20.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/800

tas-17 ta' Mejju 2019

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tal-aċidu karminiku, il-carmine (E 120) f'ċerti prodotti tal-laħam tradizzjonali fit-Territorji Franċiżi extra-Ewropej

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

L-aċidu karminiku, il-carmine (E 120), hija sustanza awtorizzata biex tintuża bħala kolorant f'tipi diversi ta' ikel skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

Fit-23 ta' Ġunju 2017, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-aċidu karminiku, il-carmine (E 120), f'ċerti prodotti tal-laħam mingħajr trattament ta' sħana. Imbagħad, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

L-applikant talab l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-aċidu karminiku, il-carmine (E 120), sabiex jinkiseb il-kulur roża mixtieq għal ċerti speċjalitajiet tradizzjonali taċ-ċanga u tal-ġewwieni tal-majjal immellaħ u taċ-ċanga, bħal groin de porc à la créole, queue de porc à la créole, pied de porc à la créole u paleron de bœuf à la créole, biex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi fit-Territorji Franċiżi extra-Ewropej fejn dawn il-prodotti ilhom parti minn tradizzjoni kulinarja mis-seklu 18.

(6)

L-aċidu karminiku, il-carmine (E 120), jiżdied mas-salmura li jkun fiha ħafna melħ u li fiha jiġi mgħaddas il-ġewwieni. Fi prodotti mqiegħda fis-suq, il-kontenut tal-melħ ikun tal-inqas 70 g għal kull kg ta' laħam sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà mikrobijoloġika u ħajja fuq l-ixkaffa twila (spiss 12-il xahar). Qabel it-tisjir, il-prodotti jridu jitpoġġew fl-ilma biex jitneħħielhom il-melħ. L-aċidu karminiku, il-carmine (E120), joqgħod l-aktar fuq il-wiċċ tal-laħam u l-istabbiltà tiegħu għat-temperatura, id-dawl, il-pH u l-ossiġenu tiżgura l-apparenza karatteristika anki wara t-tisjir.

(7)

Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tistipula li l-approvazzjoni tal-addittivi tal-ikel għandha tieħu kont ukoll ta' fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fost l-oħrajn, fatturi tradizzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li jinżammu ċerti prodotti tradizzjonali fis-suq f'xi Stati Membri fejn l-użu tal-additivi tal-ikel jikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(8)

Fit-18 ta' Novembru 2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat Opinjoni Xjentifika li regġħet evalwat is-sikurezza tal-aċidu karminiku, il-carmine (E 120), bħala addittiv tal-ikel (3). L-awtorità kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiġi rivedut il-valur aċċettabbli tal-konsum ta' kuljum (ADI) ta' 2,5 mg ta' aċidu karminiku għal kull kg ta' piż kuljum u li l-istimi tal-esponiment raffinat għax-xenarju mhux tal-marka kummerċjali huma inqas mill-ADI għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni. L-aċidu karminiku, il-carmine (E120), huwa awtorizzat għall-użu f'varjetà wiesgħa ta' ikel. L-użu estiż huwa propost għal ftit prodotti niċċa tal-laħam u f'livell massimu aktar baxx mill-użi l-oħra attwalment awtorizzati fil-kategorija tal-ikel 08.3.1 “Prodotti tal-laħam mingħajr trattament ta' sħana” fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Peress li skont l-Opinjoni Xjentifika, il-prodotti tal-laħam mhumiex fost il-kontributuri ewlenin għall-esponiment totali għall-aċidu karminiku, għall-carmine (E 120), mhuwiex mistenni li l-użu propost se jkollu impatt sinifikanti fuq l-esponiment ġenerali li għalhekk se jibqa' taħt l-ADI.

(9)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament ikkonċernat ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-użu estiż tal-aċidu karminiku, carmine (E120), mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, ma hemmx għalfejn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2015; 13(11):4288.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 08.3.1 “Prodotti tal-laħam mingħajr trattament ta' sħana”, l-entrata l-ġdida li ġejja għal E 120 tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E 110:

 

“E 120

Aċidu karminiku, Carmine

50

 

l-ispeċjalitajiet taċ-ċanga u tal-ġewwieni tal-majjal immellaħ li ġejjin biss: groin de porc à la créole, queue de porc à la créole, pied de porc à la créole u paleron de bœuf à la créole. Dawn il-prodotti jiġu kkunsmati wara t-tneħħija tal-melħ u t-tisjir.”