23.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/871

tat-22 ta' Mejju 2017

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338-452) f'ċerti preparati tal-laħam

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), bl-inizjattiva tal-Kummissjoni inkella wara applikazzjoni.

(3)

Fil-11 ta' Mejju 2015 ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (“fosfati”) bħala stabbilizzaturi fil-preparati tal-laħam Ċeki li jidhru hawn taħt: Bílá klobása, Vinná klobása, Sváteční klobása u Syrová klobása. Sussegwentement l-applikazzjoni tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-użu tal-fosfati huwa meħtieġ biex jinżamm l-istat fiżikokimiku u biex il-preparati tal-laħam bħal Bílá klobása, Vinná klobása, Sváteční klobása u Syrová klobása, jagħqdu aħjar speċjalment meta jitqiegħdu fis-suq f'imballaġġ b'atmosfera protettiva u b'ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa imtawla. Skont l-applikant, il-ħtieġa teknoloġika ta' dawk l-addittivi fil-preparati tal-laħam Ċeki rilevanti tixbaħ lil dik taz-zalzett tal-kolazzjon u tal-Bräte, li fihom l-użu tal-fosfati huwa awtorizzat fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 fil-kategorija tal-ikel 08.2 “Preparati tal-laħam kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004”.

(5)

Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tistipula li “l-approvazzjoni tal-addittivi tal-ikel għandha tieħu kont ukoll ta' fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata” fost l-oħrajn, fatturi tradizzjonali. Għaldaqstant jixraq li jinżammu ċerti prodotti tradizzjonali fis-swieq ta' xi Stati Membri, dejjem jekk l-użu tal-addittivi tal-ikel f'dawk il-prodotti jikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(6)

Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-użu tal-addittivi koperti b'dan ir-Regolament, il-preparati tal-laħam Ċeki rilevanti se jkunu deskritti f'dokument ta' gwida li jiddeskrivi l-kategoriji tal-ikel fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar l-addittivi tal-ikel (3).

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq saħħet il-bniedem. L-użu tal-fosfati bħala addittivi tal-ikel huwa awtorizzat f'firxa wiesgħa ta' tipi ta' ikel. Is-sikurezza tal-fosfati kien ġie evalwat mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel li stabbilixxa l-konsum massimu tollerat ta' kuljum ta' 70 mg għal kull kilogramm ta' piż tal-ġisem espress bħala fosfru (4). Billi l-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-użu tal-fosfati hija limitata għal ftit prodotti speċifiċi li ilhom jintużaw b'mod tradizzjonali, mhuwiex mistenni li l-estenzjoni se jkollha impatt sinifikanti fuq l-esponiment totali għall-fosfati. Għalhekk, l-użu estiż ta' dawn l-addittivi jikkostitwixxi aġġornament tal-lista tal-Unjoni li x'aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem, u ma hemmx għalfejn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  http://ec.europa.eu/food/safety/food_improvement_agents/additives/eu_rules_en

(4)  Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-fifth series (page 13), 1991.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 08.2 “Preparati tal-laħam kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004” l-entrata tal-aċidu fosforiku — fosfati — di — tri- u polifosfati (E 338-452) hija sostitwita b'dan li ġej:

 

“E 338-452

Aċidu fosforiku — fosfati — difosfati — trifosfati u polifosfati

5 000

(1) (4)

zalzett tal-kolazzjon biss: f'dan il-prodott, il-laħam ikun ikkapuljat b'tali mod li t-tessuti tal-muskoli u tax-xaħam jixxerdu kompletament, sabiex il-fibra titħallat max-xaħam biex tifforma emulsjoni, li tagħti l-apparenza tipika lil dak il-prodott; il-perżut griż immellaħ Finlandiż tal-Milied, laħam tal-bergers b'kontenut minimu ta' ħaxix u/jew ċereali ta' 4 % imħallat mal-laħam, Kasseler, Bräte, Surfleisch, toorvorst, šašlõkk, ahjupraad, Bílá klobása, Vinná klobása, Sváteční klobása u Syrová klobása