5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/233


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
Derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet ***I

P7_TA(2011)0310

Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fil-5 ta’ Lulju 2011 għal proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (COM(2010)0484 – C7-0265/2010 – 2010/0250(COD)) (1)

2013/C 33 E/34

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – l-ewwel qari)

[Emenda Nru 1 sakemm ma jkunx indikat mod ieħor]

EMENDI TAL-PARLAMENT (2)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-kwistjoni ġiet riferuta lura lill-kumitat skont l-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu (A7-0223/2011).

(2)  Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
REGOLAMENT (UE) NRU …/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Fuq it-talba tal-Kummissjoni, rapport ippubblikat fil-25 ta’ Frar 2009 minn grupp ta’ esperti ta’ livell għoli ppresedut minn J. de Larosière kkonkluda li l-qafas superviżorju kien jeħtieġ jissaħħaħ biex jitnaqqas ir-riskju u s-severità ta’ kriżijiet finanzjarji futuri u rrakkomanda riformi estensivi għall-istruttura tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju fl-Ewropa, inkluż il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, li tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, waħda għas-settur bankarju, oħra għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol u oħra għas-settur tat-titoli u s-swieq, u l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”, ipproponiet it-tisħiħ tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għas-servizzi finanzjarji. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Lulju 2009, "L-iżgurar ta’ swieq tad-derivattivi effiċjenti, sikuri u sodi", il-Kummissjoni vvalutat ir-rwol tad-derivati fil-kriżi finanzjarja, u, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2009, "L-iżgurar ta’ swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi: Azzjonijiet futuri ta’ politika", il-Kummissjoni ddeskriviet l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu sabiex tnaqqas ir-riskji assoċjati mad-derivati.

(3)

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għal tliet Regolamenti li jistabilixxu s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, inkluż il-ħolqien ta’ tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għall-istabiliment ta’ standards u prattiki komuni regolatorji u superviżorji ta’ kwalità għolja, speċifikament l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ABE), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (AEAPX) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (AETS). Dawk l-awtoritajiet għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu fis-salvagwardja tal-istabilità tas-settur finanzjarju. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat b'mod kontinwu li l-iżvilupp ta’ ħidmithom ikun kwistjoni ta’ priorità politika għolja u li jkollhom ir-riżorsi adegwati.

(4)

Id-derivati barra l-Borża (OTC) huma nieqsa mit-trasparenza minħabba li dawn huma kuntratti nnegozjati privatament u kwalunkwe informazzjoni dwarhom normalment tkun disponibbli biss għall-partijiet kontraenti. Dawn joħolqu nisġa kumplessa ta’ interdipendenza li tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati n-natura u l-livell tar-riskji involuti. Il-kriżi finanzjarja wriet li dawn il-karatteristiċi jżidu l-inċertezza fi żminijiet ta’ tensjoni fis-suq u għaldaqstant, huma ta’ riskju għall-istabilità finanzjarja. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-mitigazzjoni ta’ dawn ir-riskji u t-titjib tat-trasparenza tal-kuntratti tad-derivati.

(5)

Fis-samit tas-26 ta’ Settembru 2009 f’Pittsburgh, il-Mexxejja tal-G20 qablu li l-kuntratti tad-derivati OTC standardizzati kollha għandhom jiġu kklerjati permezz ta’ kontropartijiet ċentrali (CCP) sal-aħħar tal-2012 u li l-kuntratti tad-derivati OTC għandhom jiġu rapportati lil repożitorji tat-tranżazzjonijiet. F’Ġunju 2010, il-Mexxejja tal-G20 f'Toronto rriaffermaw l-impenn tagħhom u ntrabtu wkoll li jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri qawwija biex tittejjeb it-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja tad-derivati OTC b'mod konsistenti internazzjonalment u nondiskriminatorju , bil-ħsieb li jittejjeb is-suq tad-derivati OTC u tinħoloq għodda aktar qawwija biex id-ditti jitqiesu responsabbli għar-riskji li jieħdu. Il-Kummissjoni ser tfittex tiżgura li dawn l-impenji jiġi implimentati bl-istess mod mis-sieħba internazzjonali tal-Unjoni.

(6)

Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2009, qabel li kien hemm bżonn ta’ titjib sostanzjali fil-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontrapartijiet u li kien importanti li jittejbu t-trasparenza, l-effiċjenza u l-integrità għal tranżazzjonijiet ta’ derivati. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar "Swieq tad-derivati: azzjonijiet futuri ta’ politika" appellat għall-ikklerjar u rapportar obbligatorju tad-derivati OTC.

(7)

L-AETS għandha taġixxi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament billi tissalvagwardja l-istabilità tas-swieq finanzjarji f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u s-soluzzjoni ta’ tilwim bejniethom. Hija inkarigata wkoll bl-iżvilupp ta’ standards tekniċi regolatorji vinkolanti u għandha rwol ċentrali fl-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ tas-CCPs u tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(8)

Regoli uniformi huma meħtieġa għall-kuntratti tad-derivati stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima C, in-numri (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (6).

(8a)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Frar 2011, "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima", identifikat il-finanzjalizzazzjoni miżjuda tas-swieq internazzjonali tal-materja prima bħala sfida strateġika għall-ekonomiji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tenniet il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-kummerċ tal-materja prima, kif ukoll l-effett potenzjali pożittiv tal-limiti ta’ pożizzjonijiet fil-kummerċ tad-derivati fil-prodotti bażiċi. Bil-ħsieb li jkun hemm tnaqqis effettiv tal-volum ta’ kummerċ fis-swieq tal-materja prima, volum li hu għoli b'mod li jagħmel ħsara, il-Kummissjoni, b'mod partikulari, għandha tivvaluta l-effetti jekk l-ammissjoni għall-kummerċ fil-Boroż tal-materja prima titrażżan għal negozjanti fiżiċi biss, bl-esklużjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Fir-rieżamijiet li daqt se jsiru tad-Direttiva 2004/39/KE u d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (7), il-Kummissjoni, b'mod partikulari, għandha tindirizza l-problema tal-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq alimentari u agrikoli u tipprevedi r-rekwiżiti xierqa għall-prevenzjoni tar-riskji sistemiċi u l-prattiki manipulattivi, inklużi r-rekwiżiti ta’ marġni, il-limiti tal-pożizzjonijiet u r-restituzzjoni punittiva tal-qligħ.

(9)

L-inċentivi għall-promozzjoni tal-użu tas-CCPs ma rriżultawx li kienu biżżejjed biex jiżguraw li d-derivati OTC standardizzati jiġu fil-fatt ikklerjati. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ rekwiżiti mandatorji għall-ikklerjar mis-CCP għal dawk id-derivati OTC li jistgħu jiġu kklerjati.

(10)

Huwa probabbli li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu ostakli għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern u li jkunu ta’ detriment għall-parteċipanti fis-suq u l-istabilità finanzjarja. Applikazzjoni uniformi tal-obbligu tal-ikklerjar fl-Unjoni hija neċessarja wkoll sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-parteċipanti fis-suq.

(11)

L-iżgurar li l-obbligu tal-ikklerjar inaqqas ir-riskju sistemiku jirrikjedi proċess ta’ identifikazzjoni tal-klassijiet eliġibbli tad-derivati li għandhom ikunu soġġetti għal dak l-obbligu. Dak il-proċess għandu jqis li mhux id-derivati OTC kollha kklerjati minn CCP jistgħu jitqiesu idonji għall-ikklerjar mandatorju mis-CCP.

(12)

Dan ir-Regolament jistipula l-kriterji għad-determinazzjoni tal-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar. Fid-dawl tar-rwol kruċjali tagħha, l-AETS għandha tiddeċiedi , wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (8), jekk klassi tad-derivati tissodisfax il-kriterji tal-eliġibilità , jekk għandux jiġi applikat l-obbligu ta’ kklerjar u minn meta l-obbligu tal-ikklerjar isir effettiv , inkluż, fejn xieraq, kwalunkwe standards ta’ implimentazzjoni għal introduzzjoni gradwali. Implimentazzjoni gradwali tal-obbligu ta’ kklerjar tista’ sseħħ jew f’termini ta’ proporzjon tal-klassijiet eliġibbli li għandhom jiġu kklerjati, jew f’dak li għandu x'jaqsam mat-tipi ta’ parteċipanti tas-suq li għandhom ikunu konformi mal-obbligu ta’ kklerjar. Ikklerjar bilaterali għandu jibqa’ permess ukoll f’dawk il-każijiet fejn ċerti kategoriji ta’ derivati fi ħdan klassi ta’ derivati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-ikklerjar, bħalma jista’ jkun il-każ tal-bonds koperti.

(12a)

Meta tkun qed tistabbilixxi jekk klassi ta’ derivati hix se tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ kklerjar, l-AETS għandha timmira lejn tnaqqis fir-riskju sistemiku u evitar ta’ riperkussjonijiet sistemiċi. Dan jinkludi l-ikkunsidrar, fil-valutazzjoni, ta’ fatturi bħad-data futura minn meta jieħu effett l-obbligu ta’ kklerjar, l-interkonnettività tal-klassi rilevanti tad-derivat fis-suq, il-livell ta’ standardizzazzjoni kuntrattwali u ekonomika tal-kuntratti, l-effett fuq ir-rendiment u l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE fis-swieq globali, il-kapaċità operattiva u l-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskji tas-CCPs biex jittrattaw il-volum u l-obbligi ta’ din id-direttiva, il-grad ta’ riskju tas-saldu u riskju ta’ kreditu tal-kontropartijiet u l-impatt tal-ispiża fuq l-ekonomija reali u l-investiment b'mod partikulari.

(12b)

Il-karatteristiċi tas-suq tal-kambju ta’ flus barranin (il-volum ta’ kuljum tat-tranżazzjonijiet, valuti akkoppjati, l-importanza tat-tranżazzjonijiet tal-pajjiżi terzi, ir-riskju tas-saldu indirizzat permezz ta’ mekkaniżmu robust eżistenti) jirrikjedu reġim xieraq li jiddependi b’mod partikolari fuq il-konverġenza internazzjonali preliminari u r-rikonoxximent reċiproku tal-infrastruttura rilevanti.

(12c)

Fl-abbozzar tal-atti delegati u tal-istandards implimentattivi tekniċi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet ta’ tfaddil fit-tul biex jiġu pprovduti prodotti ta’ tfaddil fit-tul għall-konsumaturi. Għal dan il-għan, ir-Regolament m’għandux jirriżulta fi spejjeż eċċessivi għall-istituzzjonijiet ta’ tfaddil fit-tul. Waħda mill-għodod li permezz tagħha jista' jinkiseb dan l-objettiv hi l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(12d)

Għandu jkun permess li l-istituzzjonijiet ta’ tfaddil fit-tul jirrikorru għal bonds governattivi u korporattivi ta’ kwalità għolja bħala alternattiva għall-flus kontanti biex ikopru l-marġinijiet inizjali u ta’ varjazzjoni.

(13)

Biex jiġi kklerjat kuntratt tad-derivati OTC, hemm bżonn li jkun hemm il-kunsens taż-żewġ partijiet f’dak il-kuntratt. Għaldaqstant, l-eżenzjonijiet għall-obbligu tal-ikklerjar għandhom jitfasslu b'mod strett għax inaqqsu l-effikaċja tal-obbligu u l-benefiċċji tal-ikklerjar mis-CCP u jistgħu jwasslu għal arbitraġġ regolatorju bejn il-gruppi tal-parteċipanti fis-suq. Madankollu, il-Kummissjoni u l-AETS għandhom jiżgura li l-arranġamenti ta’ kklerjar mandatorju jħarsu wkoll lill-investituri.

(13a)

Ġeneralment, l-obbligi taħt dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għat-tranżazzjonijiet futuri, biex b'hekk ikun possibbli li t-tranżazzjoni ssir bla intoppi u biex tissaħħaħ l-istabilità tas-sistema mingħajr ma titnaqqas il-ħtieġa għal aġġustamenti sussegwenti. F'dak ir-rigward, l-obbligi ta’ kklerjar u rappurtar għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti. Waqt li hu diffiċli li obbligu għal ikklerjar retrospettiv ikun fattibbli b'bażijiet legali, minħabba l-ħtieġa għal postkollateralizzazzjoni, dak li jkun ma jistax jgħid l-istess ħaġa dwar obbligu ta’ rappurtar retrospettiv. F'dan il-każ, abbażi tar-riżultati ta’ studju tal-impatt, u bl-użu ta’ regoli mfassla speċifikament għall-klassijiet tad-derivati, ir-rekwiżiti tekniċi u l-perjodi li jkun fadal għall-maturità, jista' jiġi stabbilit obbligu ta’ rappurtar retrospettiv.

(14)

Id-derivati OTC li mhumiex meqjusa idonji għall-ikklerjar mis-CCP xorta waħda jinvolvu riskju ta’ kreditu tal-kontraparti, u għalhekk għandhom jiġu stabiliti regoli għall-immaniġjar ta’ dak ir-riskju. Dawk ir-regoli għandhom ikunu applikabbli biss għall-parteċipanti fis-suq li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(14a)

Huwa importanti li t-trattament, li hemm bżonn li jkun differenti, tal-kontropartijiet mhux finanzjarji jkun jestendi minn dan ir-Regolament sad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (9) u d-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ kumpaniji ta’ l-investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (10). Il-kontropartijiet li għalihom mhux mandatorju li jikklerjaw b’mod ċentrali m’għandhomx jaffaċċjaw ħlasijiet tal-kapital ogħla fuq arranġamenti bilaterali li jibqgħu mhux mibdula.

(14b)

Il-ħlas f’kapital regolatorju għall-kontropartijiet finanzjarji li jittrattaw il-kuntratti tad-derivati OTC ikkumpensati b’mod bilaterali u mhux bi clearing house ċentrali għandu jkun jista’ jiġi kkalkulat skont il-livelli ta’ telf potenzjali assoċjati mar-riskju ta’ inadempjenza, skont kif jitkejjel għal kull kontroparti.

(15)

Ir-regoli dwar l-obbligi tal-ikklerjar u r-rapportar u r-regoli dwar it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għall-kuntratti tad-derivati OTC li ma jiġux ikklerjati minn CCP għandhom japplikaw għall-kontropartijiet finanzjarji, jiġifieri d-ditti ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2004/39/KE, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2006/48/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni awtorizzati skont id-Direttiva 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (11), l-impriżi tal-assigurazzjoni awtorizzati skont id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (12), l-impriżi tar-riassigurazzjoni awtorizzati skont id-Direttiva 2005/68/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni (13), l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) awtorizzati skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (14), u fondi ta’ investiment alternattiv immaniġġjati minn maniġers ta’ fond ta’ investiment alternattiv awtorizzat jew reġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta” Fondi ta“ Investiment Alternattiv (15).

(15a)

L-attivitajiet tal-UCITS li jwettqu biss tranżazzjonijiet ta’ derivati b'volum baxx għandhom għalhekk jiġu indirizzati sabiex tiġi stabbilita l-bażi preċiża skont liema għandhom jiġu kklassifikati bħala kontropartijiet finanzjarji skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. F'dak ir-rigward, għandhom jittieħdu passi għall-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u t-tnaqqis tal-possibilità ta’ abbuż. Għal dik ir-raġuni, il-limitu minimu għall-ikklerjar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji m'għandux jiġi applikat awtomatikament għall-UCITS. Minflok, għandha tiġi kkunsidrata u introdotta deroga b'definizzjoni stretta.

(15b)

Il-UCITS għandhom ikunu fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, peress li l-politiki ta’ investiment diversifikat tal-UCITS jinkludu wkoll tranżazzjonijiet f’kuntratti derivati. F'dawn l-aħħar snin, il-UCITS kibru b’mod konsiderevoli u jirrappreżentaw madwar 50 % tal-PGD tal-Unjoni, filwaqt li għandhom ukoll importanza sistemika globali meta titqies il-kapaċità ta’ investiment sinifikattiva tagħhom.

(15c)

Il-fondi ta’ pensjonijiet kif iddefiniti mid-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (16) bi profil ta’ riskju li ma jfittix ir-riskju u li jużaw derivati biex jiħħeġġjaw ir-riskji tar-responsabilitajiet pensjonistiċi tagħhom għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi tar-rapportar u għat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn CCP kif stabbilit f’dan ir-Regolament. Dawn il-pensjonijiet madankollu m'għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati għall-pensjonati.

(16)

Fejn xieraq, ir-regoli appliklabbli għall-kontropartijiet finanzjarji għandhom japplikaw ukoll għall-kontropartijiet mhux finanzjarji. Huwa rikonoxxut li l-kontropartijiet mhux finanzjarji jużaw il-kuntratti OTC sabiex ikopru lilhom infushom kontra r-riskji kummerċjali direttament marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Konsegwentement, fid-determinazzjoni ta’ jekk kontraparti mhux finanzjarja għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi tal-ikklerjar, il-kunsiderazzjoni għandha tingħata għall-fini li għaliha l-kontraparti mhux finanzjarja tuża derivati OTC u għad-daqs tal-iskoperturi li jkollha f’dawk l-istrumenti. Il-kontropartijiet mhux finanzjarji għandhom jispjegaw l-użu tad-derivati permezz tar-rapport annwali tagħhom jew mezz ieħor xieraq. Meta tistabilixxi livell minimu għall-obbligu tal-ikklerjar, l-AETS għandha tikkonsulta l-awtoritajiet rilevanti kollha, bħal pereżempju r-regolaturi responsabbli għas-swieq tal-komoditajiet, u l-kontropartijiet mhux finanzjarji, sabiex jiġi żgurat li jitqiesu bis-sħiħ il-partikolaritajiet ta’ dawn is-setturi. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Diċembru 2013. il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-importanza sistemika tat-tranżazzjonijiet tad-ditti mhux finanzjarji fid-derivati OTC f’setturi differenti, inkluż fis-settur tal-enerġija. Jekk sett komparabbli ta’ regoli tal-UE mfassla għas-setturi individwali jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha immedjatament tikkunsidra jekk is-settur għandux jitneħħa mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament u għandhomx jitressqu proposti leġiżlattivi xierqa.

(16a)

Il-limitu minimu għall-ikklerjar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji hu ċifra importanti ħafna għall-parteċipanti fis-suq. Kemm il-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi għandhom jiġu vvalutati u mogħtija peżatura xierqa meta jiġi stabbilit il-limitu minimu għall-ikklerjar. F'dan ir-rigward għandhom isiru l-isforzi xierqa biex il-kuntratti OTC jiġu standardizzati sa punt konsiderevoli u biex tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-mitigazzjoni tar-riskji għall-kontropartijiet mhux finanzjarji fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali normali tagħhom. L-introduzzjoni ta’ limiti minimi abbażi tar-relevanza tal-impriża għas-suq kollu kemm hu jew għal settur tas-suq OTC tista' tiġi ssupplimentata mill-użu tal-proporzjonijiet tar-riskji operattivi.

(16b)

Bl-intenzjoni li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jiġu eżentati mill-obbligu ta’ kklerjar, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll limiti minimi għall-ikklerjar tal-OTCs li jkunu speċifiċi għas-settur, abbażi tal-volum totali ta’ kuntratti konklużi minn impriża. Barra minn hekk, l-AETS għandha teżamina jekk tistax tiġi introdotta regola de minimis għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fir-rigward tal-obbligu ta’ rappurtar.

(16c)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-użu meħtieġ u xieraq tad-derivati OTC minn kontropartijiet mhux finanzjarji biex jiħħeġġjaw ir-riskji tas-suq li jirriżultaw minn operazzjonijiet kummerċjali ma jiddgħajjifx, fir-rigward tal-ipprezzar jew id-disponibilità, minn proposti leġiżlattivi futuri.

(17)

Kuntratt li persuna tidħol fih permezz ta’ fond, kemm jekk immaniġjat minn maniġer ta’ fond jew le, għandu jitqies fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Il-banek ċentrali u korpi nazzjonali oħra li jwettqu funzjonijiet simili, korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-immaniġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih, u banek multilaterali tal-iżvilupp elenkati fit-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 2006/48/KE , il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali u wħud mill-entitajiet tas-settur pubbliku definiti fl-Artikolu 4(18) tad-Direttiva 2006/48/KE għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi evitat il-limitazzjoni tas-setgħat tagħhom li jintervjenu biex jistabilizzaw is-suq, jekk u meta jkun meħtieġ. Għandha tiġi kkunsidrata minn qabel il-kwistjoni jekk ikunx wirja ta’ responsabilità l-għoti ta’ deroga mill-ikklerjar għall-entitajiet tas-settur pubbliku fit-tifsira tal-Artikolu 4(18) tad-Direttiva 2006/48/KE li l-gvernijiet ċentrali huma sidhom u li huma koperti minn arranġament ta’ garanzija espliċità li jkun daħal fih dak il-gvern ċentrali li jkun ekwivalent għal assunzjoni ta’ responsabilità.

(19)

Billi mhux il-parteċipanti kollha fis-suq li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar ikunu kapaċi jsiru membri tal-ikklerjar tas-CCP ( jew klijenti ta’ membri tal-ikklerjar ), huma għandu jkollhom il-possibilità ta’ aċċess għas-CCPs bħala klijenti jew permezz ta’ ditti ta’ investiment jew istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma klijenti huma stess .

(20)

L-introduzzjoni ta’ obbligu tal-ikklerjar flimkien ma’ proċess li jistabilixxi liema CCPs jistgħu jintużaw għall-fini ta’ dan l-obbligu tista’ twassal għal distorsjonijiet bla ħsieb għall-kompetizzjoni fis-suq tad-derivati OTC. Pereżempju, CCP tista’ tirrifjuta li tikklerja tranżazzjonijiet eżegwiti f’ċerti postijiet tan-negozjar għaliex is-CCP tkun proprjetà ta’ post tan-negozjar kompetitur. Biex jiġu evitati prattiki diskriminatorji bħal dawn, is-CCPs għandhom jaċċettaw li jikklerjaw it-tranżazzjonijiet imwettqa f’postijiet differenti, safejn dawn tal-aħħar jikkonformaw mar-rekwiżiti operazzjonali u tekniċi stabiliti mis-CCP , mingħajr referenza għad-dokumenti kuntrattwali li abbażi tagħhom il-partijiet ikunu kkonkludew it-tranżazzjoni tad-derivati OTC relevanti, sakemm id-dokumenti jkunu konsistenti mal-istandards tas-suq. Ġeneralment, il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tas-suq tad-derivati OTC u għandha, fejn neċessarju, tintervjeni sabiex tipprevjeni li tali distorsjonijiet għall-kompetizzjoni jokkorru fis-Suq Intern.

(21)

Sabiex jiġu identifikati l-klassijiet rilevanti ta’ derivati OTC li għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, il-limiti minimi u l-kontropartijiet mhux finanzjarji rilevanti sistemikament, jeħtieġ dejta affidabbli. Għalhekk, għall-finijiet regolatorji, huwa importanti li jiġi stabilit rekwiżit tar-rapportar uniformi tad-dejta dwar id-derivati OTC fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, obbligu ta’ rapportar retrospettiv hu meħtieġ bl-aktar mod estensiv possibbli, kemm għall-kontropartijiet finanzjarji u kemm għal dawk mhux finanzjarji li jaqbżu l-limitu minimu, sabiex l-AETS tiġi pprovduta b’dejta komparattiva. Jekk tali rapportar retrospettiv ma jkunx vijabbli għal kwalunkwe klassi tad-derivati OTC, għandha tingħata ġustifikazzjoni xierqa lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet rispettiv.

(22)

Huwa importanti li l-parteċipanti fis-suq jirrapportaw lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet id-dettalji kollha dwar il-kuntratti tad-derivati OTC li jidħlu fihom. Konsegwentement, l-informazzjoni dwar ir-riskji inerenti fis-swieq tad-derivati OTC ser tkun ċentralment maħżuna u faċilment aċċessibbli mill-AETS, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti u l-banek ċentrali rilevanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-Kummissjoni u l-AETS għandhom jikkunsidraw l-estensjoni tal-applikabilità tal-obbligu tar-rapportar biex jinkludi d-derivati integrati.

(22a)

L-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif iddefinit fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE jew arranġamenti li joffru livell simili ta’ mitigazzjoni tar-riskji u rikonoxxuti taħt il-liġi nazzjonali għall-iskop tal-provvista ta’ rtirar bl-użu ta’ kuntratti derivati li jistgħu jitkejlu b'mod oġġettiv li qed inaqqsu r-riskji direttament relatati mas-solvenza tal-istituzzjoni li topera skema tal-pensjonijiet għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet għall-kollateralizzazzjoni bilaterali kif stipulati f'dan ir-Regolament li għandu jiġi rieżaminat fl-2014.

(23)

Sabiex tkun possibbli li tinkiseb idea komprensiva dwar is-suq u li jiġi vvalutat ir-riskju sistemiku , għandhom jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kemm il-kuntratti klerjati kif ukoll dawk mhux klerjati.

(23a)

L-AETS, l-AEAPX u l-ABE għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi adegwati sabiex iwettqu b’mod effikaċi l-kompiti li jiġu assenjati lilhom b’dan ir-Regolament.

(24)

L-obbligu li jiġu rrappurtati kwalunkwe emenda jew terminazzjoni tal-kuntratt, għandu japplika għall-kontropartijiet oriġinali f’dak il-kuntratt u għal kwalunkwe entità oħra li tirrapporta f’isem il-kontropartijiet oriġinali. Kontraparti jew l-impjegati tagħha li tirrapporta d-dettalji sħaħ ta’ kuntratt lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’isem kontraparti oħra, skont dan ir-Regolament, ma għandhiex tikser xi restrizzjoni tal-iżvelar.

(25)

Għandu jkun hemm sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward tal-obbligi tal-ikklerjar u r-rapportar. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw dawk is-sanzjonijiet b’mod li ma jnaqqasx l-effikaċja ta’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet imposti jiġu żvelati pubblikament u li rapporti ta’ valutazzjoni dwar l-effikaċja tar-regoli eżistenti jiġu pubblikati f'intervalli regolari.

(26)

L-awtorizzazzjoni ta’ CCP għandha tkun soġġetta għal ammont minimu ta’ kapital inizjali. Kapital, flimkien mal-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CCP, għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs u l-attività tas-CCP f’kull ħin sabiex jiżguraw li din tkun kapitalizzata adegwatement kontra riskji operazzjonali jew residwi u li tkun kapaċi li twettaq stralċ ordinat jew ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħha jekk dan ikun meħtieġ.

(27)

Peress li dan ir-Regolament jintroduċi obbligu legali għall-ikklerjar permezz ta’ CCPs speċifiċi għal skopijiet regolatorji, hu essenzjali li jiġi żgurat li dawk is-CCPs ikunu siguri u sodi u jikkonformaw f’kull waqt mar-rekwiżiti organizzazzjonali, tal-kondotta tal-operazzjonijiet u prudenzjali stretti stabiliti b’dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament, dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għall-ikklerjar tal-istrumenti finanzjarji kollha li jittrattaw is-CCPs.

(27a)

L-awtorità kompetenti rilevanti stess għandha tara li CCP tħalli biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli (li għandhom jinkludu kontribut minimu ta’ fondi proprji tas-CCP), f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-AETS.

(28)

Għalhekk hu neċessarju, għal finijiet regolatorji u ta’ armonizzazzjoni, li jiġi żgurat li l-kontropartijiet finanzjarji jużaw biss CCPs li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(29)

Regoli diretti dwar l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs huma korollarju essenzjali għall-obbligu tal-ikklerjar tad-derivati OTC. Huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jżommu r-responsabilità għall-aspetti kollha tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs, inkluż ir-responsabilità għall-verifika li s-CCP applikanta tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u mad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli [il-finalità tas-saldu fis-sistemi tas-saldu b’pagament u titoli] (17), fid-dawl tal-fatt li dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jibqgħu fl-aqwa pożizzjoni biex jeżaminaw kif joperaw is-CCPs fuq bażi ta’ kuljum, biex iwettqu eżamijiet regolari mill-ġdid u jieħdu l-azzjoni xierqa, fejn ikun meħtieġ.

(30)

Meta CCP tissogra insolvenza, ir-responsabilità fiskali tista’ tkun predominanti tal-Istat Membru fejn hi stabbilita. Għaldaqstant l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ dik is-CCP għandha l-ewwel tiġi eżerċitata mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, billi l-membri tal-ikklerjar tas-CCP jistgħu jkunu stabiliti fi Stati Membri differenti u se jkunu l-ewwel li jiġu milquta mill-inadempjenza tas-CCP, huwa imperattiv li l-AETS għandha tkun involuta fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni. Dan għandu jevita miżuri jew prattiki nazzjonali diverġenti u ostakli fis-suq intern. L-AETS għandha tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fl-Istati Membri kkonċernati bil-ħidma tat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet.

(31)

Hu meħtieġ li jiġu rinfurzati d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u t-tisħiħ tal-obbligi tal-assistenza u l-kooperazzjoni bejniethom. ▐ Għall-iskambju tal-informazzjoni, jeħtieġ segretezza professjonali stretta. Huwa essenzjali, minħabba l-impatt wiesa’ tal-kuntratti tad-derivati OTC, li awtoritajiet regolatorji oħra ▐ jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja biex jaqdu dmirijiethom.

(31a)

Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jipprova jillimita, jew jimpedixxi CCP f’ġuriżdizzjoni waħda milli tikklerja prodott denominat fil-munita ta’ Stat Membru ieħor tal-UE jew fil-munita ta’ pajjiż terz, jew jeħtieġ li CCP ikollha linċenzja bankarja sabiex ikollha aċċess għal likwidità ta’ kuljum tal-bank ċentrali.

(32)

Fid-dawl tan-natura globali tas-swieq finanzjarji, hemm bżonn ta’ ftehimiet mas - CCPs stabiliti f’pajjiżi terzi dwar il-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni ▐. It-tali ftehimiet għandhom ikopru l-awtorizzazzjoni mill-AETS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP ikkonċernat jkun bi ħsiebu jipprovdi servizzi ta’ kklerjar ta’ awtorizzazzjoni ta’ CCP stabbilit f'pajjiż terz jew l-għoti mill-Kummissjoni ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, sakemm il-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet il-qafas legali u superviżorju ta’ dak il-pajjiż terz bħala ekwivalenti għall-qafas tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet relevanti jkunu ssodisfati. F’dan il-kuntest, ftehimiet mas-sħab internazzjonali ewlenin tal-Unjoni ser ikunu ta’ importanza partikoari sabiex jiġi żgurat kuntest ekwu globali u tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja.

(32a)

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Unjoni tippromwovi l-interess u l-valuri tagħha b'mod aktar assertiv u fi spirtu ta’ reċiproċità u benefiċċju reċiproku fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tieħu passi biex, fost oħrajn, tiżgura aċċess akbar għas-suq għal negozji Ewropej u tapprofondixxi l-kooperazzjoni regolatorja mas-sħab kummerċjali prinċipali.

(33)

CCP għandu jkollha arranġamenti ta’ governanza robusti, diriġenza għolja ta’ reputazzjoni tajba u membri indipendenti fuq il-bord tagħha, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tagħha. Mill-inqas terz, u mhux inqas minn żewġ membri tal-bord għandhom ikunu membri indipendenti. Dawn il-membri indipendenti ma jistgħux jaġixxu bħala membri indipendenti f’aktar minn CCP waħda oħra. Ir-remunerazzjoni tagħhom m’għandha tkun marbuta bl-ebda mod mal-prestazzjoni tas-CCP. Madankollu, l-arranġamenti differenti ta’ governanza u l-istrutturi tas-sjieda ta’ CCP jistgħu jinfluwenzaw ir-rieda jew l-abilità tas-CCP għall-ikklerjar ta’ ċertu prodotti. Għalhekk huwa xieraq li l-membri indipendenti tal-bord u l-kumitat tar-riskju li jrid jiġi stabbilit mis-CCP, jindirizzaw kwalunkwe konflitt ta’ interess potenzjali li tista’ taffaċċa CCP. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti jeħtieġu jkunu rappreżentati b’mod xieraq għax id-deċiżjonijiet meħuda mis-CCP jistgħu jolqtuhom.

(34)

CCP tista’ testernalizza funzjonijiet apparti l-funzjonijiet tagħha tal-immaniġjar tar-riskju, imma fejn dawk il-funzjonijiet esternalizzati ma jħallux impatt fuq l-operat xierqa tas-CCP u l-abilità tagħha li timmaniġja r-riskji. L-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet għandha tiġi approvata mill-kumitat tar-riskju tas-CCP.

(35)

Ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni għal CCP għandhom għalhekk ikunu trasparenti, proporzjonati, u mhux diskriminatorji u għandhom jippermettu l-aċċess mill-bogħod safejn dan ma jesponix lis-CCP għal riskji addizzjonali.

(36)

Il-klijenti tal-membri tal-ikklerjar li jikklerjaw id-derivati OTC tagħhom mas-CCPs għandhom jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni. Il-livell effettiv ta’ protezzjoni jiddependi mil-livell ta’ segregazzjoni li jagħżlu dawk il-klijenti. L-intermedjarji għandhom jissegregaw l-assi tagħhom minn dawk tal-klijenti tagħhom. Għalhekk, is-CCPs għandhom iżommu r-rekords aġġornati u faċilment identifikabbli. Barra minn hekk, il-kontijiet tal-membri inadempjenti għandhom ikunu trasferibbli għall-membri l-oħra.

(36a)

Kwalunkwe nuqqas ta’ ċertezza legali fejn jidħlu l-effikaċità u l-infurzabilità tar-regoli u l-proċeduri ta’ CCP fir-rigward tas-segregazzjoni tal-assi u l-obbligi tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom kif ukoll tat-trasferiment ta’ pożizzjonijiet bħala reazzjoni għal avvenimenti predefiniti ddgħajjef l-istabilità tas-CCPs. L-avvenimenti li n-natura tagħhom hi tali li tqanqal trasferiment ta’ pożizzjonijiet għandhom ikunu speċifikati minn qabel sabiex jiġi ssalvagwardjat l-ambitu tal-protezzjoni pprovduta.

(37)

CCP għandu jkollha qafas għall-immaniġjar tar-riskji sod biex jiġu mmaniġjati r-riskji tal-kreditu, riskji tal-likwidità, riskji operazzjonali u riskji oħra, inklużi r-riskji li jkollhom għal entitajiet oħra b’konsegwenza tal-interdipendenzi. CCP għandu jkollha proċeduri u mekkaniżmi adegwati fis-seħħ biex tittratta l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ kontaġju ta’ tali inadempjenza, is-CCP għandu jkollha fis-seħħ rekwiżiti stretti ta’ parteċipazzjoni, tiġbor marġini inizjali xierqa, iżżomm fond tal-inadempjenza u riżorsi oħra finanzjarji biex tkopri telfiet potenzjali. L-iżvilupp tal-immaniġġjar tar-riskju robust ħafna għandu jibqa’ l-objettiv primarju ta’ CCP. Madankollu, hija tista’ tadatta l-karatteristiċi tagħha għall-attivitajiet speċifiċi u għall-profili tar-riskju tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar, u fejn jitqies xieraq, tista’ tinkludi fl-ambitu tal-assi likwidi ħafna aċċettati bħala kollateral, mill-inqas flus likwidi u bonds tal-gvern soġġetti għal tnaqqisiet imposti (haircuts) adegwati.

(37a)

L-istrateġiji ta’ ġestjoni ta’ dìfolt tas-CCP jridu jkunu sodi, u mhux jittrasferixxu r-riskju lil min iħallas it-taxxi.

(37b)

Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja identifika s-CCPs bħala istituzzjonijiet sistemikament importanti. M’hemm l-ebda prattika komuni internazzjonali jew fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li skonthom is-CCPs jista’ jkollhom aċċess għall-faċilitajiet tal-likwidità tal-bank ċentrali jew li skonthom ikunu jeħtieġu jiġu liċenzjati bħala istituzzjonijiet tal-kreditu. L-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar meħtieġ minn dan ir-Regolament tista’ żżid l-importanza sistemika tas-CCPs u l-ħtieġa għal likwidità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tqis ir-riżultati ta’ kwalunkwe ħidma li attwalment għaddejja bejn il-banek ċentrali, tivvaluta, flimkien mas-SEBĊ, il-ħtieġa possibbli għal miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tas-CCPs għal faċilitajiet tal-likwidità tal-bank ċentrali f’munita waħda jew aktar u tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(38)

L-appelli għall-manutenzjoni tal-marġini u t-telf impost fuq il-kollateral jista’ jkollhom effetti proċikliċi. Is-CCPs , l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom għaldaqstant jadottaw miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-effetti proċikliċi possibbli fi prattiki tal-immaniġjar tar-riskji adottati mis-CCPs, sa kemm is-sodezza tas-CCP u s-sigurtà finanzjarja ma tiġix affetwata b’mod negattiv.

(39)

L-immaniġġjar tal-iskoperturi huwa parti essenzjali tal-proċess tal-ikklerjar. Għandu jingħata l-aċċess għas-sorsi tal-ipprezzar rilevanti u l-użu tagħhom biex jitfornew servizzi tal-ikklerjar inġenerali. Dawn is-sorsi tal-ipprezzar għandhom jinkludu dawk relatati mal-indiċijiet li jintużaw bħala referenzi għal derivati jew strumenti finanzjarji oħra.

(40)

Il-marġini huma l-ewwel linja ta’ difiża għal CCP. Għalkemm is-CCPs għandhom jinvestu l-marġini li jirċievu b’mod sikur u prudenti, għandhom jagħmlu sforzi partikolari sabiex jiżguraw protezzjoni adegwata tal-marġini sabiex jiggarantixxu li dawn jiġu rritornati fil-ħin lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti jew lil CCP interoperabbli meta s-CCP li tiġbor dawn il-marġini tkun inadempjenti.

(40a)

Huwa essenzjali għal CCP li jkollha aċċess għal riżorsi adatti ta’ likwidita. Hu possibbli li tali likwidità tirriżulta minn aċċess għal likwidità ta’ bank ċentrali jew għal-likwidità ta’ bank kummerċjali ta’ sodezza kreditizja u affidabilità, jew taħlita tat-tnejn.

(41)

Il-‘European Code of Conduct for Clearing and Settlement’ (Kodiċi tal-Kondotta Ewropea għall-Ikklerjar u s-Saldu) tas-7 ta’ Novembru 2006 (18) stabilixxa qafas volontarju għat-twaqqif ta’ konnessjonijiet bejn is-CCPs u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, is-settur ta’ wara n-negozjar jibqa' frammentat skont il-linji nazzjonali, u jwassal għal kost ogħla għan-negozji transfruntieri u t-tfixkil tal-armonizzjoni. Għaldaqstat hu neċessarju li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ arranġamenti interoperabbli bejn is-CCPs safejn dawn ma jesponux lis-CCPs rilevanti għal riskji li ma jkunux immaniġjati kif xieraq.

(42)

L-arranġamenti tal-interoperabilità jistgħu, b'mod ġenerali jkunu għodod importanti għal integrazzjoni akbar għas-suq ta’ wara n-negozjar fl-Unjoni u għandha tiġi pprovduta regolamentazzjoni. Madankollu, l-arranġamenti tal-interoperabilità tista’ tesponi lis-CCPs għal riskji addizzjonali. Fid-dawl tal-komplessità addizzjonali involuta fl-arranġamenti tal-interoperabilità bejn is-CCPs li jikklerjaw il-kuntratti tad-derivati OTC, huwa xieraq li f’dan l-istadju jintalab perjodu ta’ konċessjoni ta’ 5 snin bejn meta tingħata l-awtorizzazzjoni tal-ikklerjar għad-derivati u meta wieħed ikun eleġibbli li japplika għall-awtorizzazzjoni għall-interoperabilità kif ukoll biex jiġi ristrett l-ambitu tal-arranġamenti tal-interoperabilità sussegwenti għat-titoli ta’ flus. Madankollu, sat-30 ta’ Settembru 2014, l-AETS għandha tissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar jekk u meta ma jkunx xieraq it-twessigħ ta’ dak l-ambitu biex jinkludi strumenti finanzjarji oħra.

(43)

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġbru d-dejta għal skopijiet regolatorji li tkun rilevanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha. L-AETS għandha tassumi r-responsabilità għar-reġistrazzjoni, l-irtirar u s-sorveljanza tar-repożitorji tan-negozjar.

(44)

Peress li r-regolaturi, is-CCPs u parteċipanti oħra fis-suq joqogħdu fuq id-dejta miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi żgurat li dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti taż-żamma tar-rekords u tal-immaniġjar tad-dejta.

(45)

It-trasparenza tal-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi pprovduti mis-CCPs , il-membri tagħhom u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet hi meħtieġa sabiex tippermetti li l-parteċipanti fis-suq jagħmlu għażla infurmata.

(45a)

Hemm oqsma fis-servizzi finanzjarji u fin-negozjar tal-kuntratti tad-derivati fejn jistgħu jeżistu wkoll drittijiet kummerċjali u dawk tal-proprjetà intelletwali. F’każijiet fejn dawn huma marbuta ma’ prodotti u servizzi li jkunu saru standards tal-industrija, jew li jħallu impatt fuqhom, għandu jkun hemm rekwiżit li l-liċenzji jkunu disponibbli abbażi tat-termini proporzjonati FRAND (termini ġusti, raġjonevoli u li ma jiddiskriminawx).

(46)

L-AETS għandha tkun kapaċi tipproponi lill-Kummissjoni biex timponi pagamenti ta’ sanzjonijiet perjodiċi. Dawk il-pagamenti ta’ sanzjonijiet perjodiċi għandhom iservu biex ksur stabilit mill-AETS jitwaqqaf, biex tingħata l-informazzjoni komplutat u korretta li tintalab mill-AETS u biex ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, is-CCPs, il-membri tagħhom u persuni oħra joqgħodu għal investigazzjoni. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ deterrent u biex ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, is-CCPs u l-membri tagħhom jiġġiegħlu jikkonformaw mar-Regolament, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun kapaċi timponi multi, fuq talba tal-AETS, fejn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament ikunu nkisru intenzjonalment jew negliġentement. Il-multa għandha tkunu dissważiva u proporzjonali għan-natura u s-serjetà tal-ksur, id-durata tal-ksur u l-kapaċità ekonomika tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, tas-CCP jew tal-membru konċernati.

(47)

Sabiex tistħarreġ effikaċement ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, is-CCPs u l-membri tagħhom , l-AETS għandu jkollha d-dritt tikkonduċi investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post.

(48)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-AETS għandhom jipproteġu d-dritt tal-privatezza tal-persuni fiżiċi meta jipproċessaw id-dejta personali skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (19).

(49)

Huwa importanti li tiġi żgurata konverġenza internazzjonali tar-rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Dan ir-Regolament isegwi r-rakkomandazzjonijiet żviluppati mis-CPSS-IOSCO u SEBĊ-KRTE u joħloq qafas tal-Unjoni li fih is-CCPs ikunu jistgħu joperaw b’mod sikur. L-AETS għandha tqis dawn l-iżviluppi meta tfassal l-istandards tekniċi regolatorji kif ukoll il-linji gwidi u r-rakkomandazzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

(50)

Is-setgħa biex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u s-setgħa biex tilqa’ l-istandards tekniċi regolatorji bi qbil mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru. 1095/2010 għandhom ikunu delegati lill-Kummissjoni, fir-rigward tad-dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika lill-AETS u fir-reġistru, u l-kriterji għad-deċiżjoni tal-AETS dwar l-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar, dwar il-livell limitu tal-informazzjoni u l-ikklerjar, dwar id-durata massima ta’ kuntratt, dwar il-likwidità, dwar il-kontenut minimu tar-regoli ta’ governanza, dwar id-dettalji taż-żamma tar-rekords, dwar il-kontenut minimu tal-pjan tal-kontinwità tal-operat u s-servizzi garantiti, dwar il-perċentwali u l-firxa ta’ żmien għar-rekwiżiti tal-marġini, dwar il-kundizzjonijiet estremi tas-suq, dwar il-kollateral likwidu ħafna u t-tnaqqisiet imposti (haircuts), dwar l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna u l-limiti ta’ konċentrazzjoni, dwar id-dettalji tal-prestazzjoni tat-testijiet, dwar id-dettalji dwar l-applikazzjoni ta’ repożitorju tan-negozju għar-reġistrazzjoni tal-AETS, dwar il-multi u dwar id-dettalji dwar l-informazzjoni li repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli, kif imsemmi f’dan ir-Regolament. Meta tiddefenixxi l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tuża l-kompetenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti (AETS, ABE, AEAPX). Fid-dawl tal-kompetenza tal-AETS rigward kwistjonijiet dwar titoli u s-swieq tat-titoli, l-AETS għandu jkollha rwol ċentrali fl-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija tal-atti delegati. Madankollu, fejn ikun xieraq l-AETS għandha tikkonsulta mal-ABE u l-AEAPX. [emenda 16]

(50a)

Bħala parti mit-tħejjija għat-twaqqif ta’ linji gwidi tekniċi u standards tekniċi regolatorji, u b'mod partikulari meta jkun qed jiġi stabbilit il-limitu minimu għall-ikklerjar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji taħt dan ir-Regolament, l-AETS għandha torganizza seduti ta’ smigħ pubbliċi tal-parteċipanti fis-suq.

(51)

Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat implimentattivi għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (20). [emenda 17]

(52)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stipulati rekwiżiti uniformi għall-kuntratti tad-derivati OTC u wkoll li jiġu stipulati rekwiżiti uniformi għat-twettiq tal-attivitajiet tas-CCPs u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħaba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stiplat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(53)

Fid-dawl tar-regoli rigward is-sistemi interoperabbli, tqies xieraq li tiġi emendata id-Direttiva 98/26/KE biex tipproteġi d-drittijiet ta’ operatur tas-sistema li jipprovdi titolu kollateral lil operatur tas-sistema riċeventi fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra dak l-operatur tas-sistema riċeventi.

(53a)

Sabiex tiġi żgurata leġiżlazzjoni koerenti u effikaċi u minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn in-negozjar u l-fażi ta’ wara n-negozjar, dan ir-Regolament għandu jiġi allinjat mad-Direttiva 2004/39/KE, li se tidentifika r-rekwiżiti għall-post ta’ negozjar xieraq li għandhom jiġu imposti fuq il-postijiet li fuqhom jiġu eżegwiti d-derivati kif definit f'EMIR. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu t-trasparenza, l-aċċess, it-twettiq tal-ordnijiet, is-sorveljanza, ir-robustezza, u s-sigurtà tas-sistema kif ukoll rekwiżiti neċessarji oħra.

(53b)

Il-bejgħ ta’ prodotti derivati kumplessi lil awtoritajiet pubbliċi lokali jitlob attenzjoni partikolari. Il-Kummissjoni għandha tinkludi proposti speċifiċi fir-rieżami li jmiss tad-Direttiva 2004/39/KE biex tindirizza dan it-tħassib. Dawn il-proposti għandhom jinkludu rekwiżiti speċifiċi ta’ diliġenza dovuta, informazzjoni u żvelar.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Titolu I

Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabilixxi rekwiżiti uniformi għall-kuntratti tad-derivati , dispożizzjonijiet speċifiċi għat-titjib tat-trasparenza u l-ġestjoni tar-riskji tas-suq tad-derivati OTC, kif ukoll rekwiżiti uniformi għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorja li jistipulaw linji gwida għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tal-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi għal dawn l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 18]

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-CCPs u l-membri tal-ikklerjar tagħhom, il kontropartijiet finanzjarji u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Għandu japplika għal kontropartijiet mhux finanzjarji fejn ikun hekk previst.

3.   It-Titolu V għandu japplika biss għal titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, kif iddefinit fil-punt 18(a) u (b) u l-punt 19 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.

4.    L-obbligi tal-ikklerjar ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx japplikaw:

(a)

għall-membri tal-SEBĊ u l-korpi nazzjonali oħra li jwettqu funzjonijiet simili u korpi publiċi oħra li huma impenjati fi jew jintervjenu fl-amministrazzjoni tad-dejn publiku;

(b)

għall-banek ta’ żvilupp multilaterali, kif imniżżla taħt it-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI għad-Direttiva 2006/48/KE.

(ba)

il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.

4a.     Derogi ulterjuri minn dan ir-Regolament għandhom jirrikjedu l-adozzjoni ta’ regolament speċifiku tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill imfassal abbażi tal-istandards internazzjonali u r-regoli settorjali ekwivalenti tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘kontraparti ċentrali’ jew ‘CCP’ tfisser entità li tintervjeni b’mod legali bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati fi ħdan suq finanzjarju wieħed jew iżjed, u ssir ix-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej u li tkun responsabbli għall-operat ta’ sistema tal-ikklerjar;

(2)

‘repożitorju tat-tranżazzjonijiet’ tfisser entità li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tad-derivati;

(3)

‘ikklerjar’ tfisser il-proċess li permezz tiegħu parti terza tqiegħed lilha nnifisha, direttament jew indirettament, bejn il-kontropartijiet tat- tranżazzjoni bil-għan li tassumi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ;

(4)

‘klassi ta’ derivati’ tfisser sottogrupp ta’ derivati li jikkondividu karatteristiċi komuni u essenzjali li jinkludu mill-inqas ir-relazzjoni mal-assi sottastanti, it-tip tal-assi sottostanti, il-profil tal-ħlas lura u l-munita tal-valur nozzjonali; Jista’ jkun li derivati tal-istess klassi jkollhom maturitajiet differenti;

(5)

‘derivati OTC’ tfisser kuntratti derivati li l-eżkuzzjoni tagħhom ma sseħħx fuq suq regolat jew fuq suq ta’ pajjiż terz meqjus bħala ekwivalenti għal suq regolat jew kull post ieħor għan-negozjar organizzat stabbilit mid - Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat (21) li jikklerja l-kuntratti ta’ dan it-tip permezz ta’ CCP ;

(5a)

‘suq regolat’ tfisser sistema multilaterali kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(5b)

‘faċilità multilaterali tan-negozjar’ jew ‘MTF’ tfisser sistema multilaterali kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(6)

‘kontraparti finanzjarja’ tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni li tkun ditta tal-investiment awtorizzata kif stabbilita fid-Direttiva 2004/39/KE, istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata kif iddefinita fid-Direttiva 2006/48/KE, impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata kif iddefinita fid-Direttiva 73/239/KEE, impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata kif iddefinita fid-Direttiva 2002/83/KE, impriża ta’ riassigurazzjoni awtorizzata kif iddefinita fid-Direttiva 2005/68/KE, UCITS awtorizzata kif iddefinita fid-Direttiva 2009/65/KE, istituzzjoni awtorizzata għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif iddefinita fid-Direttiva 2003/41/KE jew fond tal-investiment alternattiv awtorizzat kif iddefinit fid-Direttiva 2011/61/UE;

(7)

‘kontroparti mhux finanzjarja’ tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni minbarra l-entitajiet imsemmija fil-punti (1) u (6) ;

(7a)

‘skema ta’ pensjoni okkupazzjonali’ tfisser skema ta’ pensjoni stabbilita skont id-Direttiva 2003/41/KE, inklużi l-entitajiet awtorizzati responsabbli għall-ġestjoni tal-IORP u li jaġixxu f'isimhom imsemmijin fl-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva jew il-maniġers ta’ investiment maħtura skont l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva jew kwalunkwe arranġament ieħor rikonoxxut taħt il-liġi nazzjonali bħala skema stabbilta għall-finijiet tal-provvista tal-irtirar;

(8)

‘riskju ta’ kreditu tal-kontraparti’ tfisser ir-riskju li l-kontraparti fi tranżazzjoni tkun inadempjenti qabel is-saldu finali tal-flussi tal-flus tat-transazzjoni;

(9)

‘arranġament tal-interoperabilità’ tfisser arranġament bejn żewġ CCPs jew iżjed li jinvolvu eżekuzzjoni trasversali ta’ tranżazzjonijiet;

(10)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità maħtura minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 18 jew AES waħda jew aktar ; [emenda 5]

(11)

‘membru tal-ikklerjar’ tfisser impriża li tipparteċipa f’CCP u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn dik il-parteċipazzjoni;

(12)

‘klijent’ tfisser impriża b’relazzjoni kuntrattwali diretta jew indiretta ma’ membru tal-ikklerjar ta’ CCP jew ma’ wieħed mill-affiljati tiegħu li jippermetti lil dik l-impriża li tikklerja t-tranżazzjonijiet permezz tal-użu ta’ dak il-membru tal-ikklerjar ta’ dik is-CCP ;

(13)

‘parteċipazzjoni kwalifikata’ tfisser kwalunkwe parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jirrappreżenta 10 % jew iżjed tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabbilit fl-Artikolu 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tagħhom kif stabilit fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tagħmiha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-maniġment tas-CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet li fih teżisti dik il-parteċipazzjoni;

(14)

‘impriża prinċipali’ tfisser impriża prinċipali kif definita fl-Artikoli 1 u 2 tas-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (22);

(15)

‘sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja skont it-tifsir tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE, inkluża kwalunkwe sussidjarja ta’ impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali;

(16)

‘kontroll’ tfisser kontroll kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(17)

‘konnessjonijiet mill-qrib’ tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi huma konnessi permezz ta’:

(a)

parteċipazzjoni li tfisser is-sjieda, diretta jew permezz ta’ kontroll, ta’ 20 % jew iżjed tad-drittijiet tal-vot jew kapital ta’ impriża,

(b)

kontroll li jfisser ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 83/349/KEE, jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u impriża, kwalunkwe impriża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja li tkun meqjusa wkoll bħala sussidjarja tal-impriża prinċipali li tkun il-kap ta’ dawk l-impriżi.

Sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew iżjed ikunu konnessi b’mod permanenti ma’ persuna waħda permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll għandha titqies ukoll li tikkostitwixxi konnessjoni mill-qrib bejn tali persuni.

(18)

‘kapital’ tfisser kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn sakemm dan ikun tħallas totalment, u l-kontijiet tal-primjum tal-ishma relatati, sakemm jassorbi kompletament it-telfiet f’sitwazzjonijiet ta’ negozju avvjat, u sakemm fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni jkun ikklassifikat wara li jitqiesu l-pretensjonijiet l-oħra;

(19)

‘riservi’ tfisser riservi kif stabilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (23) u profitti u telf riportati b’konsegwenza tal-applikazzjoni tal-profitti jew it-telf finali;

(20)

‘il-bord’ tfisser il-bord amministrattiv jew superviżorju, jew it-tnejn li huma, skont id-dritt nazzjonali dwar il-kumpaniji;

(21)

‘membru indipendenti tal-bord’ tfisser membru tal-bord li ma għandu l-ebda negozju preċedenti jew attwali , familja jew l-ebda relazzjoni li tqajjem konflitt ta’ interess mas-CCP, l-azzjonist(i) li għandhom kontroll tagħha jew il-maniġment jew il-membri tal-ikklerjar tagħha jew il-maniġment;

(22)

‘maniġment superjuri’ tfisser il-persuna jew persuni li effettivmant jidderieġu n-negozju tas-CCP u l-membru jew membri eżekuttiv/i tal-bord;

(22a)

‘kontropartijiet tal-ikklerjar f’pajjiżi terzi’ tfisser impriżi stabbiliti f’pajjiżi terzi li huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għall-kontropartijiet finanzjarji jew għall-kontropartijiet mhux finanzjarji li jissemmew fl-Artikolu 7(2); tali ekwivalenza għandha titqies bħala applikabbli meta impriża stabbilita f’pajjiż terz, li kieku tkun stabbilita fi ħdan l-Unjoni, tkun klassifikata bħala kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(22b)

‘segregazzjoni’ tal-inqas għandha tfisser li l-assi u l-pożizzjonijiet ta’ persuna waħda m’għandhomx jintużaw biex jitħallsu l-obbligi ta’ kull persuna oħra jew pretensjonijiet kontra kull persuna oħra li jkun hemm l-intenzjoni li tiġi segregata minnha, u m’għandhomx ikunu disponibbli għal tali skopijiet, speċjalment f’każ ta’ insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar;

(22c)

‘kompressjoni kummerċjali’ tfisser il-proċess tas-sostituzzjoni legali ta’ sett partikolari ta’ kuntratti tad-derivati b’sett differenti ta’ kuntratti kkaratterizzat, mill-perspettiva ta’ kull parteċipant fil-proċess, minn:

(a)

numru iktar baxx ta’ kuntratti u valur nozzjonali aggregat; kif ukoll;

(b)

profil tar-riskju identiku jew simili għas-sett oriġinali tal-kuntratti tad-derivati;

(22d)

‘eżerċizzju kkonċertat’ tfisser eżerċizzju kkonċertat kif iddefinit fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2004/109/KE.

2.     Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-punt (22a) tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f'dettall akbar il-kriterji li għandhom jintużaw fil-klassifikazzjoni tal-impriżi minn pajjiżi terzi bħala kontropartijiet tal-ikklerjar ta’ pajjiżi terzi.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Titolu II

Ikklerjar, rapportar u mitigazzjoni tar-riskju tad-derivati OTC

Artikolu 3

Obbligu tal-ikklerjar

1.   Kontraparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) għandha tikklerja l-kuntratti tad-derivati OTC kollha li huma meqjusa eliġibbli skont l-Artikolu 4 u li huma konklużi ma’ kontropartijiet finanzjarji oħra jew kontroparti mhux finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) fis-CCPs rilevanti elenkati fir-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 4(4).

Dak l-obbligu tal-ikklerjar għandu japplika wkoll għall-kontropartijiet finanzjarji u għall-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-ewwel subparagrafu li jidħlu f’kuntratti tad-derivati eleġibbli ma’ kontropartijiet tal-ikklerjar ta’ pajjiżi terzi .

Il-kuntratti tad-derivati OTC li wieħed ikun daħal fihom qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jibda japplika għal dik il-klassi tad-derivati huma eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar.

Dak l-obbligu tal-ikklerjar għandu japplika għall-kuntratti tad-derivati OTC kollha li, b'segwitu għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-AETS skont l-Artikolu 4(2)(a), jiġu kklassifikati bħala eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar.

(1a)     M’għandu jkun hemm l-ebda obbligu tal-ikklerjar fil-każ tal-kuntratti tad-derivati bejn impriżi sussidjarji tal-istess kumpanija prinċipali jew bejn kumpanija prinċipali u impriża sussidjarja. ‘Kumpanija prinċipali’ u ‘kumpaniji sussidjarji’ għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kumpaniji definiti b'dan il-mod skont ir-regoli rilevanti tal-UE. Din id-deroga m’għandhiex taffettwa l-obbligu tar-rappurtar skont l-Artikolu 6 jew l-obbligi relatati mat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji skont l-Artikolu 8.

L-eżenzjonijiet għandhom japplikaw biss f’każ fejn il-kumpanija prinċipali kkonċernata tkun innotifikat minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita, bil-miktub, li hija biħsiebha tagħmel użu mill-eżenzjoni. In-notifika għandha tingħata mhux inqas minn tletin jum kalendarju qabel ma tintuża l-eżenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-eżenzjoni tintuża biss għal kuntratti tad-derivati li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

kuntratti tad-derivati bejn impriżi sussidjarji tal-istess kumpanija prinċipali jew bejn kumpanija prinċipali u impriża sussidjarja jkunu ġġustifikati għal raġunijiet ekonomiċi

(b)

l-użu tal-eżenzjoni ma jżidx ir-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja

(c)

m’hemm l-ebda restrizzjoni legali għall-flussi kapitali bejn l-impriżi sussidjarji tal-istess kumpanija prinċipali jew bejn il-kumpanija prinċipali u l-impriża sussidjarja.

2.   Għall-finijiet tal-konformità mal-obbligu tal-ikklerjar taħt il-paragrafu 1, il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom isiru jew membri tal-ikklerjar jew għandhom jikklerjaw it-tranżazzjonijiet tagħhom fis-CCP permezz ta’ ditta tal-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/39/KE.

Artikolu 4

Eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar

1.   Meta awtorità kompetenti tkun awtorizzat CCP sabiex tikklerja klassi ta’ derivati skont l-Artikolu 10 jew 11, għandha minnufih tinnotifika lill-AETS b’dik l-awtorizzazzjoni u titlob deċiżjoni dwar l-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 3.

1a.     Meta CCP stabbilita f’pajjiż terz tkun ġiet irrikonoxxuta f'konformità mal-Artikolu 23, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz għandha tinnotifika lill-AETS, skont l-arranġamenti koperattivi msemmija fl-Artikolu 23(4), bil-klassijiet ta’ kuntratti tad-derivati li għalihom dik is-CCP tkun ngħatat id-dritt li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lil membri tal-ikklerjar u/jew lil klijenti stabbiliti fl-Unjoni.

2.   L-AETS, wara li tirċievi n-notifika u t-talba msemmija fil-paragrafu 1, għandha, fi żmien sitt xhur, tindirizza deċiżjoni lill-awtorità kompetenti rikjedenti fejn tiddikjara li ġej:

(a)

jekk dik il-klassi ta’ derivati tkunx eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu3;

(b)

id-data futura minn meta jieħu effett l-obbligu tal-ikklerjar, inkluż l-iskadenza sa meta l-kontropartijiet jewil- kategoriji ta’ kontropartijiet isiru soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar . Din id-data m’għandhiex tkun qabel id-data meta jiġi impost l-obbligu tal-ikklerjar.

(ba)

jekk japplikax l-obbligu tal-ikklerjar fil-każ tat-tranżazzjonijiet ma’ persuni minn pajjiżi terzi u taħt liema kondizzjonijiet.

Qabel ma tieħu deċiżjoni, l-AETS għandha twettaq konsultazzjoni pubblika mal-parteċipanti fis-suq u mal-parteċipanti barra s-suq li għandhom għarfien speċjalizzat jew interess fis-suġġett u għandha tikkuntattja lill-BERS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi. Sommarju ta’ dawn il-konsultazzjonijiet għandu jkun ippubblikat fi żmien xahar filwaqt li informazzjoni addizzjonali dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi kif ukoll dwar konsultazzjonijiet oħrajn għandha tkun disponibbli fuq talba. [emenda 21]

2a.     L-AETS għandha, fuq inizjattiva proprja, f'konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u wara li twettaq konsultazzjoni pubblika u tikkonsulta mal-BERS, u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiżi terzi, tidentifika u tinnotifika lill-Kummissjoni l-klassijiet tal-kuntratti tad-derivati li għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar, iżda li għalihom l-ebda CCP tkun għadha ma rċeviet awtorizzazzjoni.

Wara li tidentifika tali klassi ta’ kuntratti tad-derivati, l-AETS għandha tippubblika sejħa għall-iżvilupp ta’ proposti għall-ikklerjar ta’ dik il-klassi ta’ kuntratti tad-derivati.

3.   L-AETS għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

tnaqqis tar-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja , inklużi l-fallimenti potenzjali ta’ kontropartijiet interkonnessi ħafna li jissodisfaw l-obbligi ta’ ħlas tagħhom u nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-pożizzjonijiet;

(b)

il-likwidità tal-kuntratti;

(c)

id-disponibilità ta’ sorsi ġusti, affidabbli u ġeneralment aċċettati dwar l-ipprezzar .

Meta tkun qed tapplika l-kriterji t'hawn fuq, l-AETS għandha tqis ukoll il-kunsens internazzjonali.

Qabel tieħu deċiżjoni, l-AETS għandha twettaq konsultazzjoni pubblika u, fejn xieraq, tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi.

4.   L-AETS għandha minnufih tippubblika kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 2 f’reġistru. Dan ir-reġistru għandu jkun fih il-klassijiet eliġibbli tad-derivati u s-CCPs awtorizzati li jikklerjawhom. L-AETS għandha regolarment taġġorna dak ir-reġistru.

L-AETS għandha regolarment teżamina d-deċiżjonijiet tagħha u għandha temendahom fejn ikun meħtieġ.

5.   L-AETS għandha, fuq l-inizjattiva proprja tagħha u b’konsultazzjoni mal-BERS, tidentifika u tinnotifika lill-Kummissjoni l-klassi ta’ kuntratti tad-derivati li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru pubbliku tagħha u li jkunu eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar , iżda li għaliha l-ebda CCP tkun għadha ma rċevitx awtorizzazzjoni. Wara li tkun identifikat tali kategorija jew klassi ta’ derivati, l-AETS għandha tippubblika sejħa biex jiġu żviluppati proposti minn CCPs rigward l-ikklerjar tagħhom u tippubblika lista ta’ dawk li għalihom tkun saret it-tali sejħa.

5a.     Klassi ta’ derivati m’għandhiex tibqa’ titqies eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar jekk ma jkunx hemm iżjed CCP awtorizzata jew rikonoxxuta mill-AETS bħala awtorizzata biex tikklerjaha b’konformità ma’ dan ir-Regolament jew jekk l-ebda CCP ma tkun lesta tikklerja dik il-klassi ta’ derivati.

6.    Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3;

(c)

id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 4.

Id-dettalji fil-paragrafu 4 għandhom tal-anqas jidentifikaw b’mod korrett u inekwivoku l-klassi ta’ derivati soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

L-AETS għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta’ istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Qabel tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1, l-AETS għandha twettaq konsultazzjoni pubblika mal-parteċipanti fis-suq. [emenda 20]

Artikolu 4a

Sabiex tippromwovi regolamentazzjoni globali effikaċi u konsistenti tal-kuntratti tad-derivati, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti lill-Kunsill għal mandat xieraq għan-negozjar bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-leġiżlazzjoni ekwivalenti effettiva applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa f'pajjiż terz minn kontropartijiet finanzjarji u mill-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 4b

Reġistru pubbliku

1.     Għal skopijiet tal-obbligu tal-ikklerjar, l-AETS tista’ tistabbilixxi u timmaniġġja reġistru pubbliku. Dan ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku minn fuq il-websajt tal-AETS.

2.     Ir-reġistru għandu jirrifletti mill-inqas:

(a)

il-klassijiet tal-kuntratti tad-derivati li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 3;

(b)

is-CCPs li jistgħu jintużaw għall-iskop tal-obbligu tal-ikklerjar;

(c)

id-dati minn meta jieħu effett l-obbligu tal-ikklerjar, bl-inklużjoni ta’ kwalunkwe implimentazzjoni gradwali;

(d)

il-klassijiet tad-derivati identifikati mill-AETS b’konformità mal-Artikolu 4(5).

3.     Meta awtorità kompetenti, jew l-awtorità kompetenti rilevanti ta’ pajjiż terz, tkun irtirat l-awtorizzazzjoni għall-ikklerjar ta’ ċerta klassi ta’ kuntratti tad-derivati, l-AETS għandha minnufih tneħħi s-CCP li tkun mir-reġistru fir-rigward ta’ dik il-klassi ta’ derivati.

4.     Ir-reġistru għandu jkun aġġornat regolarment mill-AETS.

5.     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi biex tispeċifika d-dettalji li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru pubbliku msemmi fil-paragrafu 1.

L-AETS għandha tippreżenta tali abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-istandards teknici implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 5

Aċċess għal CCP

1.    CCP li tkun ġiet awtorizzata tikklerja kuntratti tad-derivati OTC eliġibbli għandha taċċetta li tikklerja dawn il-kuntratti fuq bażi , trasparenti, ġusta u mhux diskriminatorja, irrispettivament mill-post tal-eżekuzzjoni u abbażi, fejn possibbli, ta’ standards industrijali miftuħa internazzjonali, sal-punt li dan ma jolqotx ħażin il-mitigazzjoni tar-riskji. Sabiex jevitaw prattiki diskriminatorji, is-CCPs għandhom jaċċettaw li jikklerjaw tranżazzjonijiet imwettqa f'postijiet differenti, sal-punt li dawk il-postijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti operattivi, tekniċi u legali stabbiliti mis-CCP jew applikabbli għaliha, kif ukoll ir-rekwiżiti tagħha fir-rigward tal-aċċess u l-ġestjoni tar-riskji, mingħajr referenza għad-dokumenti kuntrattwali li abbażi tagħhom il-partijiet ikunu kkonkludew it-tranżazzjoni tad-derivati OTC rilevanti.

1a.     Is-CCP għandha tipprovdi tweġiba negattiva jew pożittiva ċara lill-post tan-negozjar li jitlob awtorizzazzjoni sabiex jikklerja kuntratt tad-derivati OTC fi żmien tliet xhur minn meta tkun ipproċessat it-talba tiegħu.

Fil-każ li CCP tirrifjuta li tikklerja kuntratt tad-derivati OTC minn post tan-negozjar, il-post jirċievi tweġiba kompletament immotivata u spjegata.

Wara li applikazzjoni tiġi rifjutata, il-posttan-negozjar jista' jagħmel talba ġdida għal aċċess wara minimu ta’ perjodu ta’ stennija ta’ tliet xhur.

F'każ ta’ nuqqas ta’ qbil, l-AETS għandha ssolvi kwalunkwe tilwim bejn l-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

1b.     Għall-iskop tar-rapporti lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew imsemmija fl-Artikolu 68, l-AETS għandha tissorvelja l-aċċess għas-CCPs, u l-effetti fuq il-kompetittività ta’ ċerti prattiki, inkluż l-użu ta’ prattiki ta’ liċenzjar esklużiv.

Artikolu 6

Obbligu ta’ rapportar

1.    Il-kuntratti tad-derivati kollha għandhom jiġu rrapportati lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 51. Il-kontropartijiet għandhom jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt tad-derivat li jkunu daħlu fih u kwalunkwe modifika materjali jew terminazzjoni tal-kuntratt . Id-dettalji għandhom jiġu rrappurtati mhux iżjed tard mill-jum tax-xogħol wara l-konklużjoni, il-modifika, in-novazzjoni jew it-terminazzjoni tal-kuntratt, ħlief fejn previst f'atti adottati skont il-paragrafu 5. Jekk ikun hemm ftehim biex kuntratt jiġi tterminat jew jekk tranżazzjoni tiskadi – minflok ma tiġi tterminata b'mod prematur – dan ma jitqisx bħala modifika. L-informazzjoni rigward it-tranżazzjonijiet tad-derivati għandha tiġi rrappurtata sa mhux aktar tard minn ġurnata ta’ attività kummerċjali waħda wara li tkun twettqet it-tranżazzjoni jew wara modifika sussegwenti . 'Ġurnata ta’ attività kummerċjali' għal dawn l-iskopijiet tfisser ġurnata li tkun ġurnata ta’ attività kummerċjali għaż-żewġ partijiet kontraenti u, fil-każ ta’ kuntratt soġġett għal ikklerjar minn CCP, għas-CCP ikkonċernata. Għandhom iżommu wkoll għal perjodu ta’ ħames snin reġistru bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex isir ir-rappurtar.

Partijiet terzi għandhom ikunu awtorizzati jwettqu r-rappurtar previst fil-paragrafu 1 għall-kontopartijiet oriġinal i, sakemm jiġi żgurat li l-ebda dettall tal-kuntratt ma jiġi rrappurtat darbtejn.

L-obbligi ta’ rrappurtar skont is-subparagrafu 1 għandhom jiġu ssodisfatti mis-CCP meta l-kuntratti tad-derivati suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar jiġu kklerjati. Meta l-kuntratti tad-derivati jkunu soġġetti għal proċess ta’ kompressjoni tat-tranżazzjonijiet, l-obbligi tar-rappurtar skont is-subparagrafu 1 għandhom jiġu ssodisfatti mill-operatur tas-servizz ta’ kompressjoni tat-tranżazzjonijiet.

L-AETS għandha tingħata s-setgħa li teżamina jekk obbligu ta’ rappurtar retrospettiv fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC jistax jiġi introdott jekk l-informazzjoni kkonċernata hix essenzjali għall-awtoritajiet superviżorji. L-AETS għandha tqis il-kriterji li ġejjin meta tkun se tasal għad-deċiżjoni tagħha:

(a)

ir-rekwiżiti tekniċi għat-tressiq ta’ rapport (speċifikament jekk it-tranżazzjonijiet ġewx irrekordjati b'mod elettroniku);

(b)

iż-żminijiet li fadal sal-maturità tat-tranżazzjonijiet pendenti.

Qabel tieħu deċiżjoni, l-AETS għandha twettaq konsultazzjoni pubblika mal-parteċipanti fis-suq.[emenda 14 u 15]

2.    Ir-rappurtar kollu għandu jsir, fejn ikun possibbli, abbażi ta’ istandards industrijali miftuħa internazzjonali.

3.   Kontraparti li tkun soġġetta għall-obbligu tar-rapportar tista’ tiddelega r-rapportar tad-dettalji tal-kuntratt tad-derivati lill-kontraparti l-oħra jew lil terza persuna .

Kontraparti li tirrapporta d-dettalji sħaħ ta’ kuntratt lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’isem kontraparti oħra ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni ta’ żvelar tal-informazzjoni imposta minn dak il-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

L-ebda reponsabilità li tirriżulta minn dak l-iżvelar ma għandha tiġi imposta fuq l-entità relatriċi jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha , jew kwalunkwe persuna li tkun qed taġixxi f'isimha .

4.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, f'koperazzjoni mal-ABE, mal-SEBĊ u mal-BERS, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina d-dettalji u t-tipi ta’ rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-klassijiet , il-gruppi jew il-kategoriji differenti tad-derivati u għal kwalunkwe effett retrospettiv inklużi l-modalitajiet għall-back-loading u r-rappurtar tat-tranżazzjonijiet reġistrati elettronikament għad-derivati kollha, kif ukoll il-kriterji u l-kundizzjonjiet għar-rappurtar retrospettiv tal-kuntratti tad-derivati pendenti li dak li jkun ikun daħal fihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament .

Dawk ir-rapporti għandu jkun fihom mill-inqas:

(a)

il-partijiet għall-kuntratt u, meta jkunu differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnu għandhom ikunu identifkati b’mod xieraq;

(b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt, inklużi t-tip, l-assi sottostanti, il-maturità , l-eżerċizzu, id-data tal-forniment, id-dejta dwar il-prezzijiet u l-valur nozzjonali ▐;

(ba)

għal derivati li ma jikkonformawx ma’ format standard għandu jkun hemm format ta’ spazju riżervat li jrid jimtela li jippermetti lill-awtorità kompetenti tiskopri l-eżistenza ta’ tranżazzjoni ta’ dan it-tip u tieħu kwalunkwe miżura regolatorja meħtieġa'

(bb)

identifikatur kuntrattwali uniku.

L-AETS, f’koordinament mal-ABE, l-AEAPX, u l-BERS, għandha tressaq dawn l-abbozzi ta’ Standards regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Meta l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji jikkonċernaw prodotti tal-enerġija tal-operaturi skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija]  (24)  (25) , l-AETS għandha tikkonsulta mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

4a.     Meta tkun qed tfassal l-istandards tekniċi regolatorji, l-AETS għandha tkun iggwidata, inter alia, mil-lista tad-data rikjesta għar-rappurtar fl-Anness I, Tabella I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE.

5.   Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-AETS, f'koordinament mal-ABE, mal-AEAPX u mal-BERS, għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi sabiex tiddetermina l-format u l-frekwenza tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-klassijiet differenti tad-derivati.

L-AETS għandha tressaq dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi implimentattivi ▐ lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Meta l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji jikkonċernaw prodotti tal-enerġija tal-operaturi skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru …/2011 [dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija] (26), l-AETS għandha tikkonsulta mal-ACER.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7

Kontropartijiet mhux finanzjarji

1.    Kontraparti mhux finanzjarja għandha tkun soġġetta għall-obbligu tar-rapportar stabbilit fl-Artikolu 6(1).

2.   Meta kontroparti mhux finanzjarja tassumi pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivati OTC b'tali mod li l-pożizzjoni medja skorrevoli tul 50 ġurnata teċċedi l-limitu minimu li għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafu 3(b), għandha tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 3 ▐.

L-obbligu tal-ikklerjar għandu jibqa' sakemm il-pożizzjonijiet netti u l-iskoperturi tal-kontraparti mhux finanzjarja fil-kuntratti tad-derivati OTC jaqbżu l-limitu minimu tal-ikklerjar u għandu jispiċċa ladarba dawn il-pożizzjonijiet netti u l-iskoperturi jkunu taħt il-limitu minimu tal-ikklerjar tul perjodu ta’ żmien speċifikat.

L-awtorità kompetenti maħtura f'konformità mal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE għandha tiżgura li l-obbligu skont l-ewwel subparagrafu jiġi sodisfatt.

It-twettiq tal-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fis-subparagrafu 1 għandu jitlesta fi żmien sitt xhur.

2a.     Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-kuntratti tad-derivati OTC li tkun daħlet fihom kontroparti mhux finanzjarja li huma oġġettivament jitkejlu bħala konnessi direttament mal-iħħeġġjar ta’ attività kummerċjali jew ta’ finanzjament tat-teżor ta’ dik il-kontraparti ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

3.    Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara li tikkonsulta mal-ABE u l-BERS u l-awtoritajiet relevanti l-oħra, għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(b)

il-limitu minimu għall-ikklerjar;

(ba)

il-kriterji biex jiġi stabbilit liema kuntratti tad-derivati OTC jistgħu oġġettivament jitkejlu bħala konnessi direttament mal-attività kummerċjali jew ta’ finanzjament tat-teżor;

Waqt l-istabbiliment tal-limitu minimu tal-ikklerjar għandha tiġi kkunsidrata r-rilevanza sistemika tas-somma tal-pożizzjonijiet u l-iskoperturi netti kollha skont kull kontraparti għal kull klassi ta’ derivati.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, mal-BERS u mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra, għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ Standards regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012 .

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Fit-tħejjija tad-determinazzjoni tal-limitu minimu tal-ikklerjar u tal-kriterji biex jiġi stabbilit liema kuntratti tad-derivati OTC jistgħu oġġettivament jitkejlu bħala konnessi direttament mal-attività kummerċjali jew ta’ finanzjament tat-teżor, l-AETS tinvolvi ruħha f'konsultazzjonijiet pubbliċi u tagħti lill-kontropartijiet mhux finanzjarji ċ-ċans li jesprimu l-fehmiet tagħhom;

5.   Il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-ASE u l-awtoritajiet rilevanti l-oħra, għandha perjodikament teżamina l-limiti minimi stabbiliti fil-paragrafu 3 u temendahom, fejn neċessarju.

Artikolu 8

Tekniċi ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn CCP

1.   Il-kontropartijiet finanzjarji jew il-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2), li jidħlu f’kuntratt tad-derivati OTC mhux ikklerjat minn CCP għandhom jiżguraw bid-diliġenza dovuta li jkun hemm proċeduri u arranġamenti prudenzjali fis-seħħ għall-kejl, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali, tas-suq u tal-kreditu, inklużi mill-inqas:

(a)

mezzi elettroniċi adegwati li jiżguraw il-konferma fil-ħin tat-termini tal-kuntratt tad-derivati OTC;

(b)

proċessi standardizzati li huma robusti, reżiljenti u awditjabbli sabiex jiġu rikonċiljati l-portafolji, sabiex jiġi mmaniġjat ir-riskju assoċjat u sabiex jiġu identifikati tilwimiet bejn il-partijiet fi stadju bikri u sabiex jiġu riżolti, u sabiex jiġi mmonitorat il-valur tal-kuntratti pendenti.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-valur tal-kuntratti pendenti għandu jkun ipprezzat skont il-valur fis-suq fuq bażi ta’ kuljum u l-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskji għandhom jirrikjedu l-iskambju f'waqtu, preċiż u segregat b'mod xieraq tal-kollateral jew ta’ kapital ta’ appoġġ proporzjonat mar-riskju, bi qbil mar-rekwiżiti regolatorji tal-kapital applikabbli għall-kontropartijiet finanzjarji.

Il-kontropartijiet finanzjarji kif ukoll il-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom joffru lill-kontropartijiet l-għażla li jissegregaw il-marġni inizjali mill-bidu tal-kuntratt.

L-AETS għandha tissorvelja regolarment l-attività fid-derivati mhux eliġibbli għall-ikklerjar biex tidentifika l-każijiet fejn klassi partikolari ta’ kuntratti tista' tkun ta’ riskju sistemiku. L-AETS, wara konsultazzjoni mal-BERS, għandha tieħu azzjoni biex tipprevjeni l-akkumulazzjoni ulterjuri ta’ kuntratti fi klassi ta’ dan it-tip.

L-awtorità kompetenti u l-AETS għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-arranġamenti prudenzjali jkollhom l-għan li jipprevjenu l-arbitraġġ regolatorju bejn tranżazzjonijiet tad-derivati kklerjati u mhux ikklerjati u jirriflettu t-trasferiment tar-riskji li jirriżulta minn kuntratti tad-derivati.

L-AETS u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevedu l-istandards tal-marġni biex jipprevjenu l-arbitraġġ regolatorju f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37.

1b     Għall-investimenti ta’ skemi ta’ pensjoni skont id-Direttiva 2003/41/KE jew skema fejn il-liġi tal-Istat Membru tirrikonoxxi l-iskema għall-ippjanar tal-irtirar, il-kollateralizzazzjoni bilaterali reżiljenti tad-derivati użati għall-mitigazzjoni tar-riskji għandha tqis l-affidabilità kreditizja tal-kontroparti. Ir-rekwiżiti kapitali fir-regolamentazzjoni prudenzjali għandhom ikunu konformi ma’ dawk tal-kuntratti kklerjati b'mod ċentrali.

2.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-linji gwida għall-proċeduri u l-arranġamenti prudenzjali xierqa u l-istandards tal-marġni msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll id-dewmien massimu bejn il-konklużjoni ta’ kuntratt tad-derivati OTC u l-konferma msemmija fil-paragrafu 1(a).

L-AETS għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

3.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozzi komuni ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-arraġamenti u l-livelli ta’ kollateral u l-kapital rikjest għall-konformità mal-paragrafu 1(b) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

L-ASE għandhom iressqu dawk l-abbozzi komuni ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Skont in-natura legali tal-kontroparti, qed tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 9

Penali

1.   L-Istati Membri – waqt li jqisu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tisħiħ tar-reġimi ta’ sanzjonar fis-settur finanzjarju u wara li jkunu kkonsultaw lill-AETS– għandhom jistabilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tar-regoli skont dan it-Titolu u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet għandhom jinkludu mill-inqas multi amministrattivi. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ kontropartijiet finanzjarji, u fejn xieraq, kontropartijiet mhux finanzjarji jiżvelaw kull sanzjoni li tkun ġiet imposta għal ksur tal-Artikoli 3 sa 8 lill-pubbliku, sakemm din id-divulgazzjoni ma tipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji jew tikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment rapporti ta’ valutazzjoni dwar l-effikaċità tar-regoli dwar is-sanzjonijiet li qegħdin jiġu applikati.

Sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom mingħajr dewmien.

3.   Il-Kummissjoni, bl-assistenza tal-AETS, għandha tivverifika li s-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 u l-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 7 (1) u (2) jiġu applikati b’mod effettiv u konsistenti.

3a.     Ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu m'għandux jolqot il-validità ta’ kuntratt tad-derivati OTC jew il-possibilità li l-partijiet jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt tad-derivati OTC. Ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu m'għandu jwassal għall-ebda dritt għal kumpens minn parti għal kuntratt tad-derivati OTC.

Titolu III

Approvazzjoni u sorveljanza ta’ CCPs

Kapitolu 1

Kundizzjonijiet u Proċeduri għall-Awtorizzazzjoni ta’ CCP

Artikolu 10

Awtorizzazzjoni ta’ CCP

1.   Meta CCP, li tkun persuna ġuridika stabilita fl-Unjoni u jkollha aċċess għal likwidità adegwata, ikollha l-intenzjoni li twettaq is-servizzi u l-attivitajiet tagħha, hi għandha tapplika għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabilita.

Tali likwidità tista’ tirriżulta minn aċċess għal likwidità ta’ bank ċentrali jew għal-likwidità ta’ bank kummerċjali ta’ sodezza kreditizja u affidabilità, jew taħlita tat-tnejn. Aċċess għal-likwidità jista' jirriżulta minn awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/48/KE jew arranġamenti xierqa oħra.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

3.   L-awtorizzazzjoni lis-CCP għandha tingħata biss għal attivitajiet marbuta mal-ikklerjar u għandha tispeċifika s-servizzi jew l-attivitajiet li s-CCP tkun awtorizzata li tipprovdi jew twettaq inklużi l-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni.

4.   CCP għandha tikkonforma f’kull ħin mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-bidu.

CCP għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-awtorità bi kwalunkwe bidliet materjali li jaffetwaw il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bidu.

5.    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara konsultazjoni mal-ABE tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għal-likwidità adegwata msemmija fil-paragrafu 1.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tressaq dawk l-abbozzi dwar Standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 11

Estensjoni tal-attivitajiet u servizzi

1.   CCP li tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha għal servizzi jew attivitajiet addizzjonali mhux koperti mill-awtorizzazzjoni tal-bidu għandha tissottometti talba għall-estensjoni. L-offerta ta’ servizzi tal-ikklerjar f’munita differenti jew fi strumenti finanzjarji li b’mod sinifikanti jvarjaw fil-karatteristiċi tar-riskju tagħhom minn dawk li għalihom is-CCP tkun ġiet diġà awtorizzata għandha titqies bħala estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

L-estensjoni ta’ awtorizzazzjoni għandha ssegwi l-proċedura skont l-Artikolu 13.

2.   Meta CCP tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra dak li ġiet stabbilita fih, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu minnufih jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ieħor.

Artikolu 12

Rekwiżiti kapitali

1.   CCP għandu jkollha kapital permanenti u disponibbli ▐ ta’ mill-inqas EUR 10 miljuni li għandu jiġu awtorizzat skont l-Artikolu 10.

2.   Il-kapital, flimkien mad-dħul u ir-riżervi miżmuma ta’ CCP, għandhom ikunu proporzjonali għad-daqs tal-operazzjonijiet kummerċjali tas-CCP u r-riskju involut fihom. Dan għandu dejjem ikun suffiċjenti sabiex jiżgura stralċ jew ristrutturar ordnat tal-attivitajiet fuq perjodu ta’ żmien xieraq u li s-CCP tkun protetta kif xieraq kontra riskji operazzjonali u residwi.

3.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, b'koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta lill-ABE tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw ir-rekwiżiti rigward il-kapital, il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CCP imsemmija fil-paragrafu 2 , inklużi l-frekwenzi jew il-kalendarji skont liema għandhom jiġu aġġornati .

L-AETS, f'koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, u wara li tikkonsulta mal-ABE, għandha tressaq dawk l- abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 . [emenda 19]

Artikolu 13

Proċedura għall-għoti u ċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta tkun kompletament sodisfatta li s-CCP applikanti tikkonforma mar-rekwiżiti kollha stipulati f’dan ir-Regolament u r-rekwiżiti adottati skont id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (27), u bil-kundizzjoni li tkun ingħatat opinjoni pożittiva kif imsemmi fl-Artikolu 15 mill-AETS .

2.    Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inizjali, is-CCP applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti sabiex tkun sodisfatta li s-CCP applikanti stabilixxiet, fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni tal-bidu, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jintlaħqu l-obbligi tagħha stabiliti f’dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti għandha titrażmetti minnufih l-informazzjoni kollha li tkun irċeviet mis-CCP applikanti lill-AETS u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 14(1).

3.    Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inizjali, fi żmien erba' xhur minn meta titressaq applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-CCP applikanti bil-miktub dwar jekk ingħatatx l-awtorizzazzjoni.

Fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni għal estensjoni tal-attivitajiet u s-servizzi, fi żmien xahrejn minn meta titressaq applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-CCP applikanti bil-miktub dwar jekk ingħatatx l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 14

Koperazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn CCP tkun stabbilita għandha , f'koperazzjoni mal-AETS, tistabbilixxi kulleġġ li jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 10, 11, 46 u 48.

Il-kulleġġ għandu jkun ippresedut mill-AETS u jikkonsisti minn mhux aktar minn seba' membri, inklużi l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilita u l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-CCP u l-banek ċentrali tal-ħruġ tal-iżjed muniti rilevanti tal-istrumenti finanzjarji klerjati , kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP stabilita fit-tliet Stati Membri bl-ikbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tas-CCP imsemmi fl-Artikolu 40 fuq bażi aggregata.

2.   Il-kulleġġ għandu, mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, jiżgura:

(a)

il-preparazzjoni tal-opinjoni ▐ msemmija fl-Artikolu 15;

(b)

l-iskambju tal-informazzjoni, inklużi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 21;

(d)

il-koordinament ta’ programmi ta’ eżami prudenzjali bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tas-CCP;

(e)

it-titjib tal-effiċjenza tas-superviżjoni permezz tat-tneħħija ta’ duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ rekwiżiti superviżorji;

(f)

konsistenza fl-applikazzjoni ta’ prattiki superviżorji;

(g)

id-determinazzjoni ta’ proċeduri u pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif imsemmija fl-Artikolu 22.

3.   It-twaqqif u l-funzjonament tal-kulleġġ għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub fost il-membri kollha tiegħu.

Dak il-ftehim , b'mod partikulari għandu jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għ all-koperazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-AETS u jista’ jistabbilixxi l-kompiti fdati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabiliment ta’ CCP jew l-AETS .

Jekk maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ jikkunsidraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-CCP ma tkunx qed teżerċita r-responsabilitajiet tagħha b'mod xieraq u li tikkostitwixxi theddida għall-istabilità finanzjarja, l-AETS għandha toħroġ deċiżjoni dwar jekk tikkunsidrax li s-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-CCP hix xierqa u tikkostitwixxix theddida għall-istabilità finanzjarja.

Jekk l-AETS tikkunsidra li s-superviżjoni ma tkunx xierqa, l-AETS tista' timponi miżuri korrettivi fuq awtoritajiet kompetenti f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3a.     Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, b'koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta lill-ABE, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(1).

L-AETS, f'koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, u wara li tikkonsulta mal-ABE, għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 15

Opinjoni tal-kulleġġ

1.    Għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni inizjali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilita għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju tas-CCP u tressaq rapport lill-AETS fi żmien xahrejn minn meta titressaq sottomessa applikazzjoni kompluta mis-CC P.

1a.     Għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni għal estensjoni tal- attivitajiet u s-servizzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilta għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-estensjoni tal-attivitajiet u s-servizzi fuq is-CCP u tressaq rapport lill-kulleġġ fi żmien xahar.

Il-kulleġġ għandu jasal għal opinjoni abbażi ta’ dak ir-rapport, dwar jekk il-livell tar-riskji vvalutati jkunx iwassal biex is-CCP tiffunzjona b'sikurezza fi żmien xahar minn meta jirċeviha.

2.    Opinjoni negattiva jew pożittiva mill-kulleġġ tirrikjedi qbil fost maġġoranza sempliċi tal-membri, inkluża l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilita, mal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilita. Fil-każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ qbil, l-AETS għandha tiffaċilita l-adozzjoni ta’ opinjoni ▐ f'konformità mas-setgħat tagħha għas-soluzzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ qbil taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u l-funzjoni ġenerali tagħha ta’ kooordinament skont l-Artikolu 21 tal-istess Regolament. ▐

Artikolu 16

Irtirar tal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita CCP għandha tirtira l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta s-CCP ma tkunx għamlet użu tal-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, b’mod espress tirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma tkunx ipprovdiet servizzi jew ma tkun wettqet l-ebda attività fis-sitt xhur preċedenti;

(b)

meta s-CCP tkun kisbet l-awtorizzazzjoni billi tkun għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezzi irregolari oħra;

(c)

meta s-CCP ma tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d)

meta s-CCP tkun kisret serjament u ripetutament ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

1a.     Il-proċedura għad-deċiżjoni biex l-awtorizzazzjoni tiġi rtirata għandha tirrikjedi opinjoni pożittiva mill-istess kulleġġ imsemmi fl-awtorizzazzjoni oriġinali kif ukoll opinjoni pożittiva min-naħa tal-AETS.

2.    L-AETS tista', fi kwalunkwe żmien, titlob li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabbilita teżamina jekk is-CCP tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet skont liema tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar għal servizz partikolari, attività, jew strument finanzjarju. Deċiżjoni dwar l-irtirar għandha tapplika fit-territorju kollu tal-Unjoni.

Artikolu 17

Rieżami u evalwazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mill-inqas fuq bażi annwali, jeżaminaw mill-ġdid l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi implimentati minn CCP fir-rigward tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u jevalwaw is-suq, ir-riskji operazzjonali u tal-likwidità li għalihom is-CCP tkun, jew tista’ tkun, esposta.

Ir-rieżami u evalwazzjoni għandhom jikkunsidraw id-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CCP kif ukoll il-kriterji identifikati fl-Artikolu 4(3).

L-awtorità kompetenti għandha titlob li CCP li ma tkunx qed tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament tieħu l-miżuri meħtieġa.

Is-CCP għandha tkun soġġetta għal ispezzjoni fuq il-post mill-AETS.

Kapitolu 2

Superviżjoni u sorveljanza tas-CCPs

Artikolu 18

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni, superviżjoni u sorveljanza tas-CCPs stabiliti fit-territorju tiegħu u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-AETS bihom.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità kompetenti jkollha s-setgħat superviżorji u investigatorji meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri amministrattivi xierqa, b’konformità mad-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jittieħdu jew jiġu imposti fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jkunux ġew osservati.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

4.   L-AETS għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura f'konformità mal-paragrafu 1 fis-sit elettroniku tagħha.

Artikolu 18a

Sigriet professjonali

1.     L-obbligu tas-sigriet professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti maħtura f'konformità mal-Artikolu 18, AETS, jew l-awdituri u l-esperti mogħtija l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li jistgħu jirċievu tul il-perkors tad-doveri tagħhom ma tista’ tiżvela lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’mod li s-CCP, repożitorju tat-tranżazzjonijiet individwali jew kwalunkwe persuna oħra ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew it-tassazzjoni jew id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament.

2.     Meta CCP tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qed tiġi stralċjata b’mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax partijiet terzi tista’ tiġi żvelata fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proċedimenti.

3.     Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali, mil-liġi tat-taxxa, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tal-obbligi tagħhom u għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet oħra, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-iskop li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilhom jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-awtorità kompetenti jew xi awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw l-informazzjoni jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet mhux kummerċjali.

4.     Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali rċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3. Madankollu, dawk il-kundizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu lill-AETS, l-awtoritajiet kompetenti jew il-banek ċentrali rilevanti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzali f'konformità ma’ dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni l-oħra applikabbli għad-ditti tal-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, il-UCITS, AIFMs, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-impriżi tal-asigurazzjoni, is-swieq regolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew l-awtorità jew il-korp jew il-persuna fiżika jew ġuridika oħrajn li jkunu kkomunikaw din l-informazzjoni.

5.     Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzjali, f'konformità mad-dritt nazzjonali, li ma tkunx ġiet irċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Kapitolu 3

Koperazzjoni

Artikolu 19

Koperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin , mal-AETS u, jekk ikun hemm bżonn, u mas-SEBĊ. L-AETS għandha tingħata r-riżorsi adegwati mill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tkun tista' twettaq b'mod effikaċi il-kompiti allokati lilha f'dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fit-twettiq tal-obbligi ġenerali tagħhom, jikkunsidraw kif dovut l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbilità tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra konċernati, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet tal-emerġenza msemmija fl-Artikolu 22, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak il-waqt.

Artikolu 21

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-AETS u lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti u korpi oħra jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fit-twettiq ta’ dmirijiethom taħt dan ir-Regolament għandhom jużawha biss tul il-perkors ta’ dmirijiethom u ma għandhomx jitħallew jippubblikaw jew inkella jagħmlu disponibbli tali informazzjoni kunfidenzjali għal kwalunkwe skop ieħor ħlief dawk stipulati f'dan ir-Regolament.

3.   L-AETS għandha tittrażmetti l-informazzjoni kunfidenzjali rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-CCPs. L-awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijiethom stipulati f’dan ir-Regolament lill-AETS u awtoritajiet kompetenti oħra.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-banek ċentrali tas-SEBĊ fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq ta’ dmirijiethom.

Artikolu 22

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

L-awtorità kompetenti jew kwalunkwe awtorità oħra għandha tinforma lill-AETS u awtoritajiet rilevanti oħra mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CCP, inkluż l-iżviluppi fi swieq finanzjarji, li jista’ jkollha effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq u l-istabilità tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe Stat Membru fejn is-CCP jew wieħed mill-membri tal-ikklerjar tagħha jkun stabbilit.

Kapitolu 4

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 23

Pajjiżi terzi

1.   CCP stabbilita f’pajjiż terz tista’ tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lil entitajiet stabiliti fl-Unjoni biss meta dik is-CCP tkun rikonoxxuta mill-AETS .

L-awtorizzazzjoni jew l-eżenzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 16.

CCPs ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal rieżami permezz ta’ proċess rigoruż daqs dak li huma soġġetti għalih is-CCPs tal-UE.

Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni kompletament jew parzjalment biex tagħti eżenzjoni mill-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni sakemm dan isir fuq bażi reċiproka u sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni f'konformità mal-paragrafu 3; kif ukoll;

(b)

fil-pajjiż terz ikkonċernat, jingħataw eżenzjonijiet paragonabbli lis-CCPs stabbiliti fl-Unjoni.

2.   L-AETS , f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni u mal-ABE u l-membri rilevanti tas-SEBĊ tal-Istati Membri fejn is-CCP tipprovdi jew tkun biħsiebha tipprovdi servizzi ta’ kklerjar u l-membri rilevanti tas-SEBĊ responsabbli għas-sorveljanza tas-CCPs li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti tal-interoperabilità, għandha tirrikonoxxi CCP minn pajjiż terz, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat att delegat f'konformità mal-paragrafu 3; jew

(b)

is-CCP tkun awtorizzata u soġġetta għal superviżjoni effettiva f’dak il-pajjiż terz;

(ba)

il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-istandards għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u li jkollhom l-istess effett bħar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (28);

(bb)

il-pajjiż terz ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CCP awtorizzata li jikkonforma kompletament mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-mudell ta’ konvenzjoni fiskali tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u jiggarantixxi skambju effikaċi ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali, fosthom, jekk hemm, ftehimiet fiskali multilaterali;

(bc)

l-istandards tas-CCP dwar il-ġestjoni tar-riskji jkunu ġew rieżaminati mill-AETS u vvalutati li huma konformi mal-istanadards stipulati taħt it-Titolu IV;

(bd)

ikollha biżżejjed elementi biex jitqies li l-qafas legali tal-pajjiż terz mhuwiex diskriminatorju vis-à-vis l-entitajiet legali tal-UE;

(be)

il-pajjjiż terz japplika kundizzjonijiet ta’ aċċess reċiproku għal CCPs stabbiliti fl-UE u reġim ta’ rikonoxximent reċiproku jkun ġie implimentat f'dak il-pajjiż terz.

(bf)

il-kundizzjonijiet imposti fuq is-CCPs ta’ dak il-pajjiż terz għandhom jippreżervaw kundizzjonijiet ta’ kompetittività ndaqs bejn is-CCPs tal-UE u s-CCPs ta’ dak il-pajjiż terz.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu -68 u abbżi ta’ opinjoni konġunta pprovduta mill-AETS, l-ABE, is-SEBĊ u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tat-tliet membri tal-ikklerjar stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom l-ogħla kontribuzzjonijiet għall-fond għall-inadempjenzi tas-CCPs, biex tistabbilixxi li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-CCPs awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti vinkolanti legalment li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u li dawn is-CCPs ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

4.   L-AETS , l-ABE, is-SEBĊ u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tat-tliet membri tal-ikklerjar stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom l-ogħla kontribuzzjonijiet għall-fond għall-inadempjenzi tas-CCP għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-pajjiżi terzi li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament f'konformità mal-paragrafu 3 Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw tal-inqas:

(a)

il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1 u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi konċernati;

(b)

il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinament tal-attivitajiet superviżorji.

(ba)

il-proċeduri relatati mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lis-CCP.

Titolu IV

Rekwiżiti għas-CCPs

Kapitolu 1

Rekwiżiti organizzazzjonali

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   CCP għandu jkollha arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabilità ddefiniti sew, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji li għalihom hi jew tista’ tkun esposta, u mekkaniżmi tal-kontroll interni adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi.

2.   CCP għandha tadotta politiki u proċeduri li jkunu effikaċi biżżejjed sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tal-maniġers u l-impjegati tagħha mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3.   CCP għandha żżomm u topera struttura organizzattiva li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha. Għandha tuża sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

4.   CCP għandha żżomm separazzjoni ċara bejn il-linji tar-rapportar għall-immaniġġjar tar-riskju u dawk għal operazzjonijiet oħra tas-CCP.

5.   CCP għandha tadotta, timplimenta u żżomm politika ta’ rimunerazzjoni li tippromwovi l-immaniġġjar tar-riskji sod u effikaċi u li ma toħloqx inċentivi għar-rilassament tal-istandards tar-riskji.

6.   CCP għandha żżomm sistemi tat-teknoloġija informatika li jkunu adegwati biex jitrattaw il-kumplessità, il-varjetà u t-tip ta’ servizzi u attivitajiet imwettqa sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta’ sigurtà u l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma.

6a.     CCP għandha tiżgura li l-informazzjoni kummerċjali jew dwar klijenti li tirċievi fir-rigward ta’ kuntratti derivati OTC li jiġu kklerjati skont r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament tintuża biss biex tissodisfa r-rekwiżiti tagħha u ma tintużax jew ma tiġix sfruttata kummerċjalment, sakemm mhux bil-kunsens bil-miktub tal-klijent li jkun is-sid tal-informazzjoni.

7.   CCP għandha tagħmel l-arranġamenti ta’ governanza tagħha u r-regoli li jirregolaw is-CCP , inklużi l-kriterji ta’ ammissjoni għal sħubija tal-ikklerjar, disponibbli b'mod pubbliku mingħajr ħlas .

8.   Is-CCP għandha tkun soġġetta għal verifiki frekwenti u indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki għandhom ikunu komunikati lill-bord u magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti.

9.    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut minimu tar-regoli u l-arranġamenti ta’ governanza msemmija fil-paragrafi (1) sa (8)

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta'standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 . [emenda 19]

Artikolu 25

Maniġment Superjuri u l-Bord

1.   Il-maniġment superjuri għandu jkollu reputazzjoni u esperjenza tajba biżżejjed sabiex jiżgura l-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP.

2.   CCP għandu jkollha bord li mill-inqas terz, iżda mhux iżjed minn żewġ terzi, tal-membri tiegħu jkunu indipendenti. Il-klijenti tal-membri tal-ikklerjar għandhom ikun rappreżentati fil-Bord. Il-kumpens tal-membri independenti u l-membri l-oħra mhux eżekuttivi tal-bord ma għandux ikun konness mal-prestazzjoni kummerċjali tas-CCP.

Il-membri tal-bord, inklużi l-membri indipendenti tiegħu, għandu jkollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollhom esperjenza xierqa f’servizzi finanzjarji, immaniġjar tar-riskju u servizzi tal-ikklerjar.

3.   CCP għandha tiddetermina b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabilitajiet tal-bord u għandha tagħmel il-minuti tal-laqgħat tal-bord disponibbli għall-awtorità kompetenti u għall-awdituri .

Artikolu 26

Kumitat tar-riskju

1.   CCP għandha tistabilixxi kumitat tar-riskju, li għandu jkun kompost minn diversi gruppi ta’ rappreżentanti, li jinkludu rappreżentanti tal-membri tal-ikklerjar tagħha, il-klijenti tal-membri tal-ikklerjar tagħha, esperti indipendenti u rappreżentanti tal-awtorità kompetenti tas-CCP sakemm ir-rappreżentanti tal-klijent ikunu differenti mir-rappreżentanti tal-membri tal-ikklerjar. L-ebda mill-gruppi ta’ rappreżentanti m'għandu jkollhom maġġoranza fil-kumitat tar-riskju. Il-kumitat tar-riskju jista’ jistieden lill-impjegati tas-CCP jattendu laqgħat tal-kumitat tar-riskju f’kapaċità mingħajr vot. Il-parir tal-kumitat tar-riskju għandu jkun indipendenti minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment tas-CCP.

2.   CCP għandha b’mod ċar tistabbilixxi l-mandat, l-arranġamenti ta’ governanza sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha, il-proċeduri operattivi, il-kriterja tal-ammissjoni u l-mekkaniżmu li bih jiġu eletti l-membri tal-kumitat tar-riskju. L-arranġamenti tal-governanza għandhom ikunu pubblikament disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti u għandhom, mill-inqas, jistabbilixxu li l-kumitat tar-riskju jkun ippresedut minn espert indipendenti, jirrapporta direttament lill-bord jew, fejn hemm struttura organizzattiva doppja, lill-bord eżekuttiv u jkollu laqgħat regolari.

3.   Il-kumitat tar-riskju għandu jagħti parir lill-bord jew, fejn hemm struttura organizzattiva doppja, lill-bord eżekuttiv dwar kwalunkwe arranġamenti li jistgħu jolqtu l-immaniġjar tar-riskji tas-CCP, bħal, iżda mhux limitati għal, bidla sinifikanti fil-mudell tar-riskju tagħha, il-proċeduri f’każ ta’ inadempjenza, il-kriterja għall-aċċettazzjoni ta’ membri tal-ikklerjar jew l-ikklerjar ta’ klassijiet ġodda ta’ strumenti jew l-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet . Il-parir tal-kumitat tar-riskju mhuwiex meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ kuljum tas-CCP. Għandhom isiru sforzi raġonevoli biex il-kumitat tar-riskju jiġi kkonsultat f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

4.   Mingħajr preġudizzjoni għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu informati kif dovut, il-membri tal-kumitat tar-riskju għandhom ikunu marbuta bil-kunfidenzjalità. Meta l-president tal-kumitat tar-riskju jiddetermina li membru effettivament jew potenzjalment għandu konflitt ta’ interess fuq kwistjoni partikolari, dak il-membru ma għandux jitħalla jivvota fuq dik il-kwistjoni.

5.   CCP għandha minnufih tinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-bord jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tar-riskju.

6.   CCP għandha tippermetti lill-klijenti tal-membri tal-ikklerjar ikunu membri tal-kumitat tar-riskju jew, alternattivament, għandha tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni xierqa li jiżguraw li l-interessi tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar ikunu stabbiliti b’mod xieraq.

Artikolu 27

Żamma ta’ reġistri

1.   CCP għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin, ir-rekords kollha dwar is-servizzi u l-attività pprovduti sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti li timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament.

2.   CCP għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-informazzjoni kollha dwar il-kuntratti kollha li tkun ipproċessat. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tippermetti l-identifikazzjoni tat-termini oriġinali ta’ tranżazzjoni qabel l-ikklerjar minn dik is-CCP.

3.   CCP għandha tagħmel ir-rekords u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-informazzjoni kollha dwar il-pożizzjonijiet ta’ kuntratti klerjati, irrispettivament mill-post fejn ikunu twettqu t-tranżazzjonijiet, disponibbli meta mitluba lill-awtorità kompetenti u lill-AETS.

4.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u, fejn ikun xieraq, perjodu ta’ żmien itwal għaż-żamma tar-rekords .

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

5.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi sabiex tiddetermina l-format tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm. L-AETS għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu b’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 28

Azzjonisti u membri b’parteċipazzjoni kwalifikatorja

1.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tawtorizza CCP sakemm ma tkunx ġiet informata bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri, kemm jekk diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li għandhom parteċipazzjoni kwalifikatorja u l-ammonti ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni lil CCP meta ma tkunx sodisfatta dwar l-adattezza tal-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fis-CCP, meta tikkunsidra l-bżonn li jiġi żgurat l-immaniġġjar sod u prudenti ta’ CCP.

3.   Meta jeżistu konnessjonijiet mill-qrib bejn is-CCP u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta dawk il-konnessjonijiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

4.   Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jeżerċitaw influwenza li aktarx li tkun ta’ preġudizzju għall-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm din is-sitwazzjoni jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-CCP .

5.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika jew iżjed minn persuna waħda li magħha/magħhom is-CCP ikollha konnessjonijiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar tagħhom, jipprevjenu l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 29

Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.   CCP għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-CCP dwar kwalunkwe bidliet fil-maniġment tagħha, u għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni meħtieġa kollha sabiex jiġi vvalutat jekk il-membri tal-bord ikunux ta’ reputazzjoni tajba u esperjenzati biżżejjed.

Meta l-komportament ta’ membru tal-bord aktarx li jkun ta’ preġudizzju għall-immaniġġjar sod u prudenti tas-CCP, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa, inkluż it-tneħħija ta’ dak il-membru mill-bord.

2.   Kwalunkwe persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew dawk il-persuni li jaġixxu flimkien (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-akkwirent propost’), li ħadu deċiżjoni li jiksbu, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP jew li jkomplu jżidu, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP li b’konsegwenza ta’ dan il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jeċċedi 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b’tali mod li s-CCP ssir is-sussidjarja (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala l-akkwiżizzjoni proposta), għandhom l-ewwel jinnotifikaw bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti tas-CCP li fihom qed ifittxu li jiksbu jew iżidu parteċipazzjoni kwalifikatorja, li tindika d-daqs tal-parteċipazzjoni intiża u l-informazzjoni rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 30(4).

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwarha, u tindika d-daqs tal-parteċipazzjoni maħsuba. Tali persuna għandha bl-istess mod tinnotifika lill-awtorità kompetenti meta tkun ħadet deċiżjoni għat-tnaqqis tal-parteċipazzjoni kwalifikatorja tagħha sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital jaqa’ taħt 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b’tali mod li s-CCP ma tibqax tkun sussidjarja tagħha.

L-awtorità kompetenti għandha, minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn tax-xogħol wara l-irċevuta tan-notifika kif imsemmi fil-paragrafu 2, kif ukoll wara li tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3; tirrikonoxxi l-irċevuta tagħha bil-miktub lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ.

L-awtorità kompetenti għandu jkollha massimu ta’ sittin jum tax-xogħol mid-data tar-rikonoxximent bil-miktub tal-irċevuta tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa li jridu jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 30(4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ 'il-perjodu ta’ valutazzjoni'), għat-twettiq tal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 30(1) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa 'il-valutazzjoni').

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ bid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ valutazzjoni fiż-żmien tar-rikonoxximent tal-irċevuta.

3.   L-awtorità kompetenti tista’, waqt il-perjodu ta’ valutazzjoni, fejn ikun meħtieġ, u mhux iżjed tard mill-50 jum tax-xogħol tal-perjodu ta’ valutazzjoni, titlob kwalunkwe informazzjoni oħra li hi meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-irċevuta ta’ risposta għaliha mill-akkwirent propost, il-perjodu ta’ valutazzjoni għandu jkun interrott. L-interruzzjoni ma għandhiex teċċedi 20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talbiet oħra mill-awtorità kompetenti għat-tlestija jew il-kjarifika tal-informazzjoni għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma jistgħux jirriżultaw f’interruzzjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-interruzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 sa 30 jum tax-xogħol meta l-akkwirent propost jew il-bejjiegħ ikun:

(a)

jinsab jew hu rregolat barra l-Unjoni; jew

(b)

persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont dan ir-Regolament jew id-Direttivi 73/239/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (29), 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (30) jew id-Direttivi 2002/83/KE, 2003/41/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE, 2006/48/KE, 2009/65/KE jew 2011/61/UE.

5.   Meta l-awtorità kompetenti, mat-tlestija tal-valutazzjoni, tiddeċiedi li topponi l-akkwiżizzjoni proposta, għandha fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma taqbeż il-perjodu ta’ valutazzjoni, tinforma lill-akkwirent propost bil-miktub u tipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Suġġett għal-liġi nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista’ ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti li tagħmel tali divulgazzjoni fin-nuqqas ta’ talba mill-akkwirent propost.

6.   Meta l-awtorità kompetenti ma topponix l-akkwiżizzjoni proposta fiż-żmien tal-perjodu tal-valutazzjoni, din għandha titqies li ġiet approvata.

7.   L-awtorità kompetenti tista’ tistipula perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta u testendih safejn dan ikun xieraq.

8.   L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għal notifika lil, u approvazzjoni minn, l-awtorità kompetenti ta’ akkwisti diretti jew indiretti ta’ drittijiet ta’ votazzjoni jew kapial li huma iżjed stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Il-valutazzjoni

1.   Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 29(2) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(3), l-awtorità kompetenti għandha, sabiex tiżgura l-immaniġġjar sod u prudenti tas-CCP li fiha hu propost l-akkwist, u wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq is-CCP, tevalwa l-adattezza tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ir-reputazzjoni u s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost;

(b)

ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ kwalunkwe persuna li se tidderieġi n-negozju tas-CCP b’konsegwenza tal-akkwiżizzjoni proposta;

(c)

jekk is-CCP hix se tkun kapaċi tikkonforma u tkompli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(d)

jekk hemmx raġunijiet raġonevoli għalxiex tissuspetta li, b’rabta mal-akkwiżizzjoni proposta, hux qed jitwettaq jew twettaq jew sar tentattiv ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE, jew li l-akkwiżizzjoni proposta tistax iżżid ir-riskju tagħha.

Meta tkun qed tivvaluta s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lit-tip ta’ negozju segwit u previst fis-CCP li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni.

Meta tkun qed tivvaluta l-abilità tas-CCP li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-grupp li minnha se ssir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effikaċi, li effettivament tiġi skambjata informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwiżizzjoni proposta biss meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex jagħmlu dan fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew meta l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompleta.

3.   L-Istati Membri ma għandhom la jimponu kwalunkwe kundizzjonijiet preċedenti fir-rigward tal-livell ta’ parteċipazzjoni li għandu jinkiseb u lanqas ma jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jeżaminaw l-akkwiżizzjoni proposta f’termini tal-bżonnijiet ekonomiċi tas-suq.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku lista li tispeċifika l-informazzjoni, li hija meħtieġa biex issir l-evalwazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fil-ħin tan-notifika msemmija fl-Artikolu 29(2). L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonata u adattata għan-natura tal-akkwirent propost u l-akkwist propost. L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu informazzjoni li mhix rilevanti għall-valutazzjoni prudenzjali.

5.   Minkejja l-Artikolu 29(2), (3) u (4), fejn żewġ proposti jew iżjed għall-kisba jew iż-żieda ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fl-istess CCP ikunu ġew notifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha titratta l-akkwirenti proposti b’mod mhux diskriminatorju.

6.   L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħdmu b’konsultazzjoni sħiħa ma’ xulxin għat-twettiq tal-valutazzjoni meta l-akkwirent propost ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

CCP oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(b)

l-impriża prinċipali ta’ CCP oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(c)

persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla CCP oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien dovut, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni li hi essenzjali għall-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha lil xulxin u għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha essenzjali b’inizjattiva tagħhom. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li awtorizzat is-CCP li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni għandha tindika kwalunkwe fehmiet jew riservi espressi mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.

Artikolu 31

Kunflitti ta’ interess

1.   CCP għandha żżomm u topera arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex tidentifika u timmaniġja kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali bejnha, inklużi l-maniġers, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa magħhom permezz tal-kontroll jew konnessjonijiet mill-qrib u l-membri tal-ikklerjar tagħhom jew il-klijenti tagħhom jew bejniethom. Għandha żżomm u timplimenta proċeduri ta’ riżoluzzjoni xierqa għat-tneħħija tal-konflitti ta’ interess ▐.

2.   Meta l-arranġamenti organizzazzjonali jew amministrattivi ta’ CCP biex jimmaniġjaw konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji tal-ħsara għall-interessi ta’ membru tal-ikklerjar jew klijent se jiġu evitati, is-CCP għandha tiddivulga b’mod ċar in-natura ġenerali jew sorsi ta’ konflitti ta’ interess għall-membru tal-ikklerjar qabel ma jiġu aċċettati tranżazzjonijiet ġodda minn dak il-membru tal-ikklerjar. ▐

3.   Meta s-CCP tkun impriża prinċipali jew sussidjarja, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jikkunsidraw ukoll kwalunkwe ċirkostanzi, li tagħhom is-CCP hi jew għandha tkun konxja, li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li joħroġ b’konsegwenza tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ impriżi oħra li magħhom għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja.

4.   L-arranġamenti bil-miktub stabbiliti skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li jwassal għal riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi ta’membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed jew għall-klijenti;

(b)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu ġestiti tali konflitti.

5.   CCP għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tagħha u għandha tipprevjeni l-użu ta’ dik l-informazzjoni miżmuma għal attivitajiet tan-negozju oħra. Informazzjoni sensittiva rreġistrata f’CCP waħda ma għandhiex tintuża għal użu kummerċjali minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja ma’ dik is-CCP.

Artikolu 32

Kontinwità tal-operat

1.   CCP għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm politika ta’ kontinwità tal-operat xierqa u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tagħha, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u l-qadi tal-obbligi tas-CCP. Tali pjan għandu mill-inqas jippermetti l-irkupru tat-tranżazzjonijiet kollha fiż-żmien tat-taqlib sabiex jippermetti lis-CCP tkompli topera b’ċertezza u tlesti s-saldu komplut fid-dati skedata.

1a.     CCP għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura adegwata li tiżgura s-saldu f'waqtu u ordinat jew it-trasferiment tal-beni tal-klijenti fil-każ li tkun irtirata l-awtorizzazzjoni b'konsegwenza ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 16.

2.    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw il-kontenut minimu tal-pjan ta’ kontinwità tal-operat u l-livell minimu tas-servizzi li l-pjan ta’ rkupru minn diżastru għandu jiggarantixxi.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 . [emenda 19]

Artikolu 32a

Trattament Interament Awtomatizzat

1.     Bl-iskop li jkun promoss it-Trattament Interament Awtomatizzat (STP) fl-fluss kollu tat-tranżazzjoni, is-CCPs għandhom jużaw jew jakkomodaw fis-sistemi tagħhom lill-parteċipanti u l-infrastrutturi tas-suq li jinterfaċċaw magħhom, fil-proċeduri tagħhom ta’ komunikazzjoni mal-parteċipanti u mal-infrastrutturi tas-suq li jinterfaċċaw magħhom, il-proċeduri u standards ta’ komunikazz’oni internazzjonali relevanti ħalli jiffaċilitaw l-ikklerjar u s-saldu effiċjenti fis-sistemi.

2.     Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-proċess għad-definizzjoni ta’ liema proċeduri u standards ta’ komunikazzjoni internazzjonali biex jintbagħtu messaġġi u għad-dejta ta’ riferiment għandhom jiġu kkunsidrati relevanti għall-finijiet tal-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 33

Ester45nalizzazzjoni

1.   Meta CCP testernalizza funzjonijiet operattivi, servizzi jew attivitajiet, għandha tibqa’ kompletament responsabbli għat-twettiq tal-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tikkonforma dejjem mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabilità tagħha;

(b)

ir-relazzjoni u l-obbligi tas-CCP lejn il-membri tal-ikklerjar tagħha jew fejn rilevanti, il-klijenti tagħhom ma tinbidilx;

(c)

il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-CCP effettivament ma jitbiddlux;

(d)

l-esternalizzazzjoni ma tipprevjenix l-eżerċitar ta’ funzjonijiet superviżorji u sorveljanti, inkluż l-aċċess fuq il-post għall-informazzjoni relatata, fi ħdan il-fornitur tas-servizz;

(e)

l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-deprivazzjoni tas-CCP mis-sistemi u kontrolli neċessarji għall-immaniġġjar tar-riskji li tiffaċċja;

(ea)

il-fornitur tas-servizz jimplimenta r-rekwiżiti ekwivalenti tal-kontinwità tan-negozju għal dawk li jkollhom jiġu sodisfatti mis-CCP skont il-qafas superviżorju domestiku tiegħu;

(f)

is-CCP iżżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-adegwatezza organizzazzjonali u kapitali tal-fornitur tas-servizz u biex tissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati b'mod effikaċi u timmaniġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni u għandha tissorvelja dawn il-funzjonijiet u timmaniġja dawk ir-riskji fuq bażi kontinwa;

(g)

is-CCP jkollha aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tal-funzjonijiet esternalizzati;

(h)

meta jkun rikjest, u mingħajr preġudizzju għar-responsabilità tas-CCP għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-fornitur tas-servizzi jikkoopera mal-awtorità kompetenti b’rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(i)

il-fornitur tas-servizzi jipproteġi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali relatata mas-CCP u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha. Jekk il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit f'pajjiż terz, l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta ta’ dan l-istat terz għandhom ikunu ekwivalenti mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta li japplikaw fl-Unjoni.

(ia)

il-fornitur kummerċjali jkun soġġett f'pajjiżu għall-istess reġim legali bħas-CCP f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontinwità kummerċjali u l-protezzjoni tad-data;

(ib)

l-attivitajiet relatati mal-immaniġġjar tar-risku ma jiġux esternalizzati.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrikjedi li s-CCP talloka b’mod ċar u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħha, u dawk tal-fornitur tas-servizzi, bi ftehim bil-miktub.

3.   CCP għandha, fuq talba, tagħmel disponibbli l–informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta l-konformità tat-twettiq tal-attivitajiet esternalizzati mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Kapitolu 2

Regoli dwar l-operat kummerċjali

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Meta tipprovdi servizzi lill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, lill-klijenti tagħha, CCP għandha taġixxi b’mod ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti ta’ dan it-tip u l-immaniġjar sod tar-riskji.

2.   CCP għandu jkollha regoli aċċessibbli , trasparenti u ġusti biex tittratta l-ilmenti fil-pront .

Artikolu 35

Rekwiżiti tal-parteċipazzjoni

1.   CCP għandha tistabilixxi l-kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar ammissibbli u l-ktiterji tal-ammissjoni. Dawn il-kriterji għandhom ikunu mhux diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għas-CCP u għandhom jiżguraw li l-membri tal-ikklerjar ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u kapaċità operattiva biex jilħqu l-obbligi riżultanti mill-parteċipazzjoni f’CCP. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom ikun il-kontroll tar-riskju għas-CCP. L-istituzzjonijiet finanzjarji ma għandhomx ikunu ristretti milli jsiru membri tal-ikklerjar b’mod mhux konkorrenzjali jew mhux raġonevoli.

2.   CCP għandha tiżgura li l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq fuq bażi kontinwa u għandu jkollha aċċess fil-ħin għall-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni. CCP għandha twettaq, għall-inqas darba fis-sena, rieżami komprensiv tal-konformità mad-dispożizzjonijiet f’dan l-artikolu mill-membri tal-ikklerjar tagħha.

3.   Membri tal-ikklerjar li jikklerjaw tranżazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħhom għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa u kapaċità operazzjonali għat-twettiq ta’ din l-attività. Ir-regoli tas-CCP għall-membri tal-ikklerjar għandhom jippermettulha tiġbor l-informazzjoni bażika ħalli tidentifika, timmonitora u timmaniġġja l-konċentrazzjonijiet relevanti ta’ riskju marbut mal-forniment ta’ servizzi lill-kjlienti. Il-membri tal-ikklerjar għandhom, meta mitluba, jinformaw lis-CCP dwar il-kriterji u l-arranġamenti li jadottaw biex jippermettu li l-klijenti tagħhom jaċċessaw is-servizzi tas-CCP. Ir-responsabilità għas-sorveljanza tal-klijenti kif ukoll għall-obbligi fir-rigward tagħhom għandha tibqa’ f’idejn il-membri tal-ikklerjar. Dawn il-kriterji għandhom ikunu mhux diskriminatorji.

4.   CCP għandu jkollha proċeduri oġġettivi u transparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat ta’ membri tal-ikklerjar li ma jkunux għadhom jissodisfaw l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

5.   CCP tista’ tirrifjuta biss l-aċċess għal membri tal-ikklerjar li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 meta jkun ġustifikat kif dovut bil-miktub u abbażi ta’ analiżi tar-riskju komprensiv.

6.   CCP tista’ timponi obbligi addizzjonali speċifiċi fuq il-membri tal-ikklerjar, bħal, iżda mhux limitati għal, il-parteċipazzjoni f’irkanti tal-pożizzjoni ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti. Dawn l-obbligi addizzjonali għandhom ikunu proporzjonali għar-riskju li jkollu membru tal-ikklerjar u ma għandhomx jirrestrinġu l-parteċipazzjoni għal ċertu kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar.

Artikolu 36

Trasparenza

1.   CCP għandha tiżvela pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi li tipprovdi. Għandha tiżvela l-prezzijiet u t-tariffi ta’ kull servizz u funzjoni pprovduti separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Għandha tippermetti l-membri tal-ikklerjar tagħha u, fejn rilevanti, il-klijenti tagħhom, aċċess separat għal servizzi speċifiċi.

2.   CCP għandha tiżvela lill-membri tal-ikklerjar u l-klijenti r-riskji ekonomiċi assoċjati mas-servizzi pprovduti.

3.   CCP għandha tiddivulga lill-membri tagħha tal-ikklerjar u lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni dwar il-prezz użata għall-kalkolu tal-iskoperturi tagħha fi tmiem il-jum mal-membri tal-ikklerjar tagħha.

CCP għandha tiżvela pubblikament il-volumi tat-tranżazzjonijiet ikklerjati għal kull klassi ta’ strumenti kklerjati mis-CCP fuq bażi aggregata .

3a.     CCP għandha tiżvela pubblikament ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi marbutin mal-protokolli tal-komunikazzjoni li jkopru l-format tal-kontenut u tal-messaġġ li tuża fl-interazzjoni ma’ terzi, inklużi dawk li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 5.

3b.     CCP għandha tiżvela pubblikament kull ksur mill-membri tal-ikklerjar tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 35(1) u (2), ħlief fil-każ li l-awtorità kompetenti, wara li tikkonsulta mal-AETS, tikkunsidra li żvelar ta’ dan it-tip ikun jikkostitwixxi theddida għall-istabilità finanzjarja jew il-fiduċja tas-suq.

Artikolu 37

Segregazzjoni u portabilità

1.   CCP għandha żżomm ir-rekords u l-kontijiet li jippermettuha, fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien, li tidentifika u tissegrega l-assi u l-pożizzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar wieħed mill-assi u l-pożizzjonijiet ta’ kwalunkwe membru tal-ikklerjar ieħor mill-assi tagħha stess. Fejn CCP tiddepożita beni u fondi ma’ terz, għandha tiżgura li l-beni u l-fondi appartenenti għal membri tal-ikklerjar jinżammu separatament mill-beni u l-fondi appartenenti għas-CCP jew membri oħrajn tal-ikklerjar, u mill-beni u l-fondi appartenenti għal dak it-terz.

2.   Membru tal-ikklerjar għandu jiddistingwi f’kontijiet separati mas-CCP l-assi u l-pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar minn dawk tal-klijenti tagħha

2a.     Il-membri tal-ikklerjar għandhom jiddistingwu f’kontijiet separati mas-CCP il-pożizzjonijiet ta’ kull klijent ('segregazzjoni sħiħa'). Il-klijenti għandhom jingħataw il-possibilità mill-membri tal-ikklerjar li jkollhom il-pożizzjonijiet tagħhom irreġistrati f’kontijiet omnibus mas-CCP bil-jagħmlu talba bil-miktub f'dak ir-rigward.

3.     Is-CCP u l-membru tal-ikklerjar għandhom jiżvelaw pubblikament il-livelli tal-protezzjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-livelli differenti ta’ segregazzjoni li jipprovdu. Id-dettalji tal-livelli differenti ta’ segregazzjoni għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet ewlenin fil-liġi tal-livelli rispettivi ta’ segregazzjoni offruti, inkluż tagħrif dwar id-liġi dwar l-insolvenza applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet relevanti. Is-CCP għandha tirrikjedi li l-membri tal-ikklerjar jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar dawn ir-riskji u spejjeż.

3a.     CCP għandha żżomm rekords li jippermettulha, f’kull ħin u mingħajr dewmien, tidentifika l-beni li sar rikors għalihom fir-rigward ta’ kull kont miżmum f'konformità ma’ dan l-Artikolu.

3b.     CCP għandha tisstruttura l-arranġamenti tagħha b’mod li tiżgura, li fejn tkun tapplika s-segregazzjoni sħiħa, tkun qed tiffaċilita t-trasferiment tal-pożizzjonijiet u l-kollateral tal-klijenti ta’ membru inadempjenti għal parteċipant ieħor wieħed jew aktar.

4 .    Sakemm klijent ikollu segregazzjoni sħiħa , għandu japplika l-Anness III, il-Parti 2, il-punt 6 tad-Direttiva 2006/48/KE.

5 .     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar l-insolvenza jinkludu derogi biżżejjed li jippermettu lis-CCPs jilħqu l-objettivi u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

L-avvenimenti rilevanti li jqanqlu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu l-insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar u avvenimenti adatti kif ukoll jekk l-obbligi eżistenti ma jiġux sodisfatti.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi li jispeċifikaw il-ġrajjiet relevanti f’dettal akbar:

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tielet subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Kapitolu 3

Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 38

Maniġjar tal-iskoperturi

CCP għandha tkejjel u tivvaluta l-likwidità tagħha u l-iskoperturi tal-kreditu tagħha għal kull membru tal-ikklerjar u, fejn rilevanti, għal CCP oħra li magħha tkun ikkonkludiet arranġament interoperabbli, fuq bażi ta’ kważi ħin reali. CCP għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tidentifika, timmonitorja u timmaniġġja r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-membri tal-ikklerjar li jkunu qed jikklerjaw it-tranżazzjonijiet f'isem il-klijenti. CCP għandu jkollha aċċess fil-ħin u fuq bażi mhux diskriminatorja għas-sorsi tal-ipprezzar rilevanti sabiex tkun tista’ tkejjel l-iskoperturi tagħha b’mod effettiv. Dan għandu jsir fuq bażi ta’ spejjeż raġonevoli u fir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

Artikolu 39

Rekwiżiti tal-marġini

1.   CCP għandha timponi, tixtri u tiġbor marġini sabiex tillimita l-iskopertura tal-kreditu tagħha mill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, minn CCPs li għandhom arranġamenti interoperabbli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li s-CCPs jirrispettaw l-istandards minimi ta’ marġini speċifikati fil-paragrafu 5. Dawn l-istandards minimi għandhom ikunu kalibrati skont il-livell ta’ riskju u għandhom ikunu riveduti regolarment bil-għan li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq u partikolarment bħala reazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li fihom jiġi konkluż li dan l-aġir se jimmitiga r-riskji sistemiċi. Dawn il-marġini għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-iskoperturi potenzjali li s-CCP tistma li ser iseħħu sal-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet rilevanti. Għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru t-telfiet li jirriżultaw minn tal-inqas 99 % tal-movimenti fl-iskoperturi fuq firxa taż-żmien xierqa u għandhom jiżguraw li CCP tikkollateralizza b’mod sħiħ l-iskoperturi tagħha mal-membri tal-ikklerjar kollha tagħha, u fejn rilevanti mas-CCPs li jkollhom arranġamenti interoperabbli, mill-inqas fuq bażi ta’ kuljum.

F'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS tista' tikkalibra mill-ġdid ir-rekwiżiti tal-marġni fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta dan iservi ta’ mitigazzjoni għar-riskju sistemiku.

2.   CCP għandha tadotta mudelli u parametri fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini tagħha li jaqbdu l-karatteristiċi tar-riskju tal-prodotti klerjati u li jikkunsidraw l-intervall bejn il-ġbir tal-marġini, il-likwidità tas-suq u l-possibilità ta’ bidliet tul id-durata tat-transazzjoni. Il-mudelli u l-parametri għandhom ikunu vvalidati mill-awtorità kompetenti u soġġetti għal opinjoni f'konformità mal-Artikolu 15.

3.   CCP għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini fuq bażi ta’ kuljum, bħala minimu meta jinkisru l-limiti minimi limitu predefiniti.

3a.     CCP għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini li jkunu adegwati sabiex ikopru l-pożizzjonijiet reġistrati f'kull kont miżmum f'konformità mal-Artikolu 37 fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi. CCP tista’ tikkalkula l-marġini fir-rigward ta’ portafoll tal-istrumenti finanzjarji biss fejn il-korrelazzjoni tal-prezzijiet fost l-istrumenti finanzjarji inklużi fil-portafoll tkun għolja u stabbli.

5.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna msemmija fil-paragrafu 1 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 40

Fond tal-inadempjenza

1.    Bl-iskop li trażżan ulterjurment l-esponimenti ta’ kreditu tagħha għall-membri tal-ikklerjar tagħha , CCP għandha żżomm fond tal-inadempjenza biex ikopri t-telf li jaqbeż it-telf li għandu jkun kopert mir-rekwiżiti ta’ marġni kif imsemmi fl-Artikolu 39 , li jkun jirriżulta mill-inadempjenza, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed.

2.   CCP għandha tistabilixxi d-daqs minimu tal-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u l-kriterji għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar singoli. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonali għall-iskoperturi ta’ kull membru tal-ikklerjar, sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-inqas jippermettu li s-CCP tkun tiflaħ l-inadempjenza taż-żewġ membri tal-ikklerjar li fir-rigward tagħhom ikollha l-ikbar iskoperturi.

2a.     CCP għandha tiżviluppa xenarji ta’ kondizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Ix-xenarji għandhom jinkludi l-aktar perijodi volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li s-CCP tkun tathom is-servizzi tagħha u firxa ta’ xenarji futuri potenzjali. Għandhom iqisu l-bejgħ għall-għarrieda ta’ riżorsi finanzjarji u tnaqqis rapidu fil-likwidità tas-suq. Il-portata tal-fond tal-inadempjenza għandha tinkludi l-marġini kalkolati, a tenur tal-Artikolu 39, fuq il-pożizzjonijiet derivanti mix-xenarji ipotetizzati.

Fil-kalkolu tal-esponiment tal-kreditu għall-membri tal-ikklerjar tagħha, CCP għandha tqis:

(a)

l-espożizzjonijiet ta’ kull membru tal-ikklerjar, kif reġistrati f’kull kont miżmum f'konformità mal-Artikolu 37; kif ukoll;

(b)

jekk il-profitti fuq il-pożizzjonijiet tal-proprjetà jistgħux jintużaw għalbiex ikun kopert it-telf fuq il-pożizzjonijiet tal-klijenti.

3.   CCP tista’ tistabilixxi iżjed minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti li tikklerja.

3a.     Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS b'koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta lill-ABE, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-fondi ta’ inadempjenza msemmija fil-paragrafi 1 u 3.

L-AETS għandha, b’koperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta lill-ABE, tippreżenta lill-Kummissjoni abbozzi ta’ tali standards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 41

Kontrolli tar-riskju oħra

1.   Minbarra l-kapital meħtieġ skont l-Artikolu 12, CCP għandha żżomm biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli li jkopru telf potenzjali li jeċċedi t-telf li jiġi kopert minn rekwiżiti tal-marġini u l-fond tal-inadempjenza. Dawn ir-riżorsi jistgħu jinkludu kwalunkwe fond tal-ikklerjar ieħor ipprovdut minn membri tal-ikklerjar jew partijiet oħra, arranġamenti tal-kondiviżjoni tat-telf, arranġamenti tal-assigurazzjoni, il-fondi proprji ta’ CCP, garanziji ta’ superjuri jew dispożizzjonijiet simili. Dawn ir-riżorsi għandhom ikunu liberament disponibbli għas-CCP u ma għandhomx jintużaw biex ikopru t-telf operatorju.

2.   ▐ Il-fond tal-inadempjenza msemmi fl-Artikolu 40 u r-riżorsi finanzjarji l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandhom f’kull ħin jippermettu lis-CCP tkun tiflaħ għal telf potenzjali f'kundizzjoni estremi imma plawsibbli tas-suq. CCP għandha tiżviluppa xenarji ta’ tali kondizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

3.    CCP għandha tkejjel il-bżonnijiet ta’ likwidità potenzjali tagħha. F'kull ħin ic-CCP għandu jkollha aċċess għal likwidità adegwata biex twettaq is-servizzi u l-attivitajiet tagħha. Għal dak l-għan, CCP għandha tikseb il-linji tal-kreditu meħtieġa jew arranġamenti simili sabiex tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha f’każ li r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha ma jkunux disponibbli minnufih. Kull membru tal-ikklerjar, impriża prinċipali jew sussidjarja tal-membru tal-ikklerjar ma jistgħux jipprovdu iżjed minn 25 % tal-linji tal-kreditu meħtieġa mis-CCP.

4.   CCP tista’ titlob lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex jipprovdu fondi addizzjonali f’każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ieħor. Il-membri tal-ikklerjar ta’ CCP għandu jkollhom skoperturi limitati lejn is-CCP.

5.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw il-kundizzjonijiet estremi msemmija fil-paragrafu 2 li s-CCP għandha tkun tiflaħ għalihom.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti dawk lbbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 42

Kaskata tal-inadempjenza

1.   CCP għandha tuża l-marġini li jiddaħħlu minn membru tal-ikklerjar inadempjenti qabel riżorsi finanzjarji oħra biex jiġi kopert it-telf.

2.   Meta l-marġini li ddaħħlu mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf imġarrab mis-CCP, is-CCP għandha tuża l-kontribuzzjoni tal-fond tal-inadempjenza tal-membru tal-inadempjenza biex tkopri dan it-telf.

3.   CCP għandha tuża biss il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u kontribuzzjonijiet oħra tal-membri tal-ikklerjar mhux tal-inadempjenza wara li tkun eżawrixxiet il-kontribuzzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u ▐ l-fondi tas-CCP stess imsemmija fl-Artikolu 41(1).

4.   CCP ma għandhiex tkun permessa li tuża l-marġini li ddaħħlu minn membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex tkopri t-telf riżultanti mill-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed.

Artikolu 43

Rekwiżiti tal-kollateral

1.   CCP għandha taċċetta biss kollateral likwidu ħafna , bħal kontanti, deheb, bonds tal-gvern u korporattivi ta’ kwalità għolja, b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq sabiex tkopri l-iskopertura inizjali u attwali tagħha għall-membri tal-ikklerjar tagħha. Għall-kontropartijiet mhux finanzjarji, CCPs jistgħu jaċċettaw garanziji bankarji waqt li jqisu dawn il-garanzijia fl-iskopertura għal bank li hu membru tal-ikklerjar. Għandha tapplika t-tnaqqisiet imposti (haircuts) xierqa għal valuri tal-assi li jirriflettu l-potenzjal għall-valur tagħhom li jonqos fuq l-intervall bejn l-aħħar rivalutazzjoni tagħhom u ż-żmien li sa fih jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li ġew likwidati. Għandha tikkunsidra r-riskju tal-likwidità wara l-inadempjenza ta’ parteċipant fis-suq u r-riskju tal-konċentrazzjoni fuq ċertu assi li jista’ jirriżulta fit-twaqqif tal-kollateral aċċettabbli u t-tnaqqisiet imposti rilevanti. Dawn l-istandards minimi għandhom ikunu kkalibrati skont il-livell ta’ riskju u għandhom ikunu riveduti regolarment bil-għan li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq u partikolarment bħala reazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li fihom jiġi konkluż li dan l-aġir se jimmitiga r-riskji sistemiċi.

2.   CCP tista’ taċċetta, meta dan ikun xieraq u prudenti biżżejjed, dak li fuqu hu bbażat il-kuntratt tad-derivati jew l-istrument finanzjarju li joriġinaw mill-iskopertura tas-CCP bħala kollateral sabiex tkopri r-rekwiżiti tal-marġini tagħha.

3.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE u l-BERS, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-tip ta’ garanzija li tista’ titqies bħala likwida ħafna u t-tnaqqisiet imposti msemmija fil-paragrafu 1.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE u l-BERS, għandha tissottometti abbozzi fuq dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 44

Politika ta’ investiment

1.   CCP għandha tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna biss b’riskju minimu tas-suq u ta’ kreditu , pereżempju fir-riżervi ma’ bank ċentrali tal-UE . L-investimenti għandhom ikunu kapaċi li jkunu likwidati b’mod rapidu b’effett avvers minimu fuq il-prezz.

1a.     L-ammont ta’ kapital, flimkien mal-qligħ u r-riżervi ta’ CCP, li ma jiġix investit f'konformità mal-paragrafu 1, m'għandux jitqies għall-finijiet tal-Artikolu 12(2).

2.   Strumenti finanzjarji li jiddaħħlu bħala marġini għandhom jiġu ddepożitati mal-operaturi ta’ sistemi tas-saldu tat-titoli li jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għas-CCPs u l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti. CCP għandu jkollha aċċess minnufih għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ. Is-CCPs għandu jkollhom kontrolli sodi fuq ir-reipotekazzjoni tal-kollateral tal-membri tal-ikklerjar skont limiti definiti mill-Kummissjoni.

3.   CCP ma għandhiex tinvesti l-kapital tagħha jew is-somom riżultanti mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 39, 40 u 41 fit-titoli tagħha stess jew dawk tal-impriża prinċipali jew sussidjarja.

4.   CCP għandha tikkunsidra l-iskoperturi tar-riskju tal-kreditu globali tagħha għal individwi b'obbligazzjoni meta tagħmel id-deċiżjoni tal-investiment tagħha u għandha tiżgura li l-iskoperturi tar-riskju globali tagħha għal kwalunkwe indiviwdu b'obbligazzjoni tibqa’ skont limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.

5.    Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna msemmija fil-paragrafu 1 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-AETS, wara konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti abbozzi fuq dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 45

Proċeduri ta’ inadempjenza

1.   CCP għandu jkollha fis-seħħ proċeduri dettaljati li għandhom jiġu segwiti meta membru tal-ikklerjar ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35 fil-limitu taż-żmien u skont il-proċeduri stabbiliti mis-CCP. Is-CCP għandha tiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li l-insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar ma tkunx stabbilita mis-CCP. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu riveduti annwalment.

2.   CCP għandha tieħu azzjoni minnufih biex iżżomm telf u pressjonijiet ta’ likwidità li jirriżultaw minn inadempjenzi u għandha tiżgura li l-għeluq totali ta’ kwalunkwe pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar ma jfixkilx l-operazzjonijiet tagħha jew jesponi l-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għal telf li ma jistax jiġi antiċipat jew ikkontrollat.

3.   Is-CCP għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha immedjatament tinforma lill-awtorità responsabbli għas-superviżjoni tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti meta s-CCP tqis li l-membru tal-ikklerjar mhux se jkun kapaċi li jissodisfa l-obbligi futuri tiegħu u meta s-CCP jkollha l-intenzjoni li tiddikjara l-inadempjenza tiegħu.

4.   CCP għandha tistabbilixxi li l-proċeduri tal-inadempjenza tagħha huma infurzabbli. Għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li jkollha s-setgħat legali biex tillikwida l-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u biex tittrasferixxi jew tillikwida l-pożizzjonijiet tal-klijent tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

Artikolu 46

Reviżjoni tal-mudelli, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv

1.   CCP għandha regolarment tirrevedi l-mudelli u l-parametri adottati biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-marġini tagħha, il-kontribuzzjonijiet tal-fond inadempjenti, ir-rekwiżiti tal-kollateral u mekkaniżmi oħra tal-kontroll tar-riskju. Għandha tissoġġetta l-mudelli għal testijiet tal-istress rigorużi u frekwenti biex tivvaluta r-reżiljenza tagħhom f'kondizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli u għandha twettaq ittestjar retrospettiv biex tivvaluta l-affidabilità tal-metodoloġija adottata. Is-CCP għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bir-riżultati tat-testijiet imwettqa u għandha tikseb il-validazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe bidla fil-mudelli u l-parametri.

2.   CCP għandha regolarment tittestja l-aspetti ewlenin tal-proċeduri tal-inadempjenza tagħha u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li l-membri tal-ikklerjar kollha jifhmuhom u jkollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ sabiex jirrispondu għal avveniment ta’ inadempjenza.

2a     L-AETS għandha tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet tal-istress imsemmija fil-paragrafu 1 għall-ESAs sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-esponiment tal-impriżi finanzjarji għall-inadempjenza tas-CCPs.

3.   CCP għandha pubblikament tiddivulga l-informazzjoni ewlenija fuq il-mudell tal-immaniġjar tar-riskji tagħha u l-preżunzjonijiet adottati għat-twettiq tat-testijiet tal-istress imsemmija fil-paragrafu 1 u l-eżitu tat-testijiet tal-istress ħlied fil-każ li l-awtorità kompetenti, wara li tikkonsulta lill-AETS, tqis li tali divulgazzjoni tikkostitwixxi theddida għall-istabbilità finanzjarja.

4.    Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ testijiet li għandhom jitwettqu għal klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji u portafolji;

(b)

l-involviment tal-membri tal-ikklerjar jew partijiet oħra fit-testijiet;

(c)

il-frekwenza tat-testijiet;

(d)

il-firxa taż-żmien tat-testijiet;

(e)

l-informazzjoni prinċipali msemmija fil-paragrafu 3.

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta'Standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

Artikolu 47

Saldu

1.   CCP għandha, meta fattibbli u disponibbli, tuża flus tal-bank ċentrali biex issalda t-tranżazzjonijiet tagħha. Meta l-flus tal-bank ċentrali ma jkunux intużaw , għandhom jittieħdu passi biex b'mod strett jiġi limitat ir-riskju tal-ħlas bi flus kontanti .

2.   CCP għandha tiddikjara b’mod ċar l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, inklużi jekk ikollhiex obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenja ta’ strument finanzjarju jew li tindennizza l-parteċipanti għal telf imġarrab fil-proċess tal-kunsenja.

3.   Meta CCP jkollha obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, is-CCP għandha telimina r-riskju prinċipali permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kunsenja kontra ħlas sal-limitu possibbli.

Artikolu 48

Arranġamenti tal-interoperabilità

1.   CCP tista’ tidħol f'arranġament tal-interoperabbiltà ma’ CCP oħra meta jkunu ntlaħqu r-rekwiżiti skont l-Artikoli 49 u 50.

1a     Bil-għan li s-CCPs ma jiġux esposti għal riskji addizzjonali, l-arranġamenti ta’ interoperabilità għandhom ikunu limitati għal titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, kif definit fl-ambitu tal-Artikolu 4(1) punt 18(a) u (b) u punt 19 tad-Direttiva 2004/39/KE għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, sat-30 ta’ Settembru 2014, l-AETS għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar jekk ikunx xieraq it-twessigħ ta’ dak l-ambitu biex jinkludi strumenti finanzjarji oħra.

2.   Meta jiġi stabbilit arranġament tal-interoperabilità ma’ CCP oħra għall-iskop tal-provvista tas-servizzi għal post partikolari tan-negozjar, is-CCP għandu jkollha aċċess mhux diskriminatorju għad-dejta li tkun teħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha minn dak il-post partikolari tan-negozjar u għas-sistema tas-saldu rilevanti.

3.   Id-dħul f’arranġament tal-interoperabilità jew l-aċċess għal għotja ta’ dejta jew sistema tas-saldu msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha tkun ristretta direttament jew indirettament biex tikkontrolla kwalunkwe riskju li joriġina minn dak l-arranġament jew l-aċċess.

Artikolu 48a

Aċċess għal flussi ta’ dejta fil-kummerċ għas-CCPs

1.     CCP għandu jkollha d-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għall-flussi ta’ dejta ta’ kull post tan-negozjar partikolari u aċċess għal kwalunkwe sistema ta’ saldu rilevanti li jkollha bżonn għall-qadi ta’ dmirijietha.

2.     Għall-iskop tar-rapporti lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew imsemmija fl-Artikolu 68, l-AETS għandha tissorvelja l-aċċess għas-CCPs, u l-effetti fuq il-kompetittività ta’ ċerti prattiki, inkluż l-użu ta’ prattiki ta’ liċenzjar esklużiv.

Artikolu 49

Ġestjoni tar-riskju

1.   CCPs li jidħlu f’arranġament tal-interoperabbiltà għandhom:

(a)

ikollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u sistemi xierqa sabiex b’mod effettiv jidentifikaw, jimmonitorjaw u jimmaniġjaw ir-riskji addizzjonali li joħorġu mill-arranġament sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi tagħhom fil-ħin;

(b)

jaqblu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inkluż il-liġi applikabbli li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom;

(c)

jidentifikaw, jimmonitorjaw u b’mod effettiv jimmaniġġjaw riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità sabiex l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ta’ CCP waħda ma taffetwax CCP interoperabbli;

(d)

jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw interdipendenzi u korrelazzjonijiet potenzjali li joħorġu minn arranġament tal-interoperabilità li jista’ jaffetwa r-riskji tal-kreditu u tal-likwidità relatati ma’ konċentrazzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar, u riżorsi finanzjarji ppuljati.

Għall-finijiet tal-punt (b), tal-ewwel subparagrafu, is-CCPs għandhom jużaw l-istess regoli li jikkonċernaw il-mument tad-dħul tal-ordnijiet tat-trasferiment fis-sistemi rispettivi tagħhom u l-mument tal-irrevokabilità, kif stabbilit fid-Direttiva 98/26/KE fejn rilevanti.

Għall-finijiet tal-punt (c), tal-ewwel subparagrafu, it-termini tal-arranġament għandhom jiddeskrivu l-proċess għall-immaniġġjar tal-konsegwenzi tal-inadempjenza meta waħda mis-CCPs li magħha jkun ġie konkluż arranġament tal-interoperabbiltà tkun inadempjenti.

Għall-finijiet tal-punt (d), tal-ewwel subparagrafu, is-CCPs għandu jkollhom kontrolli sodi dwar ir-riipotekazzjoni tal-kollateral tal-membri tal-ikklerjar taħt l-arranġament, jekk permessi mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. L-arranġament għandu jiddeskrivi kif dawn ir-riskji ġew indirizzati filwaqt li jikkunsidra kopertura suffiċjenti u l-bżonn li jiġi llimitat it-tniġġis.

2.   Meta l-mudelli tal-immaniġjar tar-riskji użati mis-CCPs biex ikopru l-iskopertura tagħhom għall-membri tal-ikklerjar tagħhom kif ukoll l-iskoperturi reċiproċi tagħhom ikunu differenti, is-CCPs għandhom jidentifikaw dawk id-differenzi, jivvalutaw ir-riskji li jistgħu joħorġu minnhom u jieħdu l-miżuri, inklużi li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji addizzjonali, li jistgħu jillimitaw l-impatt tagħhom fuq l-arranaġament tal-interoperabilità kif ukoll il-konsegwenzi potenzjali tagħhom f'termini ta’ riskji ta’ tniġġis u li jiżguraw li dawn id-differenzi ma jaffetwawx l-abilità ta’ kull CCP biex timmaniġja l-konsegwenzi tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar.

Artikolu 49a

Għoti ta’ marġini fost CCPs

1.     Is-CCP għandha tissegrega l-garanzija li tirċievi mis-CCPs li magħhom daħlu f'arranġament tal-interoperabilità.

2.     Il-garanzija rċevuta f'forma ta’ kontanti għandha tinżamm f’kontijiet segregati.

3.     Il-garanzija rċevuta fil-forma ta’ strument finanzjarji għandha tinżamm f’kontijiet segregati fi ħdan l-operaturi tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli notifikati skont id-Direttiva 98/26/KE.

4.     Il-garanzija segregata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tkun għad-dispożizzjoni tas-CCPs riċeventi biss f'każ ta’ inadempjenza tas-CCP li tkun tat il-garanzija fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabilità.

5.     F'każ ta’ inadempjenza tas-CCP li tkun irċeviet il-garanzija fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabilità, il-garanzija segregata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tingħata lura fil-pront fis-CCP li tkun tatha.

Artikolu 50

Approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabilità

1.   Arranġament tal-interoperabbiltà għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tas-CCPs involuti. Il-proċedura fl-Artikolu 13 għandha tapplika.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu biss approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabilità, meta s-CCPs involuti ġew awtorizzati jikklerjar skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, u żvolġew kontinwament ir-rwol tagħhom ta’ kklerjar tal-kuntratti ta’ derivati fl-ambitu ta’ dik l-awtorizzazzjoni b’ rekwiżiti ta’ superviżjoni għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin , ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 49 jintlaħqu u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-ikklerjar ta’ tranżazzjonijiet taħt it-termini tal-arranġament jippermettu funzjonament mingħajr ostakli u ordnat tas-swieq finanzjarji u li l-arranġament ma jxekkilx l-effikaċja tas-superviżjoni.

3.   Fejn awtorità kompetenti tqis li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux ġew issodisfati, hi għandha tipprovdi spjegazzjonijiet bil-miktub dwar il-kunsiderazzjonijiet tagħha tar-riskju għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra u s-CCPs involuti. Għandha wkoll tinnotifika lill-AETS, li għandha toħroġ opinjoni dwar il-validità effettiva tal-kunsiderazzjonijiet tar-riskju bħala bażijiet għal ċaħda ta’ arranġament tal-interoperabilità. L-opinjoni tal-AETS għandha tkun disponibbli għas-CCPs kollha involuti. Fejn il-valutazzjoni tal-AETS ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti, din l-awtorità għandha tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-AETS.

4.   Sat-30 ta’ Ġunju 2012, l-AETS għandha toħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġu stabbiliti valutazzjonijiet konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-arranġamenti tal-interoperabilità, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Titolu VI

Reġistrazzjoni u sorveljanza tar-registrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

Kapitolu 1

Kundizzjonijiet u Proċeduri għar-Reġistrazzjoni ta’ Repożitorju tat-tranżazzjonijiet

Artikolu 51

Reġistrazzjoni ta’ Repożitorju tat-tranżazzjonijiet

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jirreġistra mal-AETS għall-finijiet tal-Artikolu 6.

2.   Sabiex ikun eliġibbli taħt dan l-Artikolu, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u għandu jilħaq ir-rekwiżiti tat-Titolu VII.

3.   Ir-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

4.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat għandu jikkonforma f'kull waqt mal-kundizzjonijiet tal-bidu għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidliet materjali għall-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

Artikolu 52

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS.

2.   L-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-AETS għandha tistabbilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tevalwa applikazzjoni bħala kompluta, l-AETS għandha tinnotifika b'dan lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

3.    Bil-għan li tiġi garantita applikazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS msemmija fil-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 19]

4.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi tal-implimentazzjoni li jiddeterminaw il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi tal-implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu b’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 53

L-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni

1.   L-AETS għandha, fi żmien erbgħin jum tax-xogħol min-notifika msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 52(2) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bbażata fuq il-konformità tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 64 sa 67 u tadotta Deċiżjoni rraġunata b’mod sħiħ għal reġistrazzjoni jew ċaħda.

2.   Id-deċiżjoni maħruġa mill-AETS skont il-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 54

Notifika tad-deċiżjoni

1.   Meta l-AETS tadotta Deċiżjoni biex tirreġistra, tirrifjuta reġistrazzjoni jew tirtira reġistrazzjoni, għandha tinnotifika r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi żmien 5 ijiem tax-xogħol bi spjegazzjoni raġunata b'mod sħiħ tad-Deċiżjoni tagħha.

2.   L-AETS għandha tikkomunika kwalunkwe Deċiżjoni li tittieħed skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3.   L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha lista tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest (5) ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 55

Multi

1.   ▐ L-AETS, ▐ tista’ permezz ta’ deċiżjoni timponi fuq repożitorju tat-tranżazzjonijiet multa, meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun kiser l-Artikoli 63(1), Artikolu 64, Artikolu 65, Artikolu 66 u Artikolu 67(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dissważivi u proporzjonali għan-natura u s-serjetà tal-ksur, id-dewmien tal-ksur u l-kapaċità ekonomika tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat. ▐

3.   Minkejja l-paragrafu 2, meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun direttament jew indirettament kiseb benefiċċju kwantifikabbli mill-ksur, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas daqs dak il-benefiċċju.

4.    Bil-għan li tiġi garantita applikazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jikkonċernaw:

(a)

kriterji dettaljati biex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa;

(b)

il-proċeduri għal inkjesti, miżuri u rapportar assoċjati, kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, aċċess għall-fajl, rappreżentazzjoni legali, kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet temporali u l-kwantifikazzjoni u l-ġbir tal-multi.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012 .

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. [emenda 6]

Artikolu 56

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet

1.   B'deċiżjoni l-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jimponi l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet sabiex iġiegħel:

(a)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet iġib fi tmiemu l-ksur;

(b)

persuni involuti fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jew partijiet terzi relatati jipprovdu informazzjoni kompluta li tkun intalbet;

(c)

persuni involuti fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jew partijiet terzi relatati joqogħdu għal investigazzjoni u b’mod partikolari li jipproduċu rekords sħaħ, dejta, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u li tlesti u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f'investigazzjoni;

(d)

persuni involuti fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jew partijiet terzi relatati joqogħdu għal spezzjoni fuq il-post.

2.   Il-pagamenti tal-penali perjodiċi pprovduti għandhom ikunu effettivi u proporzjonali. L-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien. ▐

2a     Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-pagamenti tal-penali perjodiċi għandu jkun 3 % tal-fatturat medju annwali fis-sena tan-negozju preċedenti. Dan għandu jkun ikkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet.

2b.     Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perijodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-AETS. Wara dak il-perjodu ta’ sitt xhur, l-AETS għandha tqis il-miżuri.

Artikolu 57

Smigħ tal-persuni konċernati

1.   Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar multa jew pagament ta’ penali perjodiku kif previst fl-Artikoli 55 u 56, AETS għandha tagħti lill-persuni konċernati l-opportunità li jinstemgħu fuq il-kwistjonijiet li dwarhom tkun oġġezzjonat il-Kummissjoni.

AETS għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-persuni konċernati kienu kapaċi jikkumentaw.

2.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rispettati b'mod sħiħ fil-proċedimenti.

Dawk il-persuni għandhom ikunu intitolati jkollhom aċċess għall-fajl tal-AETS , bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-AETS . [emenda 8]

Artikolu 58

Dispożizzjonijiet komuni għal multi u pagamenti ta’ penali perjodiċi

1.    AETS għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u pagament ta’ penali perjodiku li tkun ġiet imposta skont l-Artikoli 55 u 56.

2.   Multi u pagamenti tal-penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 55 u 56 huma ta’ natura amministrattiva.

2a.     Meta l-AETS tiddeċiedi li ma timponix multi jew penali perjodiċi, għandha tinforma lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tippreżenta r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. [emenda 9 rev]

Artikolu 59

Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li bihom l-AETS tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament tal-penali perjodiku impost. [emenda 10]

Artikolu 60

L-irtirar tar-reġistrazzjoni

1.   L-AETS għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun b’mod espliċitu rrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx għadu jilħaq il-kondizzjonijiet li taħthom kien ġie rreġistrat;

(d)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun b’mod serju jew ripetutament kiser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet iwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet issodisfata, tista’ titlob lill-AETS biex teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni humiex issodisfati.

2a     L-AETS għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiggarantixxi s-sostituzzjoni ordnata tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet li minnu tkun ġiet irtirata r-reġistrazzjoni inkluż it-trasferiment tad-dejta lil repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn u riorjentament tal-flussi tar-rapportar lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn.

Artikolu 61

Sorveljanza ta’ Repożitorji tat-tranżazzjonijiet

1.   L-AETS għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikoli 64 sa 67.

2.   Sabiex twettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63, l-AETS għandu jkollha s-setgħa li:

(a)

ikollhom aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)

jiddomandaw tagħrif mingħand kull persuna u, jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu persuna bil-ħsieb li jiksbu tagħrif;

(c)

li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;

(d)

jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data;

Kapitolu 2

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 62

Ftehimiet internazzjonali

Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tissottometti proposti lill-Kunsill għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiż terz wieħed jew iżjed dwar l-aċċess reċiproku għall-kuntratti tad-derivati OTC miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet li huma stabbiliti f'terzi pajjiżi, u l-iskambju tal-informazzjoni dwarhom, meta dik l-informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq tad-doveri tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.

Artikolu 63

Ekwivalenza u rikonoxximent

1.   Repożitorju tat-transazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet tiegħu lil entitajiet stabbiliti fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 biss meta dak ir-repożitorju tat-transazzjonijiet ikun stabbilit għalih fl-Unjoni, ikun rikonoxxut mill-AETS .

2.   L-AETS għandha tirrikonoxxi repożitorju tat-tranżazzjonijiet minn pajjiż terz biss meta jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun awtorizzat fi u jkun soġġett għal sorveljanza effettiva f’dak il-pajjiż terz;

(b)

il-Kummissjoni tkun adottat Deċiżjoni skont il-paragrafu 3;

(c)

l-Unjoni tkun daħlet fi ftehim internazzjonali ma’ dak il-pajjiż terz, kif imsemmi fl-Artikolu 62;

(d)

ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont il-paragrafu 4 sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Unjoni jkollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa.

(da)

il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni li tiddikjara li l-istandards tal-pajjiż terz għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Task Force dwar Azzjoni Finanzjarja u għandhom l-istess efett bħar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2005/60/KE;

(db)

il-pajjiż terz ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CCP awtorizzata li jikkonforma kompletament mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-mudell ta’ konvenzjoni fiskali tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u jiggarantixxi skambju effikaċi ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali, fosthom, jekk hemm, ftehimiet multilaterali fiskali;

(dc)

l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz li jkun daħal fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 62 diment li jaqblu li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u l-awtoritajiet tal-UE jiġu indennizzati għal kwalunkwe spiża li rriżultat mil-litigazzjoni relatata mal-informazzjoni mogħtija mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(dd)

il-pajjjiż terz japplika kundizzjonijiet ta’ aċċess reċiproku għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-UE u reġim ta’ rikonoxximent reċiproku jkun ġie implimentat f'dak il-pajjiż terz.

3.   Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu -68 , li tiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u li dawn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma soġġetti għal superviżjoni effettiva u infurzar f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

4.   L-AETS għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ terzi pajjiżi li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ġew ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 3. Tali arranġamenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Unjoni jkollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-obbligi tagħhom u aċċess diretti għal repożitorji tat-trażazzjonijiet f’ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi . Dawk l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a)

il-mekkaniżmu għall-kambju tal-informazzjoni bejn l-AETS, kwalunkwe awtoritajiet oħra tal-Unjoni li jeżerċitaw responsabilitajiet skont dan ir-Regolament ▐, l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi kkonċernati u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati; dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi spezzjonijiet fil-post ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi mal-AETS ;

(b)

il-proċeduri li jirrigwardaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji.

Titolu VII

Rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

Artikolu 64

Rekwiżiti ġenerali

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludi struttura organizzazzjonali ċara b’linji tar-responsabilità definiti b’mod ċar, trasparenti u konsistenti u mekkaniżmi tal-kontroll intern xierqa, inklużi proċeduri amministrattivi sodi u tal-kontabilità, li jipprevjenu n-nuqqas ta’ kwalunkwe divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi politiki u proċeduri xierqa li jkunu biżżejjed biex jiżguraw il-konformità, inkluż mill-maniġers u l-impjegati tagħhom tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jżomm u jopera struttura organizzazzjonali xierqa li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tiegħu. Għandu jħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

4.   Id-diriġenza għolja u l-membri tal-bord ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollhom reputazzjoni u esperjenza tajba biżżejjed li jiżguraw l-immaniġġjar tajjeb u prudenti tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

5.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollu rekwiżiti oġġettivi, mhux diskriminatorji u li huma pubblikament divulgati għal aċċess u parteċipazzjoni. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom hu l-kontroll tar-riskju għad-data miżmuma minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

6.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu pubblikament jiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi li jipprovdi . Għandha tiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi tas-servizzi u funzjonijiet singoli pprovduti separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Għandu jippermetti lill-entitajiet tar-rapportar li jaċċessaw servizzi speċifiċi separatament. Il-prezzijiet u t-tariffi imposti minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma għandhomx ikunu ogħla mill-kost imġarrab mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet .

Artikolu 65

Affidabilità operazzjonali

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jidentifika s-sorsi tar-riskju operattiv u jimminimizzahom permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi, kontroll u proċeduri xierqa. Dawn is-sistemi għandhom ikunu affidabbli u siguri, u għandu jkollhom kapaċità xierqa għall-immaniġġjar tal-informazzjoni rċevuta.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u s-sodisfar tal-obbligi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Tali pjan għandu mill-inqas jipprevedi l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ riżerva.

Artikolu 66

Salvagwardjar u reġistrar

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiżgura l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 6. Ma jista' jsir l-ebda użu kummerċjali tal-ebda informazzjoni mingħajr il-kunsens taż-żewġ kontropartijiet tal-kuntratt ta’ derivati.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu minnufih jirreġistra l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 6 u għandu jżommha għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti. Għandu jħaddem proċeduri taż-żamma tar-rekords puntwali u effiċjenti sabiex jiddokumenta l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata.

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkalkula l-pożizzjonijiet skont il-klassi tad-derivati u permezz tar-rapportar tal-entità fuq il-bażi tad-dettalji tal-kuntratti derivati rapportati skont l-Artikolu 6.

4.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jippermetti lill-partijiet f'kuntratt li jaċċessaw u jikkoreġu l-informazzjoni fuq dak il-kuntratt fil-ħinijiet kollha.

5.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tiegħu u għandu jipprevjeni l-użu ta’ dik l-informazzjoni miżmuma għal attivitajiet oħra tan-negozju.

L-informazzjoni kundifenzjali rreġistrata f’repożitorju tat-tranżazzjonijiet wieħed ma għandhiex tintuża għal użu kummerċjali minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li jkollha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja mar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

Artikolu 67

Trasparenza u disponibilità tad-dejta

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu , regolarment, u b’mod faċilment aċċessibbli, jippubblika pożizzjonijiet aggregati skont il-klassi ta’ derivati rappurtati lilu , u dan ir-rapportar għandu, meta jkun possibbli, juża standards industrijali miftuħin u internazzjonali .

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkollhom aċċess dirett u immedjat għal dawk id-dettalji tal-kuntratti tad-derivati li jeħtieġu għall-qadi ta’ dmirijiethom.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni meħtieġa lill-entitajiet li ġejjin , diment li l-aċċess għat-tali informazzjoni jkun strettament neċessarju biex iħallihom jiżvolġu r-responsabilitajiet u l-mandati rispettivi tagħhom :

(a)

AETS;

(aa)

il-BERS;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-impriżi soġġetti għall-obbligu tar-rapportar skont l-Artikolu 6;

(c)

l-awtorità kompetenti li tissorvelja s-CCPs li jaċċessaw ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(ca)

l-awtorità kompetenti li timmonitorja l-postijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti rrappurtati;

(d)

il-banek ċentrali rilevanti tas-SEBĊ;

(da)

il-pubbliku, b'mod aggregat, kull ġimgħa f'forma li jagħmel sens biex dawk li mhumiex parteċipanti jkunu jistgħu jkunu debitament informati dwar ċifri konkreti ta’ volum, pożizzjonijiet, prezzijiet u valur, kif ukoll tendenzi, riskji u informazzjoni rilevanti oħra li żżid it-trasparenza tas-suq tad-derivati OTC.

Is-setgħa hi ddelegata lill-AETS bil-għan li jiġu fissati u rieżaminati l-kriterji tal-pubblikazzjoni u li jiġi deċiż jekk it-tali pubblikazzjoni tinħariġx aħjar mill-awtoritajiet rilevanti nazzjonali jew tal-Unjoni.

3.   L-AETS għandha taqsam l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra.

4.    Bil-għan li tiġi garantita applikazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 kif ukoll standards operattivi meħtieġa għall-aggregazzjoni u għat-tqabbil tad-dejta minn repożitorju għall-ieħor u meta jkun meħtieġ li l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni. Dak l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji għandu jkollu l-għan li jiggarantixxi li l-informazzjoni pubblikata skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tkun kapaċi tidentifika l-ebda parti tal-ebda kuntratt.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 . [emenda 19]

Artikolu 67a

Biex ikun garantit li jkunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandhom ikunu organizzati adegwatament sabiex ikunu f'pożizzjoni li jagħtu lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-kuntratti ta’ derivati kif imsemmi fl-Artikolu 6.

Titolu VIII

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu -68

Atti ddelegati

1.     Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni b'riżerva għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.     Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 23 u 63 għandha tkun konferita lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

3.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha biex tikkonsulta lill-AETS.

4.     Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 23 u 63 tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data oħra speċifikatat fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.

5.     Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.     Att delegat adottat skont l-Artikoli 23 u 63 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw, it-tnejn li huma, lill-Kummissjoni li mhumiex se qajmu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 68

Rapporti u Reviżjoni

1.   Sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha teżamina u tirrapporta fuq l-arranġamenti istituzzjonali u superviżorji skont it-Titolu III u b'mod partikolari r-rwol u r-responsabilitajiet tal-AETS. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta adatta.

Sal-istess data, il-Kummissjoni għandha, b’koordinament mal-AETS u l-awtoritajiet settorjali rilevanti, tivvaluta l-importanza sistemika tat-tranżazzjonijiet tad-ditti mhux finanzjarji fid-derivati OTC.

2.    L-AETS għandha tissottometti rapporti lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II u dwar regoli futuri possibbli dwar l-arranġamenti tal-interoperabilità.

Dawk ir-rapporti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Settembru 2014.

3.   Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-AETS, u wara li titlob il-valutazzjoni tas-SEBĊ, tħejji rapport annwali li jivaluta kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi u kostijiet tal-arranġamenti tal-interoperabilità.

Ir-rapport għandu jiffoka mill-inqas fuq in-numru u l-kumplessità ta’ dawn l-arranġament, u l-adegwatezza ta’ sistemi u mudell tal-immaniġjar tar-riskji. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta adatta.

Is-SEBĊ għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tiegħu ta’ kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi u kostijiet tal-arranġamenti tal-interoperabilità.

3a.     Sa.. (31). il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-AETS, għandha tħejji l-ewwel rapport ġenerali u l-ewwel rapport dwar elementi speċifiċi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-AETS, għandha tivvaluta b’mod partikolari l-evoluzzjoni tal-politiki tas-CCPs dwar ir-rekwiżiti tal-marġinalizzar kollaterali u tal-iżgurar tagħhom għall-attivitajiet speċifiċi u l-profili tar-riskju tal-utenti tagħhom.

Artikolu 68a

L-AETS għandha tirċievi finanzjament addizzjonali adegwat biex twettaq b'mod effikaċi l-kompiti ta’ regolamentazzjoni u ta’ superviżjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 69

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Titoli Ewropew stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (32) .Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (33).

2.   Fejn ikun hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

Artikolu 70

Emenda għad-Direttiva 98/26/KE

Is-sotto-paragrafu li ġej jiġi miżjud mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/26/KE:

"Meta operatur ta’ sistema jkun ipprovda titolu kollaterali lil operatur ta’ sistema ieħor b’rabta ma’ sistema interoperabbli, id-drittijiet tal-operatur tas-sistema li jipprovdi għal dak it-titolu kollaterali ma għandhomx jiġu affetwati minn proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-operatur ta’ sistema riċevitur.".

Artikolu 70a

Manteniment ta’ sit elettroniku min-naħa tal-AETS

1.     L-AETS għandha tmantni sit elettroniku li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kuntratti eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4;

(b)

il-penali imposti għall-ksur tal-Artikoli 3 sa 8;

(c)

is-CCPs awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni li huma persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, u s-servizzi jew l-attivitajiet li huma awtorizzati li jipprovdu jew jagħmlu, inkluż il-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni tagħhom;

(d)

il-penali imposti għal ksur tat-Titoli IV u IV;

(e)

is-CCPs awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni stabbiliti f’pajjiż terz, u s-servizzi jew l-attivitajiet li huma awtorizzati li jipprovdu jew jagħmlu, inkluż il-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni tagħhom;

(f)

ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni;

(g)

il-penali u multi imposti skont l-Artikoli 55 u 56;

(h)

ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 4b.

2.     Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punti (b), (c) u (d), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom siti elettroniċi, li għandhom ikunu konnessi mas-sit elettroniku tal-AETS.

3.     Is-siti elettroniċi kollha msemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu pubblikament aċċessibbli u aġġornati regolarment, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni f'format ċar.

Artikolu 71

Dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni

1.   CCP li tkun ġiet awtorizzata fl-Istat Membru fejn hi stabbilita biex tipprovdi servizzi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament , jew CCP minn pajjiż terz approvata għall-provvista ta’ servizzi fi Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, għandha tikseb l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 jew rikonoxximent skont l-Artikolu 23 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, sa … (34).

1a     Repożitorju tat-transazzjonijiet li jkun ġie awtorizzat fl-Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu li jiġbor u jżomm ir-rekords tad-derivati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabbilit f'pajjiż terz li huwa permess jiġbor u jżomm ir-rekords tad-derivati li jsiru fi Stat Membru skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51 jew ir-rikonoxximent skont l-Artikolu 63 fi żmien … (35).

2.   Kuntratti derivati li ġew konklużi qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal dak it-tip partikolari ta’ kuntratt għandhom jiġu rappurtati lil dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi żmien 120 jum mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dak ir-repożitorju mill-AETS.

2a     Il-kuntratti tad-derivati li b’mod oġġettiv jitqiesu bħala kuntratti li jnaqqsu r-riskji marbuta direttament mas-solvenza finanzjarja ta’ investimenti tal-iskema tal-pensjoni skont id-Direttiva 2003/41/KE jew skema fejn il-liġi tal-Istat Membru jagħraf l-iskema għall-ippjanar tal-irtirar għandhom ikunu esklużi mill-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 3 għal perjodu ta’ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sakemm l-istazzjonar tal-kollateral likwidu jirriżulta f’piż żejjed fuq l-investitur minħabba r-rekwiżiti tal-konverżjoni tal-assi. Jekk ir-rapport speċifikat taħt l-Artikolu 68 juri li għal kontropartijiet bħal dawn, dan il-piż żejjed jibqa’ sproporzjonat, il-Kummissjoni b’hekk tingħata s-setgħa li testendi d-deroga sabiex tiżgura soluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti.

Din id-deroga m’għandhiex taffettwa l-obbligu tar-rappurtar skont l-Artikolu 6 jew l-obbligi relatati mat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji skont l-Artikolu 8(1b).

2b.     L-obbligi tal-kontropartijiet kif definiti fl-Artikoli 3, 6, u 8 jidħlu fis-seħħ sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji, standards implimentattivi tekniċi kif ukoll tal-linji gwida relatati ma’ dan imfassla mill-AETS u adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 71a

Persunal u riżorsi tal-AETS

Sal-15 ta’ Settembru 2011, l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġiijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-assunzjoni tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha f'konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 72

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f'kull Stat Membru.

Magħmul fi […],

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 44.

(2)  ĠU C 57, 23.2.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(5)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(7)   ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(8)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(9)   ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(10)   ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(11)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3.

(12)  ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.

(13)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1.

(14)  ĠU L 302, 17.11.2009,. 32.

(15)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(16)   ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.

(17)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

(18)  http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/docs/code/code_en.pdf

(19)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(20)   ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(21)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(22)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

(23)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(24)  

+

In-numru, id-data u t-titolu tar-Regolament (COM(2010)0726).

(25)  ĠU L …

(26)  

++

In-numru tar-Regolament (COM(2010)0726).

(27)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

(28)   ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(29)  ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3.

(30)  ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1.

(31)  

+

Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(32)  ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.

(33)   ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13

(34)  

+

Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(35)  

++

Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.