17.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/110


REGOLAMENT (UE) 2021/785 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-attivitajiet f’dawk l-oqsma.

(2)

Appoġġ li ngħata qabel għal tali attivitajiet permezz tad-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (il-programm Erkole), emendata u estiża bid-Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-programm Erkole II), imħassra u sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (il-programm Erkole III), għamilha possibbli li jissaħħu l-attivitajiet imwettqa mill-Unjoni u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(3)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi regoli għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, kif ukoll għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni rigward il-perijodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u ‘l quddiem, tipprevedi obbligazzjoni fuq l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jirrapportaw irregolaritajiet u frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) hija għodda elettronika sigura ta’ komunikazzjoni li tiffaċilita l-issodisfar tal-obbligu mill-Istati Membri, kif ukoll mill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jirrappurtaw l-irregolaritajiet li jiskopru, u li tappoġġa wkoll il-ġestjoni u l-analiżi tal-irregolaritajiet.

(4)

Filwaqt li l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-frodi hija indiskutibbli, l-importanza, inter alia, tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Kontra l-Frodi (AFIS), kif ukoll tal-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell nazzjonali jenħtieġ li tiġi wkoll rikonoxxuta bis-sħiħ.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI (7) jipprevedu li l-Unjoni għandha tappoġġa l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli.

(6)

Dak l-appoġġ jingħata lil għadd ta’ attivitajiet operazzjonali. Dawn jinkludu l-AFIS), pjattaforma tat-teknoloġija tal-informazzjoni li tikkonsisti minn sett ta’ applikazzjonijiet imħaddma skont sistema komuni ta’ informazzjoni ġestita mill-Kummissjoni. I hija wkoll mħaddma taħt il-pjattaforma tal-AFIS. Is-sistema ta’ informazzjoni komuni teħtieġ finanzjament stabbli u prevedibbli matul is-snin sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha.

(7)

Il-pjattaforma AFIS fiha diversi sistemi ta’ informazzjoni, inkluż is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali. Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali hija sistema ta’ informazzjoni awtomatizzata li għandha l-għan li tassisti lill-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jkunu qed jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola, billi żżid, permezz ta’ disseminazzjoni aktar rapida ta’ informazzjoni, l-effettività tal-kooperazzjoni u tal-proċeduri ta’ kontroll tal-amministrazzjonijiet doganali tagħhom li l-missjoni tagħhom tkopri tali operazzjonijiet. L-infrastruttura unika tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali tkopri kemm il-kooperazzjoni amministrattivi u l-kooperazzjoni tal-pulizija abbażi tal-Pilastru preċedenti tal-Unjoni, Ġustizzja u Affarijiet Interni. Id-dimensjoni tal-kooperazzjoni tal-pulizija tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali teknikament ma tistax tkun diżassoċjata mid-dimensjoni amministrattiva tagħha billi t-tnejn huma mħaddma taħt sistema ta’ teknoloġija tal-informazzjoni komuni. Meta wieħed iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali nnifisha hija biss waħda minn diversi sistemi ta’ informazzjoni mħaddma taħt il-pjattaforma tal-l-AFIS u li l-għadd ta’ każijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija huwa inqas mill-għadd ta’ każijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, id-dimensjoni tal-kooperazzjoni tal-pulizija tal-pjattaforma tal-AFIS hija meqjusa bħala anċillari għad-dimensjoni amministrattiva tagħha.

(8)

Bil-għan li jiżdiedu s-sinerġiji u l-flessibbiltà baġitarja, u li tiġi ssimplifikata l-ġestjoni, l-appoġġ tal-Unjoni fl-oqsma tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tar-rappurtar ta’ irregolaritajiet, u tal-assistenza amministrattiva reċiproka u tal-kooperazzjoni f’materji doganali u agrikoli jenħtieġ li jingħaqad flimkien u jiġi integrat f’programm uniku, il-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi (“il-Programm”). Jenħtieġ li l -Programm jiġi stabbilit għal perjodu ta’ seba’ snin sabiex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom)2020/2093 (8).

(9)

Il-Programm għalhekk jenħtieġ li jinkludi komponent simili għall-programm Erkole III, it-tieni komponent li jiżgura l-finanzjament tal-IMS, u t-tielet komponent li jiffinanzja l-attivitajiet fil-kompitu tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 515/97, inkluż il-pjattaforma AFIS.

(10)

Jenħtieġ li l-Programm jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u korpi rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż l–Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), fejn xieraq, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9), sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli, mingħajr ma jiġu affettwati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u sabiex ikun żgurat l-użu aktar effettiv tar-riżorsi b’mod aktar effettiv milli jista’ jsir fil-livell nazzjonali. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa u ġustifikata peress li tgħin lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tinkoraġġixxi l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni sabiex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li tappoġġa r-rappurtar ta’ data dwar irregolaritajiet u dwar każijiet ta’ frodi.

(11)

Barra minn hekk, l-appoġġ għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jindirizza l-aspetti kollha tal-baġit tal-Unjoni, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tal-infiq. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod xieraq il-fatt li l-Programm huwa l-uniku programm tal-Unjoni li jipproteġi speċifikament l-infiq tal-baġit tal-Unjoni.

(12)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens l-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (10), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(13)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (ir-Regolament Finanzjarju) japplika għal dan il-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(14)

It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu riżultati, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mistenni. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jitqiesu l-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi lista indikattiva tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati sabiex tkun żgurata l-kontinwità fil-finanzjament tal-azzjonijiet kollha fil-kompitu tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 515/97, inkluż tal-pjattaforma AFIS.

(16)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet jkunu eliġibbli abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-Programm. L-objettivi speċifiċi tal-Programm jenħtieġ li jinkludu l-forniment ta’ assistenza teknika speċjali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħal pereżempju permezz tal-forniment ta’ għarfien speċifiku, tagħmir speċjalizzat u teknikament avvanzat u għodod effettivi tal-IT; permezz tal-iżgurar tal-appoġġ meħtieġ għall-investigazzjonijiet u l-faċilitazzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi jinħolqu skwadri ta’ investigazzjoni konġunti u operazzjonijiet transfruntiera; jew billi jissaħħu l-iskambji tal-persunal għal proġetti speċifiċi. Barra minn hekk, l-azzjonijiet eliġibbli jenħtieġ li jinkludu wkoll l-organizzazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat immirat u workshops dwar l-analiżi tar-riskju u, fejn xieraq, konferenzi u studji ukoll.

(17)

Ix-xiri ta’ tagħmir permezz tal-istrument tal-Unjoni għal appoġġ finanzjarju għal tagħmir ta’ kontroll doganali stabbilit minn Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għal tagħmir ta’ kontroll doganali ikollu impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont dak l-istrument ikun hemm obbligu li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni fl-appoġġ tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Programm jiżgura bl-istess mod li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni fl-appoġġ tal-Unjoni u, jenħtieġ li, fil-prinċipju, jiffoka l-appoġġ tiegħu lejn l-akkwist ta’ tipi ta’ tagħmir li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument tal-Unjoni għal appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għal tagħmir ta’ kontroll doganali, jew għal tagħmir li l-benefiċjarji tiegħu huma awtoritajiet li mhumiex dawk taħt il-mira tal-istrument tal-Unjoni għal appoġġ finanzjarju għal tagħmir ta’ kontroll doganali. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li t-tagħmir iffinanzjat ikun xieraq għall-iskopijiet ta’ kontribut għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ għal parteċipazzjoni mill-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Jenħtieġ li jkun miftuħ ukoll għal parteċipazzjoni mill-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, kif ukoll il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew f’arranġamenti simili. Jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ ukoll għal pajjiżi terzi oħra sakemm dawn jidħlu fi ftehim speċifiku li jkopri l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni.

(19)

Filwaqt li jitqiesu l-evalwazzjonijiet preċedenti tal-programmi Erkole u sabiex jissaħħaħ il-Programm, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz li ma jkunx assoċjat ma’ dan il-Programm tkun possibbli fuq bażi eċċezzjonali.

(20)

B’mod partikolari, jenħtieġ li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi li għandhom fis-seħħ ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni, bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni b’rabta mad-dwana u permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, partikularment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u fir-rigward tal-indirizzar tal-isfidi relatati ma’ żviluppi teknoloġiċi ġodda.

(21)

Jenħtieġ li l-Programm jiġi implimentat b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri elenkati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013 bit-titlu “L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta’ kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk — Strateġija komprensiva tal-UE”, kif ukoll ir-rapport ta’ progress tat-12 ta’ Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni ta’ dik il-komunikazzjoni.

(22)

L-Unjoni rratifikat il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (il-“Protokoll”) fl-2016. Il-Protokoll iservi biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni sa fejn jirrigwarda l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu transfruntiera tal-prodotti tat-tabakk, li jikkawża telf fid-dħul. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġja lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk fil-funzjonijiet tiegħu relatati ma’ dan il-Protokoll. Jenħtieġ li jappoġġja wkoll attivitajiet oħra organizzati mis-Segretarjat b’konnessjoni mal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk.

(23)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u mar-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 (13), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14) u (UE) 2017/1939, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L- UPPE għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(24)

Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (16), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw abbażi ta’ strumenti ġuridiċi oħrajn. Jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika f’dan ir-Regolament li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(25)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (17), persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew rilevanti jkun marbut.

(26)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta’ ħidma li jistipulaw, inter alia, il-prijoritajiet u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għotjiet għall-azzjonijiet.

(27)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddetermina r-rata massima possibbli ta’ kofinanzjament għall-għotjiet.

(28)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18), jenħtieġ li dan il-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll regolamentazzjoni żejda. Dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jenħtieġ li jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fuq il-post. L-evalwazzjoni għandha titwettaq fil-ħin u b’mod indipendenti u oġġettiv.

(29)

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ indikaturi biex jitkejjel kemm intlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm fejn dan jitqies li huwa neċessarju, kif ukoll biex jiġi ssupplimentat dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. Huwa partikularment importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(30)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tal-kwistjonijiet involuti, iżda pjuttost jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-valur aġġunt tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(31)

L-Artikolu 42a(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 515/97 huwa l-bażi ġuridika għall-finanzjament tal-AFIS. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jissostitwixxi dik il-bażi ġuridika b’ oħra ġdida. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Artikolu 42a(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 515/97 jitħassru.

(32)

Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 li jistabbilixxi l-programm Erkole III kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi segwitu għall-programm Erkole III, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 jenħtieġ li jitħassar.

(33)

Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm huwa maħsub li jikkontribwixxi sabiex l-azzjonijiet klimatiċi jiġu integrati u biex tinkiseb il-mira ġenerali li 30 % tal-baġit tal-Unjoni jappoġġja l-objettivi klimatiċi.

(34)

F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li l-azzjoni tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jippreġudika l-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li fid-deċiżjoni ta’ finanzjament jiġu previsti, matul perijodu ta’ żmien limitat fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, u f’każijiet debitament ġustifikati biss, l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-kostijiet mill-bidu tas-sena finanzjarja 2021, anke jekk dawn ġew implimentati u mġarrba qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għotja.

(35)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex tkun possibbli l-implimentazzjoni tal-Programm mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi (il-“Programm”) għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.

Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli biex jingħata tali finanzjament.

Artikolu 2

Objettivi tal-programm

1.   L-objettivi ġenerali tal-Programm huma li:

(a)

jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

jappoġġja l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli.

2.   L–objettivi speċifiċi tal-Programm huma li:

(a)

jipprevjeni u jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

jappoġġja r-rappurtar ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, fir-rigward tal-fondi b’ġestjoni kondiviża u l-fondi ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-baġit tal-Unjoni;

(c)

jipprovdi għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet operazzjonali fil-qasam tal-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali u agrikoli.

Artikolu 3

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu 2021-2027 għandu jkun ta’ EUR 181,207 miljun fi prezzijiet kurrenti.

2.   L-allokazzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

(a)

EUR 114,207 miljun għall-objettiv imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (a);

(b)

EUR 7 miljun għall-objettiv imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (b);

(c)

EUR 60 miljun għall-objettiv imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (c).

3.   Sa 2 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva. Barra minn hekk, l-allokazzjoni indikattiva fil-punt (a) tal-paragrafu 2 tikkunsidra b’mod xieraq il-fatt li l-Programm huwa l-unika programm tal-Unjoni li jindirizza n-naħa tal-infiq tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 4

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u f’konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili u f’konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)

pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii)

ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’deċiżjoni fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv)

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, il-punt (d), (ii) għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 5

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew b’ġestjoni indiretta ma’ korp imsemmi fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe forma minn dawk stipulati fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet u akkwist, kif ukoll ir-rimborż ta’ spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza kif previst fl-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament għal azzjonijiet imwettqa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 515/97, b’mod partikolari biex ikopri t-tipi ta’ kostijiet imsemmija fil-lista indikattiva fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

4.   Fejn l-azzjoni appoġġata tinvolvi l-akkwist ta’ tagħmir, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex tiżgura l-effiċjenza u l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir kollu mixtri bl-appoġġ ta’ programmi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Fejn pajjiż terz jipparteċipa fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji li jkunu meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU II

Għotjiet

Artikolu 7

Għotjiet

L-għotjiet taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 8

Kofinanzjament

Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-Programm ma għandhiex taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli. Kwalunkwe finanzjament li jaqbeż dak il-limitu massimu għandu jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, li għandhom jiġu definiti fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11, u tali finanzjament ma għandux jaqbeż id-90 % tal-kostijiet eliġibbli.

Artikolu 9

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Huma biss l-azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 li għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni oħra prevista fil-programmi ta’ ħidma skont l-Artikolu 11, l-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jitqiesu eliġibbli għal finanzjament:

(a)

il-forniment ta’ għarfien tekniku, tagħmir speċjalizzat u teknikament avvanzat u għodod effettivi tal-IT li jtejbu l-kooperazzjoni tranżnazzjonali u multidixxiplinarja u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

(b)

it-titjib tal-iskambji tal-persunal għal proġetti speċifiċi, l-iżgurar tal-appoġġ meħtieġ u l-iffaċilitar ta’ investigazzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbiliment ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti u ta’ operazzjonijiet transfruntiera;

(c)

il-forniment ta’ appoġġ tekniku u operazzjonali għall-investigazzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari lill-awtoritajiet doganali u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra;

(d)

it-tisħiħ tal-kapaċità tal-IT fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi, iż-żieda fl-iskambju ta’ data u l-iżvilupp u l-forniment ta’ għodod tal-IT għall-investigazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-ħidma ta’ intelligence;

(e)

l-organizzazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat, workshops rigward l-analiżi tar-riskju, konferenzi u studji li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost is-servizzi kkonċernati mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(f)

kwalunkwe azzjoni oħra, ipprovduta mill-programmi ta’ ħidma skont l-Artikolu 11, li tkun meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi previsti fl-Artikolu 2.

3.   Fejn l-azzjoni li għandha tiġi appoġġata tinvolvi l-akkwist ta’ tagħmir, il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-tagħmir iffinanzjat huwa xieraq għall-iskop li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni.

Artikolu 10

Entitajiet eliġibbli

1.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-entitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli taħt il-Programm:

(a)

awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 u li huma stabbiliti fi:

(i)

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(ii)

pajjiż terz assoċjat mal-Programm; jew

(iii)

pajjiż terz elenkat fil-programm ta’ ħidma skont il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3;

(b)

istituti ta’ riċerka u dawk edukattivi u entitajiet bla skop ta’ qligħ li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2, dment li jkunu ġew stabbiliti u jkunu ilhom joperaw għal mill-inqas sena fi:

(i)

Stat Membru;

(ii)

f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm; jew

(iii)

f’pajjiż terz elenkat fi programm ta’ ħidma bil-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3;

(c)

kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont id-dritt tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

3.   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 stabbiliti f’pajjiż terz li mhux assoċjat mal-Programm għandhom ikunu eċċezzjonalment eliġibbli taħt il-Programm fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni partikolari. Tali entitajiet għandhom fil-prinċipju jerfgħu l-kostijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom, ħlief f’każijiet li għandhom jiġu debitament ġustifikati fil-programm ta’ ħidma.

KAPITOLU III

Programmar, monitoraġġ u evalwazzjoni

Artikolu 11

Programm ta’ ħidma

Sabiex il-Programm jiġi implimentat, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 12

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 huma stipulati fl-Anness II.

2.   Biex tkun żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 14, biex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi fejn tqis li dan ikun meħtieġ, kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod annwali dwar il-prestazzjoni tal-Programm kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-qafas tar-Rapport Annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Ġlieda kontra l-frodi.

Fil-qafas ta’ diskussjonijiet dwar dan, il-Parlament Ewropew jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-programm ta’ ħidma annwali. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

4.   Is-sistema ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm u r-riżultati tal-Programm jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni u, fejn rilevanti, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.   Meta twettaq evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura li huma qegħdin jitwettqu b’mod indipendenti, oġġettiv u f’waqtu u li l-evalwaturi jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr ma jiġu influwenzati bi kwalunkwe mod.

2.   L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha ssir ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara li tibda l-implimentazzjoni tal-Programm.

3.   Fl-aħħar tal-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara li jkun intemm il-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri, u għandha tippubblikahom fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa biex tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 (2) sal-31 ta’ Diċembru 2028.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu 15

Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibilità

1.   Ħlief fejn ikun hemm riskju l-prestazzjoni effettiva attivitajiet operazzjonali doganali u kontra l-frodi tkun kompromessa, il-benefiċjarji ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, partikularment meta jkunu qed jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata li tkun koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta, fuq bażi regolari, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, dment li dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 16

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 515/97

Fl-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 515/97, il-paragrafi 1 u 2 jitħassru.

Artikolu 17

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet li jkunu nbdew skont ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 u l-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 515/97, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 u l-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 515/97.

3.   F’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament Finanzjarju, f’każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament u għal perijodu limitat, l-azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament u l-kostijiet sottostanti jistgħu jitqiesu eliġibbli sa mill-1 ta’ Jannar 2021, anke jekk dawk l-azzjonijiet ikunu ġew implimentati u dawk l-ispejjeż imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għotja.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 10, 10.1.2019, p. 1.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Frar 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole) (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 9).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 li temenda u testendi d-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II) (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għall-finijiet doganali (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(10)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.)

(14)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(16)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(18)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS I

LISTA INDIKATTIVA TAL-KOSTIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5(3)

Lista indikattiva tat-tipi ta’ kostijiet li l-Programm ser jiffinanzja għal azzjonijiet imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 515/97:

(a)

il-kostijiet kollha tal-istallazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura teknika permanenti li tipprovdi lill-Istati Membri r-riżorsi loġistiċi, tal-awtomatizzazzjoni tal-uffiċċji u dawk tal-IT biex jiġu kkoordinati l-operazzjonijiet doganali u attivitajiet operazzjonali oħrajn;

(b)

ir-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, kif ukoll, fejn xieraq, kwalunkwe allowance jew pagament ieħor, li jsir fir-rigward tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u, fejn xieraq, tar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, li jkunu qed jieħdu sehem f’missjonijiet tal-Unjoni, f’operazzjonijiet doganali konġunti organizzati mill-Kummissjoni jew flimkien magħha, u f’korsijiet ta’ taħriġ, laqgħat ad hoc u laqgħat ta’ tħejjija u ta’ evalwazzjoni għal investigazzjonijiet amministrattivi jew azzjonijiet operazzjonali mwettqa mill-Istati Membri, meta dawn ikunu organizzati mill-Kummissjoni jew flimkien magħha;

(c)

l-infiq marbut mal-akkwist, l-istudju, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-kompjuters (il-hardware), is-software u l-konnessjonijiet dedikati tan-network, u ma’ servizzi relatati ta’ produzzjoni, appoġġ u taħriġ għall-finijiet li jitwettqu l-azzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 515/97, b’mod partikolari azzjonijiet relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi;

(d)

l-infiq relatat mal-forniment ta’ informazzjoni u l-infiq fuq azzjonijiet relatati li jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni, id-data u sorsi tad-data bil-fini li jitwettqu l-azzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 515/97, b’mod partikolari azzjonijiet relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi;

(e)

l-infiq relatat mal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali prevista fl-istrumenti adottati skont l-Artikolu 87 TFUE u b’mod partikolari fid-Deċiżjoni 2009/917/ĠAI, dment li dawn l-istrumenti jipprevedu li l-infiq għandu jiġġarrab mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(f)

l-infiq relatat mal-akkwist, l-istudju, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-komponenti tal-Unjoni tan-network ta’ komunikazzjoni komuni użat għall-finijiet tal-punt (c).


ANNESS II

INDIKATURI GĦALL-MONITORAĠĠ TAL-PROGRAMM

Il-Programm ser jiġi mmonitorjat mill-qrib abbażi ta’ sett ta’ indikaturi maħsuba biex ikejlu kemm ikunu ntlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm u bl-għan li jiġu minimizzati l-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi. Għal dan il-għan, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta’ indikaturi ewlenin li ġejjin:

 

Objettiv Speċifiku 1: Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

 

Indikatur 1: Appoġġ għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif imkejla minn:

1.1

:

ir-rata ta’ sodisfazzjoni ta’ attivitajiet organizzati u (ko)finanzjati permezz tal-Programm;

1.2

:

il-perċentwal ta’ Stati Membri li jirċievu appoġġ kull sena tal-Programm.

 

Objettiv Speċifiku 2: Appoġġ għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, fir-rigward tal-fondi tal-ġestjoni kondiviża u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-baġit tal-Unjoni.

 

Indikatur 2: Ir-rata ta’ sodisfazzjoni tal-utenti għall-użu tal-IMS.

 

Objettiv Speċifiku 3: Il-forniment ta’ għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet operazzjonali fil-qasam tal-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali u agrikoli.

 

Indikatur 3: L-għadd ta’ każijiet fejn tkun saret disponibbli informazzjoni ta’ assistenza reċiproka u l-għadd ta’ attivitajiet appoġġati relatati mal-assistenza reċiproka.