20.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/46


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/56

tad-19 ta' Jannar 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta' estratti tal-klin (E 392) f'xaħmijiet li jistgħu jiddellku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Fit-18 ta' April 2013 tressqet talba għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-estratti tal-klin (E 392) bħala sustanza antiossidanti f'xaħmijiet li jistgħu jiddellku, jiġifieri ikel fil-kategorija tal-ikel 02.2.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Sussegwentement l-applikazzjoni kienet disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Skont l-applikazzjoni, l-użu ta' estratti tal-klin (E 392) huwa meħtieġ biex iżomm il-kwalità u l-istabbiltà ta' xaħmijiet li jistgħu jiddellku b'kontenut ta' grass ta' inqas minn 80 % fejn il-kontenut ta' aċidi grassi poliinsaturati huwa ogħla minn 15 % w/w tal-aċidu grass totali u/jew fejn il-kontenut ta' żejt tal-ħuta jew żejt tal-alga huwa ogħla minn 2 % w/w tal-aċidu grass totali billi jipproteġuh kontra d-deterjorazzjoni kkawżata mill-ossidazzjoni.

(5)

Fis-7 ta' Marzu 2008, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni (3) dwar l-użu tal-estratti tal-klin bħala addittiv tal-ikel. Skont il-marġni tas-sikurezza identifikati bl-użu tan-NOAELs (4) minn studji differenti, li fihom ġeneralment in-NOAELs kienu l-ogħla livelli ta'dożi ttestjati, u bl-użu ta' stimi ta' espożizzjoni djetetika konservattivi, ġie konkluż li l-użu ta' estratti tal-klin deskritt f'dik l-opinjoni xjentifika fl-użi u fil-livelli tal-użu proposti ma jkunx ta' tħassib għas-sikurezza. L-użu ta' estratti tal-klin (E 392) f'xaħmijiet li jistgħu jiddellku ma kienx inkluż fl-opinjoni.

(6)

Fis-7 ta' Mejju 2015, l-Awtorità ħarġet opinjoni (5) dwar l-estensjoni tal-użu ta' estratti tal-klin (E 392) f'xaħmijiet li jistgħu jiddellku. Il-valutazzjoni kkunsidrat il-konsum tal-emulsjonijiet tax-xaħam b'kontenut ta' xaħam ta' inqas minn 80 %. L-Awtorità kkonkludiet li l-estensjoni proposta tal-użu ma tbiddilx l-espożizzjoni stmata għall-addittiv tal-ikel, meta mqabbla ma' użi permessi li diġà ġew approvati, u li l-konklużjonijiet tal-opinjoni tas-7 ta' Marzu 2008 jibqgħu validi.

(7)

Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu ta' estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant f'xaħmijiet li jistgħu jiddellku b'kontenut ta' grass ta' inqas minn 80 %, il-kategorija tal-ikel 02.2.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(8)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2008; 721, 1-29.

(4)  NOAEL (livell bla effett ħażin osservat) — doża jew konċentrazzjoni ta' sustanza ttestjata li ma nstab l-ebda effett negattiv fiha.

(5)  EFSA Journal 2015;13(5):4090.


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-kategorija tal-ikel 02.2.2 “Emulsjonijiet oħra tax-xaħam u ż-żejt inklużi pejsts kif definiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 u emulsjonijiet likwidi” hija emendata kif ġej:

(a)

l-annotazzjoni li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 385:

 

“E 392

Estratti tal-klin

100

(41) (46)

xaħmijiet li jistgħu jiddellku b'kontenut ta' xaħam anqas minn 80 % biss”

(b)

in-noti ta' qiegħ il-paġna li ġejjin jiżdiedu wara n-nota ta' qiegħ il-paġna (4):

 

 

“(41):

Espress abbażi ta' xaħam

 

 

(46):

Bħala s-somma ta' karnosol u aċidu karnosiku”