29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/73


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2086

tat-28 ta’ Settembru 2023

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-użu tal-ħall ibbaferjat bħala preservattiv u regolatur tal-aċidità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(3) u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel u l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel jistgħu jiġu aġġornati jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata.

(4)

F’Marzu 2021, tressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-ħall ibbaferjat bħala preservattiv u regolatur tal-aċidità f’varjetà wiesgħa ta’ kategoriji tal-ikel. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Fl-opinjoni ppubblikata fl-1 ta’ Lulju 2022 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tal-użu propost tal-ħall ibbaferjat bħala addittiv tal-ikel. Peress li l-aċidu aċetiku u l-imlieħ tiegħu huma l-kostitwenti primarji tal-ħall ibbaferjat, l-Awtorità rreferiet għall-valutazzjoni preċedenti tagħha tal-aċetiku bħala sustanza attiva tal-pestiċidi fl-2013 (5) li fiha kkonkludiet li l-istabbiliment ta’ doża aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) għall-aċidu aċetiku mhuwiex meqjus meħtieġ. Din il-konklużjoni tintlaħaq għal sustanzi li jkunu ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza u biss jekk tkun teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità, u l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bnedmin f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali tkun żgħira (6). Filwaqt li qieset il-valutazzjoni tal-aċidu aċetiku fl-2013 u li l-ħall ibbaferjat jiddissoċja fl-anjon aċetiku, kostitwent naturali tad-dieta tal-bniedem u tal-ġisem tal-bniedem li għalih teżisti data estensiva dwar l-effetti bijoloġiċi tiegħu, l-Awtorità vvalutat is-sikurezza tal-ħall ibbaferjat mingħajr data bijoloġika jew tossikoloġika miksuba b’dan l-addittiv tal-ikel u kkonkludiet li ma hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza għall-użu tal-ħall ibbaferjat bħala addittiv tal-ikel fil-livelli massimi tal-użu proposti.

(6)

Il-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tiddefinixxi l-gruppi kollha tal-addittivi. Il-Grupp I tal-Parti C jelenka l-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, li ma hemmx bżonn ta’ doża aċċettabbli ta’ kuljum numerika għalihom, u li huma awtorizzati biex jintużaw f’għadd kbir ta’ oġġetti tal-ikel f’konformità mal-prinċipju ta’ quantum satis iddefinit fl-Artikolu 3(2), il-punt (h) ta’ dak ir-Regolament. L-eżitu tal-valutazzjoni tas-sikurezza tal-ħall ibbaferjat jippermetti l-inklużjoni tiegħu fil-Parti C, il-Grupp I, tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

Il-ħall ibbaferjat huwa prodott likwidu jew imnixxef ippreparat biż-żieda ta’ idrossidi tas-sodju/tal-potassju (E 524-525) u ta’ karbonati tas-sodju/tal-potassju (E 500-501) fil-ħall, li huwa konformi mal-Istandard Ewropew EN 13188:2000 u jinkiseb esklussivament minn sors agrikolu ta’ oriġini (ħlief l-injam/iċ-ċelluloża) permezz ta’ fermentazzjoni doppja (alkoħolika u aċetuża). Il-ħall ibbaferjat huwa maħsub għall-użu bħala alternattiva għal preservattivi jew regolaturi tal-aċidità awtorizzati oħra, b’mod partikolari għall-aċidu aċetiku u l-imlieħ tiegħu (E 260-263). Il-buffering iżid il-pH u jippermetti l-użu bħala preservattiv jew regolatur tal-aċidità f’ħafna kategoriji tal-ikel mingħajr ma jkollu impatt fuq il-kwalità tal-ikel.

(8)

Għalhekk jixraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-ħall ibbaferjat bħala addittiv tal-ikel u li jiġi assenjat E 267 bħala n-numru E lil dak l-addittiv.

(9)

L-ispeċifikazzjonijiet għall-ħall ibbaferjat (E 267) jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 peress li dan l-addittiv huwa inkluż għall-ewwel darba fil-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)   EFSA Journal 2022;20(7):7351.

(5)   EFSA Journal 2013;11(1):3060.

(6)   EFSA Journal 2014;12(6):3697; Dikjarazzjoni dwar qafas kunċettwali għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ ċerti addittivi tal-ikel ivvalutati mill-ġdid skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010.


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti B, il-punt 3 “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata l-ġdida li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 263, Aċitat tal-kalċju:

“E 267

Ħall ibbaferjat”

(b)

fil-Parti C, il-Grupp I, l-entrata għal E 267 tiddaħħal wara l-entrata għal E 263, Aċitat tal-kalċju:

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

(c)

il-Parti E hija emendata kif ġej:

(1)

Fil-kategorija 01.7.1 (Ġobon mhux misjur minbarra prodotti fil-kategorija 16), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 260, Aċidu aċetiku:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis

 

mozzarella biss”

(2)

Fil-kategorija 01.7.4 (Ġobon tax-xorrox), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 260, Aċidu aċetiku:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

(3)

Fil-kategorija 04.2.3 (Frott u ħxejjex fil-laned u fil-fliexken), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 263, Aċitat tal-kalċju:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

(4)

Fil-kategorija 06.4.1 (Għaġin frisk), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal qabel l-entrata għal E 270, Aċidu lattiku:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

(5)

Fil-kategorija 06.4.3 (Għaġin frisk imsajjar minn qabel), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal qabel l-entrata għal E 270, Aċidu lattiku:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

(6)

Fil-kategorija 06.4.4 (Njokki tal-Patata), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 200-202, Aċidu sorbiku – sorbat tal-potassju:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis

 

njokki tal-patata friski u mpoġġijin fil-friġġ biss”

(7)

Fil-kategorija 07.1.1 (Ħobż ippreparat biss bl-ingredjenti li ġejjin: dqiq tal-qamħ, ilma, ħmira jew melħ), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 263, Aċetat tal-kalċju:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

 

(8)

Fil-kategorija 07.1.2 (Pain courant francais; Friss búzakenyér, fehér és félbarna kenyerek) l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 263, Aċetat tal-kalċju:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis”

 

 

(9)

Fil-kategorija 08.2 (Preparati tal-laħam kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004), l-entrata għal E 267 (Ħall ibbaferjat) tiddaħħal wara l-entrata għal E 263, Aċetat tal kalċju:

 

“E 267

Ħall ibbaferjat

quantum satis

 

preparati tal-laħam ikkapuljat frisk ippakkjati minn qabel u preparati tal-laħam li fihom jiżdiedu ingredjenti oħra minbarra l-addittivi jew il-melħ biss”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 263 AĊETAT TAL-KALĊJU:

E 267 ĦALL IBBAFERJAT

Sinonimi

Ħall ibbaferjat (likwidu); ħall ibbaferjat (trab)

Definizzjoni

Il-ħall ibbaferjat huwa prodott likwidu jew imnixxef ippreparat biż-żieda ta’ aġenti ta’ buffering mal-ħall. L-aġenti ta’ buffering użati huma l-idrossidi tas-sodju/tal-potassju (E 524 sa E 525) u l-karbonati tas-sodju/tal-potassju (E 500 sa E 501). Il-ħall huwa konformi mal-Istandard Ewropew EN 13188:2000 u jinkiseb esklussivament minn sors agrikolu ta’ oriġini (ħlief l-injam/iċ-ċelluloża) permezz ta’ permezz ta’ fermentazzjoni doppja, alkoħolika u aċetuża. Il-kostitwenti primarji tal-ħall ibbaferjat huma l-aċidu aċetiku u l-imlieħ tiegħu.

Assaġġ

Likwidu: 15–40 % (w/w) ekwivalenti tal-aċidu aċetiku

Trab: 55–75 % (w/w) ekwivalenti tal-aċidu aċetiku

2 sa 20 % (w/w) aċidu aċetiku ħieles

Deskrizzjoni

Likwidu: likwidu viskuż bla kulur sa kannella

Trab: trab kristallin minn abjad għal lewn il-krema

Identifikazzjoni

Likwidu: pH 4,75–7,5

Trab: pH 4,75–6,75 (soluzzjoni milwiema ta’ 10 %)

Purità

Katjoni

Likwidu: Mhux aktar minn 10 % sodju u 30 % potassju

Trab: Mhux aktar minn 30 % sodju u 40 % potassju

Kontenut ta’ ilma

Trab: Mhux aktar minn 18 % (Metodu Karl Fischer)

Etanol

Mhux aktar minn 0,5 % w/w

Arseniku

Mhux aktar minn 0,05 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 0,05 mg/kg

Kadmju

Mhux aktar minn 0,05 mg/kg

Merkurju

Mhux aktar minn 0,05 mg/kg”