni tal-pjanijiet tal-mobilità biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz f'każ ta’ avvenimenti ta’ taqlib. Il-pjanijiet għandhom jindirizzaw il-kwistjoni ta’ prijoritizzazzjoni fl-użu tal-faċilitajiet tax-xogħol, il-kooperazzjoni tal-maniġers tal-infrastruttura, l-operaturi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi ġirien, u l-adozzjoni temporanja jew l-illaxkar ta’ regoli speċifiċi.

INNOVAZZJONI GħALL-ġEJJIENI TEKNOLOġIJA U MġIBA

Politika Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport

24. Pjan direzzjonali tat-teknoloġija

Il-frammentazzjoni tal-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa hija ta’ ħsara kbira, u sforzi konġunti Ewropej iwasslu għall-akbar valur miżjud Ewropew f'oqsma bħal:

- Veikoli nodfa, sikuri u silenzjużi għall-modi kollha differenti tat-trasport, minn vetturi tat-triq għal bastimenti, barkuni, veikoli ferrovjarji u inġenji tal-ajru (inkluż materjali ġodda, sistemi ġodda ta’ propulsjoni u l-għodod tal-IT u l-immaniġġjar biex jiġu mmaniġjati u integrati s-sistemi kumplessi tat-trasport).

- It-teknoloġiji biex jittejbu s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport.

- Sistemi u veikoli potenzjali tat-trasport ġodda jew mhux tas-soltu bħal sistemi ta’ inġenji tal-ajru bla persunal, sistemi mhux tas-soltu għad-distribuzzjoni tal-merkanzija.

- Strateġija sostenibbli għall-fjuwils alternattivi inkluż ukoll l-infrastruttura xierqa.

- Sistemi integrati tal-immaniġġjar u l-informazzjoni tat-trasport, li jiffaċilitaw servizzi intelliġenti tal-mobilità, l-immaniġġjar tat-traffiku għal użu mtejjeb tal-infrastruttura u l-veikoli, u s-sistemi ta’ informazzjoni f'ħin reali biex tiġi llokalizzata u ttraċċata l-merkanzija u jiġu mmaniġjati l-flussi tal-merkanzija; informazzjoni tal-passiġġieri/vjaġġ, sistemi ta’ bbukkjar u ħlas.

- Infrastruttura intelliġenti (kemm ibbażata fl-art kif ukoll fl-ispazju) biex jiġi żgurat monitoraġġ massimu u interoperabbiltà tal-forom differenti tat-trasport u l-komunikazzjoni bejn l-infrastruttura u l-veikoli.

- L-innovazzjonijiet għal mobilità sostenibbli urbana b'segwitu għall-programm CIVITAS u l-inizjattivi dwar l-iskemi għat-tariffazzjoni u restrizzjonijiet tal-aċċess għat-toroq urbani.

25. Strateġija tal-innovazzjoni u dħul fl-użu

L-identifikazzjoni tal-istrateġiji neċessarji tal-innovazzjoni jinkludu l-governanza xierqa u l-istrumenti ta’ finanzjament sabiex jiġi żgurat dħul rapidu fl-użu tar-riżultati żviluppati fil-proċess tar-riċerka. Xi eżempji huma:

- Id-dħul fl-użu ta’ sistemi intelliġenti ta’ mobilità bħas-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (SESAR) tal-futur, is-sistema Ewropea għall-immaniġġjar tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS) u s-sistema tal-informazzjoni ferrovjarja, is-sistema tas-sorveljanza marittima (SafeSeaNet), is-Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), ITS, u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sistemi tal-immaniġġjar u informazzjoni tat-traffiku multimodali.

- Id-definizzjoni u d-dħul fl-użu ta' pjattaforma miftuħa elettronika standard għall-veikoli fl-unitajiet abbord, li jwettqu diversi funzjonijiet inkluż tariffazzjoni stradali.

- L-iżvilupp ta’ pjan għall-investiment fis-servizzi tan-navigazzjoni, monitoraġġ tat-traffiku u komunikazzjoni biex jippermetti l-integrazzjoni tal-flussi tal-informazzjoni, is-sistemi tal-immaniġġjar u s-servizzi ta’ mobilità bbażati fuq Pjan Ewropew Integrat ta’ Informazzjoni u Mmaniġġjar Multimodali. Il-proġetti ta’ wiri għall-elettromobilità (u fjuwils alternattivi oħra) inkluż l-infrastruttura għaċ-ċarġjar u t-teħid ta’ fjuwil u sistemi intelliġenti tat-trasport li jiffukaw partikolarment fuq dawk iż-żoni urbani fejn il-livelli tal-kwalità tal-arja spiss jinqabżu.

- Sħubijiet intelliġenti tal-mobilità u proġetti ta’ dimostrazzjoni għal soluzzjonijiet sostenibbli tat-trasport urban (inkluż dimostraturi għall-iskemi tat-tariffazzjoni stradali, eċċ.).

- Miżuri għall-promozzjoni tas-sostituzzjoni tal-veikoli ineffiċjenti u niġġiesa.

26. Qafas regolatorju għal trasport innovattiv

L-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għal qafas regolatorju permezz ta’ standardizzazzjoni jew regolamentazzjoni:

- Standards xierqa għall-emissjonijiet CO2 tal-veikoli fil-modi kollha, u fejn neċessarju ssupplimentati b'rekwiżiti dwar l-effiċjenza enerġetika biex jiġu indirizzati t-tipi kollha ta’ sistemi ta’ propulsjoni;

- Standard għall-veikoli għal-livelli tal-emissjonijiet tal-istorbju;

- L-iżgurar li l-emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġisiet jitnaqqsu skont kundizzjonijiet tas-sewqan fid-dinja reali billi jiġi propost sa mhux aktar tard mill-2013 ċiklu rivedut tal-ittestjar biex jitkejlu l-emissjonijiet;

- Strateġiji tal-akkwist pubbliku biex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida tat-teknoloġiji l-ġodda;

- Regoli dwar l-interoperabbiltà tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-veikoli nodfa;

- Linji gwida u standards għall-infrastrutturi tat-teħid tal-fjuwil;

- Standards ta' interfaċċja tal-komunikazzjoni bejn l-infrastrutturi, bejn il-veikoli u l-infrastrutturi, u bejn il-veikoli;

- Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dejta tat-trasport għall-skopijiet ta’ sikurezza u sigurtà;

- Speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet għas-sistemi intelliġengi ta’ tariffazzjoni u ħlas b'rabta mat-trasport;

- Implimentazzjoni aħjar tar-regoli u standards eżistenti.

Il-promozzjoni ta' mġiba aktar sostenibbli

27. Informazzjoni dwar l-ivjaġġar

- Il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi għat-trasport individwali konvenzjonali (anqas sewqan, mixi u ċikliżmu, vjaġġar bit-triq kondiviż, 'ipparkja u irkeb' (park & ride), biljettar intelliġenti, eċċ.).

28. Tikkettar tal-vetturi għall-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza tal-fjuwil

- Reviżjoni tad-Direttiva tat-tikkettar biex issir aktar effikaċi. Dan, fost l-oħrajn, ser jikkunsidra l-estensjoni tal-ambitu għall-vetturi kummerċjali żgħar u dawk fil-kategorija L, u l-armonizzazzjoni tat-tiketta u l-klassijiet tal-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi fl-Istati Membri kollha.

- Appoġġ lis-suq biex jadotta tajers fjuwil effiċjenti, sikuri u bi ħsejjes baxxi lil hinn mir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni stipulati fl-approvazzjoni tat-tip[27].

29. Il-kalkolaturi tal-impront tal-karbonju

- L-inkuraġġiment tal-iskemi kummerċjali ta’ ċertifikazzjoni tal-gassijiet serra u l-iżvilupp ta’ standards komuni tal-UE sabiex tiġi stmata l-impronta tal-karbonju għal kull vjaġġ ta' passiġġier u merkanzija b'verżjonijiet adattati għall-utenti differenti għall-kumpaniji u l-individwi. Dan jippermetti għażliet aħjar u kummerċjalizzazzjoni eħfef ta’ soluzzjonijiet tat-trasport aktar nodfa.

30. Ekosewqan u limiti tal-veloċità

- L-inklużjoni ta’ rekwiżiti tal-ekosewqan fir-reviżjonijiet futuri tad-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan u t-teħid ta’ passi sabiex jiġi aċċellerat id-dħul fl-użu tal-applikazzjonijiet ITS b'appoġġ għall-ekosewqan. Tekniki għall-iffrankar tal-fjuwil għandhom jiġu wkoll żviluppati u promossi f'modi oħra – pereżempju għall-inżul kontinwu għall-inġenji tal-ajru.

- L-eżaminazzjoni ta’ approċċi biex jillimitaw il-veloċità massima tal-vetturi kummerċjali tat-triq żgħar, sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, tiżdied is-sikurezza fit-toroq u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

Mobilità urban integrata

31. Pjanijiet ta’ Mobilità Urban

- L-istabbiliment ta’ proċeduri u mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju fil-livell Ewropew għat-tħejjija ta' Awditi tal-Mobilità Urbana, kif ukoll Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana, u t-twaqqif ta’ Tabella ta' valutazzjoni tal-Mobilità tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq miri komuni. L-eżami tal-possibbiltà ta’ approċċ mandatorju għall-bliet ta’ ċertu daqs, skont standards nazzjonali bbażati fuq linji gwida tal-UE.

- L-irbit ma' xulxin tal-fondi tal-iżvilupp reġjonali u tal-koeżjoni mal-bliet u reġjuni li ssottomettew ċertifikat attwali u vvalidat independentement tal-Awditjar tal-Prestazzjoni u s-Sostenibbiltà tal-Mobilità Urbana.

- L-eżami tal-pobbilità ta’ qafas ta’ appoġġ Ewropew għal implimentazzjoni progressiva ta’ Pjanijiet tal-Mobilità Urbana fil-bliet Ewropej.

- L-integrazzjoni tal-mobilità urbana fi Sħubija Intelliġenti ta' Innovazzjoni ta' Bliet possibbli.

- L-inkuraġġiment ta’ impjegaturi kbar biex jiżviluppaw Pjanijiet Korporattivi/ta' Mmaniġġjar tal-Mobilità

32. Qafas tal-UE għat-tariffazzjoni tal-utent tat-toroq urbani

- L-iżvilupp ta’ qafas validat għat-tariffazzjoni tal-utent tat-toroq urbani u s-skemi ta' restrizzjoni tal-aċċess u l-applikazzjoni tagħhom, inkluż qafas ġuridiku u operazzjonali u tekniku vvalidat li jkopri l-vetturi u l-applikazzjonijiet infrastrutturali.

33. Strateġija għal loġistika urbana bi 'kważi ero emissjonijiet' 2030

- Il-produzzjoni ta’ linji gwida dwar l-aħjar prassi biex jiġu mmonitorjati u mmaniġjati aħjar il-flussi urbani tal-merkanzija (eż. iċ-ċentri ta’ konsolidazzjoni, id-daqs tal-vetturi f'ċentri antiki, il-limitazzjonijiet regolatorji, il-ħinijiet għall-konsenji, il-potenzjal mhux użat tat-trasport bix-xmajjar).

- Id-definizzjoni ta’ strateġija għat-tqarrib lejn 'loġistiki urbani b'żero emissjonijiet', li ġġib flimkien l-aspetti tal-ippjanar tal-art, l-aċċess bil-ferroviji u x-xmajjar, il-prattiki u l-informazzjoni kummerċjali, it-tariffazzjoni u l-istandards teknoloġiċi tal-veikoli.

- Il-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku konġunt għal vetturi b'emissjonijiet baxxi fil-flotot kummerċjali (vannijiet tal-konsenji, taksis, xarabanks...).

INFRASTRUTTURA MODERNA U FINANZJAMENT INTELLIġENTI

L-infrastruttura tat-trasport: koeżjoni territorjali u tkabbir ekonomiku

34. Netwerk tal-qalba ta’ infrastruttura strateġika Ewropea - Netwerk Ewropew ta’ Mobilità

- Id-definizzjoni f'linji gwida TEN ġodda ta’ netwerk tal-qalba ta’ infrastruttura Ewropea strateġika li jintegra l-parti tal-Lvant u l-Punent tal-Unjoni Ewropea u jagħti forma liż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. Il-previżjoni ta’ konnessjonijiet xierqa mal-pajjiżi ġirien.

- Il-konċentrazzjoni tal-azzjoni Ewropea fuq il-komponenti tan-netwerk TEN-T mal-ogħla valur miżjud Ewropew (konnessjonijiet transfruntieri neqsin, punti ta’ konnessjoni intermodali u punti ta' konġestjoni kruċjali).

- Id-dħul fl-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti u interoperabbli fuq skala kbira (SESAR, ERTMS, RIS, ITS, eċċ.) biex jiġu ottimizzati l-kapaċità u l-użu tal-infrastruttura.

- L-iżgurar ta’ infrastruttura ffinanzjata mill-UE li tqis il-ħtiġijiet tal-effiċjenza enerġetika u l-isfidi tat-tibdil klimatiku (ir-reżiljenza klimatika tal-infrastruttura kumplessiva, l-istazzjonijiet tal-fjuwil/l-iċċarġjar għall-vetturi nodfa, l-għażla tal-materjali tal-kostruzzjoni...).

35. Kurituri multimodali tal-merkanzija għal netwerks sostenibbli tat-trasport

- Il-ħolqien, fil-kuntest tan-'netwerk tal-qalba', l-istrutturi tal-kurituri multimodali tal-merkanzija biex jiġu ssinkronizzati l-investimenti u x-xogħoljiet infrastrutturali u biex jiġu appoġġati servizzi tat-trasport multimodali, effiċjenti u innovattivi, inklużi s-servizzi ferrovjarji għal distanzi medji u twal.

- L-appoġġ tat-trasport multimodali u n-negozju ta' tagħbija fuq vagun wieħed , l-istimolu tal-integrazzjoni tal-ilmijiet interni fis-sistema tat-trasport u l-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni fit-trasport tal-merkanzija. L-aġġoġġ tad-dħul fl-użu tal-veikoli u bastimenti ġodda u tar-retroffittjar

36. Kriterji tal-evalwazzjoni ex ante tal-proġetti

- L-introduzzjoni tal-kriterji tal-evalwazzjoni ex ante tal-proġetti sabiex jiġi żgurat li l-proġetti infrastrutturali juru kif suppost il-valur miżjud tal-UE jew li jkunu bbażati fuq 'is-servizz mogħti' u jiġġeneraw dħul suffiċjenti.

- L-allinjament tal-proċeduri għall-proġetti ta’ interess Ewropew akbar, sabiex jiġi żgurat li (i) skadenzi raġonevoli għall-ikkompletar taċ-ċiklu sħiħ tal-proċeduri; (ii) qafas tal-komunikazzjoni li jkun konformi mal-implimentazzjoni tal-proġett; u (iii) ippjanar integrat li jqis il-kwistjonijiet ambjentali fi stadji bikrin tal-proċedura tal-ippjanar.

- L-introduzzjoni ta’ skrinjar ta’ sħubija pubblika privata (SPP) għall-proċess tal-evalwazzjoni ex ante biex jiġi żgurat li l-alternattiva tas-SPP ġiet analizzata bir-reqqa qabel ma titressaq talba għall-finanzjament tal-UE.

Qafas ta’ finanzjament koerenti

37. Qafas ta’ finanzjament ġdid għall-infrastruttura tat-trasport

- L-iżvilupp ta’ qafas ta’ finanzjament tal-infrastuttura b'kundizzjonalità suffiċjenti biex jiġi pprovdut appoġġ għat-tlestija tan-netwerk TEN-T ewlieni kif ukoll programmi infrastrutturali oħra, li jkopri strateġiji ta’ investiment kemm tal-programmi TEN-T kif ukoll tal-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali, u jqis id-dħul mill-attivitajiet tat-trasport.

- Il-provvista ta’ appoġġ tal-UE għall-iżvilupp u d-dħul fl-użu ta’ teknoloġiji li jtejbu l-użu effiċjenti tal-infrastruttura u d-dekarbonizzazzjoni (sistemi ġodda ta’ pprezzar u tariffazzjoni għan-netwerk stradali, ITS u programmi ta’ titjib tal-kapaċità).

- Il-konnessjoni tal-finanzjament tat-TEN-T mal-progress lejn it-tlestija tan-netwerk TEN-T ewlieni u l-ippuljar tar-riżorsi nazzjonali matul il-kurituri.

38. L-involviment tas-settur privat

- L-istabbiliment ta’ qafas li jippermetti l-iżvilupp ta’ SPPi: (i) l-introduzzjoni ta’ skrinjar formali tal-proġetti tat-TEN-T biex jiġu identifikati dawk b'potenzjali ta’ SPP; (ii) il-ħolqien ta’ proċess ta’ akkwist ta’ SPP li jkun standardizzat u prevedibbli għall-proġetti tat-TEN-T matul iż-żmien; u (iii) ir-reviżjoni tar-regolamenti TEN-T skont dan sabiex jiġu akkomodati l-proċess tal-akkwist tas-SPP u l-mekkaniżmi ta’ ħlas.

- Fil-kuntest tal-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-EPEC, l-inkuraġġiment tal-Istati Membri biex jużaw aktar SPPi, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li mhux il-proġetti kollha huma sostenibbli għal dan il-mekkaniżmu, u jiġi pprovdut l-għarfien espert rilevanti lill-Istati Membri.

- Il-parteċipazzjoni fid-disinn tal-istrumenti ġodda ta' finanzjament għas-settur tat-trasport, partikolarment l-inizjattiva tal-UE dwar il-bonds tal-proġetti.

Prezzijiet veritiera u l-evitar tad-distorsjonijiet

39. Ipprezzar intelliġenti u tassazzjoni

Il-Fażi I (sal-2016)

L-imposti u t-taxxi tat-trasport għandhom jiġu ristrutturati. Dawn għandhom jirfdu r-rwol tat-trasport fil-promozzjoni tal-kompetittività Ewropea, filwaqt li l-piż kumplessiv għas-settur għandu jirrifletti l-kost totali tat-trasport, f'termini ta’ kost infrastrutturali u estern.

- Ir-reviżjoni tat-tassazzjoni tal-fjuwil tal-magni b'identifikazzjoni ċara tal-enerġia u l-komponent tas-CO2.

- Tiddaħħal progressivament imposta mandatorja tal-infrastruttra għall-vetturi l-kbar. L-iskema tkun tintroduċi struttura komuni ta’ tariffi u komponenti tal-kost bħall-irkupru tad-deterjorament, il-kost tat-tniġġis lokali u mill-istorbju biex jissostitwixxu l-imposti eżistenti tal-utenti.

- L-evalwazzjoni tal-iskemi eżistenti ta’ tariffazzjoni tal-karozzi fit-toroq u l-kompatibbiltà tagħhom mat-Trattati tal-UE. L-iżvilupp ta’ linji gwida għall-applikazzjoni tal-imposti ta’ internalizzazzjoni għall-vetturi tat-triq, li jkunu jkopru l-kost soċjali tal-punti ta' konġestjoni, CO2 – jekk ma jkunux inklużi fit-taxxa tal-fjuwil – it-tniġġis lokali, l-istorbju u –aċċidenti. Il-forniment ta’ inċentivi għall-Istati Membri li jvaraw proġetti pilota għall-implimentazzjoni ta’ skemi skont dawk il-linji gwida.

- Il-proċediment bl-internalizzazzjoni tal-kost estern għall-modi kollha tat-trasport bl-applikazzjoni ta' prinċipji komuni filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull mod.

- Il-ħolqien ta’ qafas biex jidentifika d-dħul mit-trasport u l-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport integrata u effiċjenti.

- Il-ħruġ ta’ linji gwida li jipprovdu kjarifika dwar il-finanzjament pubbliku għall-modi differenti tat-trasport u għall-infrastruttura tat-trasport, fejn meħtieġ.

- Ir-rivalutazzjoni tat-tassazzjoni tat-trasport fejn meħtieġ, partikolarment bil-konnessjoni tat-tassazzjoni tal-vetturi mal-prestazzjoni ambjentali, li tkun tirrifletti x'wieħed jista' jagħmel biex jirrevedi s-sistema attwali tal-VAT fuq it-trasport tal-passiġġieri, u r-reviżjoni tat-tassazzjoni fuq il-karozzi tal-kumpaniji biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet u l-aġevolament tad-dħul fl-użu tal-vetturi nodfa.

Il-Fażi II (l-2016 sal-2020)

- Abbażi tal-Fażi I, il-proċediment għall-internalizzazzjoni sħiħa u mandatorja tal-kost esterni (inkluż l-istorbju, it-tniġġis lokali u l-punti ta' konġestjoni apparti l-irkupru mandatorju tal-kost tad-deterjorament) għat-trasport bit-triq u ferrovjarju. L-internalizzazzjoni tal-kost għat-tniġġis lokali u l-istorbju fil-portijiet u l-ajruporti, kif ukoll għat-tniġġis tal-arja fuq il-baħar, l-eżami tal-applikazzjoni mandatorja tal-imposti ta' internalizzazzjoni fuq l-ilmijiet interni kollha fit-territorju tal-UE. L-iżvilupp ta’ miżuri abbażi tas-suq biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

ID-DIMENSJONI ESTERNA

40. It-Trasport fid-Dinja: Id-dimensjoni esterna

It-trasport fundamentalment huwa internazzjonali. Minħabba dan, bosta azzjonijiet minn din il-White Paper huma marbuta mal-isfidi relatati mal-iżvilupp tat-trasport lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-ftuħ tas-swieq ta’ pajjiż terz fis-servizzi, prodotti u investimenti tat-trasport jibqa' ta’ prijorità għolja. It-trasport għalhekk huwa inkluż fin-negozjati kummerċjali kollha tagħna (WTO, reġjonali u bilaterali). Ser jiġu adottati strategiji flessibbli biex jiġi ggarantit r-rwol tal-UE li tistabbilixxi l-istandards fil-qasam tat-trasport. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ser tiffoka fuq l-oqsma ta’ azzjonijiet li ġejjin:

- L-estensjoni tar-regoli tas-suq intern permezz ta’ ħidma f'organizzazzjonijiet internazzjonali (WTO, ICAO, OTIF, OSJD, UNECE, il-kummissjoni internazzjonali tax-xmajjar, eċċ.) u fejn rilevanti tinkiseb sħubija sħiħa mill-UE. Il-promozzjoni tas-sikurezza, sigurtà, privatezza u standards ambjentali Ewropej madwar id-dinja. Jissaħħaħ id-djalogu tat-trasport mas-sħab prinċipali.

- Titlesta ż-żona komuni Ewropea tal-avjazzjoni ta’ 58 pajjiż u biljun (1) abitanti. Il-konklużjoni ta’ fethim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru mas-sħab ekonomiċi ewlenin (il-Brażi, iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, il-Korea t'Isfel, eċċ.) u l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fl-investiment tat-trasport bl-ajru fil-pajjiżi terzi. Il-promozzjoni tad-dħul fl-użu tat-teknoloġija SESAR fid-dinja.

- Tittieħed azzjoni fil-fora multilaterali u f'relazzjonijiet bilaterali biex tiġi promossa politika mmirata lejn l-objettivi ta’ effiċjenza enerġetika u tat-tibdil klimatiku f'din il-White Paper.

- Kontinwament jintużaw saffi multilaterali (fl-ICAO, IMO u WCO) u bilaterali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-terroriżmu, bil-ħsieb ta’ ftehimiet internazzjonali u djalogi aħjar ta’ sigurtà mas-sħab strateġiċi, b'bidu mal-US. Il-kooperazzjoni dwar valutazzjoni konġunta tat-theddid, it-taħriġ ta’ uffiċjali ta’ pajjiżi terzi, spezzjonijiet konġunti, prevenzjoni tal-piraterija, eċċ. L-iżgurar tar-rikonoxximent tal-kunċett tal-UE ta’ sistema ta’ skrinjar wieħed internazzjonalment.

- L-iżvilupp ta’ qafas ta’ kooperazzjoni sabiex jestendi l-politika tagħna tat-trasport u l-infrastruttura għall-ġirien immedjati tagħna, biex iwassal għal konnessjonijiet infrastrutturali aħjar u integrazzjoni akbar tas-suq, inkluż fit-tħejjija tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-mobilità.

- Kooperazzjoni mas-sħab Mediterranji fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Marittima Mediterranja biex jittejbu s-sikurezza, is-sigurtà u s-sorveljanza marittima.

- It-teħid tal-passi xierqa biex ikun hemm progress fit-tneħħija tal-eżenzjonijiet għal linji ta' tbaħħir konġunti fl-UE.

- Il-bini fuq sħubijiet ta’ riċerka u innovazzjoni stabbiliti biex jinstabu tweġibiet komuni għall-isfidi relatati mal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-immaniġġjar tat-trasport, il-fjuwils sostenibbli b'użu baxx tal-karbonju, is-sigurtà u s-sikurezza.

-

[1] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM (2011) 112

[2] Dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta' emissjonijiet ta' madwar 70% taħt il-livelli tal-2008.

[3] Anki f'dan ix-xenarju, xorta jkun hemm, imqabbel mal-lum, xi żieda fl-użu tal-bijofjuwils u l-elettriku.

[4] Fl-Anness 3 tinsab deskrizzjoni dwar kif jista' jevolvi t-trasport sal-2050 jekk ma jkunx hemm politiki ġodda li jintervjenu biex jimmodifikaw ix-xejriet (xenarju ta' referenza): "Xenarju ta' referenza (2010-2050)" tal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-White Paper dwar it-Trasport.

[5] COM (2010)2020.

[6] COM (2011)109.

[7] Iktar minn nofs il-merkanzija (f'termini ta' piż) tat-trasport tat-triq tiġi ttrasportata fuq distanzi ta' inqas minn 50 km u aktar minn tliet kwarti fuq distanzi ta' inqas minn 150 km, skont kalkoli bbażati fuq dejta mill-Eurostat.

[8] L-UE żviluppat Politika Marittima Integrata li tpoġġi t-trasport marittimu f'kuntest usa' ta' governanza, kompetittività u strateġiji reġjonali. Ara COM(2009)540.

[9] It-termunu 'fjuwil konvenzjonali' jirreferi għal vetturi li jużaw magni mhux ibridi li jaħdmu bil-kombustjoni interna (internal combustion engines, ICE).

[10] Dan kieku jnaqqas ukoll b'mod sostanzjali emissjonijiet oħra ta' ħsara.

[11] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM (2011) 112

[12] Skont il-European ATM Master plan

http://ec.europa.eu/transport/air/sesar/deployment_en.htm

[13] Skont il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni għall-ERTMS: ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)561.

[14] Skont il-Pjan ta' Implimentazzjoni EasyWay 2: ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)9675.

[15] Id-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (ĠU L 208 tal-5.8.2002), kif emendata mid-Direttiva 2009/17/KE (ĠU L 131 tat-28.5.2009).

[16] Ara d-Direttiva 2005/44/EC.

[17] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Unjoni tal-Innovazzjoni", COM(2010)546 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Aġenda Diġitali għall-Ewropa", COM(2010)245/2.

[18] Fir-rigward tal-vetturi nodfa u effiċjneti, il-politika se titmexxa skont il-Komunikazzjoni 2010/0186, li tistipula approċċ teknoloġikament newtrali bejn il-fjuwils alternattivi għall-magni bil-kombustjoni interna, u vetturi elettriċi u taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu..

[19] COM(2009) 538 u COM(2010) 584.

[20] Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż interni (SEC(2008)2207, li takkumpanja lil COM(2008)435), il-Kummissjoni stipulat metodoloġija komuni biex l-ispejjeż esterni kollha jiġu ċċarġjati fuq is-settur tat-trasport kollu.

[21] COM (2010)700.

[22] Ara wkoll id-Direttiva 2009/29/KE, il-premessa 3.

[23] Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika", COM(2009)301.

[24] Dan jinkludi ż-żona tal-avjazzjoni Ewro-Mediterranja (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran" COM(2011)200), kif ukoll tal-Pajjiżi Ġirien oħra.

[25] Ara COM(2011)200.

[26] L-alternattivi ppreferuti għas-separazzjoni tas-servizzi għandhom jiżguraw il-kompetizzjoni, l-invetiment kontinwat u l-effiċjenza fil-kost tal-forniment tas-servizz.

[27] Dan jinkludi l-adozzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tat-tikkettar tat-tajers (KE) Nru 1222/2009. Dan iwassal għal iffrankar ta’ 5 % tal-fjuwil fuq il-flotta kollha tal-UE sal-2020.