52005PC0548

Proposta ta’ rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja . /* KUMM/2005/0548 finali - COD 2005/0221 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.11.2005

KUMM(2005)548 finali

2005/0221(COD)

.

Proposta ta’

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja

.

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet tal-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona ta’ Marzu 2000 irrikonoxxa li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja ċerti sfidi sabiex tadatta għall-globalizzazzjoni u taqleb fuq ekonomiji bbażati fuq l-għarfien. Għamel enfażi li “Kull ċittadin għandu jkollu l-ħiliet li jeħtieġ sabiex jgħix u jaħdem f’din is-soċjetà ta’ għarfien ġdida” u li “Qafas Ewropew għandu jiddefinixxi l-ħiliet bażiċi[1] ġodda li għandhom ikunu pprovduti permezz ta’ tagħlim matul il-ħajja: ħiliet fit-TI, lingwi barranin, kultura teknoloġika, ħiliet intraprenditorjali u soċjali”. L-għarfien li n-nies huma l-aqwa assi li għandha l-Ewropa għat-tkabbir u l-impjieg kien ċar fl-2000 u kien iddikjarat mill-ġdid b’mod regolari, l-aktar riċenti fl-Istrateġija ta’ Lisbona kif varat mill-ġdid fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2000, li sejjaħ għal aktar investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet.

Il-mandat kien imtenni mill-ġdid u żviluppat fil-programm ta’ xogħol “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” (ET2010) adottat mill-Kunsill ta’ Barċellona ta’ Marzu 2002, li sejjaħ ukoll għal aktar azzjoni sabiex “titjieb il-padrunanza tal-ħiliet bażiċi” u sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni. Dan ix-xogħol twettaq sabiex jiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-ħiliet bażiċi u fuq kif, flimkien mal-ħiliet tradizzjonali, jistgħu jiġu integrati fil-kurrikula, mgħallma u miżmuma matul il-ħajja. Il-ħiliet bażiċi għandhom ikunu disponibbli b’mod ġenwin għal kulħadd, inklużi għal dawk bi bżonnijiet speċjali, dawk li jħallu l-istudju u studenti adulti. Il-validazzjoni tal-ħiliet bażiċi għandha tkun promossa sabiex tappoġġa aktar tagħlim u l-possibiltà li l-persuna tkun impjegata. Il-Komunikat tal-Kummissjoni dwar it-tagħlim matul il-ħajja (2001) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill sussegwenti (Ġunju 2002) enfasizzaw aktar il-ħtieġa li jkun hemm opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, b’mod partikolari fl-akkwist u l-aġġornament tal-ħiliet bażiċi.

Fuq il-bażi ta’ dan il-mandat politiku, Grupp ta’ Xogħol dwar il-ħiliet bażiċi, maħtur fis-sena 2001 fil-kuntest tal-programm ta’ xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010, żviluppa qafas ta’ kompetenzi ewlenin[2] meħtieġa f’soċjetà ta’ l-għarfien u ħejja numru ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jakkwistawhom[3].

Ir-Rapport Interim Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’[4] ressaq il-każ għal referenzi u prinċipji Ewropej komuni li jappoġġaw il-politika nazzjonali, jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu r-riformi u jagħtu prijorità lill-qafas tal-kompetenzi ewlenin.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta hawn, għalhekk, tippreżenta għodda ta’ referenza Ewropea għall-kompetenzi ewlenin u tissuġġerixxi kif jista’ jkun żgurat l-aċċess għal dawn il-kompetenzi għaċ-ċittadini kollha permezz ta’ tagħlim matul il-ħajja.

B’mod aktar konkret, l-għanijiet tagħha huma li:

1) Tidentifika u tiddefinixxi l-kompetenzi ewlenin meħtieġa għat-twettiq tal-personalità, il-koeżjoni soċjali u l-impjieg fis-soċjetà ta’ l-għarfien.

2) Tappoġġa x-xogħol ta’ l-Istati Membri sabiex ikun żgurat li, fit-tmien ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bikrin iż-żgħażagħ ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jkunu lesti għall-ħajja ta’ adulti u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppawhom u jaġġornawhom matul il-ħajja tagħhom.

3) Tipprovdi għodda ta’ referenza fuq livell Ewropew, l-anness Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim matul il-Ħajja – Qafas Ewropew ta’ Referenza [5], għal dawk li jifformulaw il-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, dawk li jipprovdu l-impjiegi u dawk stess li jitgħallmu sabiex tiffaċilita sforz fuq livell nazzjonali u Ewropew lejn għanijiet miftiehma b’mod komuni.

4) Tipprovdi qafas għal aktar azzjoni fuq livell ta’ Komunità kemm fi ħdan il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’ kif ukoll fi ħdan il-programmi Komunitarji ta’ Edukazzjoni u Taħriġ.

- It-talba għall-kompetenzi f’soċjetà ta’ l-għarfien

Skond l-istudji internazzjonali, it-terminu ‘kompetenzi’ huwa mfisser hawn bħala kombinament ta’ għarfien, ħiliet u attitudni xierqa għal xi sitwazzjoni partikolari. ‘Kompetenzi ewlenin’ huma dawk li jappoġġaw it-twettiq personali, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-impjieg.

L-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-għarfien qiegħed joħloq talba għal kompetenzi ewlenin fl-oqsma personali, pubbliċi u professjonali. Il-mod li bih in-nies ikollhom aċċess għat-tagħrif u s-servizzi kif ukoll l-istruttura u l-kompożizzjoni tas-soċjetà qegħdin jinbidlu. Hemm aktar tħassib dwar il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp taċ-ċittadinanza demokratika; dan jitlob li n-nies ikunu infurmati, impenjati u attivi. Bħala riżultat ta’ dan, l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni meħtieġa minn kulħadd qegħdin jinbidlu.

L-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber ta’ l-ekonomiji teffettwa d-dinja tax-xogħol, b’bidliet mgħaġġla u ta’ spiss, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u strateġiji ġodda lejn l-organizzazzjoni tal-kumpaniji. L-impjegati jeħtieġu kemm li jaġġornaw il-ħtiġiet speċifiċi relatati max-xogħol kif ukoll li jakkwistaw kompetenzi ġeneriċi li jagħmluhom kapaċi jaddattaw għall-bidla. L-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni tal-ħaddiema huma fattur importanti fl-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività u jikkontribwixxu għall-motivazzjoni, is-sodisfazzjon li l-ħaddiem jieħu mix-xogħol u l-kwalità tax-xogħol.

Madankollu, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għamilha ċara, f’Novembru 2004, li “qiegħed isir ħafna anqas milli meħtieġ, fl-Ewropa, sabiex in-nies ikollhom l-għodda li jeħtieġu biex jaddattaw għal suq tax-xogħol li qiegħed jevolvi, u dan japplika għal impjiegi ta’ livell għoli u baxx.” Huwa stmat li kważi terz tal-ħaddiema Ewropej (80 milijun ruħ) għandhom livell baxx ta’ ħiliet. Barra minn hekk, rapport ta’ l-2004 taċ-Cedefop (Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali) indika li, sas-sena 2010, 15% biss tal-postijiet tax-xogħol ġodda jkunu għal nies b’edukazzjoni bażika, waqt li 50% jkunu jeħtieġu ħaddiema b’ħiliet ta’ livell għoli.

Servejs internazzjonali bħall-IALS (Servej Internazzjonali dwar il-Kitba u l-Qari fost l-Adulti) juru li f’ħafna pajjiżi Ewropej proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni adulta ma tafx tikteb u taqra biżżejjed sabiex tiffunzjona fis-soċjetà u dawk li jħallu l-iskola kmieni huma f’periklu partikolari. Għalkemm ir-rati ta’ analfabetiżmu fl-Ewropa jidhru li huma relattivament baxxi, l-ebda soċjetà ma għandha immunità minn dan il-fenomenu u hemm numru ta’ minoritajiet fejn l-analfabetiżmu huwa problema kbira. It-tagħrif tas-sena 2005 dwar il-livelli ta’ referenza ( benchmarks ) Ewropej, adottat mill-Kunsill f’Mejju ta’ l-2003[6], jindika li ma sar l-ebda progress mis-sena 2000 fit-tnaqqis tal-persentaġġ ta’ dawk li jkollhom livelli baxxi fil-qari u l-kitba fl-età ta’ 15-il sena, jew fiż-żieda tar-rata ta’ dawk li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja. Il-progress lejn it-twettiq ta’ livelli ta’ referenza oħrajn huwa wkoll ftit wisq: bir-rati attwali ir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni għandha tinżel sa 14% sas-sena 2010 meta l-livell ta’ referenza huwa ta’ 10%. Il-parteċipazzjoni ta’ l-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ qegħda tikber biss b’0,1-0,2 punti perċentwali fis-sena li mhux sejjer iwassal sabiex jintlaħaq il-livell ta’ referenza ta’ 12,5% sas-sena 2010. Barra minn hekk, hemm tagħrif li juri li n-nies b’ħiliet ta’ livell baxx huma anqas probabbli li jipparteċipaw f’aktar taħriġ, li jagħmilha aktar diffiċli li jkun hemm appoġġ għal dawk li l-aktar għandhom bżonnu.

- Dispożizzjonijiet attwali dwar il-kompetenzi ewlenin

Fil-livell Ewropew, il-programmi tal-Komunità bħal Leonardo da Vinci u l-azzjoni Grundtvig fi ħdan il-programm Socrates jipprovdu appoġġ għal proġetti li jittrattaw in-nuqqas tal-ħiliet bażiċi.

Minn meta kien ġie adottat il-programm ta’ xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010, diversi gruppi ta’ xogħol iffokaw fuq oqsma ta’ suġġetti speċifiċi bħal l-ICT jew temi aktar wiesgħin (ez. l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva) li għalihom ix-xogħol fuq il-kompetenzi ewlenin ipprovda kuntest billi ġabar il-kompetenzi essenzjali kollha f’qafas wieħed. Dan ix-xogħol inkluda wkoll il-ġbir u d-disseminazzjoni tal-prattika ta’ politika tajba, inkluża dik dwar l-iżvilupp tal-kompetenzi transversali fl-edukazzjoni obbligatorja, li tiżgura l-aċċess għall-kompetenzi ewlenin għal studenti żvantaġġati u tiżviluppa l-provvediment koerenti ta’ kompetenzi ewlenin għall-adulti.

Ix-xogħol fuq il-kompetenzi ewlenin huwa marbut mill-qrib ma’ żviluppi oħrajn fit-titjib tas-sistemi ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Ewropej bħax-xogħol għaddej fuq l-iżvilupp tal-Qafas tal-Kwalifikazzjonijiet Ewropej, u l-inizjattivi li jfittxu li jsaħħu t-trasparenza u l-għarfien tal-kwalifikazzjonijiet u l-kompetenzi (bħall-prinċipji tal-validazzjoni tas-sistemi tat-trasferiment ta’ tagħlim u ċertifikati mhux formali u formali). Ix-xogħol fuq Prinċipji Komuni Ewropej dwar il-Kompetenzi u l-Kwalifikazzjonijiet ta’ l-Għalliema huwa wkoll relatat billi jfittex li jindirizza r-rwol li qiegħed jinbidel ta’ l-iskejjel fl-iżvilupp tal-kompetenzi taż-żgħażagħ.

Fil-livell ta’ l-Istati Membri, hemm attività sostanzjali fir-riforma tal-kurrikula ta’ l-edukazzjoni bikrija, li tirrifletti ċaqlieq fl-enfażi mit-trasferiment ta’ l-għarfien lejn l-iżvilupp ta’ kompetenzi trasferibbli li jħejju ż-żgħażagħ għal ħajja adulta u aktar taħriġ. Dan jitlob strateġiji differenti fl-organizzazzjoni tat-tagħlim, u kompetenzi ġodda fl-għalliema. B’konsegwenza ta’ dan, hemm dibattitu dwar liema kompetenzi kull persuna żagħżugħa għandha tiżviluppa u kif ikun l-aħjar mod li l-iskejjel ikollhom appoġġ fl-iżvilupp ta’, per eż, t-tmexxija u l-valutazzjoni tagħhom. L-aspetti soċjali tat-tagħlim ingħataw ukoll rwol aktar importanti: ħafna drabi l-iżvantaġġ fl-edukazzjoni huwa kombinament ta’ ċirkostanzi personali, soċjali,kulturali u ekonomiċi u jeħtieġ li jkun ittrattat b’kollaborazzjoni ma’ setturi oħrajn. L-iskejjel qegħdin ifittxu metodi kif jimpenjaw il-familji u l-komunitajiet lokali sabiex mhux biss jappoġġaw it-tagħlim taż-żgħażagħ iżda wkoll jippromwovu t-tagħlim matul il-ħajja fil-komunità kollha.

Ħafna pajjiżi taw bidu għal programmi ta’ ħiliet bażiċi, pereżempju dwar il-kitba u l-qari, l-matematika bażika u l-ICT għall-adulti, ħafna drabi permezz ta’ l-NGOs. Madankollu, numru ta’ pajjiżi għad mhumiex f’qagħda li tippermetti liċ-ċittadini kollha li jitgħallmu u jaġġornaw il-ħiliet bażiċi tagħhom u, waqt li ħafna jirrikonoxxu l-ħtieġa li jipprovdu lill-istudenti adulti b’kompetenzi aktar wiesgħin, għad ma hemmx għarfien komuni dwar x’inhuma, u l-provvediment għadu ħafna ’l bogħod milli jkun konsistenti.

L-eżempji ta’ prattika ta’ politika tajba mill-Istati Membri juru li l-provvediment għall-adulti għandu jiffoka fuq prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u/jew lokali definiti b’mod ċar. Għandu jwassal għal infrastrutturi li jgħarfu u jissodisfaw il-ħtiġijiet diversi ta’ l-adulti, b’għalliema/ trainers ikkwalifikati, miżuri li jiżguraw aċċess permezz ta’ inċentivi, gwida u appoġġ permezz ta’ servizz ta’ pariri. Is-sitwazzjoni partikolari ta’ l-istudenti għandha tkun rikonoxxuta: għandhom jitqiesu l-esperjenzi preċedenti, il-ħtiġijiet ta’ tagħlim u l-aspirazzjonijiet tagħhom, kif ukoll kwistjonijiet aktar wiesgħin li jorbtu mal-politika soċjali u dwar l-impjieg, u jitolbu l-impenn tas-sħab kollha.

Minkejja ħafna eżempji ta’ prattika tajba, huwa rari li l-provvediment ta’ kompetenzi ewlenin ikun adattat sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ tagħlim taċ-ċittadini ta’ kull età. F’dan il-kuntest, din il-proposta tirrendi valur miżjud konsiderevoli billi tipprovdi għodda ta’ referenza li tidentifika dawk il-kompetenzi ewlenin meqjusa meħtieġa għal kulħadd, u billi tappoġġa l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw li l-provvediment tal-kompetenzi ewlenin ikun integrat b’mod sħiħ fl-istrateġiji u l-infrastrutturi tagħhom dwar it-tagħlim matul il-ħajja.

- Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni

Il-proposta tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ Lisbona ta’ tkabbir, impjiegi u koeżjoni soċjali:

- Il-linji gwida integrati dwar il-politika dwar l-impjiegi[7] ta’ l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-kompetenzi għall-impjieg (speċjalment għall-gruppi vulnerabbli) u għall-adattament għall-bidla. Dan għandu jkun element importanti tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ta’ l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Integrati.

- Il-politika soċjali tagħmel enfażi fuq ir-rwol ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mezz kif persuna teħles mill-faqar u/jew fattur ewlieni fil-koeżjoni soċjali.

- Il-Patt maż-Żgħażagħ[8] jitlob li l-għarfien ikun jaqbel mal-ħtiġijiet ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u, għal dan il-għan, jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ grupp ta’ ħiliet tal-qalba.

- Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija[9] jirrikonoxxi r-rwol essenzjali ta’ l-edukazzjoni; l-intraprenditorija hija waħda mill-kompetenzi ewlenin.

- Il-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew ta’ Referenza’ jikludi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni li jwasslu n-nies sabiex ikunu aktar involuti kemm fl-iżvilupp sostenibbli kif ukoll fiċ-ċittadinanza demokratika.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

Il-bażi ta’ din il-proposta kien il-‘Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin’, żviluppat minn Grupp ta’ Xogħol magħmul minn esperti mill-Istati Membri, millpajjiżi ta’ l-EFTA/EEA, mill-pajjiżi kandidati (minn Jannar 2003) u mill-assoċjazzjonijiet Ewropej. Dan il-grupp kien jinkludi esperti fil-formulazzjoni tal-politika, practitioners u riċerkaturi akkademiċi, li jkopru kemm l-edukazzjoni għall-adulti kif ukoll dik obbligatorja u l-partijiet interessati fuq livell Ewropew.

Ix-xogħol kien is-suġġett ta’ dibattitu f’numru ta’ konferenzi u seminars organizzati mill- partijiet interessati jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Ministri ta’ l-Edukazzjoni ddiskutew id-‘Dimensjoni Ewropea’ tal-kompetenzi ewlenin fil-laqgħa informali li kellhom f’Rotterdam f’Lulju 2004 u ħeġġu lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem fuq din l-inizjattiva.

Grupp fokali ta’ 5 esperti (mill-Universitajiet u l-aġenziji governattivi dwar l-iżvilupp ta’ l-iskejjel) ġie mlaqqa’ fir-Rebbiegħa ta’ l-2005 għall-irfinar tal-qafas skond il-kompetenza tagħhom u l- feedback miġbur mill-konferenzi u sorsi oħrajn u sabiex jiddiskutu l-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali kien ikkonsultat f’Settembru/Ottubru tas-sena 2005.

- Ġabra u użu tal-kompetenza esperta

Kien maħtur konsulent sabiex jagħmel servej tax-xogħol internazzjonali relatat. Temi speċifiċi bħad-dimensjoni Ewropea tal-qafas, dispożizzjoni għal studenti anqas vantaġġjati u l-intraprenditorija ġew ippreparati fi gruppi iżgħar u approvati fil-grupp il-kbir tax-xogħol[10].

Il-konsultazzjoni u l-kompetenza esperta, kkonfermaw il-ħtieġa ta’ inizjattiva fuq livell Ewropew, u indikaw li l-istrateġija proposta kienet konformi max-xejriet attwali u għandha tintlaqa’ tajjeb.

- Valutazzjoni ta’ l-impatt

Din il-proposta għandha tkun ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ l-istrateġija dwar it-tagħlim matul il-ħajja u s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-Istati Membri. Għandha tiffaċilita r-riformi fil-kurrikula u d-dibattitu dwarhom u tagħti imbuttatura lill-ħolqien ta’ provvediment koerenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ l-adulti. Dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-ħajja personali, soċjali u professjonali ta’ l-individwu u – fuq livell aktar wiesgħa – fuq l-għanijiet ta’ Lisbona dwar il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Għandu jkollu l-aktar impatt fuq il-gruppi żvantaġġati li, ħafna drabi, ma jakkwistawx il-kompetenzi ewlenin fil-preżent.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Ir-rakkomandazzjoni proposta tiddefinixxi l-kompetenzi ewlenin meħtieġa miċ-ċittadini kollha f’ekonomiji u soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien. Hija tirrikonoxxi li jkun aħjar li deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni jittieħdu fuq livelli nazzjonali, reġjonali u/jew lokali. Hija titlob li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd jakkwista l-kompetenzi ewlenin sat-tmiem ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bikrija u, fid-dawl tal-livelli ta’ referenza Ewropej, tħeġġiġhom sabiex jittrattaw l-iżvantaġġ fl-edukazzjoni. Fir-rigward ta’ l-adulti, ir-Rakkomandazzjoni titlob li jinħolqu infrastrutturi komprensivi flimkien mas-sħab rilevanti.

Il-proposta tistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġa r-riformi fuq livell nazzjonali permezz ta’:

- tagħlim mill-pari ( peer learning ), tpartit ta’ prattika tajba u rappurtaġġ dwar il-progress fir-rapporti ET2010 ta’ kull sentejn;

- appoġġ għal proġetti rilevanti permezz tal-Programmi tal-Komunità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ;

- il-promozzjoni ta’ għarfien komuni tal-kompetenzi ewlenin u l-irbit tagħhom mal-politika dwar l-impjieġ u l-politika soċjali;

- il-promozzjoni tas-sħubija mas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn;

- Bażi legali

Skond l-Artikolu 149 tat-Trattat, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u, jekk ikun hemm il-ħtieġa, billi tappoġġa u tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni proposta għandha l-mira li tappoġġa l-isforzi ta’ l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ bikrija tagħhom kif ukoll il-provvediment ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-adulti billi tipprovdi għodda ta’ referenza dwar il-kompetenzi ewlenin, u sabiex tħeġġiġhom ħalli jkomplu jikkooperaw fi ħdan il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’. Skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu, ir-Rakkomandazzjoni proposta għandha l-mira li tiżviluppa t-tpartit ta’ tagħrif u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni relatati mal-provvediment ta’ kompetenzi ewlenin permezz tat-tagħlim matul il-ħajja.

L-Artikolu 150 tat-Trattat jiddikjara li l-azzjoni tal-Komunità għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri u, b’mod partikolari, kif iddikjarat fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu, ittejjeb it-taħriġ vokazzjonali bikri, tiffaċilita l-integrazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid vokazzjonali kif ukoll tiżviluppa t-tpartit ta’ tagħrif u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni. L-għan tar-rakkomandazzjoni proposta huwa li ttejjeb dawn l-aspetti kollha ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali billi tipprovdi għodda ta’ referenza dwar il-kompetenzi ewlenin li tiffaċilita l-isforzi ta’ l-Istati Membri sabiex jadattaw is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tagħhom b’mod li jilqgħu għall-bidliet fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà in ġenerali.

- Prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tikkontribwixxi għall-kwalità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ billi tiffaċilita x-xogħol fejn l-Istati Membri jkunu impenjaw irwieħom fi ħdan il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’ u bl-adozzjoni tal-livelli ta’ referenza Ewropej fil-Kunsill ta’ Mejju 2003. Hija tinkoraġġixxi u tappoġġa r-riformi nazzjonali u t-tagħlim minn prattika tajba f’pajjiżi oħrajn sabiex tgħin lill-Istati Membri joħolqu provvediment komprensiv u koerenti tal-kompetenzi ewlenin bħala parti mill-istrateġija tagħhom għat-tagħlim matul il-ħajja. Għalhekk, din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi qafas ta’ referenza Ewropew dwar il-kompetenzi ewlenin li għandu jkollhom iċ-ċittadini kollha, u toħloq u ssaħħaħ l-impenn politiku għar-riformi li ma jistgħux jitwettqu bl-użu biss ta’, per eż., il-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Komunità. Madankollu, tħalli l-implimentazzjoni tagħha kompletament f’idejn l-Istati Membri u hija, għalhekk, konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4. IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

2005/0221(COD)

Proposta ta’

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[11],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13],

Waqt li jaġixxu skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14],

Billi:

1. Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona fl-2000 ikkonkluda li qafas Ewropew għandu jiddefinixxi l-ħiliet bażiċi ġodda bħala miżura importanti fir-reazzjoni ta’ l-Ewropa għall-globalizzazzjoni u ċ-ċaqliq lejn ekonomiji bbażati fuq it-tagħrif, u enfasizza li n-nies huma l-assi ewlenin ta’ l-Ewropa. Minn dak iż-żmien, dawn il-konklużjonijiet ġew dikjarati mill-ġdid b’mod regolari, inkluż fil-Kunsilli Ewropej ta’ Marzu 2003 u ta’ Marzu 2005, u fl-Istrateġija ta’ Lisbona varata mill-ġdid li kienet approvata fl-2005.

2. Il-Kunsilli Ewropej ta’ Stokkolma fl-2001 u ta’ Barċellona fl-2002 approvaw uffiċjalment l-għanijiet futuri konkreti tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej u programm ta’ xogħol (il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’) li għandu jwettaqhom sas-sena 2010. Dawn l-għanijiet jinkludu l-iżvilupp tal-ħiliet għal soċjetà ta’ għarfien u għanijiet speċifiċi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, l-iżvilupp ta’ l-ispirtu ta’ l-intraprenditorija u l-ħtieġa ġenerali ta’ titjib fid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni.

3. Il-Komunikat tal-Kummissjoni dwar it-tagħlim matul il-ħajja[15] u r-Riżoluzzjoni sussegwenti tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar it-tagħlim matul il-ħajja[16] identifikaw il-“ħiliet bażiċi ġodda” bħala prijorità, u enfasizzaw li t-tagħlim matul il-ħajja għandu jkopri minn qabel l-età ta’ l-iskola sa wara l-irtirar. Il-Patt maż-Żgħażagħ li huwa anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ Marzu 2005 enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm inkoraġġiment għall-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet tal-qalba komuni.

4. Fil-kuntest tat-titjib tar-rendiment tal-Komunità fl-impjiegi, il-Kunsilli Ewropej ta’ Marzu 2003 u ta’ Diċembru 2003 enfasizzaw il-ħtieġa li jiżviluppaw it-tagħlim matul il-ħajja b’enfazi partikolari fuq miżuri attivi u preventivi għan-nies qiegħda u persuni inattivi. Dan bena fuq ir-rapport tat- Taskforce dwar L-Impjiegi, li enfasizza l-ħtieġa li n-nies ikunu kapaċi jaddattaw għall-bidla, l-importanza li n-nies ikunu integrati fis-suq tax-xogħol u r-rwol importanti tat-tagħlim matul il-ħajja.

5. Ir-rapport tal-Kunsill dwar ir-rwol aktar wiesgħa ta’ l-edukazzjoni adottat f’Novembru 2004 enfasizza li l-edukazzjoni tikkontribwixxi sabiex tippreserva u ġġedded l-isfond kulturali komuni fis-soċjetà u hija ta’ importanza partikolari fi żmien meta l-Istati Membri kollha għandhom l-isfida tal-kwistjoni ta’ kif jittrattaw id-diversità soċjali u kulturali li dejjem qed jiżdiedu. Barra minn hekk, li tippermetti lin-nies li jidħlu u jibqgħu fil-ħajja tax-xogħol hija parti importanti mir-rwol ta’ l-edukazzjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

6. Ħames livelli ta’ referenza Ewropej ( benchmarks ) kienu adottati mill-Kunsill f’Mejju 2003, li juri impenn lejn titjib li jista’ jitkejjel fir-rendiment medju ta’ l-Ewropa. Il-livelli ta’ referenza relatati mal-qari, it-tluq kmieni mill-iskola, it-tlestija ta’ l-edukazzjoni sekondarja għolja u l-parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja huma marbuta mill-qrib ma’ l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin.

7. Ir-Rapport adottat mill-Kummissjoni fl-2005 dwar il-progress lejn l-għanijiet ta’ Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ[17] indika li ma sar l-ebda progress fit-tnaqqis tal-persentaġġ ta’ dawk li jkollhom livelli baxxi fil-qari u l-kitba fl-età ta’ 15-il sena, jew biex tiżdied ir-rata ta’ dawk li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja. Seħħ xi progress fit-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola, iżda bir-rati attwali l-livelli ta’ referenza Ewropej għall-2010 adottati fil-Kunsill ta’ Mejju 2003 mhumiex sejrin jintlaħqu. Il-partiċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim mhuwiex qiegħed jikber biżżejjed sabiex jilħaq il-livell ta’ referenza ta’ l-2010 u t-tagħrif jindika li n-nies b’ħiliet ta’ livell baxx huma anqas probabbli li jipparteċipaw f’aktar taħriġ.

8. Il-Qafas ta’ Azzjonijiet għall-Iżvilupp Tul il-Ħajja tal-Kompetenzi u l-Kwalifikazzjonijiet, adottat mill-isħab soċjali Ewropej f’Marzu ta’ l-2002, jenfasizza l-ħtieġa li n-negozju jadatta l-istrutturi tiegħu b’mod aktar mgħaġġel sabiex jibqa’ kompetittiv. It- teamwork , it-tnaqqis ta’ ġerarkiji, responsabbiltajiet devoluti u ħtieġa akbar għall- multi-tasking qegħdin iwasslu għat-tkabbir ta’ l-organizzazzjonijiet tat-tagħlim. F’dan il-kuntest, l-abbiltà ta’ l-organizzazzjonijiet li jidentifikaw il-kompetenzi, li jimmobilizzawhom u jirrikonoxxuwhom u li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tagħhom għall-impjegati kollha jiffurmaw il-bażi għal strateġiji ġodda kompetittivi.

9. L-Istudju ta’ Maastricht dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali jindika differenza sinifikanti bejn il-livell ta’ edukazzjoni mitlub mill-impjiegi l-ġodda u l-livell ta’ edukazzjoni milħuq mill-ħaddiema Ewropej. Aktar minn terz tal-ħaddiema Ewropej (80 miljun ruħ) għandhom livell ta’ ħiliet baxx waqt li huwa stmat li, sas-sena 2010 kważi 50% ta’ l-impjiegi ġodda jkunu jitolbu kwalifiki ta’ livell terzjarju, kważi 40% jkunu jitolbu edukazzjoni sekondarja għolja u jkunu biss madwar 15% li jkun adattati għal dawk b’edukazzjoni bażika.

10. Il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw il-kompetenzi ewlenin meħtieġa u li jkun hemm titjib fil-livelli ta’ edukazzjoni milħuqa hija parti integrali mill-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008, approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2005. B’mod partikolari, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jsejħu għall-adattament tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ bħala reazzjoni għall-ħtiġiet dwar kompetenzi ġodda permezz ta’ identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet vokazzjonali u l-kompetenzi ewlenin bħala parti mill-programmi ta’ riforma ta’ l-Istati Membri.

11. Ir-rapport (2004) tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għamilha ċara li qiegħed isir ħafna anqas milli meħtieġ, fl-Ewropa, sabiex in-nies ikollhom l-għodda li jeħtieġu sabiex jaddattaw għal suq tax-xogħol li qiegħed jevolvi, u li dan japplika għall-impjiegi ta’ livell għoli u baxx u kemm għall-manifattura kif ukoll ghas-servizzi.

12. Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill/Kummissjoni dwar il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010’, adottat fl-2004, isaħħaħ il-ħtieġa li jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom il-kompetenzi li jeħtieġu bħala parti mill-istrateġija ta’ l-Istati Membri għat-tagħlim matul il-ħajja. Sabiex jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riforma, ir-rapport jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ referenzi u prinċipji Ewropej komuni u jagħti prijorità lill-Qafas ta’ Kompetenzi Ewlenin.

13. L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tappoġġa u tikkumplimernta l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri maħsuba sabiex jiżguraw li s-sistemi tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħrig bikrija joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jħejjihom għal aktar taħriġ u l-ħajja adulta u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom permezz ta’ provvediment koerenti u komprensiv għat-tagħlim matul il-ħajja. Hija tipprovdi qafas Ewropew ta’ referenza komuni dwar il-kompetenzi ewlenin għal dawk li jifformulaw il-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, dawk li jipprovdu l-impjieg u l-istudenti nnifishom, sabiex tiffaċilita r-riformi nazzjonali u l-bdil tat-tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’ bl-għan li jintlaħqu l-livelli ta’ referenza Ewropej kif miftiehma. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa politika oħra relatata bħal politika dwar l-impjieg u soċjali u politika oħra li teffettwa ż-żgħażagħ.

14. Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat safejn l-għan tagħha huwa li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri billi tistabbilixxi punt ta’ referenza komuni li jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riformi nazzjonali u aktar kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri. Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità imsemmi f’dak l-Artikolu minħabba l-fatt li tħalli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni f’idejn l-Istati Membri u ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jitwettaq l-għan mixtieq.

B’DAN JIRRIKMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

1. Li l-edukazzjoni u t-taħriġ bikrija joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jippreparahom għall-ħajja adulta u li jikkostitwixxu bażi għal aktar tagħlim u għall-ħajja tax-xogħol;

2. Jiżguraw li jkun hemm provvediment xieraq għal dawk iż-żgħażagħ li, minħabba żvantaġġi fl-edukazzjoni kkawżati minn ċirkostanzi personali, soċjali jew kulturali, ikunu jeħtieġu appoġġ partikolari sabiex iwettqu l-potenzjal edukattiv tagħhom;

3. Jiżguraw li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin matul ħajjithom u li jkun hemm enfażi partikolari fuq gruppi ta’ mira identifikati bħala prijorità fil-kuntesti nazzjonali, reġjonali u/jew lokali;

4. Jiżguraw li jkun hemm l-infrastruttura xierqa għat-tkomplija ta’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti, inklużi l-għalliema u t- trainers , miżuri li jiżguraw l-aċċess u appoġġ għall-istudent li jagħraf il-ħtiġijiet differenti ta’ l-adulti;

5. Jiżguraw il-koerenza tal-provvediment ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti għaċ-ċittadini individwali permezz ta’ rbit mill-qrib mal-politika dwar l-impjieg u l-politika soċjali u politika oħra li teffettwa ż-żgħażagħ u b’kollaborazzjoni ma’ l-isħab soċjali u partijiet interessati oħra;

6. Jużaw il-“Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew” fl-Anness bħala għodda ta’ referenza fl-iżvilupp tal-provvediment tal-kompetenzi ewlenin għal kulħadd bħala parti mill-istrateġiji tagħhom dwar it-tagħlim matul il-ħajja.

JAGĦTU KONT TA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI SABIEX:

1. Tikkontribwixxi għall-isforzi ta’ l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom u sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż l-użu tal-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew’ bħala referenza sabiex tiffaċilita t-tagħlim mill-pari u mit-tpartit ta’ prattika tajba u sabiex ikunu segwiti l-iżviluppi u jkun hemm rappurtaġġ dwar il-progress permezz tar-rapporti ta’ progress ta’ kull sentejn tal-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’.

2. Tuża l-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew’ bħala referenza fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ Edukazzjoni u Taħriġ tal-Komunità u tiżgura li jippromwovu l-akkwist tal-kompetenzi ewlenin;

3. Tippromwovi l-użu aktar wiesgħa tal-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew’ fil-politika relatata tal-Komunità u, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjieg, iż-żgħażagħ u l-politika soċjali u tiżviluppa aktar irbit mas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu f’dan il-qasam;

4. Tirrevedi l-impatt tal-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew’ fi ħdan il-qafas tal-programm ta’ xogħol ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’ u tirrapporta, erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja

- Qafas Ewropew ta’ Referenza

Introduzzjoni

Dan il-Qafas jiddefinixxi tmien kompetenzi ewlenin:

1. Komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid;

2. Komunikazzjoni f’ilsna barranin;

3. Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija;

4. Kompetenza ‘diġitali’;

5. Kapaċità għat-tagħlim;

6. Kompetenza interpersonali, interkulturali u kompetenza ċivika:

7. Intraprenditorija; u

8. Kultura

Kompetenzi huma mfissra hawn bħala kombinament ta’ għarfien, ħiliet u attitudni xierqa fil-kuntest. Il-kompetenzi Ewlenin huma dawk li kull individwu jeħtieġ għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali, u l-impjieg. Fit-tmiem ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bikrin iż-żagħżagħ għandhom ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jippreparahom għall-ħajja ta’ adulti u għandhom ikunu żviluppati aktar, mantenuti u aġġornati bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja.

Ħafna mill-kompetenzi jikkoinċidu u jorbtu ma’ xulxin: aspetti essenzjali f’qasam wieħed ikunu ta’ appoġġ għall-kompetenzi f’qasam ieħor. Il-Kompetenza fil-ħiliet bażiċi tal-lingwa, qari u kitba, matematika u ICT hija pedament essenzjali għat-tagħlim, u t-tagħlim dwar kif titgħallem jappoġġa l-attivitajiet ta’ tagħlim kollha. Hemm numru ta’ temi li huma applikati fil-Qafas kollu kemm hu: il-ħsieb kritiku, il-kreattività, it-twettiq ta’ l-inizjattiva, is-soluzzjoni tal-problemi, il-valutazzjoni tar-riskji, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-immaniġġar tas-sentimenti b’mod kostruttiv għandhom rwol fit-tmien kompetenzi ewlenin kollha.

Kompetenzi Ewlenin

1. Komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid[18]

Definizzjoni: Il-komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid hija l-abbiltà li persuna tkun tista’ tesprimi u tinterpreta l-ħsibijiet, sentimenti u fatti f’forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u li tirrelata lingwistikament b’mod xieraq f’firxa sħiħa ta’ kuntesti soċjali u kulturali – edukazzjoni u taħriġ, id-dar u waqt il-ħin liberu.

… Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Il-komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid titlob li persuna jkollha l- għarfien ta’ vokabularju bażiku, grammatika funzjonali u l-funzjonijiet ta’ l-ilsien. Tinkludi għarfien tat-tipi ewlenin ta’ l-interazzjoni verbali, firxa ta’ testijiet letterarji u mhux-letterarji, il-karatteristiċi ewlenin ta’ l-istili u r-reġistri differenti ta’ l-ilsien u l-varjabbiltà tal-lingwa u l-komunikazzjoni f’kuntesti differenti.

L-individwi għandu jkollhom il- ħiliet sabiex jikkomunikaw b’mod orali u bil-miktub f’varjetà ta’ sitwazzjonijiet li jitolbu l-komunikazzjoni u li jimmonitorjaw u jadattaw il-komunikazzjonijiet tagħhom skond kif titlob is-sitwazzjoni. Il-kompetenza tinkludi wkoll il-ħiliet tal-qari u l-kitba ta’ testijiet differenti, it-tfittix, il-ġabra u l-ipproċessar tat-tagħrif, l-użu ta’ l-għodod, il-formulazzjoni u l-espressjoni ta’ l-argumenti b’mod konvinċenti u xieraq skond il-kuntest.

Attitudni pożittiva lejn il-komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid tinvolvi diżpożizzjoni lejn djalogu kritiku u kostruttiv, apprezzament tal-kwalitajiet estetiċi u rieda li jsir sforz sabiex dawn jinkisbu, u interess fl-interazzjoni ma’ oħrajn.

2. Komunikazzjoni f’ilsna barranin

Definizzjoni: Il-komunikazzjoni f’ilsna barranin ġeneralment taqsam il-karatteristiċi ta’ ħiliet ewlenin mal-komunikazzjoni f’ilsien l-art tat-twelid: hija bbażata fuq l-abbiltà li persuna tkun tista’ tesprimi u tinterpreta l-ħsibijiet, sentimenti u fatti f’forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u f’firxa xierqa ta’ kuntesti soċjali – xogħol, dar, ħin liberu, edukazzjoni u taħriġ – skond ix-xewqat u l-ħtiġiet individwali.. Il-komunikazzjoni f’ilsna barranin titlob ukoll għal ħiliet bħal medjazzjoni u għarfien interkulturali. Il-livell ta’ kapaċità ta’ l-individwi jista’ jvarja bejn l-erba’ dimensjonijiet, l-ilsna differenti u skond l-isfond, l-ambjent u l-ħtiġijiet/interessi tagħhom.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Il-kompetenza f’ilsna addizzjonali jew barranin teħtieġ għarfien ta’ vokabularju u grammatika funzjonali u konoxxenza tat-tipi ewlenin ta’ l-interazzjoni verbali u r-reġistri ta’ l-ilsien. Għarfien tal-konvenzjonijiet soċjali, u l-aspetti kulturali u l-varjabbiltà ta’ l-ilsna huwa importanti.

Il- ħiliet essenzjali jikkonsistu fl-abbiltà li persuna tifhem messaġġi orali, li tibda, tmantni u tikkonkludi konverżazzjoni u li taqra u tifhem testijiet adattati għall-ħtiġijiet ta’ l-individwu. L-individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi li jużaw l-għodda adattati, u li jitgħallmu l-ilsna b’mod informali wkoll bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja.

Attitudni pożittiva tinvolvi l-apprezzament tad-differenzi kulturali u d-diversità, u interess u kurżità dwar l-ilsna u l-komunikazzjoni interkulturali.

3. Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija

Definizzjoni:

A. Il-kompetenza matematika hija l-abbiltà li persuna tuża l-għadd, it-tnaqqis, il-multiplikazzjoni, id-diviżjoni u l-proporzjonijiet f’komputazzjonijiet mentali jew bil-miktub sabiex issolvi firxa ta’ problemi f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum. L-enfażi huwa fuq il-proċess u l-attività, kif ukoll fuq l-għarfien. Il-kompetenza matematika tinvolvi – fi gradi differenti – l-abbiltà u r-rieda li persuna tuża metodi ta’ ħsieb (ħsieb loġiku u spazjali) u preżentazzjoni (formoli, mudelli, constructs , graffs/ċarts) matematiċi.

B. Il-kompetenza xjentifika tirreferi għall-abbiltà u r-rieda li persuna tuża l-korp ta’ għarfien u l-metodoloġija użati biex tispjega d-dinja naturali, sabiex tidentifika l-mistoqsijiet u tasal għal konklużjonijiet ibbażati fuq ix-xhieda. Il-kompetenza fit-teknoloġija hija meqjusa bħala l-applikazzjoni ta’ l-għarfien u l-metodoloġija bħala reazzjoni għal dawk li jidhru bħala xewqat jew ħtiġijiet tal-bniedem. Iż-żewġ oqsma ta’ din il-kompetenza jinvolvu l-għarfien tal-bidliet ikkawżati mill-attività umana u r-responsabbiltajiet bħala ċittadin individwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

A. Għarfien neċessarju fil-matematika jinkludi għarfien sod tan-numri, kejl u strutturi, operazzjonijiet bażiċi u preżentazzjonijiet matematiċi bażiċi, għarfien tat-termini u kunċetti matematiċi, u tal-mistoqsijiet fejn il-matematika tista’ tipprovdi risposta.

Kull individwu għandu jkollu l- ħiliet sabiex japplika l-prinċipji u proċessi matematiċi bażiċi f’kuntesti ta’ kuljum fuq ix-xogħol u d-dar, u sabiex isegwi u jivvaluta argument. Għandhom ikunu kapaċi li jirraġunaw b’mod matematiku, jifhmu prova matematika u jikkomunikaw bil-lingwa tal-matematika, u jużaw l-għodda adattati.

Attitudni pożittiva fil-matematika hija bbażata fuq ir-rispett lejn il-verità u r-rieda li persuna tfittex ir-raġunijiet u tistma l-validità tagħhom.

B. Fix- xjenza u t-teknoloġija l-għarfien essenzjali jinkludi l-prinċipji bażiċi tad-dinja naturali, kunċetti xjentifiċi, prinċipji u metodi fundamentali, teknoloġija u prodotti u proċessi teknoloġiċi. L-individwi għandu jkollhom għarfien ta’ l-avvanzi, l-limitazzjonijiet u r-riskji tat-teoriji xjentifiċi, l-applikazjonijiet u t-teknoloġija fis-soċjetà in ġenerali (b’relazzjoni mat-teħid tad-deċiżjonijiet, valuri, kwistjonijiet morali, kultura, eċċ), kemm f’oqsma speċifiċi tax-xjenza bħal mediċina, u wkoll għarfien ta’ l-impatt tax-xjenza u t-teknoloġija fuq id-dinja naturali.

Il- ħiliet jinkludu l-abbiltà li persuna tuża u timmanipula għodod u magni teknoloġiċi kif ukoll tagħrif xjentifiku sabiex tilħaq għan jew tasal għal deċiżjoni jew konklużjoni bbażata fuq ix-xhieda. L-individwi għandhom ikunu kapaċi wkoll li jagħrfu l-karatteristiċi essenzjali ta’ inkjesta xjentifika u jkollhom l-abbiltà li jikkomunikaw il-konklużjonijiet u r-raġunar li jkun wassal għalihom.

Il-kompetenzi jinkludu attitudni ta’ apprezzament kritiku u kurżità, interess fi kwistjonijiet ta’ etika u rispett kemm għas-sigurezza kif ukoll is-sostenibbiltà – b’mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fir-rigward ta’ l-individwu stess, il-familja, is-soċjetà u kwistjonijiet globali.

4. Kompetenza ‘diġitali’

Definizzjoni: Il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kritiku u b’fiduċja tat-Teknoloġija tas-Soċjetà tat-Tagħrif (IST) għax-xogħol, il-ħin ħieles u l-komunikazzjoni. Hija sostnuta mill-ħiliet bażiċi fl-ICT: l-użu tal-kompjuters sabiex il-persuna ssib, tivvaluta, taħżen, tippreżenta u tpartat it-tagħrif, u tikkomunika u tipparteċipa f’netwerks kollaborattivi permezz ta’ l-internet.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

Il-kompetenza diġitali teħtieġ konoxxenza u għarfien sodi tan-natura, ir-rwol u l-opportunitajiet tal-IST fil-ħajja ta’ kuljum: fil-ħajja personali u soċjali kif ukoll fuq ix-xogħol. Dan jinkludi l-applikazzjonijiet ewlenin tal-komputer bħal word-processing , spreadsheets , bażijiet tat-tagħrif, ħażna u maniġġar tat-tagħrif, u konoxxenza ta’ l-opportunitajiet li joffru l-Internet u l-komunikazzjoni permezz tal-medja elettronika (posta elettronika, għodod tan-netwerks) għal ħin ħieles, tpartit tat-tagħrif u kollaborazzjoni fin-netwerking, tagħlim u riċerka. L-individwi għandhom jifhmu wkoll kif l-IST jista’ jappoġġa l-kreattività u l-innovazzjoni, u jkunu konxji tal-kwistjonijiet relatati mal-validità u l-affidabbiltà tat-tagħrif disponibbli u l-prinċipji etiċi involuti fl-użu interattiv ta’ l-IST.

Il- ħiliet meħtieġa jinkludu: il-kapaċità li persuna tfittex, tiġbor u tipproċessa t-tagħrif u tagħmel użu minnu b’mod kritiku u sistematiku, tivvaluta r-rilevanza u tiddistingwi r-reali mill-virtwali waqt li tirrikonoxxi l-irbit. L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet li jużaw l-għodod sabiex jipproduċu, jippreżentaw u jifhmu tagħrif kumpless u l-abbiltà li jilħqu, jużaw u jfittxu f’servizzi bbażati fuq l-internet; għandhom ikunu wkoll kapaċi jużaw l-IST bħal appoġġ għal ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni

L-użu ta’ l-IST jeħtieġ attitudni kritika u ta’ riflessjoni lejn it-tagħrif disponibbli u użu responsabbli tal-medja interattiva; interess f’impenn fil-komunitajiet u n-netwerks għal għanijiet kulturali, soċjali u/jew professjonali huwa wkoll ta’ appoġġ għal kompetenza.

5. Kapaċità għat-tagħlim

Definizzjoni: ‘Kapaċità għat-tagħlim’ hija l-kapaċità li individwu jfittex u jippersisti fit-tagħlim. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jorganizzaw it-tagħlim tagħhom stess, inkluż permezz ta’ l-immaniġġar tal-ħin u t-tagħrif, kemm bħala individwi u kemm bħala gruppi. Il-kompetenzi jikludu konoxxenza tal-proċess ta’ tagħlim u l-ħtiġiet ta’ l-individwu, l-identifikazzjoni ta’ l-opportunitajiet disponibbli, u l-kapaċità li l-individwu jissupera l-ostakoli sabiex ikollu suċċess fit-tagħlim. Dan ifisser il-kisba, l-ipproċessar u l-assimilazzjoni ta’ għarfien u ħiliet ġodda kif ukoll it-tfittix u l-użu tal-pariri. Il-kapaċità għat-tagħlim timpenja l-istudenti sabiex jibnu fuq it-tagħlim preċedenti u l-esperjenza tal-ħajja sabiex jużaw u japplikaw l-għarfien u l-ħiliet f’varjetà ta’ kuntesti – id-dar, fuq ix-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Il-motivazzjoni u l-kunfidenza huma kruċjali għall-kompetenza ta’ individwu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

Fejn it-tagħlim huwa indirizzat lejn xi xogħol partikolari jew miri fil-karriera, l-individwu għandu jkollu għarfien tal-kompetenzi, għarfien, ħiliet u kwalifikazzjonijiet meħtieġa. F’kull każ, il-kapaċità għat-tagħlim teħtieġ li individwi jkunu jafu u jifhmu l-istrateġiji tat-tagħlim ippreferuti, il-qawwa u d-djufija tal-ħiliet u l-kwalifikazzjonijet tagħhom u jkunu kapaċi li jfittxu l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-pariri/appoġġ li jkun hemm disponibbli għalihom.

Il- ħtiġiet tal-kapaċità għat-tagħlim jeħtieġu, l-ewwelnett, l-akkwist tal-ħiliet bażiċi fundamentali bħall-qari u l-kitba, il-matematika u l-ICT li huma meħtieġa għal aktar tagħlim. Billi jibni fuq dan, l-individwu għandu jkun kapaċi jilħaq, jakkwista, jipproċessa u jassimila tagħrif u ħiliet ġodda. Dan jeħtieġ maniġġar effettiv tal-modi ta’ tagħlim, karriera u xogħol u, b’mod partikolari, il-kapaċità li l-individwu jippersisti fit-tagħlim, li jikkonċentra għal perijodi twal u li jirrifletti b’mod kritiku dwar l-għanijiet u l-miri tat-tagħlim. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jiddedikaw ħin għat-tagħlim minn jeddhom u b’dixxiplina, iżda wkoll li jaħdmu ma’ oħrajn bħala parti mill-proċess ta’ tagħlim, jipprofittaw mill-benefiċċji ta’ grupp eteroġenu u jaqsmu dak li jkunu tgħallmu ma’ oħrajn. Għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw ix-xogħol tagħhom stess u jfittxu parir, tagħrif u appoġġ meta jkun xieraq.

Attitudni pożittiva tinkludi l-motivazzjoni u l-kunfidenza li l-individwu jsegwi u jirnexxi fit-tagħlim matul il-ħajja. Attitudni problem-solving tappoġġa kemm it-tagħlim kif ukoll l-abbiltà ta’ l-individwu li jiffaċċja l-ostakoli u l-bidla. Ix-xewqa li jkun applikat it-tagħlim u l-esperjenzi tal-ħajja preċedenti u l-kurżità li l-individwu jfittex l-opportunitajiet sabiex jitgħallem u japplika t-tagħlim f’varjetà ta’ kuntesti matul il-ħajja huma elementi essenzjali ta’ attitudni pożittiva. …..

6. Kompetenza interpersonali, interkulturali u kompetenza ċivika

Definizzjoni: Dawn il-kompetenzi jkopru kull forma ta’ aġir li jħejju l-individwi sabiex jipparteċipaw b’mod effettiv u kostruttiv fil-ħajja soċjali u tax-xogħol u, b’mod partikolari, f’soċjetajiet dejjem aktar diversi u, fejn ikun meħtieġ, jirrisolvu l-konflitti. Il-kompetenza ċivili tħejji l-individwi sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja ċivili, bis-saħħa ta’ l-għarfien tal-kunċetti u strutturi soċjali u politiċi u impenn għal parteċipazzjoni attiva u demokratika.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

A. Il-benesseri personali u soċjali jitlob konoxxenza ta’ kif l-individwi jistgħu jiżguraw saħħa fiżika u mentali mill-aqwa , inkluż bħala riżors kemm għall-individwu nnifsu kif ukoll għall-familja tiegħu, u l- għarfien ta’ kif stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa jista’ jikkontribwixxi għal dan. Sabiex ikun hemm parteċipazzjoni interpersonali u soċjali tajba, huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tal-kodiċi ta’ kondotta u manjieri ġeneralment aċċettati fis-soċjetajiet u ambjenti differenti (eż. fuq ix-xogħol), u jkun hemm ukoll għarfien tal-kunċetti bażiċi relatati ma’ l-individwi, gruppi, organizzazzjonijiet tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, soċjetà u kultura. L-għarfien tad-dimensjonijiet multikulturali u soċjoekonomiċi tas-soċjetajiet Ewropej u kif l-identità kulturali nazzjonali tirrelata ma’ l-identità Ewropea huwa essenzjali.

Il- ħiliet sabiex l-individwu jikkomunika b’mod kostruttiv f’ambjenti differenti, jesprimi u jifhem opinjonijiet differenti, jinnegozja bil-kapaċità li jispira fiduċja u jħoss l-empatija huma l-qalba ta’ din il-kompetenza. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jifilħu t-tensjoni u l-frustrazzjoni u jesprimuhom b’mod kostruttiv u għandhom ukoll jiddistingwu bejn l-oqsma personali u professjonali.

Fir-rigward ta’ l- attitudni , il-kompetenza hija bbażata fuq il-kollaborazzjoni, kif l-individwu jasserixxi ruħu u l-integrità. L-individwi għandu jkollhom interess fl-iżvilupp soċoekonomiku, il-komunikazzjoni interkulturali, jgħożżu d-diversità u jirrispettaw lill-oħrajn u jkun lesti kemm li jirbħu l-preġudizzi kif ukoll li jaslu għal kompromessi.

B. Il- kompetenza ċivili hija bbażata fuq l- għarfien tad-demokrazija, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet ċivili, inklużi kif jidhru fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u dikjarazzjonijiet internazzjonali u applikati minn istituzzjonijiet varji fuq livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali. Ll-għarfien dwar avvenimenti ewlenin, xejriet u aġenti għall-bidla fl-istorja nazzjonali, Ewropea u dinjija u fil-preżent, flimkien ma’ veduta speċifika tad-diversità Ewropea huwa essenzjali, kif huwa wkoll essenzjali l-għarfien dwar il-miri, valuri u politika tal-movimenti soċjali u politiċi.

Il- ħiliet jirrelataw mal-kapaċità ta’ l-individwu li jingrana ma’ oħrajn b’mod effettiv fil-qasam pubbliku, juri solidarjetà u jieħu interess fis-soluzzjoni ta’ problemi li jeffettwaw il-komunità lokali u dik aktar wiesgħa.Tinvolvi riflessjoni kritika u kreattiva u parteċipazzjoni kostruttiva fl-attivitajiet tal-komunità/distrett kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha minn lokali sa’ nazzjonali u l-livell Ewropew, b’mod partikolari billi l-individwu jivvota.

Ir-rispett sħiħ għad-drittijiet umani, inklużi l-ugwaljanza bħala bażi għad-demokrazija, l-apprezzament u l-għarfien tad-differenzi bejn is-sistemi ta’ valuri tar-reliġjonijiet differenti jew gruppi etniċi huma s-sisien għal attitudni pożittiva . Tinkludi wkoll il-wirja ta’ sens ta’ appartenenza fil-lokalità, pajjiż, l-UE u l-Ewropa in ġenerali u r-reġjun dinji u r-rieda għal parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod demokratiku fil-livelli kollha. Il-parteċipazzjoni kostruttiva tinvolvi wkoll l-attivitajiet ċiviċi, appoġġ għad-diversità u l-koeżżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u rieda għar-rispett tal-valuri u l-privatezza ta’ l-oħrajn.

7. Intraprenditorija

Definizzjoni: L-intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta’ l-individwu li jdawwar l-ideat f’azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà ta’ l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta’ appoġġ għal kulħadd fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar u fis-soċjetà, l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ mill-intraprendituri li jistabbilixxu attivitajiet soċjali jew kummerċjali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

L- għarfien neċessarju jinkludi l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet personali, professjonali u/jew ta’ negozju, inklużi kwistjonijiet aktar wiesgħin li jindikaw il-kuntest fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, bħal konoxxenza aktar wiesa’ tal-mod kif taħdem l-ekonomija, u l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċja min iħaddem jew organizzazzjoni. L-individwi għandhom ikunu konxji wkoll mill-pożizzjoni etika ta’ l-intrapriża, u kif jistgħu jkunu forza għall-ġid, per eżempju permezz ta’ negozju ġust jew intrapriża soċjali.

Il- ħiliet jirrigwardaw l-immaniġġar proattiv tal-proġetti (jinvolvu ħiliet bħall-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-immaniġġar, tmexxija u delegazzjoni, analiżi, komunikazzjoni, de-briefing u valutazzjoni u reġistrar), u l-abbiltà ta’ xogħol kemm bħala individwu kif ukoll b’mod kollaborattiv f’tim. Id-dehen sabiex l-individwu jidentifika fejn hu dgħajjef u fejn hu b’saħħtu u jivvaluta u jieħu r-riskji kif u meta jkun meqjus li jkun iġġustifikat.

Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn inizjattiva, pro-activity , indipendenza u innovazzjoni fil-ħajja personali u soċjali daqs kemm fil-ħajja tax-xogħol. Tinkludi wkoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet, kemm jekk ikunu miri personali jew miri maqsuma ma’ oħrajn u/jew fuq ix-xogħol.

8. Kultura

Definizzjoni: Apprezzament ta’ l-importanza ta’ l-espressjoni kreattiva ta’ l-ideat, l-esperjenzi u l-emozzjonijiet f’firxa ta’ midja li tinkludi l-mużika, iż-żfin, kant, reċtar, eċċ ( performing arts ), il-letteratura u l-arti viżwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

L- għarfien kulturali jinkludi għarfien bażiku ta’ l-opri kulturali l-aktar importanti, inkluża l-kultura popolari kontemporanja bħala parti importanti ta’ l-istorja tal-bniedem fil-kuntesti tal-wirt kulturali nazzjonali u Ewropej u posthom fid-dinja. Huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tad-diversità lingwistika ta’ l-Ewropa (u l-pajjiżi Ewropej), il-ħtieġa li din tkun ippreservata u li tinftiehem l-evoluzzjoni tal-gosti popolari u l-importanza tal-fatturi estetiċi fil-ħajja ta’ kuljum.

Il- ħiliet huma relatati kemm ma’ l-apprezzament kif ukoll ma’ l-espressjoni: l-espressjoni ta’ l-individwu stess permezz ta’ varjetà ta’ medja skond il-kapaċitajiet personali u l-apprezzament u t-tgawdija ta’ l-opri u l-preżentazzjonijiet artistiċi. Il-ħiliet jinkludu wkoll il-kapaċità li individwu jirrelata l-opinijonijiet kreattivi u ta’ espressjoni tiegħu ma’ dawk ta’ oħrajn u jidentifika u jattwa opportunitajiet ekonomiċi fl-attività kulturali.

Sens ta’ identità qawwi huwa l-bażi għar-rispett u attitudni miftuħa għad-diversità ta’ l-espressjoni kulturali. Attitudni pożittiva tkopri wkoll il-kreattività u r-rieda li tkun ikkultivata l-kapaċità estetika permezz ta’ l-espressjoni artitistika ta’ l-individwu stess u interess fil-ħajja kulturali.

[1] ‘Ħiliet Bażiċi” ġeneralment tfisser l-għarfien tal-qari, il-kitba u l-matematika bażika; Il-Kunsill ta’ Lisbona sejjaħ sabiex jiżdiedu l-ħiliet ġodda meħtieġa f’soċjetà bbażat fuq l-għarfien, bħall-ICT (teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni) u l-Intraprenditorija.

[2] Il-Grupp ta’ Xogħol ipprefera t-terminu ‘kompetenzi’ li jirreferi għal kombinament ta’ għarfien, ħiliet u attitudni u ‘kompetenzi ewlenin’ li jirreferri għal kompetenzi meħtieġa minn kulhadd. Għalhekk, jinkludi l-ħiliet bażiċi, iżda jmur lilhinn minnhom.

[3] Grupp ta’ Xogħol dwar il-Ħiliet Bażiċi, rapporti tal-progress 2003, 2004: http://europa.eu.int/comm/education/policies/2010/objectives_en.html#basic

[4] Rapport Interim Konġunt, dokument tal-Kunsill 6905/04 ta’ Marzu 2004.

[5] L-anness tar-Rakkomandazzjoni, il-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim matul il-Ħajja – Qafas Ewropew’ huwa verżjoni riveduta tal-qafas ta’ kompetenzi ewlenin żviluppat mill-Grupp ta’ Xogħol dwar il-ħiliet bażiċi.

[6] Progress lejn l-Għanijiet ta’ Lisbona fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ; Staff Working Paper tal-Kummissjoni, rapport 2005, paġna 20. http://europa.eu.int/comm/education/policies/2010/doc/progressreport05.pdf

[7] Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju dwar Linji Gwida għall-politika ta’ impjieg ta’ l-Istati Membri.

ĠU L 205/21 tas-06.08.2005

[8] Il-Patt maż-Żgħażagħ Ewropew, http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/press/en/ec/84335.pdf

[9] http://europa.eu.int/comm/enterprise/entrepreneurship/promoting_entrepreneurship/doc/com_70_en.pdf

[10] Grupp ta’ xogħol dwar il-kompetenzi ewlenin, rapporti tal-progress 2004

[11] ĠU L […], […], p. […].

[12] ĠU L […], […], p. […].

[13] ĠU L […], […], p. […].

[14] ĠU L […], […], p. […].

[15] COM(2001) 678 finali

[16] ĠU C 163, 9.7.2002, p.1.

[17] SEC(2005) 419.

[18] Huwa rikonoxxut li l-ilsien ta’ l-art tat-twelid jista' f'xi każijiet ma jkunx il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru, u li dik l-abbiltà ta’ komunikazzjoni b’lingwa uffiċjali hija pre-kondizzjoni biex tiżgura s-sehem sħiħ ta’ l-individwu fis-soċjetà. Il-miżuri li jindirizzaw każijiet bħal dawn huma kwistjonijiet għall-Istati Membri individwali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom.