52010PC0358

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa /* KUMM/2010/0358 finali - COD 2010/0192 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 5.7.2010

KUMM(2010)358 finali

2010/0192 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest ġenerali u raġunijiet għall-proposta

Skont l-Artikolu 62 (2) (b) (i) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jinħtieġu viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni (l-hekk imsejħa ‘lista negattiva’) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom m'għandhomx bżonn din il-viża (l-hekk imsejħa ‘lista pożittiva’). L-Artikolu 61 tat-Trattat tal-KE jelenka dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Id-determinazzjoni ta' dawk il-pajjiżi jew territorji terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u dawk eżentati minnha, hija rregolata minn valutazzjoni kkunsidrata, każ b'każ ta' varjetà ta' kriterja li jirrigwardaw, inter alia, l-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi jew territorji terzi, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità. Minħabba l-kriterji tal-ordni pubblika u l-immigrazzjoni illegali, għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lis-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi jew territorji terzi kkonċernati.

Ladaraba l-kriterji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jistgħu jevolvu maż-żmien fir-rigward ta' pajjiżi jew territorji terzi, il-kompożizzjoni tal-lista negattiva u dik pożittiva għandha tkun reveduta regolarment. Il-Pjan ta' Azzjoni sabiex jiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali u l-ittraffikar tal-bnedmin li ġie adottat mill-Unjoni Ewropea fl-2002 fil-Kunsill Ewropew ta' Sevilja wkoll iffoka għall-ewwel darba fuq il-bżonn li jiġu reveduti annwalment iż-żewġ listi tal-pajjiżi u territorji terzi li huma annessi mar-Regolament.

Għalhekk, minn meta ġie adottat, ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 ġie emendat sitt darbiet[2], u l-aktar reċenti kien dan l-aħħar fir-rigward tar-riżultat tad-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża billi ġew trasferiti tliet pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għal-lista pożittiva. Il-listi annessi mar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandhom jiġu vvalutati b'mod ġenerali fid-dawl tal-kriterji relevanti li kienu msemmija aktar 'l fuq u li huma definiti fir-Regolament, ftit aktar minn sentejn wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006[3].

Ir-reviżjoni attwali u perjodika tar-Regolament għandha l-għan li:

tiżgura li l-kompożizzjoni tal-listi tal-pajjiżi u territorji terzi tikkonforma mal-kriterji msemmija fil-premessa 5 tar-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali u l-kriterji tal-politika pubblika u l-kriterju tar-relazzjonijiet esterni, u t-trasferiment tal-pajjiżi minn anness għall-ieħor kif xieraq;

tiżgura li, skont l-Artikolu 77 (2) (a) tat-TFUE, ir-Regolament jiddetermina b'mod eżawrijenti jekk ċittadin ta' pajjiż jew ta' territorju terz għandux ikun suġġett għal jew eżentat mir-rekwiżit tal-viża.

Proposta oħra li temenda r-Regolament 539/2001 tista' tkun ippreżentata mill-Kummissjoni f'waqtha sabiex tintegra riżultati possibbli tad-djalogi rigward il-viża li għadhom għaddejjin mal-Albanija u mal-Bosnja-Ħerzegovina.

2. Elementi tal-proposta

Skont l-approċċ li hu segwit f'konformita' mal-bidliet li saru qabel lir-Regolament (KE) Nru 539/2001, minħabba r-reviżjoni perjodika l-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri sabiex jiċċekkjaw jekk l-annessi għar-Regolament kif huma attwalment jikkorrispondux mal-kriterji determinati mir-Regolament. L-Istati Membri m'għamlu l-ebda suġġeriment sabiex jittrasferixxu lil pajjiżi jew territorji terzi mil-lista pożittiva għal dik negattiva. Il-Kummissjoni rċeviet biss suġġerimenti għat-trasferimenti mil-lista negattiva għal dik pożittiva (Tajwan, Trinidad u Tobago, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Beliż, Dominika, Grenada, il-Ġżejjer Marshall, Mikroneżja u Palaw). L-informazzjoni mgħoddija mill-Istati Membri (il-Kummissjoni rċeviet 25 risposta) ġiet analizzata flimkien ma' informazzjoni u statistiċi oħra fornuti taħt iċ-CIREFI. Wara li analizzat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

2.1. Trasferiment ta' Tajwan għal-lista pożittiva

Tajwan hu karatterizzat minn dħul per capita għoli (US$ 30,100) u stabbilta' politika (ir-raba' elezzjoni diretta Presidenzjali saret f'Marzu 2008 minn meta tneħħiet l-liġi marzjali fl-1987). Minkejja l-fatt li l-UE ma tirrikonoxxix lit-Tajwan bħala Stat sovran u m'għandha l-ebda relazzjonijiet diplomatiċi jew formali, l-UE żviluppat kuntatti u kooperazzjoni regolari mal-awtoritajiet tat-Tajwan fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, ta' riċerka, ta' xjenza u teknoloġija, ta' edukazzjoni u kultura kif ukoll ambjentali. Minħabba f'hekk, l-UE hi l-akbar investitur barrani fit-Tajwan.

Fir-rigward tal-aspetti politiċi, id-diskussjonijiet fi ħdan il-gruppi politiċi rilevanti fil-Kunsill f'Marzu 2009 taw sinjal politiku ċar tal-appoġġ tal-UE għat-talba tat-Tajwan sabiex tagħti vjaġġar mingħajr viża liċ-ċittadini tagħha fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament. Ġie kkunsidrat li t-trasferiment tat-Tajwan għal-lista pożittiva se jkollu impatt ekonomiku pożittiv fuq ir-relazzjonijiet UE-Tajwan, peress li t-Tajwan hi msieħba kummerċjali maġġuri tal-UE (id-dsatax l-akbar imsieħba kummerċjali). Attwalment l-UE hi destinazzjoni importanti taċ-ċittadini ta' Tajwan li qed jivvjaġġaw barra minn xtuthom. Ir-Renju Unit ukoll tat vjaġġar mingħajr viża lit-Tajwan f'Marzu 2009 u l-Irlanda f'Lulju 2009.

It-trasferiment tat-Tajwan għal-lista pożittiva se jsaħħaħ il-koerenza reġjonali peress li l-UE tati reġim ta' mingħajr viża lil pajjiżi u entitajiet oħra tar-reġjun li għandhom livell simili ta' żvilupp ekonomiku, bħal eżempju Ħong Kong, il-Makaw, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u Singapor.

Fir-rigward tal-migrazzjoni, ir-riskju ta' immigrazzjoni illegali mit-Tajwan hi verament baxxa (medja ta' 45 persuna kull sena qiegħda hemm b'mod illegali għall-perjodu 2006-2008), kif ukoll ikkonfermat mir-rata ta' rifjut mal-fruntiera (medja ta' 38 persuna kull sena għall-perjodu 2006-2008) u r-rata ta' rifjut tal-viża (0,25 % fl-2008). Fuq dik il-bażi, l-impożizzjoni ta' rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini tat-Tajwan m'għadhiex ġustifikata.

Rigward is-sigurta' tad-dokumenti, it-Tajwan adotta miżuri li jiżguraw karti tal-ID verament siguri u reċentement introduċa passaport ġdid aktar sigur. Mill-aħħar tal-2008, it-Tajwan qed joħroġ passaporti bijometriċi u jagħmel proċess ta' personalizzazzjoni mtejjeb għall-ħruġ ta' passaporti ġodda.

Fir-risposti tagħhom lill-kwestjonarju tal-Kummissjoni minħabba r-reviżjoni regolari tar-Regolament, għaxar Stati Membri proponew b'mod espliċitu li t-Tajwan jiġi trasferit għal-lista pożittiva.

Kwalunkwe eżenzjoni mogħtija liċ-ċittadini tat-Tajwan għandha tkun reċiprokata mit-Tajwan. Dwar din il-kwistjoni t-Tajwan esprima r-rieda politika li jagħti reġim sħiħ mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE u elimina progressivament ir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta' maġġoranza kbira tal-Istati Membri tal-UE; attwalment għad hemm bżonn ta' viża għaċ-ċittadini ta' Ċipru, ir-Rumanija u l-Bulgarija. Madanakollu, it-Tajwan, permezz ta' ittra uffiċċjali, diġà indika l-impenn tiegħu li joffri reġim sħiħ ta' eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' dawn it-tliet Stati Membri wkoll tul l-2010.

2.2. Trasferiment ta' pajjiżi u territorji terzi oħra

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni disponibbli, inkluż statistiċi CIREFI, li nġabret dwar kull pajjiż jew territorju terz propost mill-Istati Membri. Attenzjoni partikolari ngħatat ukoll għal-livell ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż jew territorju, għar-riskju ta' immigrazzjoni illegali lejn l-UE li huma konnessi magħha, għar-relazzjonijiet esterni u l-kriterji ta' koerenza reġjonali.

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li pajjiżi jew territorji terzi oħra li t-trasferiment tagħhom għal-lista pożittiva ġie ssuġġerit biss minn wieħed jew f'xi ftit każijiet żewġ Stati Membri, f'dan l-istadju mhumiex ikkunsidrati li jissodisfaw il-kriterji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Pajjiżi jew territorji oħra jistgħu jkunu soġġetti għal emenda futura tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 fid-dawl tal-progress li se jilħqu f'diversi oqsma u l-ksib tal-kriterji msemmija fir-Regolament.

2.3. Gżejjer Marjana tat-Tramuntana

L-Istati Membru tefgħu l-attenzjoni għall-istatus tal-Gżejjar tal-Marjana tat-Tramuntana u ssuġġerew li dawn jitneħħew mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Il-Gżejjer tal-Marjana tat-Tramuntana huma rikkezza komuni fl-unjoni politika mal-Istati Uniti tal-Amerika, u l-kap tal-istat tal-Marjana tat-Tramuntana hu l-President tal-Istati Uniti. It-territorju hu rappreżentat fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti. B'mod ġenerali, il-liġi federali tal-Istati Uniti tapplika għall-pajjiż. Il-Gżejjer Marjana tat-Tramuntana għandhom status simili għal dak tal-Guam jew Puerto Rico. Iċ-ċittadini tal-Ġżejjer għandhom passaporti tal-Istati Uniti.

Wara l-informazzjoni t'hawn fuq, ir-referenza għall-Ġżejjer Marjana tat-Tramuntana għandha titħassar mill-Anness I. Dan se jfisser li ċ-ċittadini tal-Ġżejjer ta' Marjana tat-Tramuntana, bħala ċittadini tal-Istati Uniti, jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża.

3. L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-Istati Membri ġew ikkonsultati.

4. Evalwazzjoni tal-impatt

Mhux bilfors.

5. Bażi legali

Abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tal-politika komuni tal-viża skont l-Artikolu 77 (2) (a) tat-TFUE.

6. Il-prinċipji ta' propozjonalità u sussidjarjetà:

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi u t-territorji terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (il-lista negattiva) u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-lista pożittiva).

Id-deċiżjoni biex tbiddel il-listi, biex titrasferixxi pajjiż mil-lista negattiva għal-lista pożittiva jew viċe versa, taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-KE skont l-Artikolu 77(2) (a) tat-TFUE.

7. Għażla tal-istrumenti

Ir-Regolament (KE) 539/2001 għandu jiġi emendat b’Regolament.

8. Implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ta' emenda ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

2010/0192 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[4],

Wara li ġiet trażmessa l-proposta lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi u territorji terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[5] għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-premessa (5) tiegħu. Il-pajjiżi jew territorji terzi, li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

2. L-impożizzjoni ta' rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini tat-Tajwan m'għadux iġġustifikat, minħabba b'mod partikolari li t-territorju ma jirrappreżentax xi riskju ta' immigrazzjoni illegali jew ta' politika pubblika għall-UE u fid-dawl tar-relazzjonijiet esterni, skont il-kriterji msemmija fil-premessa 5 tar-Regolament. Konsegwentement dan it-territorju għandu jiġi trasferit għall-Anness II.

3. Referenza għal Marjana tat-Tramunatana għandha tkun imħassra mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, peress li ċ-ċittadini tat-territorju in kwistjoni huma, bħala detenturi tal-passaporti tal-UE, ċittadini tal-Istati Uniti li hi mniżżla fl-Anness II.

4. Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[6], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[7].

5. Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[8], li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1(B) u (Ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[9].

6. Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[10].

7. Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[11]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

8. Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[12]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

9. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq l-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinit fl-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta' Mejju 1999 dwar id-definizzjoni tal-acquis ta' Schengen sabiex jiġi determinat, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis[13].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:

10. L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-Parti I, referenza għal Marjana tat-Tramuntana għandha tiġi mħassra;

(b) fil-Parti II, referenza għat-Tajwan għandha tiġi mħassra.

11. Fl-Anness II qiegħda tiddaħħal il-Parti 4 li ġej:

"4. ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI MHUX MAGĦRUFA BĦALA STATI MINN TAL-INQAS STAT MEMBRU WIEĦED:

It-Tajwan".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p.1

[2] Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001 ĠU L 327, 12.12.2001, p.1, Nru 453/2003 tas-6 ta’ Marzu 2003 L 69 13.3.2003, p. 10, Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 L 141 4.6.2005, p. 3, Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 L 363 20.12.2006, p. 1, Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 L 405 30.12.2006, p. 23 u N° 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 L 336 18.12.2009

[3] ĠU L 405 30.12.2006, p. 23

[4] ĠU C [...], [...], p. [...].

[5] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[7] ĠU L176, 10.7.1999, p. 31.

[8] ĠU L53, 27.2.2008, p.52.

[9] ĠU L53, 27.2.2008, p. 1.

[10] ĠU L83, 26.3.2008, p. 3.

[11] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[12] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[13] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 1–16.