1.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/440

tat-28 ta’ Frar 2023

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward l-użu ta’ karbomeru fis-supplimenti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel fosthom il-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Dawk il-listi jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 b’inizjattiva tal-Kummissjoni, jew wara li titressaq applikazzjoni.

(4)

Fit-22 ta’ April 2020, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ karbomeru bħala aġent li jżid il-volum u stabbilizzatur fis-supplimenti solidi tal-ikel u bħala stabbilizzatur u sustanza li tħaxxen fis-supplimenti tal-ikel likwidi. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

L-awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel evalwat is-sikurezza tal-polimeri tal-aċidu poliakriliku (karbomeru) inkroċjati meta jintużaw bħala addittiv tal-ikel (4) u kkonkludiet li l-użu tiegħu fis-supplimenti tal-ikel likwidi fil-livell massimu tal-użu ta’ 30 000 mg/kg u fis-supplimenti solidi tal-ikel fil-livell ta’ użu tipiku ta’ 200 000 mg/kg ma huwa ta’ ebda tħassib għas-sikurezza.

(6)

Il-karbomeru huwa maħsub għall-użu fis-supplimenti solidi tal-ikel għar-rilaxx bil-mod u kkontrollat tan-nutrijenti, u jippermetti li l-pilloli jkunu żgħar biżżejjed biex il-konsumaturi jibilgħuhom aktar faċilment. Fis-supplimenti tal-ikel likwidi, il-karbomeru huwa maħsub għall-użu f’formulazzjonijiet b’firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi tal-fluss u reoloġiċi li huma stabbli b’livell aktar baxx ta’ polimeru.

(7)

Għalhekk jixraq li jiġi awtorizzat l-addittiv tal-ikel “karbomeru” (E 1210) bħala aġent li jżid il-volum u bħala stabbilizzatur fis-supplimenti solidi u bħala stabbilizzatur u sustanza li tħaxxen fis-supplimenti tal-ikel likwidi.

(8)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet għall-karbomeru (E 1210) jiddaħħlu fir-Regolament (UE) Nru 231/2012 hekk kif jiddaħħal għall-ewwel darba fil-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2021;19(8):6693.


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti B, il-punt 3 “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 1209:

“E 1210

Karbomeru”

(b)

il-Parti E hija emendata kif ġej:

(1)

fil-kategorija tal-ikel 17.1 “Supplimenti tal-ikel ipprovduti f’forma solida, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar”, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 1209:

 

“E 1210

Karbomeru

200 000 ”

 

 

(2)

fil-kategorija tal-ikel 17.2 “Supplimenti tal-ikel ipprovduti f’forma likwida, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar”, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 969:

 

“E 1210

Karbomeru

30 000 ”

 

 


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata ta’ E 1209:

 

E 1210 KARBOMERU

Sinonimi

karbomeru, karbossipolimetilen; karbomeru omopolimeru

Definizzjoni

Polimeri b’massa molekulari għolja miksuba bil-polimerizzazzjoni tal-aċidu akriliku u b’konnessjoni inkroċjata mal-allil pentaeritritol. Il-polimeri jiġu sintetizzati fl-aċetat tal-etil bl-użu ta’ perossidu bħala inizjatur tal-polimerizzazzjoni radikali libera.

Nru CAS

9007-20-9 (CAS primarju), 9003-01-4 (CAS sekondarju)

Isem kimiku

Omopolimeru tal-karbomeru, allil pentaeritritol retikolat

Formola kimika

-(CH2-CH) m -(XM) p

COOH

m: għadd ta’ unitajiet ta’ monomeri; XM: aġent ta’ retikolazzjoni, p: għadd ta’ unitajiet ta’ aġenti ta’ retikolazzjoni, b’m>>p

Piż molekulari skont il-medja tal-piż

 

Assaġġ

Kontenut ta’ aċidu karbossiliku mhux inqas minn 56 % u mhux aktar minn 68 % (fuq sustanza mnixxfa)

Deskrizzjoni

Trab jew granuli bojod jew kważi bojod, rotob u ħfief, igroskopiċi

Identifikazzjoni

 

Spettroskopija infra-ħamra totali attenwata li tirrifletti

Spettroskopija ta’ reżonanza manjetika nukleari protonika

Karatteristika tal-kompost

Viskożità (Brookfield viscosimetry, 20 rpm) 25o°C

Tip B

Tip A

Tip A

29 400 -39 400 mPa.s

4 000 -11 000 mPa.s

Forma fiżika

trab

trab

granuli

Għaddi minn malja ta’ 40,% 425 μm

-

-

95 min

Għaddi minn malja ta’ 100,% 150 μm

-

-

massimu ta’ 10

Solubbiltà

Insolubbli fl-ilma. Jintefaħ bl-ilma u jiffurma idroġels f’dispersjonijiet milwiema.

Purità

 

Monomeri residwi

Aċidu akriliku mhux aktar minn 100 mg/kg

Aġenti ta’ retikolazzjoni residwi

tri u tetra-allil pentaeritritol mhux aktar minn 1 000  mg/kg

Solvent residwu

Aċetat tal-etil mhux aktar minn 0,5 % w/w

2-etileżanol

mhux aktar minn 100 mg/kg

2-etileżilaċetat

mhux aktar minn 100 mg/kg

Frazzjoni tal-piż molekulari baxx < 1 000 Da

Mhux aktar minn 0,75 % w/w

Telf fit-tnixxif

Mhux iktar minn 2 %

Irmied sulfatat

Mhux iktar minn 2,5 %”