9.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/75


DIRETTIVA TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/16/UE

tat-18 ta’ Ottubru 2013

li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għal ċomb bħala attivatur fit-trab fluworexxenti tal-bozoz bi skariku elettriku meta jintużaw għal bozoz tal-fotofereżi extrakorporea li fihom il-fosfori BSP (BaSi2O5:Pb)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Iċ-ċomb jintuża bħala attivatur fit-trab fluworexxenti tal-bozoz bi skariku elettriku li jintużaw għal bozoz tal-fotofereżi extrakorporea li fihom il-fosfori BSP (BaSi2O5:Pb). Possibbiltà għas-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb f’din l-applikazzjoni li tkun xjentifikament u teknikament prattikabbli, bħalissa mhijiex possibbli.

(3)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 34 li ġej:

“34.

Iċ-ċomb jintuża bħala attivatur fit-trab fluworexxenti tal-bozoz bi skariku elettriku li jintużaw għal bozoz tal-fotofereżi extrakorporea li fihom il-fosfori BSP (BaSi2O5:Pb)” Tiskadi fit-22 ta’ Lulju 2021.”