12.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 159/6


Rapport finali tal-Hearing Officer fil-Każ COMP/F/39.234 — L-Adozzjoni mill-ġdid tas-Surcharge fuq il-liega

(skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, ECSC) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza tal-Hearing Officers f'ċerti proċedimenti tal-kompetizzjoni — ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21)

(2007/C 159/07)

L-abbozz ta' Deċiżjoni fil-każ imsemmi hawn fuq jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin.

L-isfond tal-każ

L-abbozz ta' Deċiżjoni hu adozzjoni mill-ġdid tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/247/ECSC tal-21 ta' Jannar 1998 (1) li l-Kummissjoni indirizzat, fost l-oħrajn, lit-ThyssenKrupp Stainless GmbH (“TKS”). Id-Deċiżjoni tal-21 ta' Jannar 1998 stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tagħhom fi price cartel fis-settur ta' l-azzar u imponiet multa ta' 4 536 000 miljun EUR fuq it-TKS għall-vjolazzjoni ta' cartel tagħhom, u multa ta' 3 564 000 EUR fuq tKS għall-vjolazzjoni ta' cartel imwettqa minn Thyssen Stahl AG (“TS-AG”). TKS aċċettat ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet ta' TS-AG għall-perjodu minn Diċembru 1993 sa l-1 ta' Jannar 1995 f'ittra bid-data tat-23 ta' Lulju 1997.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet annulata fuq bażi ta' proċedura, f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ta' TKS għall-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat ta' l-ESCS, bis-sentenza tas-CFI tat-13 ta' Diċembru 2001 fil-Każijiet Konġunti T-45/98 u T-47/98. Din is-sentenza kienet ikkonfermata wara appell u kontro-appell fis-sentenza ta' l-ECJ ta' l-14 ta' Lulju 2005 fil-Każijiet Konġunti C-65/02 P u C-73/02.

Id-difett proċedurali identifikat mill-Qrati tal-Komunità li wassal għall-annullament marbut ma' l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' difiża mit-TKS fir-rigward tal-multa imposta fuqhom għall-imġiba tat-TS-AG. Il-Kummissjoni bagħtet Stqarrija ta' Oġġezzjonijiet (“SO”) liż-żewġ partijiet. Din kienet segwita minn stqarrija ta' TKS, u li skond din kienet espliċitament assumiet ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet ta' vjolazzjoni ta' TS-AG. Il-Qrati kienu tal-fehma li l-Kummissjoni, billi naqset milli tistaqsi lil TKS jekk xtaqitx tressaq osservazzjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet indirizzati speċifikament lil TS-AG (li għalihom TKS kienet finalment immultata), ivvjolentat id-drittijiet ta' difiża ta' TKS. Ladarba l-Kummissjoni bagħtet SOs separati lil TKS u lil TS-AG, u dawn wieġbu separatament, “kien id-dmir tal-Kummissjoni sabiex tistaqsi u tisma' l-fehmiet ta' TKS dwar l-azzjonijiet [TS-AG's] qabel ma tqisha responsabbli għal din ta' l-aħħar u timponi fuqha multa għall-vjolazzjoni attribwita lil [TS-AG]” (2).

Is-servizz ta l-SO u ż-żmien ta' tweġiba

Intbagħtet SO ġdida fil-5 ta' April 2006 u waslet għand TKS fis-6 ta' April 2006. Essenzjalment, din qabdet l-oġġezzjonijiet kif imniżżla fl-SO tal-bidu, li kienu ntbagħtu lil TKS f'April 1997. Din l-SO fittxet li tirrimedja d-difett proċedurali billi tqiegħed lil TKS f'qagħda li tikkummenta dwar l-allegazzjonijiet li għalihom kienet, fil-prinċipju, aċċettat ir-responsabbiltà. TKS ingħatat l-opportunità li tikkummenta għall-ewwel darba sat-18 ta' Mejju 2006. Il-kummenti ta' TKS waslu sas-17 ta' Mejju 2006.

Aċċess għall-fajl u smigħ bil-fomm

L-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ingħata l-ewwel darba fl-24 ta' April 2006 billi ippermetta lir-rappreżentanti ta' TKS sabiex ikollhom aċċess għall-fajl fil-bini tal-Kummissjoni stess. Fit-2 ta' Mejju 2006, is-servizz relevanti tal-Kummissjoni issupplimenta l-aċċess għall-fajl billi ressaq aktar dokumenti li kienu meqjusa bħala kunfidenzjali. Bi tweġiba għall-kwistjonijiet imqajma fir-risposta ta' TKS għall-SO u wara bdil ta' ittri bejn is-servizz relevanti tal-Kummissjoni, TKS u jiena, il-Kummissjoni tat aċċess għal xi dokumenti oħra, li wkoll kienu ikklassifikati bħala kunfidenzjali.

Fid-dawl tal-fatt li t-TKS żammew it-talba tagħhom, iddeċidejt li nivverifika t-talbiet ta' kunfidenzjalità li kien baqa'. Wasalt għall-konklużjoni li waħda mit-talbiet tal-fornitur tat-tagħrif għall-kunfidenzjalità ma dehritx li kienet raġjunata biżżejjed. Wara li ġew ikkuntattjati r-rappreżentanti tagħha, il-kumpanija forniet verżjoni kunfidenzjali aktar sinifikanti għal ċerti paġni tal-fajl tal-Kummissjoni li ma kinux tressqu lit-TKS sa dan l-istadju. Jiena bgħatt dan it-tagħrif addizzjonali lil TKS fl-20 ta' Settembru 2006.

Għall-kuntrarju tal-fehma tar-rappreżentant ta' TKS, jiena kont tal-fehma li talba għal aċċess għal dokumenti fil-file li ma jintwerewx l-ewwelnett minħabba l-kontenut kunfidenzjali tagħhom prima facie tinħtieġ raġunijiet ta' spjegazzjoni dwar l-għaliex it-tagħrif in kwistjoni seta' jkun utli għad-difiża tal-kumpanija. Din il-ħtieġa ssir evidenti meta wieħed iqis li talba hekk raġunata biss tqiegħed lill-Kummissjoni f'qagħda li tibbilanċja l-interess fil-kisba ta' tagħrif għall-għanijiet ta' difiża ta' kumpanija ma' l-interess leġittimu ta' parti terza fil-kunfidenzjalità. Sabiex inqiegħed lil TKS f'pożizzjoni li tressaq tali talba raġunata, ivverifikajt li TKS kienet fornuta b'verżjonijiet xierqa mhux kunfidenzjali tad-dokumenti klassifikati bħala kunfidenzjali. Madanakollu, minħabba li TKS ma pprovdietx xi raġuni sostanzjali għaliex kienet teħtieġ id-dokumenti kunfidenzjali prima facie għad-difiża tagħha, iddeċidejt li ma niżvelahomx.

Is-smigħ bil-fomm sar fil-15 ta' Settembru 2006.

L-abbozz ta' Deċiżjoni

L-abbozz ta' Deċiżjoni hu ibbażat fuq id-Deċiżjoni finali tal-21 ta' Jannar 1998. Flimkien ma' dan, jindirizza kwistjonijiet legali li jqumu fid-dawl taż-żmien li jkun għadda u fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim'istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja li ttieħdu bejn il-21 ta' Jannar 1998 u l-adozzjoni intiża mill-ġdid tad-Deċiżjoni.

B'mod partikolari, l-abbozz ta' deċiżjoni joffri aktar spjegazzjonijiet fuq il-punti li ġejjin:

Il-poter tal-Kummissjoni li timponi multi hu soġġett għal perjodu ta' limitu ta' ħames snin li jibda fil-ġurnata meta jkunu waqfu l-vjolazzjonijiet. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li preskrizzjoni possibbli vis-a-vis TS_AG ma tkunx teskludi l-immultar tat-TKS minħabba l-imġiba ta' TS-AG, ladarba r-responsabbiltà ta' TKS għal TS-AG mhix neċessarjament ta' natura derivattiva, aċċessorja jew sussidjarja, kif ġie allegat minn TKS.

It-Trattat ta' l-ECSC skada fit-23 ta' Lulju 2002. Madanakollu, jitqies li permezz tal-prinċipju tas-suċċessjoni ta' normi f'ordni legali wieħed, il-Kummissjoni tibqa' kompetenti li tissanzjona l-vjolazzjoni mwettqa qabel id-data ta' skadenza.

L-abbozz ta' Deċiżjoni mressaq lill-Kummissjoni fih biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom.

Nikkonkludi li d-drittijiet tal-partijiet li jinstemgħu ġew rispettati fil-każ preżenti.

Brussell, it-30 ta' Diċembru 2006

Karen WILLIAMS


(1)  ĠU L 100, 1.4.1998, p. 55.

(2)  Deċiżjoni ta' l-ECJ fil-Każijiet Konġunti C-65/02 P u C-73/02 P u C-73/02 P, ThyssenKrupp Stainless GmbH u ThyssenKrupp Acciai speciali Terni SpA v l-Kummissjoni, l-14 ta' Lulju 2005, para 86.