52005DC0670

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali {SEG(2005) 1683} {SEG(2005) 1684} /* KUMM/2005/0670 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.12.2005

KUMM(2005) 670 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

{SEG(2005) 1683}{SEG(2005) 1684}

WERREJ

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali 4

1. Daħla 4

2. Il-politika ambjentali Ewropea u l-użu tar-riżorsi – Problemi u risposti ta' politika 5

3. L-ilqigħ ta'l-isfida – il-mira ta' l-istrateġija 6

4. Nikkapitalizzaw fuq il-qafas eżistenti ta' politika L-applikazzjoni tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja għall-politiki eżistenti 8

5. Inizjattivi ġodda – nixħtu l-pedamaneti għall-25 sena li ġejjin 9

5.1. Il-bini tal-bażi ta' l-għarfien – Ċentru tad- Data għal dawk li jfasslu l-politika biex itejjeb il-bażi ta' l-għarfien fuq l-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali tiegħu 9

5.2. Il-kejl tal-progress – l-iżvilupp ta' indikaturi 10

5.3. Id-dimensjoni interna – l-Istati Membri u l-Forum ta' Livell Għoli 11

5.4. Id-dimensjoni globali – Bord Internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali 11

6. Impatti u riżultati mistennija 12

7. Proċess ta' reviżjoni 13

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

1. DAħLA

L-ekonomiji Ewropej jiddependu mir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima bħall-minerali, il-bijomassa u r-riżorsi bijoloġiċi; il-midja ambjentali bħall-arja, l-ilma u l-ħamrija; ir-riżorsi tal-fluss, bħall-enerġija mir-riħ, mill-ġeotermija, mill-marea u mix-xemx; u l-wesgħat (erja ta' l-art). Sew jekk jintużaw għall-produzzjoni u sew jekk jintużaw bħala riċevituri biex jasorbixxu l-emissjonijiet (il-ħamrija, l-arja u l-ilma), huma ta' importanza kruċjali għall-funzjonament ta' l-ekonomija u għall-kwalità ta' ħajjitna. Il-mod li bih qed jintużaw ir-riżorsi, sew dawk li jiġġeddu kif ukoll dawk li ma jiġġeddux, u r-rapidità li biha dawn ta' l-aħħar qed jiġu sfruttati, qegħdin inaqqsu bil-ħeffa l-kapaċità tal-pjaneta li tiġġenera mill-ġdid ir-riżorsi u s-servizzi ambjentali li fuqhom jissejsu l-prosperità u t-tkabbir ekonomiku tagħna. Skond ir-rapport riċenti Millennium Ecosystem Assessment [1], matul l-aħħar 50 sena, il-bnedmin wettqu tibdil fl-ekosistemi aktar bil-ħeffa u aktar fil-wisa' milli fi kwalunkwe perjodu komparabbli ta' l-istorja umana, l-aktar biex jissodisfaw it-talbiet dejjem jiżdiedu għall-ikel, l-ilma ħelu, l-injam, il-fibri u l-fjuwil.

Jekk ix-xejriet kurrenti ta' l-użu tar-riżorsi jinżammu fl-Ewropa, il-ħsara ambjentali u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali sejrin ikomplu jseħħu. Il-kwistjoni għandha wkoll dimensjoni globali. L-UE tiddependi ħafna fuq riżorsi li joriġinaw minn barra l-Ewropa, u l-impatt ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi min-naħa ta' l-UE u ta' ekonomiji kbar oħra jinħass madwar id-dinja. Fl-istess ħin, fid-dinja li qed tiżviluppa, l-ekonomiji li għaddejjin minn tkabbir, bħal fiċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, qed jużaw ir-riżorsi b'rata li qed taċċellera. Li kieku d-dinja kollha kemm hi kellha timxi fuq il-mudelli tradizzjonali ta' konsum, huwa stmat li l-użu dinji tar-riżorsi jikkwadrupla fi żmien 20 sena. L-impatt ħażin fuq l-ambjent ikun sostanzjali. Alternattiva possibbli tista' tkun l-adozzjoni ta' approċċ koordinat, b'antiċipazzjoni tal-ħtieġa li neqilbu għal mudelli ta' użu aktra sostenibbli, li jistgħu jirriżultaw f'benefiċċji ambjentali u ekonomiċi sew fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja.

Għal dawk li jfasslu l-politika, l-isfida hija li jiffaċilitaw u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li l-qagħda ta' l-ambjent ma teħżienx. Dawn mhumiex miri kunfliġġenti. L-użu effiċjenti tar-riżorsi jikkontribwixxi għat-tkabbir. L-użu mhux effiċjenti tar-riżorsi u l-isfruttament żejjed tar-riżorsi li jiġġeddu jkollhom l-effett li, fit-tul, irażżnu t-tkabbir.

L-użu sostenibbli tar-riżorsi, li jinvolvi produzzjoni u konsum sostenibbli, għaldaqstant huwa ingredjent essenzjali fil-prosperità fit-tul, sew fi ħdan l-UE kif ukoll fid-dinja. Tabilħaqq, l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi[2] approvata mis-Samit ta' l-UE tar-Rebbiegħa 2005 tagħti prijorità għolja lill-użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali. Tagħmel ukoll sejħa biex l-UE tieħu l-post ta' quddiem fil-mixja lejn il-konsum u l-produzzjoni aktar sostenibbli fl-ekonomija dinjija. L-Ewropa għaldaqstant teħtieġ strateġija fit-tul li, fit-tfassil tal-politika, tintegra l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi naturali, inkluża d-dimensjoni esterna tagħhom (jiġifieri l-impatti lil hinn mill-UE, fosthom dawk fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw). Din l-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ('l-istrateġija') hija risposta għal dik l-isfida. Għandha titqies fil-kuntest ta l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ( SDS )[3], li għaliha tagħti kontribut.

L-istrateġija tenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni ta' aspetti ambjentali f'politiki oħra li jaffettwaw l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi naturali, imma ma tippruvax timplimenta inizjattivi speċifiċi f'oqsma li diġà huma koperti minn politiki li huma stabbiliti sew. Tippreżenta qafas analitiku li għandu l-mira li jiżgura li l-impatt ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi jitqies b'rutina fit-tfassil tal-politika pubblika. Jekk dan il-metodu jiġi applikat, jgħin biex iqarreb l-ekonomiji Ewropej lejn qagħda li fiha jintlaħqu l-miri ta' tkabbir bl-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali, mingħajr aktar tiħżin fil-bażi tar-riżorsi naturali.

2. IL-POLITIKA AMBJENTALI EWROPEA U L-UżU TAR-RIżORSI – PROBLEMI U RISPOSTI TA' POLITIKA

Fl-Ewropa, l-użu tar-riżorsi ilu fattur fid-diskussjonijiet dwar il-politika ambjentali għal dawn l-aħħar tletin sena. Kwistjoni kbira fis-sebgħinijiet, fid-dawl ta' l-ewwel kriżijiet taż-żejt, kienet l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-limiti għat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, kif diġà ġie indikat mill-Kummissjoni fil-'Komunikazzjoni Lejn'[4], l-iskarsezza ma kenitx daqshekk ambjentalment problematika daqs kemm kien mistenni dak iż-żmien. Id-dinja ma spiċċawlhiex l-idrokarboni, u s-suq irregola l-iskarsezza, permezz tal-mekkaniżmu tal-prezzijiet. Naqas l-użu ta' ħafna metalli u minerali, mhux minħabba t-tnaqqis tar-riżorsi, imma minħabba t-tibdil teknoloġiku. Madankollu, iż-żieda rapida tad-domanda u diffikultajiet temporanji fil-forniment jistgħu jikkawżaw problemi akuti fl-ekonomija u fl-ambjent, kif urew iż-żidiet riċenti fil-prezzijiet ta' ħafna oġġetti ta' materja prima.

Għalhekk, il-ħsara għall-bażi tar-riżorsi naturali kienet u għadha sors ta' tħassib. Fil-bidu, il-politiki ambjentali ffukaw fuq il-problemi viżibbli, kkawżati mill-emissjonijiet u mill-iskart – it-tnaqqis tat-tniġġis minn "sorsi puntwali", bħalma huma fabbriki u impjanti ta' l-enerġija. Kellhom suċċess. Il-kwalità ta' l-arja u l-ilma tjiebet. Parti akbar mill-iskart iġġenerat qed tiġi rriċiklata, u parti iċken qiegħda tispiċċa fil-landfills. Analiżi tal-flussi tal-materjali u ta' l-iskart fl-UE, inklużi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, uriet li matul dawn l-aħħar għoxrin sena l-konsum globali għal kull abitant, madwar 16-il tunnellata fis-sena, baqa' prattikament l-istess fl-UE, u madankollu l-ekonomija kibret b'50% matul dak il-perjodu. Dan ifisser li l-Ewropa għamlet titjib sinifikanti fl-użu effiċjenti tal-materjali. Minkejja dan it-titjib, iż-żidiet fil-volumi tal-produzzjoni ta' spiss sebqu kwalunkwe titjib ambjentali globali jew kisbiet fl-effiċjenza, u l-politiki kurrenti ma kenux biżżejjed biex ireġġgħu lura xejriet li fundamentalment mhumiex sostenibbli, la fl-Ewropa u lanqas fid-dinja.

Biex ikollha impatt akbar f'li treġġa' lura dawn ix-xejriet mhux sostenibbli, trażżan it-tiħżin ambjentali u tippreserva s-servizzi essenzjali li r-riżorsi naturali jipprovdu, il-politika ambjentali jeħtiġilha tmur lil hinn mill-kontroll ta' l-emissjonijiet u l-iskart. Jeħtieġ li jiġu żviluppati l-mezzi biex jingħarfu l-impatti ambjentali negattivi tal-mod li bih nużaw il-materjali u l-enerġija matul iċ-ċikli tal-ħajja (ta' spiss imsemmi l-metodu min-nieqa sal-qabar ) u biex jiġi ddeterminat is-sinifikat rispettiv tagħhom. Dan il-kunċett ta' l-impatti globali u kumulattivi f'sensiela kawżali huwa meħtieġ biex il-miżuri tal-politika jiġu mmirati b'tali mod li jkunu jistgħu jilħqu l-ikbar effikaċja għall-ambjent, u l-iktar effikaċja ta' l-infiq għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-operaturi ekonomiċi.

Lanqas ma huwa biżżejjed li tikkunsidra ċ-ċikli tal-ħajja fl-iżolament ġeografiku. Fi żmien ta' globalizzazzjoni, f'ekonomija dinjija li fiha l-Ewropa hija parteċipant attiv, it-tfassil infurmat tal-politika jirrikjedi għarfien dwar il-mod li bih ir-riżorsi jimxu minn parti għall-oħra ta' l-ekonomija dinjija, x'inhu dak li jmexxi dan il-moviment, u x'impatti jkun hemm kulfejn ir-riżorsi jiġu estratti u użati.

Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali[5] ( Sixth EAP ) dan għarfu, u sejjaħ għat-tħejjija ta' "strateġija tematika dwar l-użu sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi..." . Din l-istrateġija hija msejsa fuq l-analiżi ta' l-użu tar-riżorsi fl-UE u fi ħdan l-oqfsa eżistenti analitiċi u ta' politika. Tħejjiet f'konsultazzjoni mill-qrib ma' dawk kollha interessati[6].

L-istrateġija tkompli tiżviluppa metodu li, għall-isforz li jkun sar, jagħti l-aħjar rendiment ta' protezzjoni ambjentali. L-iffukar tal-mezzi - mhux bla limitu - tal-gvernijiet u ta' l-operaturi ekonomiċi fuq il-problemi ewlenija ta' l-ambjent se jkun parti minn dan.

3. L-ILQIGħ TA'L-ISFIDA – IL-MIRA TA' L-ISTRATEġIJA

Biż-żmien, l-istrateġija għandha twassal għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali, flimkien ma' tnaqqis fl-impatt ambjentali ħażin tiegħu, b'tali mod li t-titjib globali fl-ambjent jimxi id f'id mat-tkabbir. Għaldaqstant, il-mira globali hija t-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali ħżiena ġġenerati mill-użu tar-riżorsi naturali f'ekonomija li qed tikber – kunċett magħruf bħala diżakkoppjament[7]. F'termini prattiċi, dan ifisser li jitnaqqas l-impatt ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi filwaqt li fl-istess ħin titjieb il-produttività kumplessiva fl-ekonomija ta' l-UE kollha kemm hi. Għar-riżorsi li jiġġeddu, dan ifisser ukoll li ma tinqabiżx l-għatba ta' l-isfruttament żejjed.

Biex jintlaħaq dan il-għan, l-istrateġija tinkludi azzjonijiet biex:

- jitjiebu l-fehim u l-għarfien tagħna dwar l-użu Ewropew tar-riżorsi, l-impatt ħażin tiegħu fuq l-ambjent u s-sinifikat tiegħu fl-UE u fid-dinja,

- jiġu żviluppati għodod biex jimmonitorjaw il-progress u jirrappurtaw dwaru fl-UE, fl-Istati Membri u fis-setturi ekonomiċi,

- titrawwem l-applikazzjoni ta' metodi u proċessi strateġiċi, sew fis-setturi ekonomiċi kif ukoll fl-Istati Membri, u biex jitħeġġu jiżviluppaw pjanijiet u programmi relatati, u

- titkabbar il-kuxjenza ta' dawk interessati, kif ukoll taċ-ċittadini, dwar l-impatti ħżiena sinifikanti ta' l-użu tar-riżorsi fuq l-ambjent.

L-istrateġija sejra tippermetti li l-għarfien dwar l-użu tar-riżorsi fl-ekonomija jinġabar b'aktar ħeffa u faċilità. Permezz ta' dan, sejra tikkunsidra inizjattivi oħrajn, bħall- INSPIRE[8] , u tkompli tibni fuqhom skond kif ikun f'loku. Dan jippermetti li jiġu identifikati l-iktar impatti ambjentali serji relatati ma' l-użu tagħhom, u li jittieħdu l-miżuri biex jittaffew.

Ta' spiss, se jkun jinħtieġ li jsiru sforzi f'oqsma tal-politika li mhumiex ambjentali. Il-metodu rrakkomandat sejjer isaħħaħ it-tfassil tal-politika fil-livelli kollha (dawk ta' l-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali). Fehim aħjar ta' l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi matul iċ-ċikli tal-ħajja sejjer iħalli lil dawk li jfasslu l-politika jipprijoritizzaw u jikkonċentraw fuq oqsma fejn tassew ikunu jistgħu jagħmlu differenza.

Dan huwa proċess fit-tul – għaldaqstant qed jiġi propost xefaq ta' żmien ta' 25 sena. Jirrikjedi tagħqid flimkien ta' azzjonijiet li għandhomjittieħdu f'livelli differenti ta' l-iggvernar, u minn diversi atturi. Ifisser li jitjieb il-funzjonament tal-politiki ta' llum, fost l-oħrajn permezz tat-tisħiħ tad-dimensjoni fihom ta' l-użu tar-riżorsi, kif ikun xieraq u bl-iżvilupp ta' sensiela ta' inizjattivi ġodda biex jiġi żgurat li l-kunsiderazzjoni ta' l-impatti ta' l-użu tar-riżorsi matul iċ-ċikli tal-ħajja ssir parti integrali fit-tfassil tal-politika.

F'dan l-istadju inizjali, din l-istrateġija ma tqiegħed l-ebda mira kwantitattiva għall-'effiċjenza tar-riżorsi u tnaqqis fl-użu tar-riżorsi' kif jippreskrivi s- Sixth EAP , minħabba li mhux possibbli li dan isir fil-livell kurrenti ta' l-għarfien u l-istat attwali ta' l-iżvilupp ta' l-indikaturi. La l-pedamenti ta' data u lanqas l-indikaturi ma jippermettu d-definizzjoni ta' miri li jkunu jservu biċ-ċar biex inaqqsu l-impatti ambjentali f'ekonomija li qed tikber. Madankollu, l-istrateġija tagħti bidu għal proċess li permezz tiegħu dan jista' jsir possibbli matul il-ħames sa għaxar snin li ġejjin.

4. NIKKAPITALIZZAW FUQ IL-QAFAS EżISTENTI TA' POLITIKA L-APPLIKAZZJONI TAL-KUNċETT TAċ-ċIKLU TAL-ħAJJA GħALL-POLITIKI EżISTENTI

Il-metodu deskritt sejjer jiġi applikat permezz ta' politiki ambjentali eżistenti u emerġenti (ara l-Anness 2). L-impatti ambjentali ħżiena ta' l-użu tar-riżorsi diġà jkunu ġew ikkunsidrati f'ħafna minn dawn il-politiki, u fil-ġejjieni se jiġu applikati sistematikament. Fil-politika ambjentali, qed issir aktar u aktar enfasi fuq metodi integrati u konnessjonijiet bejn il-midja ambjentali (l-arja, l-ilma, il-ħamrija) u fuq l-iżvilupp ta' politiki rigward temi ambjentali li jaffettwaw aktar minn qasam wieħed u li jagħtu aktar attenzjoni għall-użu ta' riżorsi sostenibbli (pereżempju t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, eċċ.). Dan il-mod ta' ħsieb iċċentrat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja huwa rifless b'mod speċjali fl-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ ta' l-Iskart.

Ġew żviluppati metodi mhux leġiżlattivi, bħall-Politika Integrata tal-Prodotti[9] ( IPP ), li huma speċifikament iffukati fuq it-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali ħżiena ta' prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom, inklużi l-produzzjoni, l-użu u r-rimi. Bl-istess mod, il-Programm ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġija Ambjentali[10] ( ETAP ) identifika bosta possibbiltajiet biex it-teknoloġiji ambjentali jnaqqsu l-impatti ħżiena ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum.

Il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja huwa ta' siwi meta jiġi applikat fuq firxa ta' diversi oqsma ta' politika. Dawn il-politiki kolha jaffettwaw l-użu tar-riżorsi, u għaldaqstant jirrikjedu aktar integrazzjoni, b'mod koordinat, ta' kwistjonijiet ta' l-użu tar-riżorsi u l-impatti ħżiena tagħhom. Pereżempju, fil-qasam tat-trasport, il- White Paper dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport[11] iddefiniet bħala l-mira tagħha l-promozzjoni ta' qasma modali lejn mezzi ta' trasport li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent. Fil-qasam ta' l-enerġija, ittieħdu miżuri fis-setturi ewlenin li jikkunsmaw l-enerġija (b'mod partikolari l-kostruzzjoni u t-trasport) li l-implimentazzjoni tagħhom sejra tirriżulta f'titjib kbir fl-impatti ambjentali. Riformi riċenti f'xi oqsma tal-politika, partikolarment fis-setturi tas-sajd u l-agrikoltura, għamlu passi kbar biex jibdew jikkunsidraw l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi. Tabilħaqq, l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ġiet adottata b'risposta għal din il-ħtieġa għal dan it-tfassil konsisteni u konness mifrux fuq l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa inizjattivi settorjali għal setturi ekonomiċi speċifiċi fil-kuntest, fost l-oħrajn, ta' l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi, flimkien ma' inizjattivi mħabbra fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar il-politika industrijali[12]. Dan jagħti kontribut mhux biss lit-tisħiħ tal-kompetittività u l-prestazzjoni globali, imma wkoll għat-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali ħżiena. Sforzi biex titjieb fl-ekoeffiċjenza jistgħu wkoll imexxu 'l quddiem l-innovazzjoni, it-titjib fil-produttività u b'hekk il-kompetittività u t-tkabbir (ara l-Anness 4).

L-evalwazzjonijiet integrati ta' l-impatt tal-Kummissjoni, li jqisu l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' għażliet differenti ta' politika għall-proposti l-kbar tal-politika, sejrin ikunu mezz importanti għall-applikazzjoni tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja[13]. Fuq il-livell nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżultati ta' l-evalwazzjonjijet ta' l-impatt ambjentali[14] kif ukoll ta' l-evalwazzjonijiet strateġiċi ambjentali[15] biex inaqqsu l-impatti ambjentali ħżiena ta' l-użu tar-riżorsi min-naħa ta' proġetti, pjanijiet, programmi u politiki individwali

5. INIZJATTIVI ġODDA – NIXħTU L-PEDAMANETI GħALL-25 SENA LI ġEJJIN

Biex din l-istrateġija tiġi implimentata b'suċċess, jeħtieġ li jittieħdu inizjattivi ġodda fil-livelli kollha ta' l-iggvernar – fil-livell ta' l-UE, f'dak nazzjonali u f'dak internazzjonali.

Fil-livell ta' l-UE, dan sejjer iġib miegħu sforz flimkien biex tinbena l-bażi ta' l-għarfien, biex jiġu żviluppati indikaturi li jkunu jistgħu jintużaw f'diskussjonijiet tal-politika u biex jiġu varati inizjattivi settorjali flimkien ma' l-operaturi ekonomiċi. Fid-dawl tad-dimensjoni dinjija qawwija ta' l-użu tar-riżorsi min-naħa ta' l-UE, u tal-bżonn li dawk li jfasslu l-politika ta' l-UE dan iqisuh, sejjer jitwaqqaf forum internazzjonali ta' esperti biex jeżamina l-aspetti dinjija ta' l-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali ħżiena tiegħu.

5.1. Il-bini tal-bażi ta' l-għarfien – Ċentru tad- Data għal dawk li jfasslu l-politika biex itejjeb il-bażi ta' l-għarfien fuq l-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali tiegħu

F'xi każijiet, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kawżali kumplessi li hemm wara t-tniġġis u l-użu tar-riżorsi fil-wisa'. L-informazzjoni mhijiex disponibbli f'sura li tista' tintuża mill-ewwel minn min ifassal il-politika. Diversi fornituri tad- data u l-informazzjoni – fi ħdan il-Kummissjoni, Id-DĠ Eurostat , iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (id-DĠ JRC ) u d-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka (DĠ RTD ), kif ukoll l-Aġenzija Ambjentali Ewropea ( EEA ), l-Aġenzija Eżekuttiva dwar l-Enerġija Intelliġenti, stituti u universitajiet nazzjonali kif ukoll sorsi kummerċjali – huma involuti fl-analiżi ta' l-użu tar-riżorsi. Madankollu, l-iskambju ta' l-informazzjoni mhux dejjem ikun ottimu.

Dawn il-lakuni u d-dupplikazzjonijiet juru l-ħtieġa ta' Ċentru tad- Data għar-riżorsi naturali, servizz ta' tmexxija jew ċentrali biex jaġixxi ta' "pern ta' l-informazzjoni" li jgħaqqad flimkien it-tagħrif kollu disponibbli u rilevanti, biex jimmonitorjah u janalizzah u jagħti lil min ifassal il-politika l-informazzjoni rilevanti għaliha. Billi jinġiebu flimkien id- data bażika eżistenti, l-għarfien, l-għarfien espert xjentifiku l-kapaċitajiet tal-ħolqien u ż-żamma tal-kuntatti bejn il-fornituri msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni sejra tittratta s-sejħa tal-Kunsill Ambjentali biex "tittejjeb il-kwalità ta' l-informazzjoni permezz ta' kapaċità strateġika Ewropea għall-ġbir u l-qsim ta' l-għarfien dwar l-użu tar-riżorsi u l-impatti tiegħu u l-evalwazzjoni relatata tal-politika, sabiex jiġi deċiż dwar liema impatti għandhom jiġu ttrattati u kif jistgħu jitnaqqsu f'ekonomija li qed tikber[16]"

Il-fornituri ta' l-informazzjoni sejrin ikollhom rwol f'komponenti oħra ta' l-istrateġija: fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta' indikaturi adattati għall-kejl tal-progress ta' l-istrateġija, l-għoti ta' għajnuna lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' pjanijiet konkreti ta' azzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta' l-istrateġija, l-għoti ta' appoġġ lill-Bord Internazzjonali fix-xogħolijiet tagħha, u t-tfassil, kull ħames snin b'bidu mill-2010, ta rapport dwar il-qagħda ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, biex ikun jista' jiddaħħal fil-proċess ta' reviżjoni tal-Kummissjoni.

Ir-riċerka u l-iżvilupp fuq il-livelli kollha, inklużi programmi u proġetti internazzjonali, Ewropej, nazzjonali u industrijali, jistgħu jaqdu aktar minn rwol wieħed fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija. Is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka[17] sejjer jagħmel aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta' għodod għall-evalwazzjoni ta' l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

5.2. Il-kejl tal-progress – l-iżvilupp ta' indikaturi

Sabiex isir progress lejn l-ilħiq ta' l-għan ta' l-istrateġija, jeħtieġ li l-progress ikun jista' jitkejjel b'mod adegwat, u li l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni kemm ta' dawk li jfasslu l-politika kif ukoll taċ-ċittadini. Jeħtieġ li jsir l-iżvilupp ta' sett ta' indikaturi, imsejjes fuq ix-xogħol sostanzjali li diġà sar fl-oqsma tal-kontabilità ambjentali, dik tal-fluss tal-materjali u l-inventarji taċ-ċikli tal-ħajja. Sa l-2008, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa:

- indikaturi biex ikejlu l-progress fl-effiċjenza u l-produttività fl-użu tar-riżorsi naturali, inkluża l-enerġija,

- indikaturi speċifiċi għar-riżorsi individwali biex jiġi evalwat kif ikun seħħ id-diżakkoppjament ta' l-impatti ambjentali ħżiena minn ma' l-użu tar-riżorsi, u

- indikatur kumplessiv biex jitkejjel il-progress fit-tnaqqis tal-pressjoni ekoloġika kkawżata mill-użu tar-riżorsi min-naħa ta' l-UE (indikatur ta' l-ekoeffiċjenza).

Idealment, l-indikaturi kollha jkunu kemm jista' jkun aggregati, jiftiehmu bla diffikultà u msejsa fuq xogħol eżistenti fuq il-livelli ta' l-Istati Membri, l-UE u internazzjonali (ara l-Anness 3). Jekk l-aggregazzjoni ma tirnexxiex (pereżempju minħabba diffikultajiet metodoloġiċi jew tekniċi), minflokha jintużaw indikaturi bażiċi biex jitkejjel il-progress li jkun sar lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali[18]. L-indikaturi sejrin jgħinu wkoll fl-identifikazzjoni ta' l-użi tar-riżorsi naturali li l-aktar jikkontribwixxu lejn l-impatti ambjentali ħżiena. Jgħinu wkoll għall-prijoritizzazzjoni fit-tfassil tal-politika, partikolarment biex jiġu ddeterminati s-setturi li għandhom jiddaħħlu fl-iżvilupp ta' inizjattivi settorjali. F'fażi inizjali, il-Kummissjoni sejra tibbaża fuq ir-riżultati preliminari ta' studji eżistenti.

5.3. Id-dimensjoni interna – l-Istati Membri u l-Forum ta' Livell Għoli

Ħafna mill-azzjonijiet li huma meħtieġa biex tiġi implimentata din l-istrateġija l-aħjar li jittieħdu fuq il-livell nazzjonali. Minbarra l-agrikoltura u s-sajd, il-kotra tal-politiki li jirrigwardaw ir-riżorsi naturali ma jaqgħux esklussivament taħt il-kompetenza Komunitarja. L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ċerti għodod tal-politika, bħall-istrumenti ekonomiċi, li diffiċli li jitħaddmu fuq il-livell Komunitarju. L-Istati Membri għandhom ukoll ir-responsabbiltà għall- curricula għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jinsabu f'qagħda aħjar biex isegwu politiki li jimmiraw lejn it-tibdil ta' l-aġir.

Il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru ta' l-UE jiżviluppa miżuri u programmi nazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali biex jintlaħqu l-miri ta' l-istrateġija. Dawn il-miżuri u programmi għandhom jiffukaw fuq dak l-użu tar-riżorsi li għandu l-iktar impatti ambjentali sinifikanti. L-Istati Membri għandhom ukoll jinkludu mekkaniżmi biex jimmonitorjaw il-progress, u, fejn dan ikun possibbli, jiżviluppaw il-miri. L-Anness 5 jissuġġerixxi ċertu għadd ta' miżuri li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri.

Biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' dawn il-miżuri nazzjonali, il-Kummissjoni sejra twaqqaf Forum ta' Livell Għoli magħmul minn uffiċjali għolja li huma responsabbli għall-iżvilupp ta' politika dwar ir-riżorsi naturali fl-Istati Membri, rappreżentanti tal-Kummissjoni, u, kif ikun f'loku, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, NGOs ambjentali, l-industrija, id-dinja akkademika u partijiet oħra b'interess u b'għarfien espert speċifiku għall-kwistjonijiet konċernati.

Parallellament, il-Kummissjoni sejra wkoll tidentifika miżuri meħuda fl-Istati Membri li jkunu jistgħu jiġu applikati b'siwi ma' l-UE kollha kemm hi, u sejra tistieden lill-Istati Membri jidentifikaw il-problemi ambjentali li huma jqisu li jkunu jistgħu jiġu indirizzati effikaċement permezz ta' għodod ibbażati fuq is-suq, imma li n-nuqqas ta' azzjoni kkordinata fuq il-livell ta' l-UE jidher li qiegħed itellef l-użu tagħhom. L-użu ta' għodod ibbażati fuq is-suq fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali sejjer jiġi kkunsidrat b'mod speċjali mill-Kummissjoni fi ħdan il-Forum ta' Livell Għoli, kif ukoll fil-proċess ta' reviżjoni ta' din l-istrateġija, ippreżentat fis-Sezzjoni 7.

5.4. Id-dimensjoni globali – Bord Internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

Fuq il-livell internazzjonali, l-użu tar-riżorsi qed jingħata aktar attenzjoni[19]. B'mod partikolari, l- OECD ffissat il-mira li l-pressjonijiet ambjentali jiġu ddiżakkoppjati mit-tkabbir ekonomiku[20]. L- OECD/ DAC ppubblikat ukoll dokument konġunt ta' l-aġenziji[21] dwar ir-Riforma Fiskali Ambjentali ( EFR ), li tenfasizza il-mod li bih l- EFR jista' jagħti kontribut għall-użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali, u jipprovdi linji ta' gwida utli siewja għall-azzjoni.

Barra minn hekk, taħt id- DCECI[22] , mill-2007, il-Kummissjoni sejra tipproponi programm tematiku għall-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluża l-enerġija.

Fl-aħħarnett, fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002, il-pajjiżi kollha ħadu l-impenn li jibdlu l-mudelli mhux sostenibbli ta' konsum u produzzjoni.

Biex tgħaqqad flinkien u ssostni dan il-fokus, din il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi t-twaqqif ta' Bord Internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali f'kooperazzjoni ma' l- UNEP u possibilment ma' sħab u inizjattivi oħra internazzjonali, pereżempju l- UNIDO u l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija ( IEA ). Sejra tevalwa u tipprovdi informazzjoni dwar aspetti dinjija ta' l-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali. Il-Bord sejjer (ara l-Anness 6):

- jagħti pariri indipendenti lill-Kummissjoni dwar l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi naturali f'kuntest globali, bil-kunsiderazzjoni wkoll ta' l-impatti ekonomiċi u soċjali;

- jikkontribwixxi għall-bini tal-bażi ta' l-għarfien u għall-monitoraġġ tal-progress;

- jiżviluppa normi ta' referenza għas-sostenibbiltà fl-estrazzjoni, il-ħsad, it-trasport u l-ħażna tal-materjali u l-prodotti li joriġinaw minn barra l-UE, bl-inklużjoni mhux biss ta' standards materjali ta' kwalità, imma wkoll standards tal-kwalità tal-produzzjoni, bil-qies dovut ta' kwistjonjiet soċjali u ambjentali;

- jagħti pariri lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kif jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom biex jevalwaw l-impatti ambjentali tal-politiki tagħhom rigward l-użu tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tar-riżorsi (li jkunu jistgħu jiġu implimentati bħala parti minn programmi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi);

- jagħti pariri dwar l-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi naturali fil-kuntest dinji usa', pereżempju bħala parti minn inizjattivi mmexxija mill- UNEP dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

6. IMPATTI U RIżULTATI MISTENNIJA

L-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija sejra toħloq il-kundizzjonijiet għal użu tar-riżorsi mtejjeb u ekoeffiċjenti, u inċentivi għat-tqarrib lejn mudelli aktar sostenibbli ta' konsum u produzzjoni. Dan sejjer ikollu impatti pożittivi fuq l-ekonomija, b'mod partikolari minħabba l-fatt li dawn l-inċentivi sejrin jgħinu lill-impriżi jkunu innovattivi u jtejbu l-kompetittività tagħhom. Sejra tippermetti lil min ifassal il-politika jagħmel għażliet aktar infurmati fil-politika, u tipprovdi l-mezzi (indikaturi, data ) għall-kejl tal-progress. Fl-Evalwazzjoni ta' l-Impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni jingħataw l-għażliet u evalwazzjoni ta' l-impatti sew ta' l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq kif ukoll ta' oħrajn li ma ġewx meqjusa f'lokhom.

7. PROċESS TA' REVIżJONI

Il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-progress li jkun sar fl-ilħiq ta' l-għan ta' l-istrateġija fl-2010, u mbagħad kull ħames snin. Din ir-reviżjoni sejra tiddaħħal fl-evalwazzjoni finali tas-Sitt EAP .

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. ISEM IL-PROPOSTA:

Strateġija Tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ("l-istrateġija”)

2. QAFAS ABM / ABB

Qasam ta' Politika 07 - Ambjent

Attività: 07 04 – Implimentazzjoni ta’ politika ambjentali

3. LINJI TAL-BAĠIT

3.1. Linji tal-Baġit (linji operattivi u linji ta’ assistenza teknika u amministrattiva relatati (ex- linji B..A)) li jinkludu l-intestaturi :

07 01 04 01 – Leġiżlazzjoni, ħolqien ta’ kuxjenza u azzjonijiet ġenerali oħra bbażati fuq il-programmi ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-ambjent – Nefqa fuq ġestjoni amministrattiva.

07 04 02 – Ħolqien ta’ kuxjenza u azzjonijiet ġenerali oħra bbażati fuq il-programmi ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-ambjent.

07 02 01 – Kontribuzzjoni għall-attivitajiet ambjentali internazzjonali

Mill-2007 ‘il quddiem, l-aspetti finanzjarji marbuta ma’ l-għanijiet tad- Data Centre u l-"indikaturi" se jiġu inklużi fil-programm “LIFE +". L-aspetti finanzjarji marbuta ma’ l-għan “Bord Internazzjonali” se jiġu koperti mill-istrumenti ta’ għajnuna esterna taħt l-Intestatura 4 tal-qafas finanzjarju propost.

3.2. Tul ta’ l-azzjoni u ta’ l-impatt finanzjarju:

L-istrateġija għandha medda ta’ żmien ta’ 25 sena (2006-2030). L-azzjonijiet diretti previsti fil-Komunikazzjoni se jagħtu bidu lill-proċess. Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva Preżenti tkopri l-aspetti finanzjarji relattivi għall-ewwel sitt snin (2006-2011).

3.3. Karatteristiċi baġitarji:

Linja tal-baġit | Tip ta' nefqa | Ġdid | Kontribuzzjoni ta’ l-EFTA | Kontribuzzjonijiet minn pajjiżi applikanti | Intestatura fil-perspettiva finanzjarja |

07 04 02 | Mhux obbligatorji | Differenzjata[23] | LE | LE | LE | Nru 3 |

07 02 01 | Mhux obbligatorji | Diff | LE | LE | LE | Nru 4 |

4. SINTEŻI TAR-RIŻORSI

Il-ħtiġijiet għal riżorsi umani u amministrattivi għandhom ikunu koperti fi ħdan-allokazzjoni li tingħata lid-DĠ li jkun qed jimmaniġġja (DĠ Ambjent u oħrajn) fil-qafas tal-proċedura annwali tal-baġit.

4.1. Riżorsi Finanzjarji

4.1.1. Sommarju ta’ l-approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) u ta’ l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ)

EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

Tip ta’ nefqa | Sezzjoni Nru. | Sena 2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 u wara | Total |

Nefqa operattiva[24] |

Approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) | 8.1 | a | 0.200 | 0.580 | 0.980 | 1.780 | 1.630 | 1.600 | 6.7706 |

Approprjazzjonijiet għall-Ħlasijiet (AĦ) | b | 0.133 | 0.427 | 0.796 | 1.460 | 1.573 | 2.381 | 6.770 |

Nefqa operattiva[25] - 07 04 01 |

Approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) | 8.1 | a | 0.240 | 0.610 | 0.640 | 0.750 | 0.600 | 0.710 | 3.550 |

Approprjazzjonijiet għall-Ħlasijiet (AĦ) | b | 0.160 | 0.455 | 0.581 | 0.709 | 0.635 | 1.010 | 3.550 |

Nefqa amministrattiva fi ħdan l-ammont ta' referenza[26] |

Assistenza teknika u amministrattiva (AMD) | 8.2.4 | c | 0.150 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.150 |

AMMONT TOTALI TA' REFERENZA |

Approprjazzjonijiet għall-Impenji | a+c | 0.590 | 1.190 | 1.620 | 2.530 | 2.230 | 2.310 | 10.470 |

Approprjazzjonijiet għall-Ħlasijiet | b+c | 0.443 | 0.881 | 1.377 | 2.169 | 2.209 | 3.391 | 10.470 |

Nefqa amministrattiva mhux inkluża fl-ammont ta' referenza[27] |

Riżorsi umani u nefqa assoċjata (AMD) | 8.2.5 | d | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 4.698 |

Spejjeż amministrattivi, barra r-riżorsi umani u spejjeż assoċjati, mhux inklużi fl-ammont ta' referenza (AMD) | 8.2.6 | e | 0.002 | 0.026 | 0.056 | 0.058 | 0.058 | 0.060 | 0.260 |

Spiża indikattiva finanzjarja totali ta’ l-intervenzjoni

TOTAL ta’ AI li jinkludi l-ispiża għar-Riżorsi Umani | a+c+d+e | 1.375 | 1.999 | 2.459 | 3.371 | 3.071 | 3.153 | 15.428 |

TOTAL AĦ inkluż l-ispiża għar-Riżorsi Umani | b+c+d+e | 1.228 | 1.690 | 2.216 | 3.010 | 3.050 | 4.234 | 15.428 |

Dettalji ta’ ko-finanzjament

Jekk il-proposta tinvolvi l-kofinanzjament minn Stati Membri, jew korpi oħrajn (jekk jogħġbok ispeċifika liema), stima tal-livell ta' dan il-kofinanzjament għandja tkun indikata fit-tabella hawn taħt (jistgħu jiżdiedu aktar linji jekk hemm korpi differenti previsti għall-għoti tal-kofinanzjament)

EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

Il-korp tal-kofinanzjament | Sena n | n + 1 | n + 2 | n + 3 | n + 4 | n + 5 u wara | Total |

…………………… | f |

AI TOTALI inkluż il-kofinanzjament | a+c+d+e+f |

Waħda mill-azzjonijiet previsti skond l-istrateġija (ara l-punt LFS (3) preżenti fit-taqsima 5.3) se titmexxa flimkien ma’ l-UNEP u se tkun teħtieġ segretarjat. Xogħol is-segretarjat se jkun iffinanzjat minn “trust fund” li jkunu jixtiequ jikkontribwixxu għalih korpi u organizzazzjonijiet diversi. Madankollu, mhuwiex possibbli f’dan l-istadju li wieħed ibassar il-livell ta’ kofinanzjament mill-Istati Membri jew korpi oħra.

4.1.2. Kompatibbiltà ma’ l-Ipprogrammar Finanzjarju

X Il-proposta hija kompatibbli ma’ l-ipprogrammar finanzjarju eżistenti.

( Il-proposta ser tinvolvi l-programmar mill-ġdid ta' l-intestatura relevanti fil-perspettiva finanzjarja.

( Il-proposta għandha mnejn teħtieġ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali[28] (i.e. strument ta' flessibbiltà jew reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja).

4.1.3. Impatt finanzjarju fuq id-Dħul

X Il-proposta m’ għandhiex impatt finanzjarju fuq id-dħul

( Il-proposta għandha impatt finanzjarju – l-effett fuq id-dħul huwa kif ġej:

EUR miljun (sa punt deċimali wieħed)

Qabell-azzjoni[Sena n-1] | Il-qagħda wara l-azzjoni |

Numru totali ta’ riżorsi umani | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 |

5. KARATTERISTIĊI U GĦANIJIET

5.1. Li għandhom jintlaħqu fiż-żmien qasir jew twil

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali dwar l-użu tar-riżorsi naturali (eż. il-materja prima u l-art), l-istrateġija se timplimenta azzjonijiet li se jsegwu u jimmonitorjaw l-użu tar-riżorsi naturali tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom – “min-nieqa sal-qabar" – u tiżviluppa l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tagħhom. L-enfażi ta’ l-istrateġija huwa li tul il-25 sena tagħha jiġu identifikati l-aktar impatti ambjentali serji marbuta ma’ l-użu tar-riżorsi naturali u li jiġu promossi soluzzjonijiet u azzjonijiet sabiex dawn jingħelbu bis-saħħa tat-tkabbir ta' l-għarfien dwarhom u billi jiġi pprovdut aċċess faċli għalihom.

5.2. Valur miżjud ta’ l-involviment tal-Komunità u l-koerenza tal-proposta ma' strumenti finanzjarji oħra u sinerġija possibbli

Meta wieħed iqis li l-ixprun ta’ l-użu tar-riżorsi fl-Ewropa huwa t-tkabbir ekonomiku, u fl-istess ħin dawn huwa għan politiku ewlieni ta’ l-UE, l-uniku mod kif wieħed jista’ jasal għal tnaqqis ta’ l-impatti ambjnetali huwa billi l-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali assoċjati ma jibqgħux marbuta jew akkoppjati ma’ dan l-ixprun. it-tkabbir ekonomiku, u li dan iseħħ fuq livell Ewropew. Il-kummerċ fir-riżorsi huwa sinfikattiv (bil-kompetenza ta’ l-UE) u l-użu tal-prodtti u s-servizzi t-tnejn huma kompetenza konġunta. hemm għalhekk bażi ċara għall-involviment Komunitarju.

5.3. Għanijiet, riżultati mistennija u indikaturi relatati tal-proposta fil-kuntest tal-qafas ABM.

L-għan ta’ l-istrateġija huwa li titfassal sensiela ta’ azzjonijiet li, għaż-żmien fit-tul, u jekk użati sew, sejrin jippermettu li l-impatti ambjentali ma jibqgħux marbuta mat-tkabbir ekonomiku.

Huma previsti numru ta’ azzjonijiet konkreti sabiex dan ikun jista’ jsir:

1) It-twaqqif ta’ Data Centre għall-għanijiet ta’ l-għarfien;

2) L-iżvilupp ta’ indikaturi relevanti għall-istrateġija,

3) It-twaqqif ta’ Bord Internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.

Aktar dettalji dwar ir-riżultati mistennija u l-impatti tagħhom jinsabu fil-Komunikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ l-impatt mehmuża magħha, rispettivament.

5.4. Metodu ta’ Implimentazzjoni (indikattiv)

X Ġestjoni Ċentralizzata

X Direttament mill-Kummissjoni

X Indirettament b’delega lil:

( Aġenziji Eżekuttivi

X Istituzzjonijiet mwaqqfa mill-Komunitajiet kif msemmija f'art.185 tar-Regolament Finanzjarju

( Korp/i nazzjonali tas-settur pubbliku/korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku

( Ġestjoni kondiviża u deċentralizzata

( Ma' l-Istati Membri

( Ma’ Pajjiżi Terzi

X Ġestjoni konġunta ma organizzazzjonijiet internazzjonali (speċifika liema)

Kummenti rilevanti: Bosta mill-miżuri previsti f’din l-istrateġija se jiġu implimentati direttament mill-Kumissjoni (it-tnedija ta’ studji, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat, it-tmexxija ta’ kuntratti ta’ servizz eċċ).

Madankollu, waħda mill-azzjonijiet previsti (il-Bord Internazzjonali – ara fil-punt 3 f'taqsima 5.3 tad-DFL preżenti) se titmexxa flimkien ma’ l-UNEP. Għall-ewwel, huwa previst li l-Kummissjoni se tagħti għotja lill-UNEP sabiex twaqqaf is-segretarjat tal-Bord, minħabba l-għarfien espert tagħhom fit-tmexxija ta' segretarjati internazzjonali fl-imgħoddi (eż. is-segretarjat ta’ l-IPCC f’ Ġinevra). Fit-tieni fażi, it-tmexxija tas-segretarjat għandha mnejn teħtieġ it-tagħqid tar-riżorsi minn għadd ta’ donaturi, u ma jkunux raġonevolament possibbli jew xieraq illi jiġi assenjat is-sehem ikkontribwit minn kull donatur lil kull tip ta' nefqa.

Azzjoni oħra prevista (id- Data Centre - ara fil-punt (1), taqsima 5.3 tad-DFL) se titmexxa flimkien maż-ŻEE minħabba fl-għarfien espert tagħhom fir-riżorsi naturali u t-twaqqif ta’ netwerka ta’ esperti.

6. MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

6.1. Sistema ta' monitoraġġ

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrevedi l-effettività ta’ l-istrateġija kull ħames snin wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tħejji rapport li se jiġi ppubblikat u mressaq lill-istituzzjonijiet.

6.2. Evalwazzjoni

6.2.1. Evalwazzjoni ex-ante

L-istrateġija għaddiet minn valutazzjoni ta’ l-impatt li se jiġi ppubblikat fl-istess ħin li tiġi adotatta l-Komunikazzjoni.

6.2.2. Miżuri meħuda wara evalwazzjoni intermedja/ex-post (tagħlimiet miksuba permezz ta’ esperjenzi simili fl-imgħoddi)

Il-ħaġa ġdida tas-Sitt EAP (PAA).[30] hija l-approċċ tat-tfassil tal-politika li jinvolvi l-użu ta’ Stretġija Tematika. Madankollu, il-miżuri li hemm f’din l-istrateġija speċifika ma jmorrux lil hinn mill-prassi amministrattiva normali (it-tnedija ta’ studji, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat għall-esperti, kuntratti ta’ servizz għal ammonti relattivament żgħar ta’ flus) li għalihom hemm proċeduri xierqa ta’ salvagwardja finanzjarja.

6.2.3. Termini u frekwenza ta’ l-evalwazzjoni fil-ġejjieni

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrevedi l-effettività ta’ l-istrateġija kull ħames snin wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tħejji rapport li se jiġi ppubblikat u mressaq lill-istituzzjonijiet.

7. MIŻURI GĦALL-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

L-attivitajiet proposti jikkonsistu biss f’nefqa għall-istaff, il-laqgħat ta’ l-esperti u l-kuntratti ta’ studju. Ta’ l-aħħar se jkunu soġġetti għall-mekkaniżmi ta’ kontroll tas-soltu tal-Kummissjoni u għalhekk m’hemmx bżonn ta’ ebda miżuri supplimentari kontra l-frodi.

B’mod partikolari, il-benefiċjarji potenzjali u l-kuntratturi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u jagħtu evidenza dwar kemm huma sodi finanzjarjament u legalment. Għall-għotjiet, huma meħtieġa jfornu dikjarazzjonijiet proviżorji tad-dħul u tal-ħruġ marbuta mal-proġett l-attività li għalihom ikun intalab il-finanzjament. Il-ħlasijiet isiru skond it-termini u l-kundizzjonijiet marbuta mal-ftehim dwar l-għotja u abbażi tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul u ta' l-infiq iċċertifikati kif xieraq mill-benefiċjarju u vverifikati mis-servizz rilevanti tal-Kummissjoni. Jista' jkun hemm ukoll kontrolli fuq il-post u l-benefiċjarji huma meħtieġa jżommu d-dettalji u d-dokumenti ta’ appoġġ għal perjodu ta’ ħames snin wara t-tlestija tal-proġett.

8. DETTALJI TAR-RIŻORSI

8.1. Għanijiet tal-proposta f’termini ta’ l-ispiża finanzjarja tagħhom

Approprjazzjonijiet għall-impenji f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Sena 2006 | Sena 2007 | Sena 2008 | Sena 2009 | Sena 2010 | Sena 2011 |

Uffiċjali jew staff temporanju[32] (XX 01 01) | A*/AD | 5.25 | 5.25 | 5.25 | 5.25 | 5.25 | 5.25 |

B*, C*/AST | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 |

Persunal iffinanzjat[33] taħt l-Artikolu XX 01 02 |

Persunal ieħor [34] iffinanzjat minn art. XX 01 04/05 |

TOTAL | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 | 7.25 |

Fit-Tabella hemm inkluż it-total tar-riżorsi umani meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija f’servizzi differenti tal-Kummissjoni (e.g. DĠ ENV, JRC, Eurostat).[35]

8.2.2. Deskrizzjoni tal-ħidmiet li jirriżultaw mill-azzjoni

Il-ħidmiet li għandhom jitwettqu huma fi ħdan il-prassi amministrattiva normali u jinkludu t-tnedija ta’ studji, l-organizzazjoni ta’ laqgħat ta’ l-esperti, il-ġestjoni ta’ kuntratti ta’ servizz, fost l-oħrajn.

8.2.3. Sorsi ta’ riżorsi umani (statutorji)

X Karigi attwalment allokati lill-ġestjoni tal-programm li għandhom jinbidlu jew jiġu estiżi

( Postijiet allokati minn qabel fi ħdan l-eżerċizzju APS/PDB għas-sena n

( Karigi li għandhom jintalbu għall-proċedura APS/PDB li jmiss

( Karigi li għandhom jiġu organizzati mill-ġdid permezz tar-riżorsi eżistenti fi ħdan is-servizz ta’ tmexxija (organizzazzjoni interna mill-ġdid)

( Karigi meħtieġa għal sena n għalkemm mhumiex ippjanati għal eżerċizzju APS/PDB għas-sena in kwistjoni

8.2.4. Nefqa amministrattiva oħra inkluża fl-ammont ta’ referenza (XX 01 04/05 –Nefqa fuq ġestjoni amministrattiva)

EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

Linja tal-baġit (numru u intestatura) | Sena 2006 | Sena 2007 | Sena 2008 | Sena 2009 | Sena 2010 | Sena 2011 u wara | TOTAL |

Assistenza teknika u amministrattiva oħra: |

- intra muros |

- extra muros | 0.150 | 0.150 |

Total għall-asssistenza teknika u amministrattiva | 0.150 | 0.150 |

8.2.5. Spiża finanzjarja ta’ riżorsi umani u spejjeż assoċjati mhux inklużi fl-ammont ta' referenza

EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

Tip ta' riżorsi umani | Sena 2006 | Sena 2007 | Sena 2008 | Sena 2009 | Sena 2010 | Sena 2011 u wara |

Uffiċjali u persunal temporanju (XX 01 01) | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 |

Persunal iffinanzjat mill-Artikolu XX 01 02 (awżiljarju, END, persunal b’kuntratt, eċċ.) (speċifika l-linja tal-baġit) |

Spiża finanzjarja totali għaar-riżorsi umani u spejjeż assoċjati (MHUX fl-ammont ta’ referenza) | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 | 0.783 |

Kalkolu: - Uffiċjali u Aġenti Temporanji

Kull FTE huwa stmat għal €108,000 fis-sena.

Kalkolu - Persunal iffinanzjat mill-art. XX 01 02

8.2.6 Nefqa amministrattiva oħra mhux inkluża fl-ammont ta’ referenza EUR miljun (sa 3 punti deċimali) |

Sena 2006 | Sena 2007 | Sena 2008 | Sena 2009 | Sena 2010 | Sena 2011 u wara | TOTAL |

XX 01 02 11 01 – Missjonijiet | 0.002 | 0.006 | 0.006 | 0.008 | 0.008 | 0.010 | 0.040 |

XX 01 02 11 02 – Laqgħat u Konferenzi | 0.020 | 0.050 | 0.050 | 0.050 | 0.050 | 0.220 |

XX 01 02 11 03 – Kumitati[37] |

XX 01 02 11 04 – Studji u konsulenzi |

XX 01 02 11 05 - Sistemi ta' informazzjoni |

2 Total ta' Infiq ieħor ta' Ġestjoni (XX 01 02 11) | 0.002 | 0.026 | 0.056 | 0.058 | 0.058 | 0.060 | 0.260 |

3 Infiq ieħor ta' natura amministrattiva (isspeċifika billi tinkludi referenza għal-linja tal-baġit) |

Total ta’ l-infiq amministrattiv, barra r-riżorsi umani u nfiq assoċjat (MHUX inkluż fl-ammont ta' referenza) | 0.002 | 0.026 | 0.056 | 0.058 | 0.058 | 0.060 | 0.260 |

Kalkolu - Infiq amministrattiv ieħor mhux inkluż fl-ammont ta' referenza

Wieħed jassumi li missjoni medja tiswa €1,000.

[1] Millennium Ecosystem Assessment, Ecosystems and Human Well-being: Synthesis , Island Press, Washington, DC, 2005, pp. 1-6 (http://www.millenniumassessment.org/en/index.aspx).

[2] KUMM(2005) 141.

[3] KUMM(2001) 264 u KUMM(2005) 658.

[4] KUMM(2003) 572.

[5] Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1).

[6] http://www.europa.eu.int/comm/environment/natres/index.htm

[7] Għal eżempju illustrattiv tal-proċess tad-diżakkoppjament f'termini tal-produttività tar-riżorsi, ara l-Anness 1.

[8] SEG(2004) 980, http://www.ec-gis.org/inspire/

[9] KUMM(2003) 302.

[10] KUMM(2004) 38.

[11] KUMM(2001) 370.

[12] KUMM(2005) 474.

[13] KUMM(2002) 276.

[14] Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata.

[15] Id-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2001/42/KE tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.

[16] Konklużjonjiet adottati mill-Kunsill (Ambjent) fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2004 (doc. 10988/04 ta' l-1.7.2004).

[17] KUMM(2005) 119.

[18] Eżempji ta' indikaturi bażiċi huma l-emissjonijiet ta' CO2, NOx u SO2, it-tkabbir fl-erja ta' l-artijiet mibnija, it-tniġġis ta' l-ilma, il-qbiż ta' livelli kritiċi ta' tniġġis, eċċ.

[19] Għall-Ġappun ara http://www.env.go.jp/en/pol/wemj/outline.pdf u għaċ-Ċina http://eng.cciced.org/cn/ company/Tmxxb143/card143.asp?lmid=5209&siteid=1&tmid=320&flbh=143.

[20] “ Environmental Strategy for the First Decade of the 21st Century ”, OECD , is-16 ta' Mejju 2001.

[21] B'kontributi mill-Bank Dinji, id- DFID , il-Kummissjoni u għadd ta' organizzazzonijiet oħra.

[22] L-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika.

[23] Approprjazzjonijiet differenzjati.

[24] In-nefqa ma taqax taħt il-Kapitolu xx 01 tat-Titolu xx ikkonċernat.

[25] In-nefqa ma taqax taħt il-Kapitolu xx 01 tat-Titolu xx ikkonċernat.

[26] Nefqa fi ħdan l-Artikolu xx 01 04 tat-Titolu xx.

[27] Nefqa skond il-Kapitolu xx 01 minbarra l-Artikoli xx 01 04 jew 01 05.

[28] Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

[29] Kolonni addizzjonali għandhom jiżdiedu jekk meħtieġa i.e. jekk l-azzjoni ddum aktar minn 6 snin.

[30] Deċiżjoni Nru. 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi is-Sitt Programm ta' Azzjoni ta’ l-Ambjent tal-Komunità (ĠU L 242, ta’ l-10.9.2002, p. 1).

[31] Kif deskritt taħt it-Taqsima 5.3.

[32] Li l-ispiża tiegħu/tagħha MHIJIEX koperta mill-ammont ta' referenza.

[33] Li l-ispiża tiegħu/tagħha MHIJIEX koperta mill-ammont ta' referenza.

[34] L-ispiża għal dan koperta fi ħdan l-ammont ta' referenza.

[35] Il-kwota għal DĠ ENV hija 2.25 għal A*/AD u 1 għal B*/AST.

[36] Għandha ssir referenza għad-dikjarazzjoni leġiżlattiva finanzjarja speċifika għall-Aġenzija/i Eżekuttiva/i kkonċernati.

[37] Speċifika t-tip ta' kumitat u l-grupp li għalih jappartjeni.