52009DC0077

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009 {SEG(2009) 165} /* KUMM/2009/0077 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.2.2009

KUMM(2009) 77 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009

{SEG(2009) 165}

WERREJ

1. Daħla 3

2. Żviluppi prinċipali 4

2.1. Differenza bejn is-sessi 4

2.2. Żviluppi politiki u leġiżlattivi 6

3. Sfidi u orjentazzjonijiet strateġiċi 7

3.1. Favur tqassim ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għat-tqassim tar-responsabbiltajiet privati u tal-familja 8

3.2. L-iffaċċjar tal-isterjotipi biex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jużaw il-potenzjal kollu tagħhom. 8

3.3. Promozzjoni għal parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi u l-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 9

3.4. Il-ħolqien ta’ għarfien u fehim aħjar tal-ugwaljanza bejn is-sessi 10

4. Konklużjonijiet 10

1. DAħLA

Fuq talba tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kull sena tirrapporta fuq il-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u tippreżenta sfidi u prijoritajiet għall-futur. Is-sena-2008 kienet il-punt tan-nofs għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' direzzjoni għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li jikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. L-Istati Membri rriflettew dak l-impenn fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Sforzi komuni taw riżultati pożittivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-impjiegi tan-nisa, iżda l-progress ġenerali miexi bil-mod wisq f’ħafna oqsma u l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha 'l bogħod milli tintlaħaq. Aktar nisa daħlu fis-suq tax-xogħol, u b’hekk setgħu jintlaħqu l-għanijiet ta’ Liżbona, iżda l-għan tal-kwantità (‘aktar’ impjiegi) ma tqabbilx mal-kwalità (impjiegi ‘aħjar’). In-nisa għadhom qed jaħdmu part-time aktar mill-irġiel; huma jippredominaw f’impjiegi u setturi li għandhom inqas valur; bħala medja jitħallsu inqas mill-irġiel u jokkupaw inqas pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà

Dan ir-rapport hu adottat fil-kuntest ta’ tnaqqis globali ekonomiku[1] marbut mal-kriżi finanzjarja, b’riperkussjonijiet negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi fl-UE. Biex jiġi ffaċċjat it-tnaqqis ekonomiku se jkun importanti ħafna iktar minn qatt qabel li jsir investiment fil-kapital uman u fl-infrastruttura soċjali, biex kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jużaw il-potenzjal kollu tagħhom. Fl-Aġenda Soċjali Mġedda[2] l-Kummissjoni saħħet l-impenn tagħha biex jinħolqu aktar impjiegi aħjar fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u t-Tkabbir. L-ugwaljanza bejn is-sessi hi fattur ewlieni sabiex din l-istrateġija tirnexxi, u kontribuzzjoni neċessarja biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta’ nuqqas ta’ xogħol u kapaċitajiet ġodda[3]. Illum in-nisa jagħmlu kważi 60% mill-gradwati universitarji kollha fl-UE, iżda l-perċentwal tagħhom fix-xjenza u t-teknoloġija jibqa’ wieħed baxx. Madankollu, għad hemm ostakoli li jipprevjenu lin-nisa milli jagħmlu użu mill-potenzjal kollu tagħhom u li jkollhom aċċess għal impjiegi u pożizzjonijiet li għalihom huma kkwalifikati. Id-diffikultà li x-xogħol u l-ħajja tal-familja jkunu bbilanċjati hi waħda mill-ostakoli ewlenin għall-impjiegi u l-avvanz fil-karriera tan-nisa. Sterjotipi persistenti tas-sessi jillimitaw l-għażliet tal-istudju u tal-karrieri tan-nisa u l-irġiel, li jwasslu għal suq tax-xogħol segregat skont is-sessi. Barra minn hekk, it-tnaqqis ekonomiku aktarx jaffettwa lin-nisa aktar mill-irġiel, minħabba li l-impjiegi tan-nisa huma aktar prekarji.

Dan ir-rapport jindirizza l-isfidi u t-tweġibiet tal-politika biex jitneħħew l-ostakoli għal parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. Dan jindirizza wkoll l-importanza ta’ korrezzjoni tal-iżbilanċ bejn is-sessi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod speċjali minħabba li l-2009 se tinvolvi tibdiliet ewlenin fl-għamla tal-istrutturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’livell tal-UE, inklużi l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Għalkemm it-tnaqqis ekonomiku biddel il-kuntest, huwa importanti li jkomplu jissaħħu il-politiki għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Għexieren ta’ snin ta’ sforzi komuni mhux talli tejbu s-sitwazzjoni u d-drittijiet tan-nisa iżda sostnew ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet tagħna.

2. ŻVILUPPI PRINċIPALI

2.1. Differenzi bejn is-sessi

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel mhix biss għan fih innifsu. hija prerekwiżit biex ikunu ssodisfati l-għanijiet ġenerali tal-UE tat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali. Żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol toffri kemm garanzija tal-indipendenza ekonomika tagħhom kif ukoll kontribuzzjoni sostanzjali għal żvilupp ekonomiku u s-sostenibbiltà ta’ sistemi tal-protezzjoni soċjali. Minħabba li n-nisa huma rrappreżentati żżejjed f’impjiegi prekarji bbażati fuq kuntratti ta’ perjodu taż-żmien qasir, aktarx jintlaqtu aktar mit-tnaqqis ekonomiku fis-suq tax-xogħol. Huwa kruċjali li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun segwita u msaħħa fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali, inklużi l-arranġamenti tal-flessigurtà, u li jkomplu l-isforzi biex jitneħħew l-ostakoli għal parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol.

L-impjiegi tan-nisa fl-UE issa jinsabu qrib l-għan ta’ Liżbona ta’ 60 % sal-2010, li żdiedu minn 51.1 % fl-1997 għal 58.3 % fl-2007. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, b’ċifri li jvarjaw minn 36.9 % għal 73.2 %. Id-differenza medja fir-rati tal-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel qiegħda tonqos, u niżlet minn 17.1 punti ta’ perċentwal fl-2000 għal 14.2 punti fl-2007. Iżda jekk wieħed iqabbel ir-rata tal-impjiegi tan-nisa u l-irġiel bit-tfal taħt it-12-il sena, din id-differenza bejn is-sessi kważi tirdoppja. Barra minn hekk, ir-rata tal-impjiegi tan-nisa tinżel bi 12.4 punti meta jkollhom it-tfal, iżda togħla għal 7.3 punti għall-irġiel bit-tfal fejn tirrifletti t-tqassim mhux indaqs ta’ responsabbiltajiet ta’ kura u n-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal.

Il-perċentwal ta’ nisa impjegati li jaħdmu part-time kien 31.2 % fl-2007, erba’ darbiet ogħla minn dak tal-irġiel. Għalkemm il-part-time u arranġamenti flessibbli oħrajn jistgħu jirriflettu preferenzi personali, it-tqassim mhux indaqs ta' responsabbiltajiet domestiċi u tal-familja jwassal għal aktar nisa minn irġiel biex jagħżlu arranġamenti bħal dawn. Iktar minn 6 miljun mara madwar l-UE, li għandhom bejn il-25 u d-49 sena, jgħidu li kienu mġiegħla ma jaħdmux, jew li jaħdmu biss part-time, minħabba r-responsabbiltajiet fil-familja tagħhom[4].

Rikonċiljazzjoni aħjar ta’ xogħol u ħajja privata kemm għan-nisa u l-irġiel hi essenzjali mhux biss biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona. L-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal bi prezz li jista’ jintlaħaq u ta’ kwalità huwa vitali biex il-ġenituri jkunu jistgħu jgħaqqdu x-xogħol u l-ħajja tal-familja. Biex ikunu ssodisfati l-miri stabbiliti mill-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u 'l hekk imsejħa għanijiet ta’ Barċellona[5], baqa’ ħafna x’isir biex jinkisbu livelli sodisfaċenti ta’ għoti ta’ servizzi ta’ indukrar għat-tfal, b’mod partikolari għal tfal taħt it-tliet snin. Politiki ta’ rikonċiljazzjoni huma wkoll importanti fir-rigward tat-tweġiba għall-isfidi demografiċi. L-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ twelid huma bħalissa dawk li wkoll għamlu l-aħjar biex itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għall-ġenituri, u li għandhom rata għolja ta’ nisa impjegati.

In-nisa għamlu progress fl- edukazzjoni wkoll. huma ammontaw għal 58.9 % tal-kwalifiki universitarji fl-UE fl-2006 (56.7 % fl-2004). Madankollu, id-differenzi bejn is-sessi jibqgħu fir-rigward tal-oqsma tal-istudju, b’mod speċjali fl-inġinerija (18 % nisa gradwati) u fl-informatika (20 %), filwaqt li n-nisa jippredominaw fin-negozju, fl-amministrazzjoni u fil-liġi (60 %). In-nisa xorta għadhom lura mill-irġiel fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għandhom diffikultajiet għall-aċċess ta’ impjiegi relatati mat-TIK (Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni) aktar speċjalizzata.

Il-livell għoli ta’ edukazzjoni tan-nisa mhux rifless b’mod dirett fil-pożizzjonijiet li huma għandhom fis-suq tax-xogħol. In-nisa huma impjegati l-aktar f’setturi u professjonijiet ‘femminili’ u jibqgħu f’kategoriji baxxi ta’ impjiegi b’inqas aċċess għal pożizzjonijiet għoljin. Is-segregazzjoni fl-impjieg u fis-settur baqgħet kważi l-istess f’ħafna Stati Membri matul dawn l-aħħar ftit snin, li tindika li kien hemm żieda fl-impjiegi tan-nisa fis-setturi li diġà huma ddominati min-nisa. Bilanċ aħjar bejn is-sessi fl-istudju u fl-impjiegi jista’ jikkontribwixxi biex ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet futuri u tas-suq tax-xogħol.

Waħda mill-konsegwenzi tas-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija d- differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi (medja ta’ 17.4% fl-UE[6]), parti minnha minħabba l-fatt li n-nisa huma kkonċentrati f’impjiegi u pożizzjonijiet ta’ inqas valur mill-irġiel. Minħabba li hu aktar probabbli li n-nisa jaħdmu part-time u jieqfu f’nofs il-karriera tagħhom minħabba raġunijiet familjari, huma aktarx jiffaċċjaw konsegwenzi negattivi f’termini ta’ paga, avvanz fil-karriera u drittijiet tal-pensjoni li jkunu kisbu. Dan għandu impatt ukoll fuq ir-riskju li wieħed jisfa fqir, b’mod speċjali għal ġenituri waħedhom, li f’ħafna każijiet huma nisa (ir-rata ta' dawk f’riskju hi 32 %), u għan-nisa li għandhom aktar minn 65 sena (ir-rata ta' dawk f’riskju hi 21 %, jiġifieri 5 punti ogħla mill-irġiel. In-nisa jinsabu wkoll f’riskju akbar fi żminijiet meta jiżdied il-qgħad minħabba li huma jkollhom ta’ spiss aktar kuntratti ta’ terminu fiss mill-irġiel (15 % mqabbla ma' 13.9 %).

Minkejja l-fatt li aktar u aktar nisa għandhom kwalifiki għoljin u li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol qed tiżdied, in-numru ta' rġiel fil-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-politika u n-negozju għadu xorta ħafna akbar, b’mod partikolari f’dawk tal-ogħla livell. In-numru ta’ maniġers nisa [7] fl-UE baqa’ stabbli matul l-aħħar ftit snin, b’medja ta’ 30 %, u ċ-ċifriċ-ċifri huma saħansitra anqas fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Il-proporzjon ta’ diretturi nisa ta’ bords ta’ kumpaniji kkwotati bħala l-ogħla hu ta’ 3 % madwar l-UE, filwaqt li membru minn għaxra fil-bord tal-kumpaniji hija mara. M’hemmx gvernaturi nisa ta’ Banek Ċentrali nazzjonali fl-UE, filwaqt li dawn jammontaw biss għal 16 % tal-ogħla korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan hu paradossali meta n-numru ta’ studenti nisa hu akbar minn dak tal-irġiel fin-negozju, fl-amministrazzjoni u l-liġi.

Fil-politika, kien hemm żviluppi pożittivi f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin, iżda l-progress miexi bil-mod u ċ-ċifri ġenerali jibqgħu baxxi. It-tqassim medju ta’ nisa membri tal-parlamenti nazzjonali żdied minn 16 % għal 24 % bejn l-1997 u l-2008, iżda ċ-ċifri nazzjonali jvarjaw minn 9 % għal 46 %. Ħdax-il Stat Membru għandhom 'il fuq minn 30 %, li jitqies bħala l-livell minimu neċessarju għal nisa li jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq il-politika. Fil-gvernijiet nazzjonali, waħda minn erba’ ministri anzjani hija mara, iżda varjazzjonijiet bejn l-Istati Membri jvarjaw minn żero għal 60 % ministri nisa. Kien hemm xi progress fi ħdan l- Istituzzjonijiet Ewropej , iżda għad hemm nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ nisa f’karigi għoljin. Tlieta minn għaxar membri tal-Parlament Ewropew biss huma nisa.

2.2. Żviluppi politiki u leġiżlattivi

Waħda mill-inizjattivi ewlenin fl-2008 biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi kienet l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ diversi miżuri li jimmiraw li jappoġġjaw bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata [8]. Proposta waħda tikkonċerna l-emenda tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità[9]. Il-bidliet ewlenin proposti jinkludu ż-żieda tal-liv minimu tal-maternità minn 14 għal 18-il ġimgħa, fil-prinċipju mingħajr nuqqas ta’ dħul. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/613/KEE[10] għal dawk li jaħdmu għal rashom u ‘għajnuna lill-konjuġi’ f’negozji tal-familja. Rapport tal-Kummissjoni[11] rreveda l-progress f’faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li qed jiżviluppaw fl-Istati Membri, u kkonkluda li ħafna mill-Istati Membri mhux se jissodisfaw il-miri ta' Barċellona sal-2010.

Wara konsultazzjoni b’żewġ stadji mnedija mill-Kummissjoni, l- imsieħba soċjali bdew negozjati dwar liv relatat mal-familja minbarra l-liv tal-maternità. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kompliet fl- Alleanza Ewropea għall-Familji , li tipprovdi pjattaforma f’livell tal-UE għal diskussjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki tal-familja u x-xogħol u l-ħajja privata. Ħafna Stati Membri għarfu l-importanza tal-politiki ta’ rikonċiljazzjoni rigward tweġiba għall-isfidi ekonomiċi u demografiċi. Ġew introdotti diversi miżuri , inkluża d-disponibbiltà aktar wiesgħa ta’ servizzi għall-indukrar tat-tfal (il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Olanda), arranġamenti aħjar ta’ liv notevolment għall-missirijiet (l-Iżvezja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja u Spanja) u ż-żieda fl-għarfien dwar ir-rwol tal-missirijiet (is-Slovenja).

Il-Kummissjoni kompliet tiġbor dejta komparabbli f’livell tal-UE dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u rapport reċenti kkonferma li n-nisa jibqgħu b’nuqqas ta’ rappreżentanza kbira minkejja l-iżviluppi pożittivi[12]. Diversi Stati Membri implimentaw miżuri biex jippromwovu bilanċ aħjar bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija (eż. Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Portugall, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Polonja u ċ-Ċipru). Fl-2008 tnieda netwerk tal-UE biex jippromwovi n-nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi biex jipprovdi pjattaforma għal skambju ta’ prassi tajba bejn in-netwerks eżistenti fil-livell tal-UE.

Il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi kienet suġġett ta’ prijorità taħt il-Presidenza Slovena, bħala parti mis-segwitu għal Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing. F’Ġunju 2008, il-Kunsill tal-Ministri adotta konklużjonijiet dwar nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, u dwar it-tneħħija tal- isterjotipi tas-sessi fis-soċjetà; din kienet tema ta’ prijorità tal-Presidenza Trio (il-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja). Fl-aħħar tal-2007, il-Kummissjoni nediet inizjattiva ta’ taħriġ u żieda fl-għarfien immirata biex tinforma l-kumpaniji, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u medji, bil-benefiċċji tal-iffaċċjar tal-isterjotipi tas-sessi. Din tmexxi wkoll kampanja biex tattira lit-tfajliet u żżomm lin-nisa fi professjonijiet relatati mat-TIK.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar trattament indaqs bejn in-nisa u l-irġiel qed tikkontribwixxi wkoll għall-progress f’dan il-qasam. Fl-2008, il-Kummissjoni ssorveljat mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2002/73/KE[13] u 2004/113/KE[14] u ħadet il-passi neċessarji biex tivverifika t-traspożizzjoni korretta u f’waqtha ta’ dawn id-Direttivi fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni ingaġġat proċeduri ta’ ksur kontra ċertu numru ta’ Stati Membri għal traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva 2002/73/KE u 20 proċedura għadhom miftuħa. Għad-Direttiva 2004/113/KE, bdew proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni kontra tnax-il Stat Membru, li sebgħa minnhom għadhom miftuħin sal-aħħar tal-2008.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll fil-proċess li tirrevedi l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar pagi indaqs biex tiffaċċja d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, f’konformità mal-Komunikazzjoni[15], tal-2007 u nediet kampanja biex iżżid l-għarfien dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Diversi Stati Membri indirizzaw id-differenza fil-pagi bejn is-sessi permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, pereżempju fir-Renju Unit (Il-Kummissjoni tan-Nisa u x-Xogħol u d-dmir lejn is-sessi dwar awtoritajiet pubbliċi), Franza (inklużjoni fin-negozjar tal-pagi fil-livell tal-imsieħba soċjali), il-Finlandja (strateġija nazzjonali dwar pagi indaqs), l-Iżvezja (pjan annwali obbligatorju għal paga indaqs għall-kumpaniji kollha b’mill-inqas għaxar impjegati) u l-Belġju (rapport annwali u introduzzjoni ta’ sistemi dħulin ta’ valutazzjoni tal-impjiegi tas-sessi).

L- Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi qiegħed fil-proċess li jiġi stabbilit . Ladarba jkun imwaqqaf u jiffunzjona, l-Istitut se jipprovdi assistenza teknika ġdida lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri.

3. SFIDI U ORJENTAZZJONIJIET STRATEġIċI

L-isfida ġenerali hi li jinstabu tweġibiet effiċjenti u sostenibbli għat-tnaqqis ekonomiku u biex jitnaqqsu ħafna konsegwenzi ta’ perjodu ta’ żmien qasir u twil, inkluż fis-suq tax-xogħol. L-impjieg tan-nisa kien xprun importanti tas-suq tal-UE mit-tnedija tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Għalhekk, l-ugwaljanza bejn is-sessi tikkonċerna l-ħtieġa li tkun integrata fit-tweġibiet mogħtija lil dawn l-isfidi, minħabba li n-nisa u l-irġiel jistgħu jkunu affettwati b'modi differenti. Il-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi wrew li huma tweġibiet effiċjenti għal dawn l-isfidi, u l-Istati Membri għandhom ikomplu jinvestu f’użu aħjar ta’ kapaċitajiet u riżorsi tan-nisa u l-irġiel, inkluż it-tisħiħ tad-dimensjoni tas-sessi ta’ politiki ta’ flessigurtà.

Differenzi persistenti bejn is-sessi jikkonfermaw l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli għal parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti li niġġieldu kontra l-isterjotipi tas-sessi li għandhom għeruq fondi li jifformaw ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà u jinfluwenzaw l-iżbilanċ bejn is-sessi f’xogħol li jħallas u dak li ma jħallasx. It-tqassim mhux indaqs tar-responsabbiltajiet tal-familja jista’ jħajjar lin-nisa aktar mill-irġiel biex jagħżlu arranġamenti flessibbli tax-xogħol u jwaqqfu l-karriera, u għalhekk jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-karriera tagħhom, id-dħul, id-drittijiet tal-pensjoni u l-indipendenza ekonomika. Il-politiki għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandhom għalhekk ikollhom approċċ integrat, inklużi l-istrateġiji għall-eliminazzjoni ta’ sterjotipi tas-sessi u miżuri għal titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta’ kemm in-nisa u l-irġiel.

Sterjotipi u diffikultajiet tas-sessi fil-bilanċ tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-familja jfixklu wkoll l-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà u tmexxija, flimkien mal-prattiċi u l-istrutturi diskriminatorji viżibbli u inviżibbli. Politiki mmirati biex jippromwovu parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi u l-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għalhekk jeħtieġ li jkunu multidimensjonali u jiffaċċjaw il-kawżi ewlenin tal-problema. Oqsma fejn hemm bżonn ta' azzjoni jissemmew hawn taħt.

3.1. Favur tqassim indaqs tar-responsabbiltajiet privati u tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel

Politiki ta' rikonċiljazzjoni huma tweġibiet ewlenin għal sfidi ekonomiċi u demografiċi ta' perjodu ta’ żmien twil, u għalhekk għandhom jissaħħu biex jistimulaw it-tkabbir. Bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għall-irġiel u għan-nisa jeħtieġ aktar tqassim ekwu ta’ ħin li wieħed iqatta’ fuq xogħol li jħallas u dak li ma jħallasx. Il-ħin tan-nisa huwa marbut aktar mar-responsabbiltajiet domestiċi u tal-familja minn dak tal-irġiel. Miżuri ta’ rikonċiljazzjoni jeħtieġ li jkunu mmirati lejn l-irġiel ukoll, minħabba li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi timplika bidliet u opportunitajiet ġodda għaż-żewġ sessi.

- L-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kwalità, aċċessibbli u ta’ prezz li jista’ jintlaħaq għall-indukrar tat-tfal u dipendenti oħrajn jippermetti aktar nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol u biex jiffaċilita l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm tan-n-nisa kif ukoll tal-irġiel. Il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u l-FAEŻR[16] (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) għall-finanzjament ta’ servizzi ta’ kwalità għandhom jintużaw kollha.

- Politiki ta’ rikonċiljazzjoni jeħtieġ li jippermettu għażliet individwali kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel fir-rigward ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol u ta’ liv. Miżuri bħal-liv tal-paternità jistgħu jħeġġu lill-irġiel biex jaqsmu t-trobbija tal-ulied u responsabbiltajiet oħrajn ta’ kura b’mod indaqs man-nisa.

- Politiki ta’ rikonċiljazzjoni jeħtieġ li jkunu implimentati fil-livelli kollha fuq il-post tax-xogħol, sabiex użu aktar ekwu tal-ħin tan-nisa u tal-irġiel isir in-norma u l-attitudnijiet lejn il-ħtieġa kemm tan-nisa u l-irġiel biex jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja jkunu armonizzati aħjar.

- Il-proposti li jirrevedu ż-żewġ direttivi[17] dwar il-liv tal-maternità u d-drittijiet ta’ nisa li jaħdmu għal rashom jeħtieġ li jiġu adottati malajr mil-leġiżlatur. Huma jirrappreżentaw kontribuzzjoni konkreta biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-UE.

3.2. L-iffaċċjar tal-isterjotipi biex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jużaw il-potenzjal kollu tagħhom.

Sterjotipi tas-sessi huma attitudnijiet kulturali u soċjali lejn x’wieħed jikkunsidra bħala rwoli u funzjonijiet tradizzjonali ta’ ‘raġel’ jew ‘mara’. Dawn jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet ta’ studju u impjiegi tan-nisa u l-irġiel, u jistgħu jwasslu għal suq tax-xogħol segregat skont is-sessi. Dawn l-isterjotipi jinfluwenzaw it-tqassim mhux indaqs tal-ħin tax-xogħol, id-dħul u r-responsabbiltajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel; dawn joħolqu wkoll ostakoli għan-nisa fl-avvanz fil-karriera u fil-ħatra ta’ pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalhekk li tiġġieled kontra l-isterjotipi tas-sessi jfisser li tiffaċja l-kawża ewlenija ta’ differenzi persistenti bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

- It-tfal u ż-żgħażagħ, fis-soċjetà jeħtieġu mudelli ta’ nisa u rġiel li mhumiex sterjotipiċi. Prattiċi u attitudnijiet diskriminatorji jeħtieġ li jitneħħew mill-materjal u l-metodi edukattivi, mit-tagħlim u l-gwida vokazzjonali.

- It-taħriġ u ż-żieda fl-għarfien fuq il-post tax-xogħol jistgħu jeliminaw preġudizzji bbażati fuq is-sessi u għalhekk ibiddlu l-kulturi sterjotipiċi tax-xogħol fir-rigward tar-rwoli u l-kapaċitajiet tan-nisa u l-irġiel, inklużi l-attitudnijiet lejn in-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

- Il-mezzi tax-xandir, inkluża l-industrija tar-reklamar, għandhom jitħeġġu biex jittrażmettu stampi u kontenut li mhumiex sterjotipiċi, b’mod partikolari nisa fil-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

3.3. Tħeġġiġ għal parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u l-irġiel fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u tal-irġiel fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet hija neċessità demokratika u ekonomika . Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali huwa aktar importanti li t-talenti kollha jkunu mobilizzati. Dan mhuwiex iż-żmien biex naħlu l-potenzjal tal-kapaċitajiet u l-produzzjoni minħabba perċezzjonijiet skaduti tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel u kapaċitajiet ta’ tmexxija. Ir-riżultati[18] jirreferu għal relazzjoni pożittiva bejn in-nisa fit-tmexxija u l-prestazzjoni finanzjarja u ta’ organizzazzjoni. L-investiment f’bilanċ bejn is-sessi fin-negozju u t-tmexxija jista’ jtejjeb il-governanza tal-impriżi u l-profitabbiltà.

- Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet teħtieġ impenn aktar b’saħħtu u sħubija fil-livelli kollha: gvernijiet, awtoritajiet reġjonali u lokali, partiti politiċi, l-imsieħba soċjali, il-maniġers tan-negozji, timijiet tar-riżorsi umani, NGOs, istituzzjonijiet edukattivi, mezzi tax-xandir, irġiel u nisa.

- Parteċipazzjoni aktar bilanċjata fit-teħid ta’ deċiżjonijiet teħtieġ politiki speċifiċi u miżuri effettivi sabiex tirnexxi, inkluża azzjoni pożittiva fejn hu xieraq, pjanijiet ta’ ugwaljanza, sorveljar u taħriġ immirat. Il-ħatriet kollha, ir-reklutaġġ, il-valutazzjoni tax-xogħol u l-kapaċità, is-salarji u l-promozzjoni għandhom ikunu trasparenti u mingħajr preġudizzju bejn is-sessi. Huwa importanti li taħdem b’mod sistematiku u tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u kontra l-fastidju sesswali u morali.

- Il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ dejta komparabbli li teżisti f’livell tal-UE maqsuma skont is-sess għandhom jitjiebu sabiex jagħtu appoġġ lis-sorveljar tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Jinħtieġu studji kwantitattivi u kwalitattivi dwar ir-riżultat ta’ strateġiji stabbiliti fl-Istati Membri, inklużi miżuri pożittivi bħal kwoti. L-iskambju u t-tixrid ta’ prassi tajba għandha titħeġġeġ, inkluż l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ nisa fit-tmexxija.

- Sistemi elettorali għandhom impatt fuq l-involviment u r-rappreżentanza tan-nisa. Partiti politiċi u Ewropej u parlamenti nazzjonali għandhom jitħeġġu, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jinvolvu aktar nisa u jtejbu r-rappreżentanza bilanċjata ta’ nisa u rġiel fuq il-listi ta’ votazzjoni u f’nominazzjonijiet għal karigi eletti.

3.4. Il-ħolqien ta’ għarfien u fehim aħjar tal-ugwaljanza bejn is-sessi

L-impenn politiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi żdied f’dawn l-aħħar ftit snin kemm f’livelli tal-UE u tal-Istati Membri. Madankollu, dan l-impenn jeħtieġ li jinbidel f’azzjoni u progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri kollha. Dan jeħtieġ għarfien u fehim fost l-atturi kollha dwar il-fatturi li jwasslu għall-inugwaljanzi bejn is-sessi u l-mekkaniżmi u l-għodod biex dawn jitnaqqsu. Riżorsi u strutturi adegwati huma vitali, u l-kapaċitajiet tal-integrazzjoni bejn is-sessi jeħtieġ li jitjiebu. Aktar komunikazzjoni aħjar għandha toħloq għarfien u tagħmel il-kwistjonijiet dwar is-sessi aktar viżibbli u li jiftiehmu fil-livelli kollha tas-soċjetà.

- L-integrazzjoni bejn is-sessi teħtieġ li tissaħħaħ b’taħriġ intensiv u bini ta’ kapaċità għal dawk involuti fit-tfassil tal-politika, bil-mira li tagħmel użu aktar effiċjenti ta’ din l-għodda għall-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fil-politiki u l-azzjonijiet kollha.

- L-iżvilupp tal-istatistiċi u l-indikaturi tas-sessi bbażati fuq dejta eżistenti, inkluża l-integrazzjoni ta' perspettiva tas-sessi fl-analiżi u s-sorveljar tal-politika, se jappoġġjaw bini ta' kapaċità bħal dan.

- Għarfien u fehim aħjar ta’ kwistjonijiet tas-sessi fil-livelli kollha tas-soċjetà, inklużi permezz tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, se joħolqu għarfien fost kemm il-partijiet interessati kif ukoll il-pubbliku ġenerali.

4. KONKLUżJONIJIET

Dan ir-rapport jistipula l-progress ewlieni rreġistrat fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2008 u jenfasizza l-isfidi futuri. Dan li ġej jeħtieġ enfasi f'dan il-kuntest:

- L-importanza tat-tisħiħ ta’ riżultati pożittivi f’termini ta’ impenn politiku lill-ugwaljanza bejn is-sessi u biex il-prinċipji u d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini kollha jkunu ggarantiti permezz ta’ implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-Direttivi 2002/73/KE dwar it-trattament ugwali fl-impjiegi, 2004/113/KE dwar it-trattament ugwali fl-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u 2006/54/KE li tfassal mill-ġdid seba' direttivi ta' trattament ugwali[19];

- Iż-żewġ proposti li jemendaw id-Direttivi 92/85/KEE dwar il-ħarsien tal-maternità u 86/613/KEE għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u l-“konjuġi li jgħinu” f'negozji tal-familja;

- In-negozjati li nbdew mill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu ftehim dwar liv ieħor relatat mal-familja;

- Il-kontinwazzjoni tal-isforzi biex jintlaħqu l-miri ta’ Barċellona dwar id-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, u l-iżvilupp ta’ servizzi oħrajn għall-iffaċilitar tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa u l-irġiel;

- Appoġġ għal promozzjoni attiva ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2009 u l-ħatra ta’ nisa fl-aqwa pożizzjonijiet politiċi fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

Fid-dawl tal-kontribuzzjoni li l-ugwaljanza bejn is-sessi tista’ tagħmel lit-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwieġbu mingħajr dewmien għall-isfidi deskritti f’dan ir-rapport billi jerġgħu jiddikjaraw l-impenn tagħhom għall-integrazzjoni tad-dimensjoni bejn is-sessi fl-oqsma tal-politika kollha fi sħubija mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

[1] COM(2008) 800.

[2] COM(2008) 412.

[3] COM(2008) 868.

[4] Ewrostat, Servej tal-Forza tax-Xogħol, 2006.

[5] F’Marzu 2002 il-Kunsill Ewropew, li ltaqa’ f’Barċellona, stieden lill-Istati Membri biex ‘ineħħu d-di¿inċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jagħmlu minn kollox, filwaqt li jqisu t-talba għall-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u f'konformità mal-mudelli nazzjonali ta' forniment, biex sa l-2010 tiġi pprovduta faċilità għall-indukrar tat-tfal ta’ mill-inqas 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja tal-iskola u mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin.

[6] Eurostat, 2007 (iċ-ċifra hi bbażata fuq sors armonizzat ġdid tal-UE) – ara l-anness tal-istatistika (SEC(2009) XXX)

[7] Id-Diretturi u l-kapijiet eżekuttivi u maniġers ta’ intrapriżi żgħar.

[8] COM(2008) 635.

[9] COM(2008) 637.

[10] COM(2008) 636.

[11] COM(2008) 638.

[12] http://ec.europa.eu/employment_social/publications/2008/ke8108186_en.pdf.

[13] Id-Direttiva 2002/73/KE li temenda d-Direttiva 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol.

[14] Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi.

[15] COM(2007) 424.

[16] Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

[17] Ara n-noti 9-10 f'qiegħ il-paġna.

[18] Pereżempju, Mc Kinsey Women Matter Report (2007); Vinnicombe, Susan, Singh, Val (2003); Catalyst (2004).

[19] Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet u trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u x-xogħol (tfassil mill-ġdid).