11.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1923

tal-10 ta’ Ottubru 2022

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300), tal-askorbat tas-sodju (E301), u tal-askorbat tal-kalċju (E 302) fit-tonn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-aċidu askorbiku (E 300), l-askorbat tas-sodju (E 301), u l-askorbat tal-kalċju (E302) (“l-addittivi tal-ikel”) fil-preżent huma awtorizzati fost kategoriji oħra, bħala addittivi tal-ikel fil-kategorija 09.1.1. “ħut mhux ipproċessat” u fil-kategorija 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji”, f’quantum satis. Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel wera l-fehma li l-użu tagħhom bħala antiossidanti huwa aċċettabbli. Fl-opinjoni tagħha fejn evalwat mill-ġdid is-sikurezza tal-addittivi tal-ikel (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonfermat li ma hemmx tħassib dwar l-użu tagħhom bħala addittivi tal-ikel fl-użi u fil-livelli tal-użu rrappurtati, u li ma hemmx bżonn li tiġi ffissata doża aċċettabbli ta’ kuljum numerika. Din il-konklużjoni tfisser li s-sustanza hija ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza, li teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità u li l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali hija żgħira. Attwalment ma hemmx livell numeriku massimu speċifikat għal dawk is-sustanzi, u għandhom jintużaw skont prattika ta’ manifattura tajba, f’livell li ma jkunx ogħla minn dak meħtieġ biex jinkiseb l-iskop maħsub u dment li l-konsumatur ma jiġix żgwidat.

(4)

L-antiossidanti jintużaw fil-ħut mhux ipproċessat biex idewmu l-iskulurizzazzjoni u s-sniħ tal-laħam tal-ħut. Fil-każ tat-tonn mhux ipproċessat, il-konsumaturi jorbtu l-freskezza mal-kulur aħmar naturali tal-laħam tat-tonn frisk.

(5)

Il-lojn tat-tonn maħlul mill-friża kkummerċjalizzat bħala tonn “frisk” irid jinkiseb minn tonn li jkun iffriżat f’temperatura iktar baxxa minn 18-il grad C wara li jkun inqabad (“tonn frisk”), filwaqt li lojn ieħor tat-tonn irid jintuża biss biex jitqiegħed fil-laned (“tonn għat-tqegħid fil-laned”), f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-użu ta’ ammonti kbar ta’ addittivi tal-ikel fit-tonn għat-tqegħid fil-laned biex il-kulur jerġa’ jiħmar artifiċjalment u jsir bħal tat-tonn frisk, joffri l-opportunità li dan it-tonn jiġi kkummerċjalizzat b’qerq bħala tonn frisk, u jinbiegħ bi prezz ogħla. Dan iqarraq bil-konsumaturi u jesponihom għar-riskju tal-avvelenament bl-istamina.

(6)

Iżda dan l-użu tal-addittivi tal-ikel ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ġenerali dwar l-inklużjoni u l-użu tal-addittivi tal-ikel fil-listi tal-Unjoni u mal-prinċipju ta’ quantum satis.

(7)

Wara li saru l-investigazzjonijiet dwar il-frodi alimentari skont ir-Regolament (KE) Nru 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b’mod regolari l-awtoritajiet kompetenti jirrappurtaw każijiet ta’ bejgħ ta’ lojn tat-tonn bħala tonn frisk li jkun fih ammonti ta’ addittivi tal-ikel li jkunu ogħla minn dawk li l-awtoritajiet kompetenti jqisu suffiċjenti biex jinkiseb l-effett antiossidant tipiku tat-tonn frisk. Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti jissuspettaw li l-addittivi tal-ikel qegħdin jintużaw fit-tonn maħsub biex jitqiegħed fil-laned biex jerġa’ jiħmar kuluru u jkun jista’ jitqiegħed fis-suq bħala frisk.

(8)

Billi l-kompitu li jiġi stabbilit li l-prinċipju ta’ quantum satis ma jkunx ġie rispettat huwa tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u billi dan mhux dejjem ikun faċli, l-Istati Membri, b’mod partikolari Spanja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi livell massimu xieraq għall-użu tal-addittivi tal-ikel bħala antiossidanti fit-tonn maħlul mill-friża li jinbiegħ bħala tonn frisk (mhux ipproċessat) jew bħala tonn immarinat (ipproċessat).

(9)

Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, u biex ikun żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jkun għoli u li l-prattiki fin-negozju tal-ikel ikunu ġusti, jixraq li jiġi ffissat livell massimu għall-użu tal-addittivi tal-ikel tal-kategoriji 09.1.1 u 09.2 fit-tonn fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(10)

Jenħtieġ li l-livell massimu jippermetti li jinżammu l-livelli attwali tal-użu leġittmu fil-prattika t-tajba ta’ manifattura. Abbażi tal-informazzjoni li l-industrija bagħtet lill-Awtorità minħabba l-evalwazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza tal-addittivi tal-ikel, livell massimu ta’ 300 mg/kg huwa meqjus xieraq. Dan il-livell huwa l-ogħla livell ta’ użu rrappurtat mill-industrija, kif elenkat fl-opinjoni xjentifika tal-Awtorità.

(11)

Il-Kummissjoni ntgħarrfet dwar studji li twettqu mill-industrija tal-ħut, u dwar l-opinjoni ta’ awtorità kompetenti waħda li kkonkludiet li l-użu ta’ 900 mg/kg tal-addittivi tal-ikel huwa meħtieġ biex jikkontrolla l-ossidazzjoni fil-lojn tat-tonn li jinżamm f’temperatura taħt l-4oC għal għaxart ijiem. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, u b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kontrolli uffiċjali li twettqu minn xi awtoritajiet kompetenti oħrajn urew li t-tonn maħlul mill-friża jkollu ħajja tal-ħżin ta’ għaxart ijiem bi trattament ta’ 300 mg/kg, mingħajr ma jinbidillu l-kulur oriġinali tiegħu, jidher li l-livell ta’ 300 mg/kg huwa biżżejjed biex jinkiseb l-effett antiossidant mixtieq.

(12)

Mhuwiex probabbli li l-iffissar ta’ livell massimu għall-użu tal-aċidu askorbiku (E300), tal-askorbat tas-sodju (E 301) u tal-askorbat tal-kalċju (E 302) bħala antiossidanti fit-tonn ikollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, ma hemmx ħtieġa li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2015;13(5):4087, 124 pp.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(i)

fil-kategorija tal-ikel 09.1.1 “Ħut mhux ipproċessat” jiddaħħlu l-entrati li ġejjin bejn l-entrata ta’ E 302 Askorbat tal-kalċju u l-entrata ta’ E 315 Aċidu eritorbiku:

 

“E 300

Aċidu askorbiku

300 mg/kg

(96)

tonn biss

 

E 301

Askorbat tas-sodju

300 mg/kg

(96)

tonn biss

 

E 302

Askorbat tal-kalċju

300 mg/kg

(96)

tonn biss

(96):

L-E 300, l-E 301 u l-E 302 huma awtorizzati individwalment jew imħallta flimkien, il-limitu massimu japplika għas-somma espressa bħala aċidu askorbiku”;

(ii)

fil-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji”, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin bejn l-entrata ta’ E251-252 Nitrati u l-entrata E 315 Aċidu Eritorbiku:

 

“E 300

Aċidu askorbiku

300 mg/kg

(96)

tonn biss

 

E 301

Askorbat tas-sodju

300 mg/kg

(96)

tonn biss

 

E 302

Askorbat tal-kalċju

300 mg/kg

(96)

tonn biss

(96):

L-E 300, l-E 301 u l-E 302 huma awtorizzati individwalment jew imħallta flimkien, il-limitu massimu japplika għas-somma espressa bħala aċidu askorbiku”.