52008PC0661

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija għad-Depożiti fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewma għall-ħlas /* KUMM/2008/0661 finali - COD 2008/0199 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 15.10.2008

COM(2008) 661 finali

2008/0199 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija għad-Depożiti fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewma għall-ħlas

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

F'perjodu ta' volatilità fis-swieq, wieħed mill-akbar inkwiet tad-depożitanti huwa s-sikurezza ta' depożiti li jkollhom il-bank f'każ li l-bank tagħhom ifalli.

Mill-1994, regoli Komunitarji żguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom sistema ta' protezzjoni għad-depożitanti f'każ li l-banek ifallu. Reviżjoni ta' dawn ir-regoli eżistenti ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2006[1] enfasizzat għadd ta' oqsma fejn seta' jsir titjib. Madankollu, dan ir-rapport ikkonkluda li f'dak l-istadju ħafna mit-titjib seta' jintlaħaq mingħajr emendi fil-leġiżlazzjoni.

Għadd ta' avvenimenti fl-2007 u fl-2008, u b'mod partikolari t-taqlib attwali fis-swieq finanzjarji, kixfu dawn in-nuqqasijiet u l-konsegwenzi tagħhom f'livell ġdid f'dak li għandu x'jaqsam mal-fiduċja tad-depożitanti.

B'mod kruċjali, hemm ukoll aktar għarfien dwar il-fatt li għadd kbir ta' nies li għandhom kontijiet ta' tfaddil jistgħu jingidmu, u ma jiġux rimborsati f'każ li bank ifalli għaliex it-tfaddil tagħhom ikun jaqbeż il-livelli ta' kopertura f'pajjiżhom. Il-livell minimu ta' kopertura ta' EUR 20 000 qatt ma ġie aġġustat mill-1994 u ma għadux adegwat f'għadd ta' pajjiżi meta titqies id-distribuzzjoni tat-tfaddil. Hemm evidenza li turi l-probabbiltà li d-distorsjonijiet kompetittivi li nħolqu minn miżuri nazzjonali differenti qed ikollhom impatt reali u ta' taqlib fuq l-attività ta' teħid ta' depożiti.

Barra minn hekk, id-dewma attwali għall-ħlas li hija ta' tliet xhur ma tissodisfax il-ħtiġijiet u l-aspettazzjonijiet tad-depożitanti.

Fis-7 ta' Ottubru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel li l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja kif ukoll it-tħaddim kif suppost tas-settur finanzjarju huma ta' prijorità. Impenja ruħu li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex id-depożiti tal-individwi li għandhom kontijiet ta' tfaddil jiġu protetti u laqgħa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq b'urġenza proposta xierqa li tippromwovi l-konverġenza tal-iskemi ta' garanzija għad-depożiti. Għalhekk, id-Direttiva għandha tiġi riveduta fi tliet oqsma ewlenin:

- Żieda tal-livell minimu ta' kopertura

- Tnaqqis tad-dewma għall-ħlas sa massimu ta' tlitt ijiem

- Twaqqif tal-koassigurazzjoni

2. Il-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni pubblika

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, la setgħat titwettaq il-valutazzjoni tal-impatt u lanqas il-konsultazzjoni pubblika għall-proposta attwali.

Madankollu, il-Kummissjoni kisbet għarfien importanti mill-proċess tagħha tar-reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE. Fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006, il-Kummissjoni notevolment talbet liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni biex jippreżenta rapporti dwar il-livell ta' kopertura (2005), il-possibbiltà ta' armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' finanzjament (2006/7) u l-effiċjenza tal-iskemi ta' garanzija għad-depożiti (2008). Din il-ħidma kellha l-appoġġ tal-Forum Ewropew tal-Assiguraturi ta' Depożiti (EFDI), b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' ostakli għal ħlas rapidu lid-depożitanti. Din il-ħidma tqieset għall-proposta attwali.

Ir-rapporti huma disponibbli fuq il-websajt li ġejja:http://ec.europa.eu/internal_market/bank/guarantee/index_en.htm

3. L-implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

4. L-elementi ġuridiċi tal-proposta

Direttiva li temenda d-direttiva attwali hija l-istrument l-aktar xieraq. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 47(2) tat-Trattat, li huwa l-bażi ġuridika biex jiġu adottati miżuri Komunitarji mmirati biex jintlaħaq is-Suq Intern fis-servizzi finanzjarji.

Skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-KE, l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Id-dispożizzjonijiet tagħha ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja biss tista’ tiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed ikunu suġġetti għal rekwiżiti simili li jikkonċernaw l-Iskemi ta' Garanzija għad-Depożiti, u din tiżgura opportunitajiet indaqs għal kulħadd, tevita spejjeż ta’ konformità mhux ġustifikati għal attivitajiet transkonfinali u b'hekk tħeġġeġ aktar l-integrazzjoni fis-suq uniku. Azzjoni Komunitarja tiżgura wkoll livell għoli ta’ stabbiltà finanzjarja fl-UE.

5. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

5.1. Tnaqqis tad-dewma għall-ħlas

Id-dewma attwali għall-ħlas ta' tliet xhur, li tista; tittawwal għal disa' xhur, hija ta' detriment għall-fiduċja tad-depożitanti u ma tissodisfax il-ħtiġijiet tagħhom. F'inqas minn ġimgħa għadd kbir ta' depożitanti diġà huma mistennija li se jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet finanzjarji. Għalhekk, id-dewma għall-ħlas għandha titnaqqas għal tlitt ijiem, mingħajr il-possibbiltà li tittawwal.

Madankollu, l-iskadenza għandha tibda biss meta jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ta' kreditu tidher li mhux se tkun tista' tħallas lura d-depożitu jew awtorità ġudizzjarja tkun iddeċidiet li t-talbiet tad-depożitanti ġew sospiżi. Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tista' tieħu sa 21 jum qabel ma l-ewwel ikunu sodisfatti li instituzzjoni ta' kreditu tkun naqset milli tħallas lura d-depożiti. Fl-interess ta' ħlas rapidu, dan il-perjodu ta' 21 jum għandu jitnaqqas għal tlitt ijiem.

Attwalment, depożiti interbankarji u depożiti relatati ma' attivitajiet ta' ħasil ta' flus biss huma esklużi mill-ħlas skont l-Artikolu 2.

Skont l-Artikolu 7(2) flimkien mal-Anness 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jħaddmu 14-il esklużjoni oħra mill-ħlas. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, depożiti mis-setturi finanzjarji u pubbliċi, qraba tal-awdituri tal-bank u depożiti minn kumpaniji li huma "ta' daqs tali li ma għandhomx il-permess li jippreżentaw karti tal-bilanċ emendati skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 78/660/KEE". Jidher ovvju li ħafna mill-esklużjonijiet joħolqu ostakli sinifikanti għal kwalunkwe tentattiv biex isir ħlas rapidu. Huwa għalhekk ta' importanza kbira li esklużjonijiet ta' dan it-tip ma għandhomx jibqgħu japplikaw. Għall-finijiet ta' ħlas rapidu, skema ma għandhiex tkopri biss depożiti mhux professjonisti. Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom l-alternattiva li jinkludu depożitanti oħrajn sakemm din l-inklużjoni ma tfixkilx ħlasijiet rapidi.

5.2. Il-koassigurazzjoni

Id-Direttiva attwali tippermetti l-alternattiva ta' koassigurazzjoni sa massimu ta' 10 %, i.e. ċertu persentaġġ ta' telf jiġġarrab mid-depożitant. Din irriżultat kontroproduttiva għall-fiduċja tad-depożitanti u jista' jkun li setgħet ipprovokat il-problemi. L-argument dwar ażżard morali (id-depożitanti għandhom 'jiġu kkastigati' jekk jiddepożitaw il-fondi tagħhom f'bank li jkun qed joffri rati ta' interessi għoljin iżda li jdaħħlek f'riskji kbar) ma jreġġix minħabba li d-depożitanti mhux professjonisti, inġenerali, ma jistgħux jiġġudikaw kemm il-bank tagħhom huwa sod finanzjarjament. Konsegwentement, din l-alternattiva għandha titwaqqaf.

5.3. Il-livell ta' kopertura

Il-livell minimu attwali ta' kopertura huwa ffissat għal EUR 20 000 bl-alternattiva li l-Istati Membri jiddeterminaw kopertura ogħla. Madankollu, dan ma jirriflettix il-medja tad-depożiti attwali ta' madwar EUR 30 000 għal kull ċittadin tal-UE. Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti, il-livell ta' kopertura għandu jiżdied b'mod sinifikanti.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel fis-7 ta' Ottubru 2008 li l-Istati Membri kollha, għall-perjodu inizjali tal-anqas ta' sena, se jipprovdu protezzjoni ta' garanzija għad-depożitu għal ammont ekwivalenti tal-anqas għal EUR 50 000, bl-għarfien li għadd kbir ta' Stati Membri għandhom l-intenzjoni li jgħollu l-minimu tal-anqas għal EUR 100 000. Għalhekk, il-livell minimu ta' kopertura għandu l-ewwel jiżdied tal-anqas għal EUR 50 000 u, wara sena, tal-anqas għal EUR 100,000. Skont il-kalkoli, madwar 65 % tad-depożitanti eliġibbli huma koperti bis-sistema attwali. L-ammonti l-ġodda għandhom ikopru madwar 80 % tad-depożitanti (b'kopertura ta' EUR 50 000) u 90 % (b'kopertura ta' EUR 100 000).

Il-bidliet fil-livell ta' kopertura għandhom jiġu soġġetti għall-proċedura standard tal-komitoloġija. Madankollu, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, azzjoni f'waqtha, ikkoordinata mal-Komunità kollha, tkun meħtieġa biex iżżid il-livell ta' kopertura biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas bla mistenni ta' fiduċja tad-depożitanti. Għalhekk, miżura ta' komitoloġija ta' emerġenza hija kruċjali. Miżuri ta' emerġenza ta' dan it-tip għandhom ikunu ristretti għal 18-il xahar.

5.4. Kooperazzjoni transkonfinali

Skema ta' garanzija għad-depożiti ma tkoprix biss lid-depożitanti fl-Istat Membru fejn il-bank huwa awtorizzat (il-pajjiż tal-oriġini) iżda tkopri wkoll depożitanti fil-fergħat tal-bank fi Stat Membru ieħor (il-pajjiż ospitanti). Jekk l-iskema ta' garanzija għad-depożiti tal-pajjiż ospitanti toffri livell ta' kopertura ogħla mill-iskema tal-pajjiż tal-oriġini, il-fergħa tista' wkoll tingħaqad mal-iskema tal-pajjiż ospitanti biex toffri l-istess kopertura tal-banek li huma awtorizzati fil-pajjiż ospitanti.

Irrispettivament minn jekk il-bank ingħaqadx mal-iskema tal-pajjiż ospitanti, huwa essenzjali li skemi 'tal-oriġini u ospitanti' jikkooperaw ma' xulxin biex jiżguraw ħlas rapidu. Il-proposta, għalhekk, b'mod espliċitu tintroduċi obbligu ġenerali biex l-iskemi jikkooperaw ma' xulxin.

2008/0199 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta' Garanzija għad-Depożiti fir-rigward tal-livell ta' kopertura u d-dewma għall-ħlas

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1) Fis-7 ta' Ottubru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel li l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja kif ukoll it-tħaddim kif suppost tas-settur finanzjarju għandhom jingħataw prijorità. Aċċetta r-responsabbiltà li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex id-depożiti ta' individwi li għandhom kontijiet ta' tfaddil jiġu protetti u laqgħa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq b'mod urġenti proposta xierqa li tippromwovi l-konverġenza ta' skemi ta' garanzija għad-depożiti.

(2) Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar Skemi ta' garanzija għad-depożiti[5] diġà tipprovdi kopertura bażika għad-depożitanti. Madankollu, it-taqlib finanzjarju li għaddej bħalissa jesiġi titjib fil-kopertura.

(3) Il-livell minimu attwali ta' kopertura stipulat fid-Direttiva 94/19/KE huwa ffissat għal EUR 20 000 bl-alternattiva li l-Istati Membri jiddeterminaw kopertura ogħla. Madankollu, intwera li għal għadd kbir ta' depożiti fil-Komunità dan il-livell ta' kopertura mhuwiex adegwat. Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti, il-livell minimu ta' kopertura għandu jiżdied.

(4) Skont id-Direttiva 94/19/KE, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kopertura b'persentaġġ partikolari. Dik l-alternattiva rriżultat kontroproduttiva għall-fiduċja tad-depożitanti u għandha titwaqqaf.

(5) Il-perjodu ta' tliet xhur stipulat attwalment għall-ħlas, li jista' jittawwal għal disa' xhur, imur kontra l-ħtieġa li tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti u ma jissodisfax il-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk, id-dewma għall-ħlas għandha titnaqqas għal perjodu ta' tlitt ijiem mid-data ta' meta l-iskema ta' garanzija għad-depożiti konċernata tkun irċeviet it-tagħrif rilevanti. Barra dan, fil-każijiet fejn il-ħlas iseħħ skont determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, il-perjodu ta' deċiżjoni ta' 21 jum stipulat attwalment għandu jitnaqqas għal 3 ijiem sabiex ma jfixkilx ħlas rapidu.

(6) Il-possibbiltà ta' esklużjonijiet diskrezzjonali ta' ċerti kategoriji ta' depożitanti ddefiniti fl-Anness I għad-Direttiva 94/19/KE wasslet għal varjetà ta' kategoriji ta' benefiċjarji li għandhom jiġu identifikati waqt il-proċedura ta' ħlas. Din il-possibbiltà rriżultat diffiċli għall-infurzar tal-arranġamenti bejn skemi ta' pajjiżi tal-oriġini u dawk ospitanti (żieda fil-livell ta' kopertura) u li ddewwem il-ħlas u għalhekk għandha titwaqqaf. Barra dan il-biċċa l-kbira tal-esklużjonijiet stipulati attwalment jikkonċernaw entitajiet pubbliċi u istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, protezzjoni ogħla għandha, tkun ta' benefiċċju għad-depożitanti li, bħala prinċipju, ma għandhomx wisq għarfien espert finanzjarju. Għalhekk il-protezzjoni għandha tkun illimitata għal depożitanti mhux professjonisti, filwaqt li tinżamm l-alternattiva fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu dik il-protezzjoni għal kategoriji oħrajn ta' depożitanti.

(7) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta' garanziji għad-depożiti jkollhom disponibbli biżżejjed fondi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom.

(8) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/19/KE għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999[6] li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni.

(9) B’mod partikolari, għandha tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni s-setgħa biex taġġusta l-livell ta' kopertura. Billi din il-miżura hija ta' ambitu ġenerali u hija mfassla biex temenda elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 94/19/KE, għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(10) Meta, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jista' jkun hemm jekk il-fiduċja tad-depożitanti fis-sikurezza tas-swieq finanzjarji tiġi mhedda, ma jistax ikun hemm konformità mal-limiti ta’ żmien li huma normalment applikabbli fil-qafas tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tapplika l-proċedura ta’ urġenza stipulata fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ żieda temporanja tal-livell ta' kopertura.

(11) Fid-dawl tat-taqlib finanzjarju attwali u sabiex tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti filwaqt li fl-istess ħin jiġu rrispettati l-aspettazzjonijiet leġittimi tal-partijiet kollha konċernati, l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-dispożizzjoni li żżid il-livell ta' kopertura għal EUR 50 000 permezz ta' leġiżlazzjoni li tapplika b'mod retroattiv mid-data tal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

(12) Minħabba li l-għanijiet tal-azzjoni proposta, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-livelli ta' kopertura u d-dewmiet ta' ħlas, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri għaliex dan jesiġi l-armonizzazzjoni ta’ għadd kbir ta’ regoli differenti li jeżistu fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif iddefinit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddefinit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(13) Għalhekk, id-Direttiva 94/19/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 94/19/KE tiġi emendata kif ġej:

1. Fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu jitbiddel b'dan li ġej:

"L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 3 ijiem wara li l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta' kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli; jew"

2. L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

3. il-paragrafu 5 jitbiddel b'dan li ġej:

"5. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li Skemi ta' Garanzija għad-Depożiti jikkooperaw ma' xulxin."

4. jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta' dan l-Artikolu u, jekk xieraq, tipproponi emendi għalih."

5. L-Artikolu 7 jiġi emendat kif ġej:

6. Il-paragrafi 1, 2 u 3 jitbiddlu b'dan li ġej:

"1. Skemi ta' garanzija għad-Depożiti għandhom jistipulaw li d-depożiti aggregati ta' kull depożitant għandhom ikunu koperti sa massimu tal-anqas ta' EUR 50 000 fil-każ li depożiti ma jkunux disponibbli.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009 l-kopertura għandha tiżdied tal-anqas għal EUR 100 000.

2. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li ċerti depożiti, elenkati fl-Anness I, jiġu esklużi mill-garanzija jew jiġu allokati livell ta' garanzija aktar baxx sakemm il-ħlas lid-depożitanti kollha jitwettaq fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 10(1).

3. Din id-Direttiva għandha tkopri depożitanti li huma persuni fiżiċi li qed jaġixxu għal skopijiet li ma jinvolvux il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom.

Skemi ta' garanzija għad-depożiti jistgħu jkopru wkoll depożitanti oħrajn sakemm il-ħlas lid-depożitanti kollha jitwettaq fi żmien l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 10(1)."

7. Il-paragrafu 4 jitħassar.

8. Il-paragrafu 5 jitbiddel b’dan li ġej:

"5. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi rivedut mill-Kummissjoni kull sena. L-ewwel reviżjoni għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2010.”

9. Għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6. Il-Kummissjoni tista' taġġusta l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, billi tqis b'mod partikolari l-iżviluppi fis-settur bankarju u s-sitwazzjoni ekonomika u monetarja fil-Komunità.

Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandha tkun adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7a(2).

7. Il-Kummissjoni tista', għal perjodu li ma jaqbiżx 18-il xahar, tiddeċiedi dwar żieda temporanja tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1.

Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandha tkun adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7a(3)."

10. Wara l-Artikolu 7, għandu jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

“Artikolu 7a

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejuna mill-Kumitat tal-Banek Ewropej, imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/10/KE*.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE**, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

*ĠU L 3, 7.1.2004, p. 36.

**ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23."

11. L-Artikolu 10 jiġi emendat kif ġej:

12. Il-paragrafu 1 jitbiddel b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dejta preċiża dwar depożitanti u depożiti, li hija essenzjali għall-verifika tat-talbiet, tkun disponibbli għall-iskema ta' garanzija għad-depożiti meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni msemmija fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 jew l-awtorità ġudizzjarja tieħu d-deċiżjoni msemmija fil-punt 3(ii) ta' dak l-Artikolu.

Skemi ta' garanzija għad-depożiti għandhom ikunu f'pożizzjoni li jħallsu, talbiet ivverifikati kif suppost li jirrigwardaw depożiti li mhumiex disponibbli, fi żmien tlitt ijiem mid-data ta' meta d-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun saritilhom disponibbli."

13. Il-paragrafu 2 jitħassar.

14. L-Artikolu 12 jitbiddel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

"1. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' finanzjament ta' skemi ta' garanzija għad-depożiti u l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta' skema Komunitarja ta' garanzija għad-depożiti, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Banek Ewropej jekk għandhomx l-intenzjoni li jbiddlu l-ambitu jew il-livell ta' kopertura għad-depożiti u dwar kwalunkwe diffikultà li jiltaqgħu magħha meta jikkooperaw mal-Istati Membri l-oħrajn."

15. L-Anness I jiġi emendat kif ġej:

16. il-punti 1 sa 9 jitħassru;

17. il-punt 11 jitħassar;

18. il-punt 14 jitħassar.

Artikolu 2It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet flimkien ma’ tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Mill-15 ta' Ottubru 2008, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1).

Madankollu, għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendata b'din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandha tiġi inkluża referenza għal din id-Direttiva jew magħhom għandu jkun hemm it-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzati lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] COM(2006) 729.

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU L 135, 31.5. 1994, p. 5.

[6] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.