4.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/351

tat-28 ta’ Frar 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu ċitriku (E 330) fil-prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-aċidu ċitriku (E 330) huwa addittiv tal-ikel awtorizzat tal-kategorija 05.1 “Prodotti tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE” b’livell massimu ta’ 5 000 mg/kg.

(4)

Fis-6 ta’ Marzu 2018 tressqet applikazzjoni biex issir emenda tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-aċidu ċitriku (E330) fil-kategorija tal-ikel 05.1 “Prodotti tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE” billi jiżdied il-livell massimu tal-użu tiegħu għal 10 000 mg/kg fiċ-ċikkulata tal-ħalib. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Meta jintuża bħala stabbizzatur fil-massa tal-kawkaw li jkun fiha livelli għoljin ta’ polifenoli, l-aċidu ċitriku (E 330) jnaqqas il-pH u jirreaġixxi ma’ parti mill-polifenoli biex jintensifika l-kulur tal-massa tal-kawkaw għall-ilwien karatteristiċi roża u jagħti t-togħma ta’ frott artab qares. Dawn iż-żewġ karatteristiki, jiġifieri l-ilwien roża u t-togħma ta’ frott artab qares jibqgħu jinħassu fil-prodott finali li hu ċ-ċikkulata. L-applikazzjoni turi li l-livell massimu ta’ 5 000 mg/kg, li hu awtorizzat bħalissa mhuwiex biżżejjed biex jinkisbu l-ilwien roża u t-togħma ta’ frott artab qares mixtieqa, dawn jinkisbu bil-livell massimu ta’ 10 000 mg/kg. Rigward ir-reazzjoni bejn l-aċidu ċitriku (E 330) u l-polifenoli, din teħtieġ proporzjon kostanti ta’ aċidu ċitriku (E 330) relattiv għall-massa tal-kawkaw, b’hekk l-użu tal-livell iżjed għoli ta’ aċidu ċitriku (E 330) jimplika żieda fit-total tas-solidi niexfa tal-kawkaw fil-prodott finali. B’hekk, dan il-prodott finali jkun jikkonforma mad-definizzjoni taċ-ċikkulata tal-ħalib stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Fl-1990 il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel kien evalwa s-sikurezza tal-aċidu ċitriku (E 330), u stabbilixxa l-konsum aċċettabbli ta’ kuljum bħala “mhux speċifikat” (4). It-terminu “mhux speċifikat” jintuża meta, abbażi tad-data tossikoloġika, bijokimika u klinika disponibbli, il-konsum aċċettabbli ta’ kuljum tas-sustanza, li jittieħed mill-preżenza naturali tagħha fl-ikel, jew mill-użi tagħha fl-ikel fil-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq, ma jipperikolax is-saħħa.

(8)

L-aċidu ċitriku (E 330) huwa addittiv tal-ikel awtorizzat f’diversi oġġetti tal-ikel f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Mhuwiex mistenni li ż-żieda tal-livell massimu tiegħu għal 10 000 mg/kg għaċ-ċikkulata tal-ħalib ikollu impatt sinifikanti fuq l-esponiment globali.

(9)

Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-aċidu ċitriku (E 330) fiċ-ċikkulata tal-ħalib fil-livell ta’ 10 000 mg/kg teħtieġ aġġornament tal-lista tal-Unjoni ta’ livelli ta’ sustanzi li x’aktarx ma jkollhomx effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Għaldaqstant jixraq li l-użu tal-aċidu ċitriku (E 330) fiċ-ċikkulata tal-ħalib fil-livell ta’ 10 000 mg/kg jiġi awtorizzat.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19).

(4)  Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-fifth series, 1991, p. 13 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/sci-com_scf_reports_25.pdf)


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 05.1 “Prodotti tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE”, l-entrata ġdida li ġejja tiddaħħal taħt l-entrata għall-E 330:

 

“E 330

Aċidu ċitriku

10 000

 

fiċ-ċikkulata tal-ħalib biss”