19.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/1


REGOLAMENT (UE) 2017/825 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 197(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tagħha, jenħtieġ li l-Unjoni tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, u kif stipulat fl-Artikolu 11 TFUE, il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent jenħtieġ li jkunu integrati fil-politiki u fl-attivitajiet tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-għan li jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli.

(2)

Skont l-Artikoli 120 u 121 TFUE jenħtieġ li l-Istati Membri jmexxu l-politiki ekonomiċi tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi tal-Unjoni u fil-kuntest tal-linji direttivi ġenerali li l-Kunsill jifformula. Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri hija għalhekk kwistjoni ta' tħassib komuni.

(3)

Diversi Stati Membri kienu u għadhom għaddejjin minn proċessi ta' aġġustament biex jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomiċi akkumulati fil-passat, u bosta Stati Membri qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida ta' tkabbir potenzjali baxx. L-Unjoni identifikat l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali bħala li huma fost il-prijoritajiet ta' politika tagħha biex jiġi stabbilit l-irkupru fuq perkors sostenibbli, jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' aġġustament, u jiġi appoġġat il-proċess ta' konverġenza.

(4)

Ir-riformi huma min-natura tagħhom proċessi kumplessi li jeħtieġu katina sħiħa ta' għarfien u ħiliet speċjalizzati ħafna, kif ukoll viżjoni fit-tul. L-indirizzar tar-riformi strutturali f'varjetà ta' oqsma ta' politika pubblika huwa sfida billi l-impatt tagħhom ħafna drabi jieħu ż-żmien biex iseħħ. Għaldaqstant, tfassil u implimentazzjoni tempestivi u effiċjenti huma kruċjali, kemm għall-ekonomiji milqutin mill-kriżi kif ukoll għal dawk strutturalment dgħajfin. F'dak il-kuntest, il-forniment ta' appoġġ mill-Unjoni f'forma ta' assistenza teknika kien importanti fl-appoġġ għall-aġġustament ekonomiku tal-Greċja u Ċipru f'dawn l-aħħar ftit snin. Ir-responsabbiltà għar-riformi strutturali fil-post hija essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ fl-indirizzar tal-isfidi fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jiffavorixxu t-tkabbir f'konformità mal-għanijiet ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni. Dawk l-isfidi jistgħu jkunu dipendenti fuq diversi fatturi, bħal kapaċità amministrattiva u istituzzjonali limitata, kif ukoll l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni inadegwati tal-liġi tal-Unjoni.

(6)

L-Unjoni għandha esperjenza konsiderevoli fl-għoti ta' appoġġ speċifiku lil amministrazzjonijiet nazzjonali u awtoritajiet oħrajn tal-Istati Membri fir-rigward tal-bini tal-kapaċità u azzjonijiet simili f'ċerti setturi (pereżempju t-tassazzjoni, id-dwana u l-appoġġ għal impriżi żgħar u medji) u fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni. L-esperjenza miksuba mill-Unjoni hi u tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu r-riformi jenħtieġ tintuża sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri. Azzjoni komprensiva u integrata hija tabilħaqq meħtieġa sabiex jingħata appoġġ lil dawk l-Istati Membri li qed iwettqu riformi li jsaħħu t-tkabbir u tintalab għajnuna mill-Unjoni f'dak ir-rigward.

(7)

Ir-Rapport Speċjali (Nru 19/2015) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem “Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja” jinkludi rakkomandazzjonijiet utli rigward l-għoti ta' assistenza teknika mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk ir-rakkomandazzjonijiet jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-appoġġ skont dan ir-Regolament.

(8)

F'dak l-isfond, jeħtieġ li jiġi stabbilit Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (“il-Programm”) bl-oġġettiv li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex iħejju u jimplimentaw riformi amministrattivi u strutturali li jtejbu t-tkabbir, anke permezz ta' assistenza għall-użu effiċjenti u effettiv ta' fondi tal-Unjoni. Il-programm huwa intiż biex jikkontribwixxi għall-ilħiq ta' għanijiet komuni biex jiġu appoġġati l-irkupru ekonomiku, il-koeżjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, jissaħħu l-kompetittività u l-produttività tal-Ewropa u jitħeġġeġ l-investiment fl-ekonomija reali. Dak jippermetti wkoll reazzjoni aħjar għall-isfidi ekonomiċi u soċjali biex jinkiseb livell għoli ta' servizzi soċjali kif ukoll servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni ta' kwalità għolja, u biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

(9)

Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Programm jiġi pprovdut mill-Kummissjoni fuq talba minn Stat Membru, f'oqsma relatati mal-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, l-innovazzjoni, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-impjiegi u l-investiment, bħall-baġit u t-tassazzjoni, is-servizz pubbliku, ir-riformi istituzzjonali u amministrattivi, is-sistemi tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa, l-ambjent tan-negozju, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-intrapriżi, il-proċessi ta' privatizzazzjoni, l-aċċess għall-finanzi, il-politiki fis-settur finanzjarju, il-kummerċ, l-iżvilupp sostenibbli, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-politiki dwar ix-xogħol, is-saħħa pubblika, l-asil, il-migrazzjoni, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sajd.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu appoġġ mill-Kummissjoni taħt il-Programm fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi fil-kuntest tal-proċessi ta' governanza ekonomika, b'mod partikulari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, għal azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' aġġustament ekonomiku. Jenħtieġ li huma wkoll ikunu kapaċi jitolbu appoġġ fir-rigward ta' riformi fuq l-inizjattiva proprja, sabiex jinkisbu l-koeżjoni, l-investiment, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida dwar l-elementi ewlenin tat-talba għal appoġġ.

(11)

Wara djalogu mal-Istat Membru rikjedenti, inkluż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza t-talba, filwaqt li tqis il-prinċipji ta' trasparenza, ta' trattament ugwali u ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u tiddetermina l-appoġġ li għandu jingħata abbażi tal-urġenza, tal-firxa u tas-serjetà tal-problemi identifikati, il-ħtiġijiet ta' appoġġ fir-rigward tal-oqsma ta' politika maħsuba, l-analiżi tal-indikaturi soċjoekonomiċi, u l-kapaċità amministrattiva ġenerali tal-Istat Membru. Abbażi ta' dik l-analiżi u b'kunsiderazzjoni għall-azzjonijiet eżistenti u l-attivitajiet iffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni jew programmi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tilħaq ftehim mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-oqsma ta' prijorità, l-objettivi, skeda indikattiva ta' żmien, l-ambitu tal-miżuri ta' appoġġ li għandhom jiġu pprovduti u l-kontribuzzjoni finanzjarja globali stmata għal dan l-appoġġ, li għandhom jiġu stipulati fi pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ.

(12)

Għall-finijiet, inter alia, ta' trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bil-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, tipprovdi l-pjanijiet ta' kooperazzjoni u appoġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista', bil-kunsens tal-Istat Membru li jixtieq jirċievi appoġġ, torganizza l-għoti ta' appoġġ f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew ma' Stati Membri oħra li qablu li jaġixxu bħala sħab għar-riforma. Jenħtieġ li l-Istat Membru li jkun jixtieq jirċievi appoġġ ikun jista', għal qasam jew oqsma speċifiċi ta' appoġġ, jidħol fi sħubija ma' Stat Membru, wieħed jew aktar, bħala sħab għar-riforma biex jgħin fit-tfassil ta' strateġija, fir-riformulazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali, fit-tfassil ta' assistenza ta' kwalità għolja jew fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-proġetti. Filwaqt li r-responsabbiltà għar-riformi hija tal-Istat Membru li jkun jixtieq jirċievi appoġġ, jenħtieġ li s-sħab għar-riforma jew Stati Membri oħra, jew it-tnejn li huma, li jipprovdu appoġġ, ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Programm.

(14)

Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” u tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020” jenfasizzaw l-importanza li l-finanzjament jiġi ffukat fuq attivitajiet u miżuri li għandhom valur miżjud Ewropew ċar, jiġifieri meta l-intervent tal-Unjoni jkun jista' jagħti valur addizzjonali meta mqabbel mal-azzjoni tal-Istati Membri waħedhom. F'dak l-isfond, jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-attivitajiet ta' appoġġ imwettqa taħt dan il-Programm jiżguraw il-komplementarjetà u s-sinerġija ma' programmi u politiki oħrajn fil-livell reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni, kif xieraq. Jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-attivitajiet taħt dan il-Programm jippermettu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet li jindirizzaw, fil-livell xieraq, sfidi nazzjonali li jkollhom impatt fuq l-isfidi transfruntiera jew għall-Unjoni kollha u li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-attivitajiet taħt dan il-Programm jikkontribwixxu għall-kisba ta' implimentazzjoni konsistenti u koerenti tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn ukoll jikkontribwixxu billi jkomplu jiżviluppaw il-fiduċja u jippromwovu l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Unjoni tinsab f'pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tipprovdi pjattaforma għall-forniment u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin mill-pari kif ukoll għall-mobilizzazzjoni tal-kompetenza.

(15)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit pakkett finanzjarju għall-Programm biex ikopri perijodu allinjat mad-duratatal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4).

(16)

Jenħtieġ li l-pakkett finanzjarju tal-Programm jikkonsisti f'riżorsi finanzjarji mnaqqsin mill-allokazzjonijiet għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni taħt ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (5) u (UE) Nru 1305/2013 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.Sabiex ikun permess tali tnaqqis għal dan il-programm partikolari u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proposta futura, jeħtieġ li jiġu emendati dawk ir-Regolamenti.

(17)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fis-sens tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura annwali tal-baġit. Jenħtieġ li l-finanzjament tal-Programm permezz tat-trasferiment ta' allokazzjonijiet mill-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u 1305/2013 jitqies biss bħala soluzzjoni ta' darba u jenħtieġ li ma joħloqx preċedent fir-rigward tal-finanzjament ta' inizjattivi futuri f'dan il-qasam.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li jitolbu appoġġ ikollhom il-possibilità li jikkontribwixxu, fuq bażi volontarja, għall-pakkett finanzjarju tal-Programm b'fondi addizzjonali. Bħalissa, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jillimita l-possibilità ta' trasferiment ta' riżorsi ddedikati għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta' Stat Membru lil dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet baġitarji temporanji. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiġi emendat sabiex jippermetti li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw finanzjarjament fil-Programm. Jenħtieġ li r-riżorsi trasferiti fil-baġit tal-Unjoni jintużaw biex jappoġġaw l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kkonċernati.

(19)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (“ir-Regolament Finanzjarju”). Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta' ħidma annwali u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan. Jenħtieġ li l-programmi ta' ħidma annwali jistabbilixxu l-miżuri li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm, il-kriterji ta' għażla u għoti għall-għotjiet, kif ukoll l-elementi l-oħra kollha meħtieġa.

(20)

Fid-dawl tal-importanza li jiġu sostnuti l-isforzi tal-Istati Membri biex isegwu u jimplimentaw riformi strutturali, istituzzjonali u amministrattivi, jenħtieġ li jkun hemm rata ta' kofinanzjament għall-għotjiet sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm, filwaqt li tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta' kofinanzjament u ta' ebda profitt.

(21)

Fil-każ ta' raġunijiet mhux previsti u debitament ġustifikati ta' urġenza li teħtieġ reazzjoni immedjata, bħal tfixkil serju fl-ekonomija jew ċirkustanzi sinifikanti li jaffettwaw serjament il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew soċjali fi Stat Membru li jmorru lil hinn mill-kontroll tiegħu, fuq it-talba ta' Stat Membru li jkun jixtieq jirċievi l-appoġġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tadotta miżuri speċjali, għal parti limitata tal-programm ta' ħidma annwali u għal perijodu limitat ta' żmien sa mhux aktar minn sitt xhur, skont l-objettivi u l-azzjonijiet eliġibbli taħt il-Programm biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet nazzjonali fl-indirizzar dawk il-ħtiġijiet urġenti.

(22)

Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti u koerenti ta' fondi mill-baġit tal-Unjoni u rispett għall-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt il-Programm jikkumplimentaw u jkunu addizzjonali għall-programmi tal-Unjoni li għaddejjin bħalissa, filwaqt li jevitaw finanzjament doppju tal-istess nefqa. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, f'konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, jiżguraw fil-livelli tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri, f'kull stadju tal-proċess, koordinazzjoni effettiva sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija fost sorsi ta' finanzjament li jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri rilevanti b'rabtiet mill-qrib mal-Programm, speċifikament mal-miżuri li qed jiġu ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni u mill-programmi tal-Unjoni fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar li tista' biex tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġiji b'appoġġ li huwa pprovdut mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(23)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati inkorrettament u, meta jkun xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji.

(24)

Biex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-Programm, jenħtieġ jiġi stabbilit qafas xieraq u trasparenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u r-riżultati miksuba mill-Programm mill-bidu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'rapport ta' monitoraġġ annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, inkluża informazzjoni dwar talbiet għal appoġġ mibgħuta mill-Istati Membri, dwar l-analiżijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni tat-talbiet għal appoġġ, dwar il-kooperazzjoni u l-pjanijiet ta' appoġġ, dwar il-parteċipazzjoni tas-sħab għar-riforma, u dwar il-miżuri speċjali adottati. Jenħtieġ li titwettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu indipendenti li tħares lejn l-ilħiq tal-objettivi tal-Programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi tiegħu u l-valur miżjud tiegħu fil-livell Ewropew. Evalwazzjoni ex post indipendenti jenħtieġ li, flimkien ma' dan, tittratta l-impatt fit-tul u l-effetti ta' sostenibbiltà tal-Programm. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-indikaturi li jkejlu l-effetti tal-Programm.

(25)

Sabiex tiġi adattata l-lista ta' indikaturi li jkejlu s-suċċess tal-objettivi tal-Programm, fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda ta' dik il-lista. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(26)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-adozzjoni tal-programmi ta' ħidma annwali, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

(27)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għal riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali fl-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali, kif definiti f'dan ir-Regolament, għal miżuri li għandhom l-għan li jirriformaw l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-istrutturi jew l-amministrazzjoni pubblika u s-setturi ekonomiċi u soċjali, anke permezz ta' assistenza għall-użu effiċjenti, trasparenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan, billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-appoġġ ikun maqbul b'mod reċiproku mal-Istat Membru kkonċernat.

(28)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment u tul tal-Programm

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (“il-Programm”) għall-perijodu mill-20 ta' Mejju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“Stat Membru benefiċjarju” tfisser Stat Membru li jirċievi appoġġ mill-Unjoni taħt il-Programm;

(2)

“Fondi tal-Unjoni” tfisser il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżi stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża stabbilit, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, bir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(3)

“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità nazzjonali waħda jew aktar, inklużi awtoritajiet fil-livelli reġjonali u lokali, li jikkooperaw fi spirtu ta' partenarjat f'konformità mal-qafas istituzzjonali u legali tal-Istati Membri;

(4)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni internazzjonali tas-settur pubbliku stabbilita bi ftehim internazzjonali kif ukoll aġenziji speċjalizzati stabbiliti minn tali organizzazzjoni, skont it-tifsira tal-punt (c)(ii) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju; l-organizzazzjonijiet assimilati ma' organizzazzjoni internazzjonali huma meqjusa li huma organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mar-Regolament Finanzjarju;

(5)

“organizzazzjonijiet Ewropej” tfisser il-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment, kif hemm referenza għalihom fil-punt (c)(iii) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 3

Valur miżjud Ewropew

1.   Il-Programm għandu jiffinanzja azzjonijiet u attivitajiet b'valur miżjud Ewropew. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet u l-attivitajiet magħżulin għall-finanzjament aktarx jipproduċu riżultati li, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandhom valur miżjud Ewropew u għandha timmonitorja jekk il-valur miżjud Ewropew jinkisibx realment.

2.   L-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm għandhom jiżguraw valur miżjud Ewropew b'mod partikolari permezz ta':

(a)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet li jindirizzaw sfidi lokali, reġjonali jew nazzjonali li, ikollhom impatt fuq sfidi transfruntiera jew għall-Unjoni kollha, u li jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

(b)

il-komplimentarjetà u s-sinerġija tagħhom ma' programmi u politiki oħrajn tal-Unjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, kif xieraq;

(c)

il-kontribuzzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni konsistenti u koerenti tad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll il-promozzjoni tal-valuri Ewropej, inkluża s-solidarjetà;

(d)

il-kontribuzzjoni tagħhom għall-kondizzjoni ta' prattiki tajbin, anke sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-programmi ta' riforma, u l-bini ta' pjattaforma madwar l-Unjoni u n-netwerk ta' kompetenzi;

(e)

il-promozzjoni ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni u tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

Artikolu 4

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jikkontribwixxi għar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jsostnu t-tkabbir fl-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali għal miżuri mmirati biex jirriformaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u tas-soċjetà b'reazzjoni għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, bil-ħsieb li jtejbu l-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-investiment, b'mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta' governanza ekonomika, fosthom permezz ta' assistenza għall-użu effiċjenti, effettiv u trasparenti tal-fondi tal-Unjoni.

Artikolu 5

Objettivi speċifiċi u kamp ta' applikazzjoni tal-Programm

1.   Sabiex jinkiseb l-objettiv ġenerali imsemmi fl-Artikolu 4, il-Programm għandu jkollu dawn l-objettivi speċifiċi li għandhom jiġu segwiti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri benefiċjarji:

(a)

jappoġġa l-inizjattivi tal-awtoritajiet nazzjonali biex ifasslu r-riformi tagħhom skont il-prijoritajiet tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet inizjali u l-impatti soċjoekonomiċi mistennija;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali biex itejjbu l-kapaċità tagħhom li jfasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u strateġiji ta' riforma u jsegwu approċċ integrat li jiżgura l-konsistenza bejn l-għanijiet u l-mezzi fis-setturi kollha;

(c)

jappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiddefinixxi u jimplimenta proċessi u metodoloġiji xierqa billi jqis prattiki tajbin ta' u tagħlimiet meħuda minn pajjiżi oħrajn biex jindirizzaw sitwazzjonijiet simili;

(d)

jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali biex itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-ġestjoni tar-riżorsi umani billi, inter alia, isaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet professjonali u jiddefinixxi responsabbiltajiet ċari.

2.   L-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 1 jirreferu għal oqsma ta' politika relatati mal-koeżjoni, mal-kompetittività, mal-produttività, mal-innovazzjoni, mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, mal-impjiegi u mal-investiment, b'mod partikolari ma' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ġestjoni finanzjarja u tal-assi pubblika, il-proċess tal-baġit, il-ġestjoni tad-dejn u l-amministrazzjoni tad-dħul;

(b)

ir-riforma istituzzjonali u l-funzjonament effiċjenti u orjentat lejn is-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż, meta jkun xieraq, permezz tas-simplifikazzjoni tar-regoli, l-istat tad-dritt effettiv, ir-riforma tas-sistemi ġudizzjarji u l-infurzar tal-ġlieda kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus;

(c)

l-ambjent tan-negozju (inkluż għall-SMEs), ir-riindustrijalizzazzjoni, l-iżvilupp tas-settur privat, l-investiment, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-intrapriżi, il-proċessi ta' privatizzazzjoni, il-kummerċ u l-investiment barrani dirett, il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku, l-iżvilupp settorjali sostenibbli u l-appoġġ għall-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

(d)

l-edukazzjoni u t-taħriġ; il-politiki tas-suq tax-xogħol, inkluż id-djalogu soċjali, għall-ħolqien ta' impjiegi; il-ġlieda kontra l-faqar; il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali; is-sigurtà soċjali u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; is-saħħa pubblika u s-sistemi tal-kura tas-saħħa; kif ukoll il-koeżjoni, l-asil, il-migrazzjoni u l-politiki tal-fruntieri;

(e)

il-politiki għall-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika, għall-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija u għall-kisba tad-diversifikazzjoni tal-enerġija, kif ukoll għas-settur agrikolu, tas-sajd u tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

(f)

il-politiki tas-settur finanzjarju, inkluża l-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju, l-istabbiltà finanzjarja, l-aċċess għall-finanzjament u s-self lill-ekonomija reali; il-produzzjoni, il-forniment u l-monitoraġġ ta' kwalità tad-data u l-istatistiki; u l-politiki mmirati lejn il-ġlieda tal-evażjoni tat-taxxa.

Artikolu 6

Azzjonijiet eliġibbli

Bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, il-Programm għandu jiffinanzja b'mod partikolari dawn it-tipi ta' azzjonijiet:

(a)

il-kompetenza relatata mal-konsulenza dwar il-politika, bidla fil-politika, formulazzjoni ta' strateġiji u pjanijiet direzzjonali ta' riforma, kif ukoll mar-riformi leġislattivi, istituzzjonali, strutturali u amministrattivi;

(b)

il-forniment ta' esperti, anke esperti residenti, għal perijodu qasir jew twil għat-twettiq ta' kompiti f'oqsma speċifiċi jew biex iwettqu attivitajiet operazzjonali, fejn meħtieġ b'appoġġ ta' interpretazzjoni, traduzzjoni u kooperazzjoni, assistenza amministrattiva u faċilitajiet ta' infrastruttura u ta' tagħmir;

(c)

il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, amministrattiva jew settorjali u l-azzjonijiet ta' appoġġ relatati, fil-livelli kollha ta' governanza anke billi jikkontribwixxi għall-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili, kif xieraq, b'mod partikolari:

(i)

seminars, konferenzi u sessjonijiet ta' ħidma;

(ii)

żjarat ta' ħidma lil Istati Membri rilevanti jew pajjiżi terzi biex b'hekk l-uffiċjali jiksbu jew iżidu l-kompetenza jew l-għarfien tagħhom fi kwistjonijiet rilevanti; u

(iii)

azzjonijiet ta' taħriġ u l-iżvilupp ta' moduli ta' taħriġ onlajn jew oħrajn għall-appoġġ tal-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa relatati mar-riformi rilevanti;

(d)

ġbir ta' data u statistiki, l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni u, fejn xieraq, indikaturi jew punti ta' riferiment;

(e)

l-organizzazzjoni ta' appoġġ operazzjonali lokali f'oqsma bħall-asil, il-migrazzjoni u l-kontrolli tal-fruntieri;

(f)

il-bini tal-kapaċità fl-IT: l-għarfien espert relatat mal-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-operat u l-kontroll tal-kwalità tal-infrastruttura tal-IT u l-applikazzjoni meħtieġa biex jiġu implimentati r-riformi rilevanti, kif ukoll l-għarfien espert relatat ma' programmi mmirati lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;

(g)

studji, riċerka, analiżijiet u stħarriġ, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt u l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta' gwidi, rapporti u materjal edukattiv;

(h)

proġetti ta' komunikazzjoni għat-tagħlim, il-kooperazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, id-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin; l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni, kampanji u avvenimenti tal-midja, fosthom komunikazzjoni korporattiva u komunikazzjoni, meta jkun xieraq, permezz tan-netwerks soċjali;

(i)

il-kumpilazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' materjal għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni kif ukoll tar-riżultati tal-Programm, anke permezz tal-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta' sistemi u għodod li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

(j)

kwalunkwe attività rilevanti oħra ta' appoġġ għall-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbilti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 7

Talba għal appoġġ

1.   Stat Membru li jixtieq jirċievi appoġġ taħt il-Programm għandu jressaq talba għal appoġġ lill-Kummissjoni, fejn jidentifika l-oqsma ta' politika u l-prijoritajiet għal appoġġ fl-ambitu tal-Programm kif stabbilit fl-Artikolu 5(2). Dik it-talba għandha titressaq sal-31 ta' Ottubru ta' sena kalendarja. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida dwar l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fit-talba għal appoġġ.

2.   Filwaqt li tqis il-prinċipji ta' trasparenza, tat-trattament ugwali u tal-ġestjoni finanzjarja tajba, b'segwitu għal djalogu mal-Istat Membru, anke fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għandha tanalizza t-talba għal appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 abbażi tal-urġenza, tal-firxa u tas-serjetà tal-problemi identifikati, il-ħtiġijiet ta' appoġġ fir-rigward tal-oqsma ta' politika kkonċernati, l-analiżi ta' indikaturi soċjoekonomiċi u l-kapaċità amministrattiva ġenerali tal-Istat Membru.

Abbażi ta' dik l-analiżi u b'kunsiderazzjoni tal-azzjonijiet u l-miżuri eżistenti ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni jew programmi oħrajn tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tasal għal ftehim mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-oqsma ta' prijorità għall-appoġġ, l-objettivi, skeda indikattiva ta' żmien, l-ambitu tal-miżuri tal-appoġġ li għandhom jiġu pprovduti u l-kontribuzzjoni finanzjarja globali stmata għal dan l-appoġġ, li għandha tiġi spjegata fi pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ.

3.   It-talba għal appoġġ tista' tiġi ppreżentata fir-rigward ta':

(a)

l-implimentazzjoni ta' riformi mill-Istati Membri, li huma jagħmlu fuq inizjattiva proprja, b'mod partikolari biex jiksbu tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

(b)

l-implimentazzjoni ta' programmi ta' aġġustament ekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja mill-Unjoni taħt strumenti eżistenti, b'mod partikolari skont ir- Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) għall-Istati Membri taż-żona tal-euro u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (15) għall-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro;

(c)

l-implimentazzjoni ta' riformi fil-kuntest tal-proċessi ta' governanza ekonomika, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġin fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jew ta' azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 8

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjanijiet ta' kooperazzjoni u appoġġ

1.   Suġġett għall-kunsens tal-Istat Membru benefiċjarju, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien żejjed. L-Istat Membru benefiċjarju jista' jirrifjuta li jagħti tali kunsens fil-każ ta' informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva, li l-iżvelar tagħha jista' jipperikola l-interessi pubbliċi tal-Istat Membru benefiċjarju.

2.   Madankollu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

malli l-Istat Membru benefiċjarju jkun għatta l-informazzjoni kollha kunfidenzjali jew sensittiva, li l-iżvelar tagħha jista' jipperikola l-interessi pubbliċi tal-Istat Membru benefiċjarju;

(b)

wara perijodu raġonevoli ta' żmien, meta l-iżvelar ta' informazzjoni rilevanti mhux se jkollu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' appoġġ taħt il-Programm, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara l-konsenja ta' tali miżuri skont il-pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ.

Artikolu 9

Organizzazzjoni tal-appoġġ u s-sħab għar-riforma

1.   Il-Kummissjoni tista', bil-kunsens tal-Istat Membru benefiċjarju, torganizza l-appoġġ skont il-Programm f'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħrajn jew organizzazzjonijiet Ewropew u internazzjonali.

2.   L-Istat Membru benefiċjarju, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jista' jidħol fi sħubija ma' Stat Membru wieħed ieħor jew iktar li għandhom jaġixxu bħala sħab għar-riforma fir-rigward ta' oqsma speċifiċi tar-riforma. Sieħeb għar-riforma, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni u abbażi ta' ftehim reċiproku mal-Istat Membru benefiċjarju u l-Kummissjoni, għandu jgħin fit-tfassil ta' strateġija, jirriforma pjanijiet direzzjonali, ifassal assistenza ta' kwalità għolja jew jissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-proġetti.

Artikolu 10

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm huwa stabbilit għal EUR 142 800 000 fi prezzijiet attwali.

2.   L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista' tkopri wkoll spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet ta' preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u għall-ilħiq tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari studji, laqgħat ta' esperti u azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, fosthom komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn ikunu relatati mal-objettivi ġenerali ta' dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbutin man-netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħrajn kollha ta' appoġġ tekniku u amministrattiv imġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 11

Kontribuzzjonijiet finanzjarji oħrajn għall-baġit tal-Programm

1.   Minbarra l-pakkett finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 10, il-programm jista' jkun iffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet addizzjonali volontarji mill-Istati Membri.

2.   Il-kontribuzzjonijiet addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jikkonsistu f'kontribuzzjonijiet minn riżorsi pprovduti għal assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u trasferiti skont l-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament.

3.   Il-kontribuzzjonijiet addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biex jappoġġaw azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Kontribuzzjoni magħmula minn Stat Membru benefiċjarju skont il-paragrafu 2 għandha tintuża esklużivament f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 12

Ebda finanzjament doppju

L-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi, strumenti jew fondi oħrajn tal-Unjoni taħt il-baġit tal-Unjoni sakemm tali appoġġ ma jkoprix l-istess elementi ta' spejjeż.

Artikolu 13

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-miżuri tal-programm jistgħu jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni jew, indirettament minn entitajiet u persuni li mhumiex Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju. B'mod partikolari, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għal azzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament jieħu l-forma ta':

(a)

għotjiet, fosthom għotjiet lil awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri;

(b)

kuntratti ta' akkwist pubbliku;

(c)

rimborż ta' spejjeż magħmula minn esperti esterni, inklużi esperti minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri li jipprovdu jew jirċievu appoġġ;

(d)

kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji, stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali; u

(e)

azzjonijiet imwettqa skont il-ġestjoni indiretta.

3.   Jistgħu jingħataw għotjiet lil awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-korpi pubbliċi jew privati u lill-entitajiet legalment stabbiliti fi kwalunkwe wieħed minn dawn:

(a)

l-Istati Membri; u

(b)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea dwar il-Kummerċ Ħieles li huma membri tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

Ir-rata ta' kofinanzjament għall-għotjiet tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta' kofinanzjament u ta' ebda profitt.

4.   L-appoġġ jista' jingħata wkoll minn esperti individwali, li jistgħu jiġu mistiedna jikkontribwixxu għal attivitajiet organizzati taħt il-Programm, meta dan ikun meħtieġ għall-ilħiq tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 5.

5.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, programmi ta' ħidma annwali u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan. Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, il-kriterji għas-selezzjoni u għall-aġġudikazzjoni tal-għotjiet, u l-elementi kollha meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju.

6.   Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà f'waqtha tar-riżorsi, parti limitata tal-programm ta' ħidma annwali għandha tiġi prevista għal miżuri speċjali f'każ ta' raġunijiet mhux previsti u debitament ġustifikati ta' urġenza li jkunu jeħtieġu reazzjoni immedjata, fosthom tfixkil serju fl-ekonomija jew ċirkostanzi sinifikanti li jaffettwaw b'mod serju l-kundizzjonijiet ekonomiċi jew soċjali fi Stat Membru li jmorru lil hinn mill-kontroll tiegħu. Il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru li jkun jixtieq jirċievi appoġġ, tista' tadotta miżuri speċjali f'konformità mal-objettivi u l-azzjonijiet definiti f'dan ir-Regolament biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti. Dawn il-miżuri speċjali huma ta' natura provviżorja, u m'għandhomx ikunu suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2). Il-miżuri speċjali għandhom jintemmu fi żmien sitt xhur u jistgħu jiġu sostitwiti b'appoġġ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7.

Artikolu 14

Koordinazzjoni u komplementarjetà

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri benefiċjarji, fl-ambitu tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom irawmu sinerġiji u jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn il-Programm u programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni, u b'mod partikulari mal-miżuri ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom:

(a)

jiżguraw il-komplementarjetà u s-sinerġija bejn strumenti differenti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u, meta jkun xieraq, dak reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' miżuri ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni, kemm fil-fażi ta' ppjanar kif ukoll matul l-implimentazzjoni;

(b)

itejbu l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi; u

(c)

jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u, meta jkun xieraq, dak reġjonali sabiex iwasslu azzjonijiet ta' appoġġ koerenti u simplifikati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel mill-aħjar li tista' biex tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġiji b'appoġġ ipprovdut minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.

3.   Il-programmi ta' ħidma annwali rilevanti jistgħu jservu bħala qafas ta' koordinazzjoni, meta l-appoġġ ikun previst fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 15

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jiġu individwati xi irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut jew użati b'mod mhux korrett u, meta jkun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi u proporzjonati.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu verifika, fuq il-bażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, tal-benefiċjarji ta' għotjiet, tal-kuntratturi u tas-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew finanzjament tal-Unjoni taħt il-Programm.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-atturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn dan il-finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jikkonċerna finanzjament mill-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta' koperazzjoni ma' organizazzjonijiet internazzjonali u l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet dwar għotjiet u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom espressament jagħtu lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF is-setgħa li jwettqu dawn l-awditi u l-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

Artikolu 16

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Programm u tkejjel l-ilħiq tal-objettiv ġenerali stabbilit fl-Artikolu 4 u l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) skont l-indikaturi stabbiliti fl-Anness.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 fir-rigward ta' emendi għal-lista tal-indikaturi stabbilita fl-Anness.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' monitoraġġ annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

it-talbiet għal appoġġ mibgħuta mill-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 7(1);

(b)

l-analiżijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 7(2), użati biex jiġu analizzati t-talbiet għal appoġġ mibgħuta mill-Istati Membri;

(c)

il-pjanijiet ta' kooperazzjoni u appoġġ, imsemmija fl-Artikolu 7(2);

(d)

il-parteċipazzjoni ta' sħab għar-riforma, imsemmija fl-Artikolu 9; u

(e)

il-miżuri speċjali adottati, imsemmija fl-Artikolu 13(6).

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu indipendenti sa mhux aktar tard minn nofs l-2019 u rapport ta' evalwazzjoni ex post indipendenti sal-31 ta' Diċembru 2021.

3.   Ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għandu jinkludi informazzjoni dwar l-ilħiq tal-objettivi tal-Programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tal-Programm. Huwa għandu jindirizza wkoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha. Ir-rapport tal-evalwazzjoni ex post għandu jivvaluta l-Programm fit-totalità tiegħu u jinkludi informazzjoni dwar l-impatt fit-tul tiegħu.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu, hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu mill-20 ta' Mejju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu, tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Ġestjoni ta' assistenza teknika għall-Istati Membri”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fuq talba ta' Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), parti mir-riżorsi previsti mill-Artikolu 59 ta' dan ir-Regolament u programmati bi qbil mar-regoli speċifiċi għall-Fondi jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jiġu ttrasferiti għal għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' miżuri fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat f'konformità mal-punt (l) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58(1) ta' dan ir-Regolament permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu 2017 sa 2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1);”"

(c)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Stat Membru għandu jitlob it-trasferiment msemmi fil-paragrafu 1 għal sena kalendarja sal-31 ta' Jannar tas-sena li fiha għandu jsir it-trasferiment. It-talba għandha tkun akkumpanjata minn proposta li temenda l-programm jew programmi li minnhom se jsir it-trasferiment. Għandhom isiru emendi korrispondenti għall-Ftehim ta' Sħubija skont l-Artikolu 30(2), li jistabbilixxi l-ammont totali trasferit kull sena lill-Kummissjoni.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Ir-riżorsi trasferiti minn Stat Membru skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għal regola ta' diżimpenn stabbilita fl-Artikolu 136 ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013”;

(2)

fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 58(1), il-punt (l) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(l)

l-azzjonijiet iffinanzjati taħt ir-Regolament (UE) 2017/825 sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.”;

(3)

fl-Artikolu 91, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   0,35 % tar-riżorsi globali wara t-tnaqqis tal-appoġġ għall-FNE imsemmija fl-Artikolu 92(6) u għall-għajnuna għal dawk l-aktar fil-bżonn imsemmija fl-Artikolu 92(7) jiġu allokati għal assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li minnhom massimu ta' EUR 112 233 000 fi prezzijiet attwali għandhom jiġu allokati għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali stabbiliti mir-Regolament (UE) 2017/825 għall-użu fl-ambitu u l-għan ta' dak il-programm.”.

Artikolu 19

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

Fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 qed jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“F'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-FAEŻR jista' juża sa mhux aktar minn 0,25 % tal-allokazzjoni annwali tiegħu biex jiffinanzja l-kompiti msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, inklużi l-ispejjeż għall-istabbiliment u t-tħaddim tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali msemmi fl-Artikolu 52 ta' dan ir-Regolament u n-Netwerk tas-SEI msemmi fl-Artikolu 53 ta' dan ir-Regolament fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f'isimha, li minnhom mhux aktar minn EUR 30 567 000 fi prezzijiet attwali għandhom jiġu allokati għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għall-użu fl-ambitu u l-għan ta' dak il-programm.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 47.

(2)  ĠU C 240, 1.7.2016, p. 49.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2017.

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(5)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regolamenti finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(12)  Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(13)  Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(14)  Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Indikaturi

L-ilħiq tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 5(1) għandu jitkejjel abbażi tal-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-għadd u t-tip tal-awtoritajiet nazzjonali, tas-servizzi tal-amministrazzjoni u ta' entitajiet pubbliċi oħrajn bħall-ministeri nazzjonali jew l-awtoritajiet regolatorji, minn Stat Membru benefiċjarju fejn jingħata appoġġ taħt il-Programm;

(b)

l-għadd u t-tip ta' fornituri ta' appoġġ bħal korpi governattivi, korpi tal-liġi pubblika jew korpi rregolati mil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku, organizzazzjonijiet internazzjonali, għal kull objettiv speċifiku, qasam ta' politika u Stat Membru benefiċjarju;

(c)

l-għadd u t-tip ta' azzjonijiet eliġibbli taħt l-Artikolu 6 mwettqa, bħall-forniment ta' esperti, azzjonijiet ta' taħriġ jew, seminars, eċċ. maqsuma skont,

(i)

ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew l-azzjonijiet rilevanti relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-programmi ta' aġġustament ekonomiku u r-riformi fuq inizjattiva proprja tal-Istat Membru;

(ii)

l-objettiv speċifiku, il-qasam ta' politika u l-Istat Membru benefiċjarju;

(iii)

il-fornituri ta' appoġġ bħall-korpi governattivi, il-korpi tal-liġi pubblika u l-korpi rregolati mil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku, jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(iv)

il-benefiċjarji tal-appoġġ mill-Istat Membru benefiċjarju, bħall-awtoritajiet nazzjonali;

(d)

l-għadd u t-tip ta' politika u arranġamenti legali, bħall-memoranda ta' ftehim politiku jew ittri ta' intenzjoni, ftehimiet, kuntratti, konklużi bejn il-Kummissjoni, is-Sħab għar-Riforma, skont il-każ, u l-fornituri ta' appoġġ għal attivitajiet taħt il-Programm għal kull objettiv speċifiku, qasam ta' politika u Stat Membru benefiċjarju;

(e)

l-għadd ta' inizjattivi ta' politika (pereżempju pjanijiet ta' azzjoni, pjanijiet direzzjonali, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u leġislazzjoni rakkomandata) adottati għal kull objettiv speċifiku, qasam ta' politika u Stat Membru benefiċjarju wara attivitajiet rilevanti appoġġati mill-Programm;

(f)

l-għadd ta' miżuri implimentati skont il-qasam ta' politika u l-Istat Membru benefiċjarju bħala riżultat ta' azzjonijiet ta' appoġġ ipprovduti taħt il-Programm maqsuma skont ir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż jew azzjonijiet rilevanti relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-programmi ta' aġġustament ekonomiku u r-riformi fuq inizjattiva proprja tal-Istat Membru;

(g)

ir-reazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, is-servizzi amministrattivi u entitajiet pubbliċi oħrajn li jkunu rċevew appoġġ taħt il-Programm kif ukoll, jekk disponibbli, partijiet ikkonċernati jew parteċipanti oħrajn dwar ir-riżultati jew l-impatt tal-azzjonijiet taħt il-Programm għal kull objettiv speċifiku, qasam ta' politika u Stat Membru benefiċjarju, appoġġati, meta disponibbli, minn data kwantitattiva jew empirika;

(h)

ir-reazzjoni mingħand fornituri ta' appoġġ dwar ir-riżultati jew l-impatt tal-appoġġ li huma pprovdew taħt il-Programm fl-objettiv speċifiku u qasam ta' politika li fihom huma kienu attivi, skont l-Istat Membru benefiċjarju, appoġġati, meta disponibbli, minn data kwantitattiva jew empirika;

(i)

l-evoluzzjoni tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti rigward il-kontribuzzjoni tal-Programm għall-kisba tar-riformi skont l-objettiv speċifiku, il-qasam ta' politika, u l-Istat Membru benefiċjarju, appoġġati, meta disponibbli, minn data kwantitattiva jew empirika xierqa; u

(j)

in-numru ta' objettivi fil-pjan ta' kooperazzjoni u appoġġ li ġew milħuqa, minn Stat Membru benefiċjarju, minħabba, fost l-oħrajn, l-appoġġ mill-Programm.

Dawk l-indikaturi jintużaw skont id-data u l-informazzjoni disponibbli, inklużi data kwantitattiva jew empirika xierqa.

Barra minn hekk, analiżi kwalitattiva għandha titwettaq mill-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn l-appoġġ mill-Programm, imkejla permezz tal-informazzjoni minn dawk l-indikaturi, u r-riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali tal-Istat Membru benefiċjarju bil-għan li jissaħħu l-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir, l-impjiegi, il-koeżjoni u l-investiment.