22.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/45


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1631

tat-12 ta’ Mejju 2022

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fil-kejbils u l-wajers tas-superkondutturi tal-ossidu tal-bismut, stronzju, kalċju u ram u ċ-ċomb fil-konnessjonijiet elettriċi tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma speċifiċi għall-apparat mediku u għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll u li huma elenkati fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE għal eżenzjoni li għandha tiġi elenkata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva, għall-użu taċ-ċomb tas-superkondutturi tal-ossidu tal-bismut, stronzju, kalċju u ram għall-użu f’kejbils u wajers u ċomb f’konnessjonijiet elettriċi relatati ma’ komponenti oħra tal-EEE (“l-eżenzjoni mitluba”). Il-BSCCO drogat biċ-ċomb jista’ jintuża biex joħloq ċirkwiti manjetiċi superkonduttivi għal apparati mediċi u strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll.

(5)

L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawn il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(6)

L-istann li fih iċ-ċomb jintuża biex jgħaqqad il-wajers u l-kejbils superkonduttivi ma’ komponenti oħra tal-EEE. Bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva mingħajr ċomb disponibbli fis-suq li tipprovdi livell suffiċjenti ta’ affidabbiltà għall-applikazzjonijiet, fejn huma meħtieġa proprjetajiet bħad-duttilità u r-reżistività elettrika baxxa f’temperaturi baxxi.

(7)

L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba, li kienet tinkludi studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika (2), ikkonkludiet li ż-żieda taċ-ċomb mal-BSCCO tipprovdi vantaġġi tekniċi u funzjonali li ma jistgħux jinkisbu mingħajr l-użu taċ-ċomb. Dawk il-vantaġġi tekniċi u funzjonali jikkonsistu f’immaġnijiet ta’ riżoluzzjoni ogħla għad-dijanjożi medika jew għar-riċerka u l-innovazzjoni, u jippermettu modalità ta’ tħaddim aktar stabbli tal-applikazzjonijiet rilevanti. Iż-żieda taċ-ċomb għall-BSCCO tagħmilha possibbli li jiġi prodott tagħmir aktar effiċjenti u affidabbli, li huwa ta’ benefiċċju għall-kura tas-saħħa u l-innovazzjoni.

(8)

Bħalissa mhuwiex possibbli li ċ-ċomb jiġi sostitwit jew jitneħħa fil-materjal superkonduttiv u fl-istann relatat bl-istess prestazzjoni teknika, u lanqas mhuwa mistenni li jkun hekk fil-futur prevedibbli. L-eżenzjoni mitluba hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)

Huwa għalhekk f’loku li tiġi konċessa din it-talba ta’ eżenzjoni.

(10)

Il-vantaġġi tekniċi tal-materjal tal-BSCCO drogat biċ-ċomb għandhom il-potenzjal li jippromwovu t-titjib u l-innovazzjoni fid-dijanjostika medika u fir-riċerka. Huwa improbabbli li t-t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni ikollu impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata l-eżenzjoni għal perjodu ta’ validità estensiv, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Marzu 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Studju biex jiġu vvalutati seba’ talbiet għal eżenzjoni relatati mal-Annessi III u IV tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“48.

Iċ-ċomb fil-kejbils u l-wajers tas-superkondutturi tal-ossidu tal-bismut, stronzju, kalċju u ram (BSCCO) u ċ-ċomb fil-konnessjonijiet elettriċi ta’ dawn il-wajers

Jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027.”