23.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/874

tat-22 ta' Mejju 2017

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-butan (E 943a), l-isobutan (E 943b) u l-propan (E 944) fil-preparati tal-kulur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, fl-enżimi tal-ikel, fl-aromatizzanti tal-ikel u fin-nutrijenti, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fis-26 ta' Jannar 2016 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-butan (E 943a), l-isobutan (E 943b) u l-propan (E 944) bħala propellanti fil-preparati tal-kulur tal-grupp II u tal-grupp III, kif definit fil-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Imbagħad, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Il-butan, l-isobutan u l-propan użati bħala propellanti jistgħu jipproduċu l-pressjoni meħtieġa biex il-preparati tal-kulur jiġu sprejjati minn sprej sabiex tinkiseb kopertura omoġenja xierqa ta' kuluri fl-ikel.

(5)

Fl-1991 il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel evalwa s-sikurezza tal-propan, tal-butan u tal-isobutan bħala solventi ta' estrazzjoni u sab li l-użu tagħhom huwa aċċettabbli diment li jkunu soġġetti għal limitu ta' residwu fl-ikel ta' 1 mg/kg għal kull sustanza (3).

(6)

Fl-1999 il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-propan, il-butan u l-isobutan bħala gassijiet propellanti fl-isprejs tat-tisjir aerosol b'bażi ta' żejt veġetali u fl-isprejs tat-tisjir b'bażi ta' emulsjoni milwiema (4) u kkonkluda li minħabba l-livell baxx ta' residwi ta' gassijiet propellanti l-użu tagħhom fil-ħami u fil-qali ma għandu l-ebda tħassib tossikoloġiku.

(7)

Id-data analitika pprovduta mill-applikant ikkonfermat li siegħa wara li dawn jiġu sprejjati f'ikel differenti, ir-residwi tal-butan (E 943a), l-isobutan (E 943b) u l-propan (E 944) jkunu taħt il-limitu ta' 1 mg/kg.

(8)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta dak l-aġġornament ma jkun jinvolvi l-ebda effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-butan (E 943a), l-isobutan (E 943b) u l-propan (E 944) bħala propellanti fil-preparati tal-kulur tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li ma jinvolvi l-ebda effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità mhix meħtieġa.

(9)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-butan (E 943a), l-isobutan (E 943b) u l-propan (E 944) bħala propellanti fi preparati tal-kulur tal-gruppi II u III, kif definit fil-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Minħabba r-riskju ta' tqabbid u ż-żmien meħtieġ biex il-livelli tal-propellanti jitnaqqsu taħt il-limitu ta' 1 mg/kg huwa xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-użu professjonali biss sabiex ikun żgurat li l-protokolli industrijali standardizzati jiġu rispettati u biex il-ħin bejn l-isprejjar u l-konsum ikun biżżejjed biex ikun hemm konformità mal-limitu ta' residwu aċċettabbli.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-ninth series, 1992.

(4)  Opinion on propane, butane and iso-butane as propellant gases for vegetable oil-based aerosol cooking sprays and water-based emulsion cooking sprays. Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, 29.3.1999.


ANNESS

Fil-Parti 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-entrati li ġejjin jiddaħħlu wara l-entrata għal E 903:

“E 943a

Butan

1 mg/kg fl-ikel finali

Il-preparati tal-kulur tal-grupp II u tal-grupp III kif definiti fil-Parti C tal-Anness II (għall-użu professjonali biss)

E 943b

Isobutan

1 mg/kg fl-ikel finali

Il-preparati tal-kulur tal-grupp II u tal-grupp III kif definiti fil-Parti C tal-Anness II (għall-użu professjonali biss)

E 944

Propan

1 mg/kg fl-ikel finali

Il-preparati tal-kulur tal-grupp II u tal-grupp III kif definiti fil-Parti C tal-Anness II (għall-użu professjonali biss).”