15.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1271

tal-14 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-użu tad-diossidu tas-siliċju (E 551) fin-nitrat tal-potassju (E 252)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, fl-enżimi tal-ikel, fl-aromatizzanti tal-ikel u fin-nutrijenti, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fis-7 ta' Lulju 2016 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tad-diossidu tas-siliċju (E 551) bħala aġent ta' kontra t-tagħqid miżjud man-nitrat tal-potassju (E 252) u tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Meta jinħażen, in-nitrat tal-potassju (E 252) juri tendenza ta' tagħqid qawwija li xxekkel l-użu tiegħu fl-ipproċessar tal-ikel. Għaldaqstant, aġent ta' kontra t-tagħqid huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-fluss u d-dożaġġ korrett ta' dan l-addittiv. L-applikant wera li l-aġenti ta' kontra t-tagħqid awtorizzati għan-nitrat tal-potassju (E 252) mhumiex effiċjenti jew jistgħu jwasslu għal tibdil mhux mixtieq fil-pH, u jxekklu l-ipproċessar tal-ikel. Sadanittant, id-diossidu tas-siliċju (E 551) wera li huwa effiċjenti u li ma jirreaġixxix mal-ikel u lanqas ma jinfluwenza l-ipproċessar ulterjuri tal-ikel.

(5)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel stabbilixxa grupp livell ta' Konsum Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI, Acceptable Daily Intake) ta' “mhux speċifikat” għad-diossidu tas-siliċju (E 551) u għal ċerti silikati (jiġifieri s-silikati tas-sodju, tal-potassju, tal-kalċju u tal-manjeżju) meta jintużaw bħala aġent ta' kontra t-tagħqid (3). Dan jimplika li d-diossidu tas-siliċju (E 551) ma jirrappreżentax periklu għas-saħħa meta jintuża fil-livelli neċessarji biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq. L-esponiment addizzjonali tal-konsumatur għad-diossidu tas-siliċju (E 551) meta jintuża bħala aġent ta' kontra t-tagħqid fin-nitrat tal-potassju (E 252) jibqa' limitat.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tad-diossidu tas-siliċju (E 551) fin-nitrat tal-potassju (E 252) tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma jkollhiex effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tad-diossidu tas-siliċju (E 551) bħala aġent ta' kontra t-tagħqid fin-nitrat tal-potassju (E 252).

(9)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-25 serje, 1990.


ANNESS

Fil-Parti 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-aħħar entrata għall-addittiv tal-ikel E 551, id-diossidu tas-siliċju:

 

“E 551

Diossidu tas-siliċju

10 000  mg/kg fil-preparazzjoni

E 252 Nitrat tal-potassju”