12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/5


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2018/1695

tas-6 ta' Novembru 2018

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-perijodu ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta' provvisti ta' ċerti merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u għandha impatt fuq l-operazzjoni tas-suq intern.

(2)

L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti elenkati f'dak l-Artikolu hija l-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (il-mekkaniżmu tar-reverse charge) sabiex tiġi indirizzata malajr il-problema ta' frodi b'negozjant nieqes fil-kummerċ intra-Komunitarju (MTIC). L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan il-mekkaniżmu sal-31 ta' Diċembru 2018 u għal perijodu minimu ta' sentejn.

(3)

Il-miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida (MRR) stabbilita fl-Artikolu 199b tad-Direttiva 2006/112/KE toffri lill-Istati Membri proċedura iktar rapida li tippermetti d-dħul tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta' provvisti speċifiċi ta' merkanzija u servizzi bil-għan li tiġi miġġielda l-frodi massiva u li sseħħ għal għarrieda li tista' twassal għal telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli. B'konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/42/UE (4), l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-miżura speċjali tal-MRR sal-31 ta' Diċembru 2018.

(4)

Fit-8 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi (ir-“rapport”).

(5)

Skont ir-rapport, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġeneralment iqisu l-mekkaniżmu tar-reverse charge stabbilit fl-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE bħala għodda temporanja effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fis-setturi partikolari jew fil-prevenzjoni tal-frodi. Ir-rekwiżit ta' perijodu minimu ta' sentejn għall-applikazzjoni tal-miżura stipulata fl-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE sewa ta' impediment għal ċerti Stati Membri li jixtiequ jdaħħlu l-mekkaniżmu tar-reverse charge iżda ma jissodisfawx din il-kundizzjoni. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta' perijodu minimu ta' sentejn jenħtieġ li jitneħħa minn dik id-dispożizzjoni.

(6)

Għalkemm il-miżura speċjali tal-MRR stabbilita fl-Artikolu 199b tad-Direttiva 2006/112/KE, effettivament, qatt ma ntużat, l-Istati Membri jqisu li din għandha tibqa' għodda utli u miżura ta' prekawzjoni kontra każijiet eċċezzjonali ta' frodi tal-VAT.

(7)

Meta jitqiesu s-sejbiet u l-konklużjoni tar-rapport, jidher li l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE rriżultaw li huma miżuri temporanji utli u mmirati biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Dawk il-miżuri ser jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2018 u dan se jċaħħad lill-Istati Membri minn għodda effiċjenti biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. Għalhekk huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri tiġi estiża għal perijodu ta' żmien limitat, sad-dħul fis-seħħ previst tas-sistema definittiva tal-VAT.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 199a(1), il-kliem tad-dħul huwa sostitwit b'li ġej:

“Sat-30 ta' Ġunju 2022, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-provvisti li ġejjin:”;

(2)

l-Artikolu 199b huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 199b

1.   Stat Membru jista', f'każijiet ta' urġenza imperattiva u b'konformità mal-paragrafi 2 u 3, jinnomina d-destinatarju bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fuq provvisti speċifiċi ta' merkanzija u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193 bħala miżura speċjali ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida (MRR) fil-ġlieda kontra l-frodi għal għarrieda u massiva li tista' twassal għal telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli.

Il-miżura speċjali tal-MRR għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll xierqa mill-Istat Membru, fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jipprovdu l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura, u għandha tkun għal perijodu ta' mhux aktar minn disa' xhur.

2.   Stat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta' MRR kif previst fil-paragrafu 1 għandu jibgħat notifika lill-Kummissjoni permezz tal-formola standardizzata stabbilita b'konformità mal-paragrafu 4 u fl-istess waqt jibgħatha lill-Istati Membri l-oħra. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-karatteristiċi tal-frodi, l-eżistenza ta' raġunijiet imperattivi ta' urġenza, in-natura għal għarrieda u massiva tal-frodi u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli. Jekk il-Kummissjoni tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hija għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi n-notifika u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali li tkun teħtieġ. Kull informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tintbagħat lill-Istati Membri l-oħra. Jekk l-informazzjoni addizzjonali pprovduta ma tkunx suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan fi żmien ġimgħa.

L-Istat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta' MRR kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu fl-istess waqt jagħmel ukoll applikazzjoni lill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 395(2) u (3).

F'każijiet ta' urġenza imperattiva kif stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 395(2) u (3) għandha titlesta fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-applikazzjoni.

3.   Ladarba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hija tqis meħtieġa għall-valutazzjoni tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, hija għandha tinnotifika lill-Istati Membri b'dan. Fejn hija toġġezzjona għall-miżura speċjali ta' MRR, hija għandha tipproduċi opinjoni negattiva fi żmien xahar ta' dik in-notifika, u għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT dwar dan. Fejn il-Kummissjoni ma toġġezzjonax, hija għandha tikkonferma dan bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT fl-istess perijodu ta' żmien. L-Istat Membru jista' jadotta l-miżura speċjali ta' MRR mid-data minn meta jirċievi dik il-konferma. Fil-valutazzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkunu ntbagħtulha bil-miktub.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi formola standardizzata biex tiġi ppreżentata n-notifika għal miżura speċjali ta' MRR msemmija fil-paragrafu 2 u tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fil-paragrafu 5.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u għal dan il-għan il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (*2).

6.   Miżura speċjali ta' MRR kif prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2022.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).”;"

(3)

fl-Artikolu 395, jitħassar il-paragrafu 5.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  Opinjoni tat-3 ta' Ottubru 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-11 ta' Lulju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2013/42/UE tat-22 ta' Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 1).