4.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/677

tat-3 ta' Mejju 2018

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala sustanza li tqawwi t-togħma f'ċerti kategoriji tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, it-Tawmatin (E 957) huwa awtorizzat għall-użu fl-Unjoni bħala addittiv tal-ikel f'kategoriji tal-ikel diversi u f'livelli speċifiċi tal-użu.

(4)

Fit-12 ta' Novembru 2014 tressqet applikazzjoni għall-estensjoni tal-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala sustanza li tqawwi t-togħma f'bosta kategoriji tal-ikel f'livell speċifiċi tal-użu. Il-Kummissjoni qiegħdet l-applikazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

It-Tawmatin ġie evalwat fl-1984 (3) u l-1988 (4) mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tal-Unjoni Ewropea (Scientific Committee for Food, SCF). It-Tawmatin ġie meqjus bħala aċċettabbli għall-użu u d-doża aċċettabbli ta' kuljum (acceptable daily intake, ADI) ġiet stabbilita bħala “mhux speċifikata”. Fl-aħħar evalwazzjoni ġie nnutat ukoll li t-Tawmatin, peress li huwa proteina, jiġi diġerit għal komponenti tal-ikel normali.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

Fit-13 ta' Novembru 2015, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika (5) dwar is-sikurezza tal-estensjonijiet proposti tal-użu u tal-livelli tal-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala addittiv tal-ikel. B'din l-opinjoni l-Awtorità ddeċidiet li tqabbil tal-esponiment li jirriżulta mill-użi u l-livelli tal-użu attwali mal-esponiment li jirriżulta mill-użi addizzjonali proposti jkun biżżejjed biex tiġi indirizzata s-sikurezza fit-Tawmatin.

(8)

L-esponiment stmat kemm fl-użi u l-livelli tal-użu tat-Tawmatin awtorizzati attwalment u kemm f'dawk proposti rriżulta f'dożi medji ta' minn bejn 0,03 u 0,10 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum fil-persuni anzjani sa bejn 0,13 u 0,34 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum fit-tfal. L-esponiment ta' livell għoli kien minn bejn 0,13 u 0,32 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum fl-adolexxenti sa bejn 0,09 u 1,10 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum fl-adulti. Dan huwa meqjus bħala esponimenti minuri tal-konsumatur u għalhekk mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(9)

Fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet tossikoloġiċi eżistenti, l-Awtorità kkonkludiet li l-estensjoni proposta tal-użi u l-bidliet fil-livelli tal-użu mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(10)

Għalkemm l-Awtorità kkalkulat l-esponiment tat-Tawmatin (E 957) bl-użu tal-livelli tal-użu massimi u l-estensjoni proposta tal-użi u tal-livelli tal-użu kif ipprovduta mill-applikant, l-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala sustanza li tqawwi t-togħma jenħtieġ li jiġi ristrett għal dawk il-kategoriji tal-ikel li għalihom hemm ħtieġa teknoloġika raġonevoli li ma tistax tinkiseb b'mezzi oħrajn prattikabbli ekonomikament u teknoloġikalment u l-użu tiegħu ma jqarraqx lill-konsumatur.

(11)

L-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala sustanza li tqawwi t-togħma jtejjeb il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodotti tal-ikel mhux ħelwin. It-Tawmatin jista' jqawwi t-togħma umami u mhux ħelwa fiz-zlazi u s-snacks, u b'hekk il-prodotti tal-ikel ikunu aktar attraenti għat-togħma tal-bniedem.

(12)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tat-Tawmatin (E 957) bħala sustanza li tqawwi t-togħma fil-prodotti tal-kategoriji tal-ikel 12.6 “Zlazi” u 15.1 “Ikliet ħfief abbażi ta' patata, ċereali, dqiq jew lamtu” f'livell massimu ta' 5 mg/kg f'kull kategorija tal-ikel.

(13)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel dwar id-dolċifikanti (opinjoni espressa mill-SCF fl-14 ta' Settembru 1984). Disponibbli online: http://aei.pitt.edu/40825/1/16th_food.pdf

(4)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel dwar id-Dolċifikanti (il-21 serje). Opinjoni espressa fil-11 ta' Diċembru 1987 u fl-10 ta' Novembru 1988 u adottata fl-10 ta' Novembru 1988. Disponibbli online: http://aei.pitt.edu/40830/1/21st_food.pdf

(5)  EFSA Journal 2015;13(11):4290


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(1)

fil-kategorija tal-ikel 12.6 “Zlazi”, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 955:

 

“E 957

Tawmatin

5

 

bħala sustanza li tqawwi t-togħma biss”

(2)

fil-kategorija tal-ikel 15.1 “Ikliet ħfief abbażi ta' patata, ċereali, dqiq jew lamtu”, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 955:

 

“E 957

Tawmatin

5

 

bħala sustanza li tqawwi t-togħma biss”