3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1410

tat-2 ta' Awwissu 2017

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur (SCCS) ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu tas-26–27 ta' Ġunju 2012 (2) li 3- u 4-(4-Idrossi-4-metilpentil) ċikloeż-3-en-1-karbaldeid (HICC), bl-isem INCI Idrossisoeżil 3-Ċikloeżen Karboksaldeid, 2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (atranol) u 3-Kloro-2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (kloroatranol) ma għandhomx jintużaw fi prodotti kosmetiċi għaliex huma allerġeni tal-fwejjaħ li kkawżaw l-ogħla numru ta' każijiet tal-allerġiji bil-kuntatt f'dawn l-aħħar snin.

(2)

Konsegwentement, hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u jenħtieġ għalhekk li dawk is-sustanzi jiġu pprojbiti fil-prodotti kosmetiċi.

(3)

L-HICC huwa rregolat bl-entrata Nru 79 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, fejn jipprovdi li l-preżenza tiegħu trid tiġi indikata fil-lista ta' ingredjenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(g) ta' dak ir-Regolament meta l-konċentrazzjoni tiegħu taqbeż il-0,001 % fi prodotti li ma jitlaħalħux u 0,01 % fi prodotti li jitlaħalħu. Billi l-HICC jenħtieġ ikun ipprojbit fil-prodotti kosmetiċi, huwa neċessarju li titħassar dik l-entrata.

(4)

L-SCCS indika fl-opinjoni tiegħu tas-26-27 ta' Ġunju 2012 li atranol u kloroatranol huma komponenti naturali tal-ħażiż tas-siġar tal-ballut (Evernia prunastri) u estratti tal-ħażiż tas-siġar (Evernia furfuracea) regolat bl-entrati Nri 91 u 92, rispettivament, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(5)

Huwa xieraq li jingħataw perjodi ta' żmien raġonevoli sabiex l-industrija tadatta għall-projbizzjonijiet ġodda u għal din ir-raġuni ma jibqgħux jitqiegħdu jew isiru disponibbli fis-suq il-prodotti konċernati li jkun fihom waħda jew aktar mis-sustanzi pprojbiti. Meta jiġu biex jiddeterminaw dawn il-perjodi taż-żmien, jenħtieġ li jitqies ukoll ir-riskju potenzjali ta' dawk il-prodotti għas-saħħa tal-bniedem. Ir-restrizzjoni għall-HICC stabbilita fl-entrata 79 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jenħtieġ tibqa' tapplika sakemm id-disponibilità tal-prodotti li fihom din is-sustanza ma tibqax permessa. Għalhekk it-tħassir ta' din l-entrata għandu jiġi diferit.

(6)

B'mod partikolari, il-proċedura eċċezzjonalment ikkumplikata u twila għar-riformulazzjoni tal-fwieħa u t-tħassib tal-konsumaturi dwar il-bidla tal-proprjetajiet olfattivi tal-fwejjaħ għandha tkun riflessa fit-tul taż-żmien itwal mis-soltu tal-iskadenza mogħtija lill-industrija għall-aġġustamenti ta' prodotti. Il-manifestazzjonijiet ta' allerġiji bil-kuntatt għall-fwejjaħ huma normalment limitati għall-ġielda. Il-konsumaturi li jbatu mill-allerġija bil-kuntatt għall-allerġeni tal-fwejjaħ ta' spiss ikunu jafu li ma jistgħux jittolleraw il-prodotti tal-fwieħa fuq il-ġilda tagħhom u għalhekk jistgħu jevitawhom.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mit-23 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew iżjed mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mit-23 ta' Awwissu 2021 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew iżjed mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament ma għandhomx isiru disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (2) tal-Anness għandu japplika mit-23 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCS/1459/11.


ANNESS

L-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, fit-tabella, jiżdiedu dawn it-tliet entrati:

In-numru ta' referenza

L-identifikazzjoni tas-sustanza

L-isem kimiku/INN

In-numru CAS

In-numru KE

a

b

c

d

“1380

3- u 4-(4-Idrossi-4-metilpentil) ċikcloeż-3-en-1-karbaldeid (HICC) (*1)

51414-25-6/

31906-04-4/

257-187-9/

250-863-4/

1381

2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (atranol) (*1)

526-37-4/

1382

3-Kloro-2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (kloroatranol) (*1)

57074-21-2/

(2)

fl-Anness III, fit-tabella, titħassar l-entrata 79.


(*1)  Mit-23 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mit-23 ta' Awwissu 2021 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”