52010DC0779

/* KUMM/2010/0779 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 22.12.2010

KUMM(2010) 779 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

SEG(2010) 1589 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

SOMMARJU EŻEKUTTIV

Mezzi effikaċi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kreattività. Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tarmonizza l-mezzi minimi disponibbli għad-detenturi ta’ drittijiet u għall-awtoritajiet pubbliċi biex jikkombattu ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Tistabilixxi wkoll qafas ġenerali għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u mal-Kummissjoni.

L-ewwel evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva turi li sar progress notevoli sa minn meta ġiet adottata u implimentata fl-Istati Membri. Id-Direttiva ħolqot standards legali Ewropej għoljin biex tinforza tipi differenti ta’ drittijiet li huma protetti minn sistemi legali indipendenti (bħad-dritt tal-awtur, privattivi, trademarks u disinnji, iżda wkoll indikazzjonijiet ġeografiċi u d-drittijiet tan-nissiela tal-pjanti).

Madankollu, minkejja t-titjib ġenerali fil-proċeduri tal-infurzar, il-volum kbir u l-valur finanzjarju tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma allarmanti. Raġuni waħda hija ż-żieda mingħajr preċedent fl-opportunitajiet biex isir ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz tal-Internet. Id-Direttiva ma kinitx imfassla bil-ħsieb ta’ din l-isfida.

Kwistjonijiet oħrajn li jistgħu jeħtieġu attenzjoni speċjali huma l-użu ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji bħal inġunzjonijiet, proċeduri biex jinġabru u jinżammu provi (inkluża r-relazzjoni bejn id-dritt għall-informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza), il-kjarifika tat-tifsira tad-diversi miżuri korrettivi, inklużi l-kostijiet tal-qerda, u l-kalkolu tal-indennizz għad-danni.

WERREJ

SOMMARJU EŻEKUTTIV 2

1. Introduzzjoni 3

2. L-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Infurzar 4

3. Kjarifiki jistgħu jkunu meħtieġa għal protezzjoni aktar effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u biex is-suq intern ikun jista’ jaħdem aħjar 4

3.1. Sfidi speċifiċi tal-ambjent diġitali 4

3.2. L-ambitu tad-Direttiva 4

3.3. Il-kunċett ta’ intermedjarji u l-fattibilità tal-inġunzjonijiet 4

3.4. Il-kwistjoni tal-bilanċ ġust bejn id-dritt għall-informazzjoni u l-liġijiet dwar il-privatezza 4

3.5. L-effett kompensatorju u dissważiv tad-danni 4

3.6. Miżuri korrettivi 4

3.7. Kwistjonijiet oħrajn 4

4. Konklużjoni 4

INTRODUZZJONI

Huwa essenzjali li jinstabu mezzi effikaċi biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-kreattività. Dan ir-Rapport jipprovdi l-ewwel valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[1] ('id-Direttiva'). Din il-valutazzjoni (stima) hija meħtieġa mill-Artikolu 18 tad-Direttiva u hija bbażata kemm fuq l-evalwazzjoni ta’ żviluppi mill-Kummissjoni kif ukoll fuq ir-rispons mogħti mill-Istati Membri permezz tar-rapporti nazzjonali, li, min-naħa l-oħra, jirriflettu l-opinjonijiet li esprimew l-industrija, il-prattikanti legali, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati oħrajn.

L-informazzjoni mibgħuta tipponta lejn il-konklużjoni li d-Direttiva kellha effett sostanzjali u pożittiv fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali taħt id- dritt ċivili fl-Ewropa. Id-Direttiva ħolqot qafas sempliċi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li, b’mod ġenerali, jipprovdi protezzjoni kumparabbli bejn fruntiera nazzjonali u oħra. B’mod partikolari l-preżunzjoni li wieħed huwa l-awtur jew is-sid (l-Artikolu 5), il-possibilità ta’ “kampjunar” fil-kuntest tal-ġbir ta’ informazzjoni (l-Artikolu 6), miżuri provviżorji biex jiġu ppreżervati l-provi (l-Artikolu 7) u l-possibilità ta’ inġunzjonijiet kontra intermedjarji (l-Artikoli 9 u 11) għenu biex l-infurzar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE jsir aktar effikaċi.

Madankollu, minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva f’ħafna Stati Membri (il-proċess ta’ traspożizzjoni tlesta biss fl-2009)[2] l-esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttiva hija limitata u ġew irrapportati biss xi ftit kawżi tal-qrati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel analiżi ekonomika kritika tal-impatt li d-Direttiva kellha fuq l-innovazzjoni u fuq l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 18 tad-Direttiva.

Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, din l-evalwazzjoni inizjali tal-effikaċa tad-Direttiva waslet fiż-żmien adatt. Bosta studji li saru minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-industrija wrew li l-ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali laħaq livell sinifikanti, b’uħud minn dawk il-prodotti jkunu ta’ periklu għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi[3]. B’reazzjoni għal dan, matul dawn l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni adottat żewġ Komunikazzjonijiet[4]. It-tieni waħda, inter alia, stabilixxiet Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu aħjar il-ksur ta’ drittijiet ta' proprjetà intellettwali (Intellectual Property Rights – IPR) u sabiex tinħoloq pjattaforma għar-rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati biex jiskambjaw ideat u ħila esperta dwar l-aħjar prattiki, jiżviluppaw strateġiji konġunti ta’ infurzar u jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-fassala tal-politika. Dawn kienu segwiti minn żewġ Reżoluzzjonijiet tal-Kunsill[5] li appoġġaw il-politika tal-Kummissjoni. Ir-rapport adottat mill-Parlament Ewropew esprima wkoll appoġġ għal politika mtejba, inkluż qafas legali b’saħħtu biex jiġu miġġielda l-falsifikazzjoni u l-piraterija[6]. Il-ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali barra mill-UE wkoll jikkostitwixxi sors ewlieni ta’ tħassib. Il-Kummissjoni qed tindirizzahom f’modi differenti, pereżempju billi tinkludi kapitoli ambizzjużi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ u permezz tal-parteċipazzjoni f’inizjattivi internazzjonali, bħan-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar il-ftehim ACTA[7].

L-analiżi turi li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, inkluża r-relazzjoni ma’ Direttivi oħrajn, jinftiehmu b’mod differenti fl-Istati Membri differenti u taw lok għal interpretazzjonijiet u applikazzjoni differenti fil-prattika . Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiggarantixxu aktar kjarifiki biex id-Direttiva tkun totalment effettiva.

L- Internet u t-teknoloġiji diġitali żiedu dimensjoni oħra li toħloq sfida għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Minn naħa waħda, l-Internet ippermetta lill-kreaturi, l-inventuri u s-sħab kummerċjali tagħhom biex isibu modi ġodda biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom. Min-naħa l-oħra, fetaħ ukoll il-bieb għal forom ġodda ta’ ksur, li ftit minnhom irriżultaw diffiċli biex jiġu kkumbattuti.

Dan ir-Rapport jippreżenta sensiela ta’ kwistjonijiet konkreti li tista' tkun meħtieġa kjarifika, b’mod partikolari sabiex id-Direttiva tiġi adattata għall-isfidi l-ġodda inerenti f’Soċjetà Diġitali moderna. Huwa kkomplimentat b'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar is-sejbiet tiegħu.

L-GħANIJIET TAD-DIRETTIVA DWAR L-INFURZAR

L-ispariġġi bejn is-sistemi tal-Istati Membri għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jimminaw il-ħidma tajba tas-suq intern u jdgħajfu l-infurzar tad-dritt sostantiv dwar dawk id-drittijiet. Dan iwassal għal ostakli għall-attivitajiet transfruntieri, telf ta’ fiduċja fis-suq intern u anqas investiment fl-innovazzjoni u l-ħolqien. Id-Direttiva tqarreb lis-sistemi leġiżlattivi nazzjonali biex b’hekk tagħti lid-detenturi ta’ drittijiet u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sett ta’ għodod minimu iżda standardizzat biex jikkumbattu l-ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Id-Direttiva tinkorpora miżuri tad-dritt ċivili taħt il-Ftehim TRIPS[8] fil-qafas legali tal-UE. Din tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet minimi stabiliti f’dak il-Ftehim peress li tkopri wkoll, pereżempju, danni, miżuri korrettivi u evidenza. Barra minn hekk, id-Direttiva hija bbażata fuq il-prattiċi kkristalizzati fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li rriżultaw li kienu l-aktar effikaċi qabel ma ġiet adottata d-Direttiva (l-'approċċ tal-aħjar prattiċi'). L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll sanzjonijiet u rimedji li jkunu aktar favorevoli għad-detenturi ta' drittijiet[9]. Id-Direttiva b’hekk tipprovdi qafas legali minimu iżda flessibbli għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

KJARIFIKI JISTGħU JKUNU MEħTIEġA GħAL PROTEZZJONI AKTAR EFFIKAċI TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI U BIEX IS-SUQ INTERN IKUN JISTA’ JAħDEM AħJAR

L-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri turi li d-Direttiva tistabilixxi sisien sodi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, iżda li ċerta kjarifika tista' tkun meħtieġa sabiex jiġu evitati ambigwitajiet u sabiex id-Direttiva tiġi adattata għall-isfidi l-ġodda li joħloq b’mod partikolari l-ambjent diġitali tal-lum.

Sfidi speċifiċi tal-ambjent diġitali

In-natura tal-Internet, li jista’ jintuża għal diversi skopijiet, tagħmilha faċli biex jitwettqu varjetà wiesgħa ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma offruti għall-bejgħ fuq l-Internet. Il-makni tat-tiftix spiss jippermettu lill-frodaturi biex jattiraw lill-utenti tal-Internet lejn l-offerti illeċiti tagħhom disponibbli għall-bejgħ jew bħala materjal għat-tniżżil. L-iskambju ta' fajls ta' kontenut protett mid-dritt tal-awtur sar jinsab kullimkien, b'mod partikolari peress li l-iżvilupp ta' offerti leċiti ta' kontenut diġitali ma rnexxilux ilaħħaq mad-domanda, b'mod speċjali fuq bażi transfruntiera, u wassal biex ħafna ċittadini li normalment jobdu l-liġi jwettqu ksur kbir ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-forma ta' telligħ u disseminazzjoni illegali ta’ kontenut protett. Ħafna siti onlajn qegħdin jew jospitaw jew inkella jiffaċilitaw id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet protetti mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet. F’dan il-kuntest, huwa ċar li l-limitazzjonijiet tal-qafas legali eżistenti jistgħu jeħtieġu jiġu indirizzati.

L-ambitu tad-Direttiva

Id-Direttiva tapplika għal kull ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali protetti taħt il-liġi Ewropea jew nazzjonali u ma fiha ebda definizzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tkopri. Għalkemm dan l-approċċ flessibbli joffri bosta vantaġġi, interpretazzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ ‘dritt tal-proprjetà intellettwali’ wasslu lill-Istati Membri biex isaqsu lill-Kummissjoni biex tippubblika lista tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minimi li hija tikkunsidra li huma koperti mid-Direttiva[10].

Anki wara li l-Kummissjoni ppubblikat din il-kjarifika, għad fadal inċertezzi dwar jekk xi drittijiet protetti taħt il-liġi nazzjonali humiex koperti. Dan jikkonċerna l-aktar l-ismijiet ta’ dominji, drittijiet nazzjonali dwar kwistjonijiet bħal sigrieti tal-kummerċ (inkluż know-how) u atti oħrajn li spiss jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni żleali bħal kopji parasitiċi u forom oħra ta’ ‘kompetizzjoni fuq il-konfini tal-liġi’. Dawn il-forom ta’ mġieba kummerċjali ħażina jidhru li qed jiżdiedu wkoll. Dawn spiss ikollhom effetti dannużi fuq id-detenturi tad-drittijiet, jimminaw l-innovazzjoni u jagħtu biss benefiċċji fuq medda ta’ żmien qasir lill-konsumaturi. Jista' jkun utli jekk jiġi valutat ulterjorment dan il-fenomenu negattiv u l-ħtieġa li tiġi inkluża, fid-Direttiva, lista minima tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti.

Il-kunċett ta’ intermedjarji u l-fattibilità tal-inġunzjonijiet

Id-Direttiva tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ ‘intermedjarji’ biex tinkludi l-intermedjarji kollha ‘li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex jinkiser dritt ta’ proprjetà intellettwali’. Dan jimplika li anki l-intermedjarji b’ebda relazzjoni jew konnessjoni kuntrattwali mal-kontraventuri huma soġġetti għall-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva.

Madankollu, il-livell ta’ evidenza meħtieġ mill-qrati fl-Istati Membri huwa ġeneralment pjuttost għoli. Barra minn hekk, għad fadal inċertezzi dwar l-intermedjarji u l-miżuri speċifiċi li għalihom huma soġġetti billi jikkontribwixxu għal jew jiffaċilitaw ksur, irrispettivament mir-responsabilità tagħhom.

L-intermedjarji li jittrasportaw merkanzija li tkun issuspettata li tikser drittijiet tal-proprjetà intellettwali (bħal trasportaturi, aġenti għat-trasport ta’ merkanzija, jew aġenti tat-tbaħħir) jistgħu jiżvolġu rwol ewlieni fil-kontroll tad-distribuzzjoni ta’ prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-pjattaformi tal-internet bħal swieq onlajn jew makni tat-tiftix jista’ wkoll ikollhom rwol importanti fit-tnaqqis tan-numru ta’ ksur, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri preventivi u politiki ta’ ‘avviż u tneħħija’.

Il-fornituri tas-servizzi tal-internet ukoll għandhom rwol ewlieni fil-mod kif jaħdem l-ambjent onlajn. Dawn jipprovdu aċċess għall-Internet u jikkollegaw in-netwerks sottostanti, jospitaw is-siti tal-internet u s-servers. Bħala intermedjarji bejn l-utenti kollha tal-Internet u d-detenturi tad-drittijiet, dawn spiss jitpoġġew f’pożizzjoni kompromettenti minn atti illeċiti li jitwettqu mill-konsumaturi tagħhom. Għal din ir-raġuni, id-dritt tal-UE diġà tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jillimitaw ir-responsabilità tal-fornituri ta' servizzi tal-Internet li s-servizzi tagħhom jintużaw biex jinkisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[11].

Miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-intermedjarji jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt għall-informazzjoni, miżuri provviżorji u kawtelatorji (e.ż. inġunzjonijiet interlokutorji), jew inġunzjonijiet permanenti.

Id-Direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw meta u kif tista’ tinħareġ inġunzjoni kontra intermedjarju. Biex din taħdem b’mod effiċjenti, jista’ jkun utli li jiġi kkjarifikat li l-inġunzjonijiet m’għandhomx jiddependu fuq ir-responsabilità tal-intermedjarju. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet irrapportati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport jindikaw li l-istrumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li huma disponibbli bħalissa għadhom mhux b’saħħithom biżżejjed biex jikkumbattu b’mod effettiv ksur onlajn tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Minħabba l-pożizzjoni favorevoli tal-intermedjarji biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u t-terminazzjoni ta’ ksur onlajn, il-Kummissjoni tista' tiskopri kif għandha tinvolvihom aktar mill-qrib.

Il-kwistjoni tal-bilanċ ġust bejn id-dritt għall-informazzjoni u l-liġijiet dwar il-privatezza

Id-dritt għall-informazzjoni jobbliga lill-kontraventur jew lil kwalunkwe persuna oħra biex tipprovdi lid-detentur tad-drittijiet informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-isfida ewlenija rigward dan id-dritt hija l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-liġijiet tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

F’xi Stati Membri, id-dritt għall-informazzjoni stabilit fid-Direttiva jidher li qiegħed jingħata b’mod ristrett ħafna, primarjament minħabba l-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni u ż-żamma ta’ dejta personali[12]. Din il-kwistjoni tista' timmerita attenzjoni speċjali. Il-liġijiet nazzjonali għandhom ukoll jippermettu lill-qrati japplikaw id-dritt tal-UE dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jinstab bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet inkwistjoni (bħad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta u d-dritt għall-proprjetà, li jinkludi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali)[13] meta wieħed iqis li l-protezzjoni/privatezza tad-dejta u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali huma rikonoxxuti bħala drittijiet fundamentali mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[14].

Il-qafas legali Ewropew dwar il-protezzjoni tad-dejta personali[15] minn naħa waħda u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali min-naħa l-oħra huwa newtrali, fis-sens li ma hemm ebda regola li timplika li d-dritt għall-privatezza għandha ġeneralment tieħu preċedenza fuq id-dritt għall-proprjetà jew viċi versa. Il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-direttivi varji għandhom għalhekk jiġu interpretati b’tali mod li jkun jista’ jintlaħaq bilanċ bejn dawn id-drittijiet f’kull każ sabiex jiġi ggarantit li d-dispożizzjoni dwar id-dritt tal-informazzjoni tkun tista’ tipproteġi lid-detenturi tad-drittijiet b’mod effikaċi mingħajr ma tikkomprometti d-drittijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali. Jista' jkun hemm bżonn ta’ aktar evalwazzjonijiet fir-rigward ta’ kemm l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri u l-mod li bih jiġu applikati huma konsistenti ma’ dawn ir-rekwiżiti. Jekk ikun meħtieġ, jista' jiġu kkunsidrati mezzi biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni u biex jinkiseb bilanċ xieraq bejn id-drittijiet inkwistjoni.

L-effett kompensatorju u dissważiv tad-danni

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stabiliti mid-Direttiva għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Fil-preżent, l-indennizzi mogħtija għad-danni fil-każijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jibqgħu relattivament baxxi. Huma biss ftit l-Istati Membri li rrapportaw żieda fl-indennizzi għad-danni, bħala riżultat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Skont l-informazzjoni mogħtija mid-detenturi tad-drittijiet, bħalissa, l-indennizzi mogħtija għad-danni ma jidhrux li qegħdin jiskoraġġixxu b’mod effikaċi lil kontraventuri potenzjali milli jinvolvu ruħhom f’attivitajiet illegali. Dan japplika b’mod partikolari meta l-indennizzi mogħtija mill-qrati għad-danni jonqsu milli jilħqu l-livell ta’ profitt li jagħmlu l-kontraventuri.

L-għan ewlieni tal-għoti ta’ indennizz għad-danni huwa sabiex id-detenturi ta’ drittijiet jitpoġġew fl-istess sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu fin-nuqqas tal-ksur. Illum il-ġurnata, madankollu, il-profitti tal-kontraventuri (arrikkament indebitu) spiss jidhru li huma sostanzjalment ogħla mid-dannu attwali li jkun ġarrab id-detentur tad-dritt. F’dawk il-każijiet, jista' jiġi kkusidrat jekk il-qrati għandux ikollhom is-setgħa li jagħtu indennizzi għad-danni li jikkorrispondu mal-arrikkament indebitu tal-kontraventur, anki jekk jeċċedu d-dannu attwali li jkun ġarrab id-detentur tad-dritt. Ugwalment, jista' jkun hemm lok li tintuża aktar il-possibilità li jingħataw indennizz għal konsegwenzi ekonomiċi oħrajn u għad-danni morali.

F’każijiet fejn il-kontraventur tkun persuna ġuridika u d-detentur tad-dritt ma jirnexxilux jikseb indennizz għad-danni minħabba li l-kontraventur ma jkollhiex assi, tkun ġiet illikwidata jew tkun b’xi mod ieħor insolventi, tista' ssir valutazzjoni dwar jekk id-detentur tad-dritt huwiex kapaċi jitlob indennizz għad-danni mingħand id-direttur(i) maniġerjali tal-kumpanija skont id-dritt nazzjonali, u jekk dan huwa l-każ skont liema kundizzjonijiet.

Miżuri korrettivi

Kif spjegat f'aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, tista' tkun meħtieġa aktar kjarifika tad-definizzjoni tal-"miżuri korrettivi". B’mod partikolari, id-distinzjoni bejn il-‘ġbir lura’ u t-‘tneħħija definittiva’ ta’ prodotti li jinstabu li jiksru d-dritt ta’ proprjetà intellettwali mill-kanali tal-kummerċ mhijiex ċara taħt il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Punt ieħor li jista' jiġi ċċarat huwa kif għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri jekk il-prodotti ma jkunux għadhom fil-pussess ta’ kontraventur.

Finalment, fir-rigward tal-kostijiet tal-qerda tal-oġġetti li jiksru d-dritt, għandu jiġi kkunsidrat kif jiġi żgurat li dawn il-kostijiet jistgħu jiġu imposti mill-qorti direttament mill-qorti kontra l-parti telliefa.

Kwistjonijiet oħrajn

Hemm għadd ta’ kwistjonijiet oħrajn li joħorġu mill-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri li jistgħu jimmeritaw diskussjoni ulterjuri fil-livell tal-UE.

L-ewwelnett, jidher li l-Istati Membri rari adottaw id-dispożizzjonijiet fakultattivi tad-Direttiva (pereżempju rigward ordnijiet ta’ deskrizzjoni li jiddisponu li uffiċjal tal-qorti jidħol fl-edifiċji tal-kontraventur allegat u jeżamina s-sitwazzjoni. Din id-dispożizzjoni fakultattiva tad-Direttiva ma ġietx implimentata minn xi Stati Membri għall-proċeduri ċivili u għalhekk dan it-tip ta' miżura huwa disponibbli biss fil-kuntest ta' proċeduri kriminali). Il-każijiet fejn l-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 2(1), adottaw regoli li huma aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet minn dawk tad-Direttiva huma saħansitra aktar rari. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jiġu eżaminati f’aktar dettall. Ir-rabta bejn ir-rekwiżit tal-‘iskala kummerċjali’ (i.e. ir-rekwiżit li l-att tal-ksur jitwettaq għal vantaġġ dirett jew indirett ekonomiku jew kummerċjali) u d-dritt tal-informazzjoni fir-regoli tal-Istati Membri jistgħu wkoll li jkomplu jiġu esplorati aktar.

Fit-tieni lok, l-alternattivi disponibbli biex jiġu indirizzati problemi fil-ġbir ta’ evidenza f’każijiet transfruntieri jistgħu jiġu vvalutati flimkien mal-ħtieġa biex jiġi ddefinit b’mod aktar preċiż meta l-informazzjoni tista’ titqies li hija “taħt il-kontroll” ta’ parti għal proċedura ġudizzjarja (l-Artikolu 6(1)). Meta r-regoli preżenti dwar il-ġbir ta’ evidenza f’każijiet li jinvolvu informazzjoni kunfidenzjali joħolqu problemi fil-prattika, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ miżuri provviżorji u f’każijiet fejn ikunu involuti kunċetti nazzjonali differenti tal-kunfidenzjalità, dawn jistgħu wkoll jiġu evalwati ulterjorment.

Finalment, l-utilità tal-armonizzazzjoni tal-użu sekondarju ta’ prodotti li jiksru drittijiet tal-proprjetà intellettwali u problemi possibbli relatati ma’ tali armonizzazzjoni jistgħu jiġu esplorati.

KONKLUżJONI

Il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jista’ jikkawża ħsara ekonomika mifruxa. Numru sinjifikanti ta’ prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali issa qegħdin ikunu ta’ theddida reali għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi. Il-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija fundamentali biex tistimola l-innovazzjoni u l-kultura f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien, kompetittiva u li tiġġenera l-ġid. L-interessi differenti għandhom jiġu bbilanċjati bir-reqqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra tkompli tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-partijiet interessati kollha.

Il-konklużjoni ewlenija li toħroġ mill-ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva hija li d-Direttiva kellha effett sostanzjali u pożittiv fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali taħt id-dritt ċivili fl-Ewropa. Madankollu, qed joħroġ biċ-ċar li d-Direttiva ma tfasslitx bil-ħsieb tal-isfida ġab l-Internet għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, bosta kwistjonijiet jistgħu jeħtieġu aktar attenzjoni. Fost dawn, wieħed jista' jsemmi l-użu ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji bħal inġunzjonijiet, proċeduri biex jinġabru u jinżammu provi (inkluża r-relazzjoni bejn id-dritt għall-informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza), il-kjarifika tat-tifsira tad-diversi miżuri korrettivi, inklużi l-kostijiet tal-qerda, u l-kalkolu tal-indennizz għad-danni.

Bil-ħsieb li jiġu ssustanzjati deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura futura li tista' tiġi prevista u biex tiġi ssustanzjata l-ħidma qawwija ta' valutazzjoni tal-impatt li l-Kummissjoni qed tvara f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet msemmija f'dan ir-Rapport, il-Kummissjoni tilqa' kwalunkwe rispons mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u l-partijiet interessati kollha l-oħra dwar dan ir-Rapport sal- 31 ta’ Marzu 2011.

[1] ĠU L157, 30.04.2004, p, 16.

[2] L-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, għal 25 Stat Membru li kien hemm dak iż-żmien, skadiet fid-29 ta’ April 2006. Għal dettalji dwar il-proċess ta’ traspożizzjoni ara l-Anness 1 għad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport.

[3] Ara pereżempju http://www.iccwbo.org/uploadedFiles/BASCAP/Pages/OECD-FullReport.pdf; http://www.iccwbo.org/uploadedFiles/BASCAP/Pages/Building%20a%20Digital%20Economy%20-%20TERA(1).pdf.

[4] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008: 'Strateġija għall-Ewropa dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali', COM(2008)465 finali; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: 'Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern', COM(2009)467 finali.

[5] Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, ĠU C 253, 4.10.2008, p.1; Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, ĠU C 56, 6.3.2010, p.1.

[6] Parlament Ewropew, Reżoluzzjoni tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-infurzar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (2009/2178(INI)), A7-0175/2010.

[7] Għad-dettalji ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2005:129:0003:0016:EN:PDF .

[8] Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (Ftehim TRIPS) tal-1994; id-Deċiżjoni tal-Kunsill (tat-22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, dwar il-konklużjoin f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (94/800/KE), ĠU L 336, p.1.

[9] Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.

[10] Stqarrija mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (2005/295/KE), ĠU L94, 13.04.2005, p. 37.

[11] Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), ĠU L 178, 17.7.2000, p.1.

[12] L-eżempji huma, skont l-Istudju tal-2009 dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Awtur Onlajn u l-Protezzjoni tad-Dejta fi Stati Membri Magħżula (Hunton & Williams, Brussell, http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/study-online-enforcement_en.pdf), l-Awstrija u Spanja.

[13] Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 fil-kawża C-275/06 Productores de Música de España (Promusicae) vs Telefónica de España SAU; is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009 fil-kawża C-557/07 LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungschutzrechten GMBH vs Tele2 Telecommunication GMBH.

[14] L-Artikoli 7, 8 u 17(2), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2000/C 364/01), ĠU C364, 18.12.2000, p. 1.

[15] B’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, u d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.