7.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/682

tal-4 ta' Mejju 2018

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fiz-zlazi emulsifikati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) diġà huwa addittiv tal-ikel awtorizzat fil-kategorija tal-ikel 12.6 “Zlazi” (f'livell massimu ta' 4 000 mg/kg), iżda għat-taħwir tal-ikel biss.

(4)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) irid ikun soġġett għal valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (3), l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-aġenti emulsjonanti kellha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2016.

(5)

Fl-4 ta' Awwissu 2014, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala aġent emulsjonanti fiz-zlazi emulsifikati. Imbagħad, il-Kummissjoni qiegħdet l-applikazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(6)

It-tnaqqis tax-xaħam fl-ikel ipproċessat, bħal pereżempju z-zlazi emulsifikati, normalment jinkiseb permezz tal-użu tal-aġenti li jħaxxnu. Madankollu, l-aġenti li jħaxxnu jwasslu għal modifika mhux mixtieqa tal-proprjetajiet organolettiċi tal-ikel meta jintużaw f'konċentrazzjoni ogħla minn ċertu livell. Tnaqqis addizzjonali tal-kontenut tax-xaħam jista' jinkiseb f'xi ikel, bħal pereżempju z-zlazi emulsifikati, bl-użu tal-aġenti emulsjonanti li huma kapaċi li jistabbilizzaw kontenut għoli ta' ilma fix-xaħam. Fi studji mwettqa mill-applikant li jqabblu l-effettività ta' aġenti emulsjonanti differenti għat-tnaqqis addizzjonali tax-xaħam fiz-zlazi emulsifikati, il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) kellu l-aħjar riżultati kemm f'termini tal-proprjetajiet fiżiċi kif ukoll ta' dawk organolettiċi taz-zalza emulsifikata miksuba. Il-livell tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) meħtieġ biex tinkiseb il-funzjoni teknoloġika maħsuba kien ta' 4 000 mg/kg.

(7)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità biex tevalwa s-sikurezza tal-estensjoni proposta tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fiz-zlazi emulsifikati flimkien mal-evalwazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza ta' din is-sustanza skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010.

(8)

Fl-24 ta' Marzu 2017, l-Awtorità ressqet Opinjoni Xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) (4) u stabbilixxiet doża aċċettabbli ta' kuljum (acceptable daily intake, ADI) ta' 25 mg ta' poliriċinoleat tal-poligliċerol/kg ta' piż tal-ġisem/jum. Meta wieħed iqis li l-istimi tal-esponiment ma qabżux l-ADI, l-Awtorità kkonkludiet li l-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala addittiv tal-ikel mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza jekk jintuża bl-użu u fil-livell tal-użu permessi u rrappurtati. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-użu addizzjonali tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fil-livell massimu ta' 4 000 mg/kg fiz-zlazi emulsifikati ma jirriżultax f'esponiment totali ta' din is-sustanza li jaqbeż l-ADI. Għalhekk, l-estensjoni tal-użu għall-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fiz-zlazi emulsifikati mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(9)

Barra minn hekk, l-Awtorità rrakkomandat bosta emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (5). Fil-biċċa l-kbira dawn huma marbuta mal-użu tal-gliċerol fil-proċess tal-manifattura tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) u għalhekk huma simili għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Awtorità fl-Opinjoni Xjentifika tagħha dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-gliċerol (E 422) (6). Għalhekk, l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476), f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità, se tiġi indirizzata b'mod separat, flimkien mal-ispeċifikazzjonijiet tal-gliċerol (E 422) u ta' addittivi tal-ikel oħra bbażati fuq il-gliċerol.

(10)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala aġent emulsjonanti fiz-zlazi emulsifikati, inkluż it-taħwir tal-ikel, fil-kategorija tal-ikel 12.6 “Zlazi” (f'livell massimu ta' 4 000 mg/kg).

(11)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).

(4)  EFSA Journal 2017;15(3):4743.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(6)  EFSA Journal 2017;15(3):4720.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 12.6 “Zlazi”, l-entrata tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) hija sostiwita b'dan li ġej:

 

“E 476

Poliriċinoleat tal-poligliċerol

4 000

 

zlazi emulsifikati biss”