52009DC0467

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern /* KUMM/2009/0467 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.9.2009

KUMM(2009) 467 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

WERREJ

1. L-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: ngħaddu minn impenn fuq perjodu twil ta'żmien għal azzjoni 3

2. Il-fehim tal-isfidi u t-tnaqqis tar-riskji: Osservatorju tal-UE għall-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija 5

2.1. Appoġġ għall-infurzar tad-DPI permezz ta' informazzjoni komprensiva u l-qsim tal-aqwa prattiki 6

2.2. L-immudellar tal-Osservatorju bħala pjattaforma għall-partijiet interessati u l-Istati Membri 8

3. It-trawwim ta' kooperazzjoni amministrattiva madwar l-Ewropa 8

3.1. Żieda fit-trasparenza tal-istrutturi u s-sistemi nazzjonali 9

3.2. Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta' għodod moderni għall-qsim tal-informazzjoni 9

4. It-tiswir ta' koalizzjonijiet: L-iffaċilitar tal-arranġamenti volontarji bejn il-partijiet interessati 10

4.1. Fokus fuq element komuni bejn il-partijiet interessati 10

4.2. Il-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI permezz tad-Djalogi bejn il-Partijiet Interessati 10

4.3. L-immaniġġar tal-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-Internet 11

5. Konklużjonijiet 11

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

1. L-INFURZAR TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI: NGħADDU MINN IMPENN FUQ PERJODU TWIL TA'żMIEN GħAL AZZJONI

Fis-soċjetà tal-lum li hi msejsa fuq l-għarfien, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) huma assi utli għall-kummerċ, li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kreattività billi jiżguraw li jkun hemm dħul raġonevoli mill-investiment. Id-DPI għandhom rwol li dejjem qiegħed isir iktar importanti, dak li jrawwmu t-tkabbir ekonomiku billi jħarsu lill-inventuri, lid-disinjaturi u lill-artisti u li jħalluhom jibbenefikaw mill-valur kummerċjali tal-kreazzjonijiet tagħhom. Dan iwassal għal ċiklu essenzjali ta' żvilupp kummerċjali, għarfien u iktar innovazzjoni. Barra minn dan, b'mod partikolari t-trade marks jista' jkollhom effett li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minnu, fejn f'bosta każijiet dawn jindikaw il-kwalità u jagħtu assikurazzjoni mill-ġdid li l-prodotti u s-servizzi li jixtru huma leġittimi, sikuri u affidabbli.

Fl-UE wieħed isib xi wħud mill-ikbar u l-aktar negozji li rnexxew fid-dinja, li jqisu li d-DPR uħud mill-iktar affarijiet kummerċjali prezzjużi li għandhom. Madankollu, fis-Suq Uniku, id-DPR huma importanti bl-istess mod għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jeżerċitawhom sabiex iħarsu l-assi intanġibbli u sabiex jiksbu aċċess għall-kapital finanzjarju vitali sabiex wieħed “jibda” n-negozju tiegħu u għall-kapital ta' riskju. Huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġa dan il-qasam permezz ta' kultura ta' proprjetà intellettwali ta' kwalità għolja li tħares u toħloq opportunitajiet għat-talent Ewropew li tant huwa vitali.

Il-valur dejjem jikber tad-DPR huwa indikatur tas-suċċess tagħhom. Madankollu, jidhru interessanti wkoll f'għajnejn dawk li jiffalsifikaw il-prodotti u l-pirati, li ħafna drabi jkunu ffinanzjati tajjeb u li saru imprendituri organizzati u li għandhom ħiliet eċċellenti sabiex joperaw fuq skala industrijali. Dawn li jiksru l-liġi jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġija u l-kummerċ, filwaqt li jadottaw mudelli moderni ta' negozji li jikkontrollaw il-produzzjoni, it-tqassim u l-bejgħ tal-oġġetti illeċiti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri u l-kontinenti. L-internet huwa wieħed mill-għodod li qiegħed jintuża sabiex imexxi suq ta' prodotti kontra l-liġi madwar id-dinja, li qiegħed joħnoq l-innovazzjoni u jhedded l-impjiegi.

Fl-Ewropa, il-falsifikazzjoni tal-prodotti u l-piraterija[1] għandhom effett drammatiku u huma ta' dannu għall-kummerċ u għandhom il-potenzjal li jsiru saħansitra iktar problematiċi minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li seħħ dan l-aħħar u minħabba l-varjetà dejjem tikber ta' prodotti foloz li qegħdin jinbiegħu. Filwaqt li l-oġġetti lussużi u dawk li għandhom x'jaqsmu mal-moda, mal-mużika u mal-films huma dawk l-oġġetti li s-soltu jkunu fil-mira, illum l-effett tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija qiegħed jaffettwa varjetà usa' ta' oġġetti ta' konsum bil-massa bħalma huma l-oġġetti tal-ikel, il-kożmetiċi, il-prodotti tal-iġjene, il-partijiet tal-bdil għall-karozzi, il-ġugarelli u tipi varji ta' tagħmir tekniku jew elettroniku[2]. Dan wassal għal riskji fuq is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej. B'mod partikolari, iż-żieda fil-mediċini foloz[3] qiegħda dejjem ta' tħassib dejjem ikbar[4]. Il-Kummissjoni implimentat qafas legali fi ħdan is-Suq Uniku li jipprovdi l-għodod sabiex id-DPI jiġu infurzati b'mod ġust, effikaċi u bbilanċjat. Id-Direttiva dwar it-Tisħiħ tad-DPR[5] hija waħda mis-sisien ewlenin ta' dan. Din id-Direttiva armonizzat il-liġijiet tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri ċivili għall-infurzar tad-DPI kollha u bħalissa l-Kunsill qiegħed jiddiskuti proposta dwar sanzjonijiet kriminali[6]..

Ir-Regolament tal-UE dwar id-Dazji, li jippermetti li jinżammu l-oġġetti li jkunu ssuspettati li qegħdin jiksru d-DPI, huwa pilastru ieħor tal-qafas legali[7]. Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda tikkonsulta mal-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar kif dan ir-Regolament jista' jittejjeb iktar.

Wara li ġie stabbilit korp ewlieni ta' liġijiet, il-Kummissjoni issa tipproponi li mal-qafas regolatorju żżid miżuri mhux leġiżlattivi komplementari, li jkunu konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 ta' Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

F'dan ir-rigward, tinħass ferm l-urġenza li l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jingħataw appoġġ. Stħarriġ li sar fl-2007 f'isem il-Kummissjoni kkonferma li l-ksur tad-DPI joħloq problemi kbar għall-SMEs Ewropej, li ħafna minnhom ma għandhomx biżżejjed riżorsi u finanzi sabiex jieħdu passi kontra min ikun qed jikser dawn id-drittijet[8]. Għalhekk, il-Kummissjoni ffukat fuq iż-żieda tal-appoġġ f'dan il-qasam, li tirrifletti l-enfasi qawwija li qiegħda ssir fuq id-DPI u l-ġestjoni tal-għarfien minn meta, fl-2005 ġiet imnedija mill-ġdid l-Istrateġija ta' Liżbona. F'April 2009, ir-rapport finali tal-grupp espert ta' konsulenza, stabbilit mill-Kummissjoni, ta rakommandazzjonijiet dwar l-għajnuna meħtieġa mill-SMEs[9]s. Skont is-sejbiet tar-rapport, il-Kummissjoni qiegħda tissokkta b'għadd ta' proġetti sabiex tgħin lill-SMEs jintegraw id-DPI fl-istrateġiji tal-innovazzjoni u l-pjanijiet tal-kummerċ tagħhom.

Fuq livell globali, il-Kummissjoni żviluppat strateġija fuq perjodu twil ta' żmien għall-infurzar tad-DPI f'pajjiżi terzi[10]. Fil-qafas ta' din l-istrateġija, inġabret lista ta' "pajjiżi ta' prijorità" u din qiegħda tiġi aġġornata fuq bażi regolari[11]. Inizjattivi oħra ewlenin jikkonċernaw in-negozjati dwar il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) u l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina sabiex tiżdied il-kooperazzjoni doganali għall-ħarsien tad-DPI. Barra minn dan, il-Kummissjoni nediet il-Helpdesk tad-DPI għall-SMEs fiċ-Ċina. Din tipprovdi lill-SMEs bl-għodod tal-kummerċ li jeħtieġu sabiex jiżviluppaw id-drittijiet tal-PI tagħhom u sabiex jimmaniġġaw ir-riskji li għandhom x'jaqsmu magħhom.

Il-konsolidazzjoni ta' sħubiji pubbliċi u privati hija urġenti wkoll. F'Mejju 2008, ġiet organizzata Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, flimkien mal-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex titnieda strateġija sostenibbli tal-UE għal approċċ iktar parteċipattiv[12]. Wara l-konferenza, il-Kummissjoni nediet Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali għall-Ewropa[13] u ġiet adottata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija[14]. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ikkonfermaw il-ħtieġa li x-xogħol fl-infurzar tad-DPI fi ħdan is-Suq Uniku jittejjeb billi tiġi kkomplementata l-leġiżlazzjoni b'firxa ta' miżuri mhux leġiżlattivi. Il-Kummissjoni ntalbet ukoll tkompli tiffoka sew fuq il-kontrolli li jsiru fil-fruntieri fil-forma ta' pjan doganali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni mill-2009 sal-2012. Dan il-pjan ġie żviluppat mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri[15].

2. IL-FEHIM TAL-ISFIDI U T-TNAQQIS TAR-RISKJI: OSSERVATORJU TAL-UE GħALL-ġLIEDA KONTRA L-FALSIFIKAZZJONI U L-PIRATERIJA

Il-fatti essenzjali dwar il-ħsara konsiderevoli kkawżata mill-ksur tad-drittijiet tal-PI huma ddokumentati sew. Madankollu, il-ġbir flimkien tal-informazzjoni komprensiva li tgħin sabiex jiġu żviluppati l-prijoritajiet u sabiex l-infurzar ikun immirat b'mod iktar effikaċi, u b'hekk titwitta t-triq għal iktar kollaborazzjoni u politiki msejsa fuq l-evidenza, sar iktar diffiċli.

Fl-2006, rapport mill-OECD[16] wera li waħda mill-ikbar sfidi li qegħdin jiffaċċjaw il-gvernijiet u n-negozji hija li jiksbu informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar id-daqs tal-problema tal-falsifikazzjoni u l-piraterija u dwar l-impatt fuq l-ekonomiji u s-soċjetà tagħna, inkluż l-impjiegi fl-Ewropa. Minkejja x-xogħol li sar f'xi setturi sabiex ikunu analizzati l-ambitu u l-iskala tal-problema, il-figuri jużaw metodi u sorsi differenti, li jwasslu għal nuqqas ta' dejta komparattiva.

Barra minn dan, il-korpi nazzjonali tal-infurzar, l-uffiċċji Ewropej u nazzjonali tal-IP u bosta organizzazzjonijiet tal-kummerċ professjonali differenti għandhom firxa wiesgħa ta' informazzjoni. Ħafna drabi huwa diffiċli li wieħed jassimila din id-dejta. Il-Kummissjoni ppubblikat wieħed mis-sorsi ta' informazzjoni disponibbli mill-iktar affidabbli u dan huwa msejjes fuq iż-żamma annwali tal-oġġetti mid-dwana fil-fruntieri tal-UE[17]. Madankollu, iż-żamma tal-oġġetti fil-fruntieri turi biss parti mis-sitwazzjoni, minħabba li din għandha x'taqsam biss ma' oġġetti li jidħlu fi jew li joħorġu mit-territorju tal-UE. Huwa neċessarju li l-bażi tal-għarfien ġenerali titwessa' sabiex issir valutazzjoni sħiħa tal-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjetali tal-falsifikazzjoni u l-piraterija u sabiex ikun mifhum għala xi prodotti, setturi u żoni ġeografiċi fi ħdan l-UE huma iktar vulnerabbli minn oħrajn. Id-dejta komprensiva u komparabbli għandha tgħin ukoll sabiex ikunu stabbiliti prijoritajiet u programmi, miri għall-infurzar u kampanji iktar iffukati fuq l-għarfien tal-konsumatur li jkun sar qbil dwarhom.

Sabiex jinkiseb dan, il-Kunsill tal-Kompetittività kien favur il-ħolqien tal-Osservatorju Ewropew għall-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija bħala l-istrument prinċipali tal-UE li ‘jippermetti valutazzjonijiet regolari, abbażi tad-dejta li s-setturi pubbliċi u privati jixtiequ jipprovdu, id-daqs tal-problema tal-falsifikazzjoni u l-piraterija u analiżi iktar preċiża ta' dawn il-fenomeni’[18] .

2.1. Appoġġ għall-infurzar tad-DPI permezz ta' informazzjoni komprensiva u l-qsim tal-aqwa prattiki

Il-Kummissjoni issa qiegħda tistabbilixxi Osservatorju sabiex iservi bħala r-riżorsa ċentrali għall-ġbir, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-informazzjoni u d-dejta li għandhom x'jaqsmu mal-ksur kollu tad-DPI. Madankollu, l-Osservatorju għandu jkollu rwol ħafna usa', billi jsir il-pjattaforma fejn ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati jwettqu skambju ta' ideat u ta' tagħrif tal-esperti dwar l-aqwa prattiki, jiżviluppa strateġiji konġunti għall-infurzar u jressaq rakkomandazzjonijiet quddiem dawk li jfasslu l-politika.

Sabiex ikun żgurat li l-Osservatorju jsir sors pan-Ewropew tal-għarfien u riżorsa ċentrali għall-partijiet interessati u għall-awtoritajiet pubbliċi ingaġġati fl-attivitajiet tal-infurzar tad-DPI se jkun hemm bżonn ta' kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-settur privat. Għalhekk, il-mira hija li jkunu involuti rappreżentanti pubbliċi u privati minn madwar l-Unjoni Ewropea u li jitressqu flimkien fi sħubija mal-konsumaturi sabiex jitrawwem fehim usa' tal-problemi. Dan se jiffaċilita l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet prattiċi, ta' strateġiji iktar iffukati fuq il-ħolqien ta' kuxjenza u ta' azzjoni iktar kollaborattiva. Riżultat importanti f'dan il-każ ikun Rapport Annwali disponibbli għall-pubbliku, ippreżentat mill-Kummissjoni u li jkun jipprovdi informazzjoni speċifika dwar l-oqsma ewlenin tax-xogħol.

B'mod partikolari, l-Osservatorju għandu:

- itejjeb il-ġbir u l-użu tal-informazzjoni u tad-dejta indipendenti u affidabbli;

- jiżviluppa metodoloġija ta' referenza għall-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar ta' dejta indipendenti li għandha x'taqsam mal-ksur tad-DPR sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tinġabar b'mod oġġettiv u bbilanċjat;

- iħejji analiżi dettaljata u jipprovdi valutazzjonijiet regolari tal-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjetali, inkluż l-impatt fuq l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi fl-Ewropa, l-involviment tal-kriminalità organizzata u r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej;

- juża dejta komprensiva mill-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet privati sabiex ikunu evalwati l-punti tajbin u l-punti dgħajfin tal-infurzar tad-DPI fis-Suq Intern kollu;

- jipprovdi rapporti regolari u speċifiċi sabiex ikunu identifikati l-vulnerabbiltajiet fi ħdan is-Suq Intern, sabiex ikunu enfasizzati t-theddid u l-isfidi u sabiex jiġu implimentati l-istrateġiji tal-infurzar msejsa fuq l-evidenza. Ir-rapporti li jkunu disponibbli għall-pubbliku se jipprovdu bażi solida ta' għarfien, u jsiru għodod ċentrali sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u jitkejjel il-progress;

- jippromovi u jxerred l-aqwa prattiki fost l-awtoritajiet pubbliċi;

- jidentifika u jivvaluta l-koordinament tal-infurzar tad-DPI fl-Istati Membri;

- jippromovi u jxerred l-aqwa prattiki b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni innovattivi u li jirnexxu bejn l-awtoritajiet ta' infurzar differenti kif ukoll awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti;

- jidentifika u jiddokumenta programmi ta' taħriġ dwar l-infurzar li jsiru fl-Istati Membri differenti u t-tixrid tal-aqwa prattiki;

- jinkoraġġixxi l-fatt li l-proġetti ffinanzjati mill-fondi pubbliċi jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

- irawwem il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien ta' kuxjenza u t-taħriġ tal-aġenziji tal-infurzar;

- ixerred l-istrateġiji tas-settur privat li jkunu rnexxew;

- jidentifika u jivvaluta l-istrateġiji li jkunu rnexxew kontra l-ġlieda tal-falsifikazzjoni u l-piraterija u l-azzjoni li tkun ittieħdet mis-settur privat u t-tixrid tal-aqwa prattiki;

- jilħaq firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-katina tad-distribuzzjoni, bħalma huma l-organizzaturi tal-fieri kummerċjali, il-kumpaniji tat-trasport u l-loġistika u l-fornituri tas-servizzi bi ħlas;

- jinkoraġġixxi l-isforzi sabiex tittejjeb il-kwalità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex ikun jista' jkun hemm infurzar effikaċi;

- jidentifika kampanji ta' ħolqien ta' kuxjenza fil-pubbliku li jkunu rnexxew, jiżviluppa strateġiji u inizjattivi u jxerred l-aqwa prattiki fis-setturi ekonomiċi kollha u min-naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali;

- jesplora kif il-ħolqien ta' kuxjenza u l-edukazzjoni dwar id-DPI jistgħu jkunu promossi fost iż-żgħażagħ;

- jidentifika, jirrapporta u jipproponi soluzzjonijiet għall-problemi ewlenin;

- jivvaluta u jiżvela problemi f'żoni ġeografiċi speċifiċi u f'setturi speċifiċi u jwassal rakkomandazzjonijiet lil min ifassal il-politika, l-aġenziji tal-infurzar u l-partijiet interessati.

2.2. L-immudellar tal-Osservatorju bħala pjattaforma għall-partijiet interessati u l-Istati Membri

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu, il-Kunsill issuġġerixxa li l-Osservatorju għandu jkun imsejjes fuq l-istrutturi eżistenti tal-Kummissjoni, li ma għandhomx jirrikjedu ħafna sforz u għandhom ikunu flessibbli u, fejn meħtieġ, jużaw l-għarfien espert estern. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipprovdi r-riżorsa amminstrattiva ċentrali. Madankollu, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet interessati se jkollhom parti kruċjali fix-xogħol tal-Osservatorju u fil-kisba tal-miri tiegħu.

L-Istati Membri se jintalbu jinnominaw rappreżentant nazzjonali u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati se jkollha tirrifletti firxa wiesgħa ta' korpi Ewropej u nazzjonali, li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi differenti li huma l-iktar milquta u li jkollhom l-iktar esperjenza fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. Jeħtieġ ukoll li l-konsumaturi Ewropej ikunu rrappreżentati sew u jintalbu jieħdu rwol attiv. B'dan il-mod l-Osservatorju jista' jgħin lill-konsumaturi jissieħbu b'mod attiv u responsabbli. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rappreżentazzjoni tal-SMEs.

3. IT-TRAWWIM TA' KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA MADWAR L-EWROPA

Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet differenti ta' infurzar jeħtieġ li tittejjeb sabiex ikun żgurat infurzar konsistenti u effiċjenti tad-DPI fis-Suq Intern kollu. Minħabba n-natura internazzjonali tal-ksur tad-DPI, it-titjib fil-kooperazzjoni interna transkonfinali mhuwiex biss obbligu leġiżlattiv, iżda huwa ħtieġa ċara, u filwaqt li l-kooperazzjoni amministrattiva diġà topera fil-qasam tad-Dwana huwa ċar li hemm nuqqas fl-oqsma l-oħra u hemm bżonn li tiġi żviluppata[19].

Kooperazzjoni amministrattiva ikbar fil-qasam tal-infurzar tad-DPI għandha titqies ukoll fil-kuntest usa' ta' sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' suq intern mingħajr fruntieri[20]. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm netwerk effiċjenti ta' punti ta' kuntatt madwar l-Unjoni Ewropea sabiex ikunu promossi skambji veloċi ta' informazzjoni dwar il-prodotti ta' suspett, is-siti fejn issir il-manifattura, ir-rotot ta' distribuzzjoni u l-punti ewlenin fejn isir il-bejgħ. Dan se jiġġenera s-sinerġija, li konsegwentement se tgħin fil-koordinament tal-politiki nazzjonali u sabiex tipprovdi għajnuna reċiproka.

L-iżvilupp ta' koordinament huwa meħtieġ ukoll fl-Istati Membri bejn dawk involuti fl-infurzar tad-DPI. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm skambji ta' informazzjoni li jkunu iktar effikaċi, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom kuntatt regolari bejniethom u mal-korpi rilevanti fis-settur privat. Għalhekk, l-Istati Membri huma mitluba jinnominaw Koordinaturi Nazzjonali b'mandat sod sabiex jissinkronizzaw kwistjonijiet ta' infurzar tad-DPI bejn l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar rispettivi tagħhom. Dawn il-Koordinaturi Nazzjonali għandhom ikunu marbuta direttament permezz ta' sistema ċentrali u għandhom jaġixxu bħala l-punti ċentrali ta' kuntatt għall-korpi industrijali, li jieħdu ħsieb il-kollegament mal-partijiet interessati u jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni transkonfinali.

Fil-kapaċità tagħhom bħala ċ-ċentri nazzjonali tal-għarfien espert dwar id-DPI, l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali għandhom sehem importanti x'jagħtu . Jista' jkollhom rwol siewi fil-ħolqien tal-pjattaformi u tal-istrateġiji li jmexxu 'l quddiem approċċi kkoordinati u li jxerrdu l-aqwa prattiki. Dan ir-rwol jista' jiġi estiż għal funzjonijiet ġodda bħal ngħidu aħna l-ħolqien ta' kuxjenza, l-appoġġ speċifiku għall-SMEs u l-koordinament. Punti fokali oħra internazzjonali tal-PI, bħalma huwa l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, jistgħu jkunu interessati wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom permezz tal-għarfien espert u l-aqwa prattiki. Barra minn dan, fir-rigward tat-trade marks u d-disinji, il-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali tista' tkun estiża iktar sabiex tkopri l-kooperazzjoni tal-UE u l-programmi u l-azzjoni dwar l-infurzar għall-ġejjieni.

3.1. Żieda fit-trasparenza tal-istrutturi u s-sistemi nazzjonali

Jeħtieġ li t-trasparenza tittejjeb fir-rigward tal-istrutturi nazzjonali sabiex tipprovdi appoġġ lill-partijiet interessati f'livelli transkonfinali, b'mod partikolari lill-SMEs. Wara sessjoni komprensiva ta' konsultazzjoni, fejn l-Istati Membri kollha pparteċipaw u taw l-informazzjoni, il-Kummissjoni issa tinsab tanalizza l-istrutturi li l-Istati Membri implimentaw sabiex jiġġieldu kontra l-ksur tad-DPI. Dan se jirriżulta f'rapport li juri l-oqfsa u l-istrateġiji eżistenti u li jagħti indikaturi tal-aqwa prattiki. Ir-rapport se jiġi ppreżentat fil-laqgħat bejn il-partijiet interessati u l-Istati Membri, fil-kuntest tal-Osservatorju, fit-tieni nofs tas-sena 2009.

3.2. Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta' għodod moderni għall-qsim tal-informazzjoni

Tinħass ħtieġa vitali għat-titjib fl-iskambju ta' informazzjoni aġġornata sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Kompetittività talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk għall-iskambju veloċi tal-informazzjoni ewlenija, billi tirrikorri għall-punti nazzjonali ta' kuntatt u għall-għodod moderni li jaqsmu l-informazzjoni.

Sabiex tinkiseb din il-mira, hemm bżonn li netwerk elettroniku għall-qsim tal-informazzjoni dwar il-ksur tad-DPI fis-Suq Intern ikun disponibbli għal firxa wiesgħa ta' korpi nazzjonali, inklużi l-aġenziji differenti ta' infurzar u l-uffiċċji nazzjonali tal-PI. Jeħtieġ li:

- jappoġġa skambji ta' informazzjoni fil-'ħin reali' dwar l-oġġetti u s-servizzi li jiksru d-DPI fis-suq intern.

- jippermetti skambju veloċi ta' twissijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' prodotti speċifiċi, tendenzi u theddid potenzjali, u

- jipprovdi faċilitajiet sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakli tal-lingwi .

Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tagħha fis-sistemi l-oħra tas-Suq Intern, bħalma hija s-Sistema ta' Informazzjoni fis-Suq Intern (IMI) [21] u s-Sistema ta' Informazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) [22], il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tanalizza kif sistema moderna tista' tkun iddisinjata sabiex tissodisfa bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tal-utenti permezz ta' interface sabiex l-informazzjoni essenzjali tinqasam kif ukoll ikun hemm l-iskambju ta' din l-informazzjoni u kif tista' tibni fuq in-netwerks eżistenti, bħal ngħidu aħna l-IMI.

4. IT-TISWIR TA' KOALIZZJONIJIET: L-IFFAċILITAR TAL-ARRANġAMENTI VOLONTARJI BEJN IL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1. Fokus fuq element komuni bejn il-partijiet interessati

Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija mhijiex biss ta' benefiċċju għas-sidien tad-drittijiet, hija wkoll fl-interess tal-partijiet interessati l-oħrajn, bħalma huma l-importaturi, l-organizzaturi tal-fieri kummerċjali, il-bejjiegħa fil-livell tal-konsumaturi, inkluż il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku.

Il-falsifikazzjoni u l-piraterija huma ta' dannu kbir għall-fiduċja fil-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi, b'mod partikolari fuq l-internet jew min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Dan jista' jwassal għat-telf ta' opportunitajiet għan-negozju. Il-falsifikazzjoni tista' tikkawża lill-konsumaturi sitwazzjoni fejn isibuha bi tqila biex jagħmlu l-aqwa użu tal-mezzi l-ġodda tad-distribuzzjoni, jew biex jieħdu vantaġġ minn prezzijiet tajbin fis-Suq Intern kollu.

Barra minn dan, il-varjetà wiesgħa ta' oġġetti ffalsifikati li potenzjalment jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza ta' kull ċittadin Ewropew, bħalma huma l-farmaċewtiċi, l-oġġetti tal-ikel, il-kożmetiċi, il-prodotti tal-iġene, it-tagħmir elettroniku u tekniku u l-ispare parts għall-karozzi, eċċ., juru li huwa fl-interess komuni ta' dawk kollha li huma kkonċernati li jaħdmu flimkien sabiex jiġġieldu dan il-fenomenu li qiegħed dejjem jikber.

Għalhekk, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet interessati l-oħrajn għandhom ikollhom il-kuraġġ jisfruttaw il-potenzjal tal-approċċi kollaborattivi u jqiegħdu iktar enfasi sabiex jingħaqdu flimkien u jiġġieldu l-falsifikazzjoni u l-piraterija fl-interess komuni, kif ukoll jieħdu vantaġġ mill-alternattivi possibbli għall-proċedimenti fil-qrati sabiex jiġi riżolt it-tilwim.

4.2. Il-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI permezz tad-Djalogi bejn il-Partijiet Interessati

Il-fokus fuq l-interessi komuni għandu jagħti lok li jittrawmu l-arranġamenti volontarji bejn il-partijiet interssati u li jinsabu soluzzjonijiet prattiċi. L-arranġamenti volontarji sabiex jiġġieldu l-falsifikazzjoni u l-piraterija fil-livell prattiku jistgħu jagħtu lill-partijiet interessati l-flessibbiltà li jadattaw malajr għal żviluppi ġodda teknoloġiċi. Barra minn hekk, dan l-approċċ iħeġġeġ lill-partijiet interessati stess sabiex ifasslu l-aqwa miżuri, b'mod partikolari soluzzjonijiet teknoloġiċi. L-arranġamenti volontarji jistgħu b'mod iktar faċli jiġu estiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea u jsiru l-bażi għall-aqwa prattiki fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fuq livell globali.

Sabiex ikun hemm qbil dwar l-arranġamenti volontarji u dawn jiġu implimentati huwa vitali għall-partijiet interessati li jipparteċipaw fi djalogi kostruttivi, li jiffukaw fuq problemi konkreti u fuq soluzzjonijiet prattiċi u effikaċi li għandhom ikunu realistiċi, bilanċjati, proporzjonati u ġusti għal dawk kollha kkonċernati. Kwalunkwe soluzzjoni interindustrijali għandha tkun konformi mal-qafas legali eżistenti u la għandha tillimita b'xi mod id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, bħal ngħidu aħna l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-ħarsien tad-dejta personali[23], u lanqas ma għandha taffettwa n-negozjati leġiżlattivi fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni toffri li taġixxi bħala faċilitatur għal dawn id-djalogi bejn il-partijiet interessati dwar suġġetti konkreti billi titlob lill-partijiet jiltaqgħu, billi torganizza l-laqgħat, billi tipprovdi appoġġ amministrattiv u ta' loġistika u billi tissalvagwardja, fejn meħtieġ, bilanċ ġust bejn l-interessi differenti kollha inkwistjoni, inklużi d-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-iżvilupp u t-tħaddim tal-arranġamenti volontarji u tibqa' lesta sabiex tqis approċċi alternattivi, jekk ikunu meħtieġa fil-ġejjieni.

4.3. L-immaniġġar tal-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-Internet

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nediet djalogu bejn il-partijiet interessati dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-Internet. Filwaqt li l-Internet mhuwiex is-sors tal-falsifikazzjoni fih innifsu, dan madankollu sar strument importanti għall-bejgħ ta' oġġetti foloz madwar id-dinja. Il-firxa u l-aċċessibbiltà globali tiegħu, il-possibbiltà li n-negozjanti jibqgħu anonimi u l-fatt li l-offerti jitqiegħdu u jitneħħew malajr għamlu l-internet wieħed mill-iktar għodda li tiġbed in-nies sabiex ibiegħu oġġetti ffalsifikati. Ir-rata mgħaġġla ħafna tat-tkabbir ta' dan il-fenomenu tesiġi li f'dan il-qasam tittieħed azzjoni prijoritarja. Huwa wkoll qasam fejn l-arranġamenti volontarji jidhru li huma b'mod partikolari promettenti, minħabba l-progress veloċi li sar fl-iżviluppi teknoloġiċi u l-bżonn li jinħass sabiex jinstabu soluzzjonijiet imsejsa fuq it-teknoloġija prattika.

Is-sidien tat-trade marks u bl-istess mod, il-kumpaniji li jfornu s-servizz tal-Internet għarfu dan u impenjaw irwieħhom sabiex jiżviluppaw mod kollaborattiv kif jimxu 'l quddiem. Konsegwentement, il-Kummissjoni organizzat djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati sabiex tiffaċilita fehim reċiproku u sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jkunu fl-interessi ta' dawk kollha konċernati. Diġà saru sensiela ta' laqgħat sabiex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-Internet. Qabel l-aħħar tas-sena, hemm ippjanati iktar laqgħat, li jistgħu jwasslu għal Memorandum ta' Fehim, li jittratta kwistjonijiet bħal ngħidu aħna, il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' offerti li jiksru d-drittijiet (eż. Proċeduri ta' Avviżi u ta' Tneħħija) u l-bejjiegħa mill-pjattaformi tal-internet. Madankollu, jekk ma jkunx jista' jkun hemm qbil dwar l-arranġamenti volontarji, il-Kummissjoni se tkun meħtieġa tqis soluzzjonijiet leġiżlattivi, b'mod partikolari fil-kuntest tad-Direttiva tal-Infurzar tad-DPI[24].

5. KONKLUżJONIJIET

Minħabba li jipprovdu l-inċentivi għall-kreazzjoni, l-innovazzjoni u l-kummerċ, id-drittijet tal-proprjetà intellettwali huma wħud mis-sisien ewlenin ta' soċjetà kompetittiva, li tiġġenera l-ġid, u li hija msejsa fuq l-għarfien. Il-ksur tad-DPI jikkawża ħsara ekonomika li tinfirex u l-għadd dejjem jiżdied ta' prodotti ffalsifikati huma ta' theddida reali għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur. Għalhekk huwa fl-interess tal-partijiet interessati u bl-istess mod tal-konsumaturi li jkollhom sistema ta' infurzar li tirreaġixxi u li tkun affidabbli, proporzjonata u ġusta.

Il-Kummissjoni tfittex li tiżgura dan billi tikkomplementa l-qafas regolatorju eżistenti b'miżuri mhux leġiżlattivi sabiex ikun hemm iktar infurzar kollaborattiv u ffukat fis-Suq Intern kollu, b'mod partikolari billi:

- tappoġġa l-infurzar permezz ta' Osservatorju tal-UE dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija;

- trawwem kooperazzjoni amministrattiva fis-Suq Intern kollu;

- tiffaċilita arranġamenti volontarji bejn il-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni hija konvinta li dawn il-miżuri se jsaħħu b'mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, fl-interess komuni taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-ekonomija kollha tal-Ewropa.

[1] F'din il-Komunikazzjoni, għandu jinfiehem li t-terminu "falsifikazzjoni u piraterija" qiegħed ikopri l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha kif inhuma msemmija fid-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva Nru 2004/48/KE; ĠU L 94, 13 ta' April 2005, p. 37.

[2] Fl-aħħar Rapport tal-Kummissjoni dwar id-dazji tal-Komunità, il-Kummissjoni twissi li t-theddida għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi qed tiżdied b'mod drammatiku, tant li fl-2008 inqabdu 178 miljun oġġett, jiġifieri iktar mid-doppju. Madwar 20 miljun ta' dawn l-oġġetti, jiġifieri 11% mill-oġġetti kollha interċettati, jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċìttadini tal-UE. IP/09/1106 tad-9 ta' Lulju 2009.

[3] Ara s-sit http://www.ip-talk.eu/?p=607 ‘Medi-Fake’ riżultati tal-azzjoni (Frar 2009) – inqabdu iktar minn 34 miljun mediċina illegali.

[4] Ara s-sit http://www.interpol.int/Public/ICPO/PressReleases/PR2008/PR200865.asp u s-sit http://www.icc-ccs.co.uk/bascap/article.php?articleid=780.

[5] Id-Direttiva Nru 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004; ĠU L 157, 30.4.2004, p. 16.

[6] COM(2006)168 tas-26 ta' April 2006.

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta' Lulju 2003; ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

[8] Technopolis, ‘Effects of counterfeiting on EU SMEs‘. http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/industry/doc/Counterfeiting_Main%20Report_Final.pdf

[9] http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/industry/ipr_report.htm.

[10] COM(2004)749 tat-8 ta' Novembru 2004; ĠU C 129, 26 ta' Mejju 2005, p. 3.

[11] http://ec.europa.eu/trade/issues/sectoral/intell_property/ipr_epc_countries_en.htm

[12] Stqarrija għall-Istampa IP/08/652.

[13] COM(2008)465, tas-16 ta' Lulju 2008.

[14] Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2008 ĠU C 253, 4.10.2008, p. 1.

[15] ĠU C 71, tal-25 ta' Marzu 2009, p. 1.

[16] OECD); ‘The Economic Impact of Counterfeiting and Piracy’ (2006); http://www.oecd.org/sti/counterfeiting.

[17] Rapport dwar l-infurzar Doganali tal-UE dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; riżultati fil-fruntieri Ewropej – 2008; http://ec.europa.eu/taxation_customs/.

[18] Supra nota 14, il-punt 15.

[19] It-Trattat tal-KE, l-Artikolu 10; Id-Direttiva 2004/48/KE, l-Artikolu 19.

[20] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/524/KE tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku; ĠU L 176, tas-7 ta' Lulju 2009, p. 17.

[21] http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5378/5970.

[22] http://www.icsms.org/icsms/App/index.jsp.

[23] Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 7, 8 u 11; ĠU C 303 tal-14 ta' Diċembru 2007, p. 4.

[24] Supra nota 5.