10.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/39


REGOLAMENT (UE) Nru 1260/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar statistika demografika Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mill-1 ta’ Novembru 2014 ‘il quddiem, maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill għandha tkun definita inter alia fuq il-bażi tal-popolazzjoni tal-Istati Membri.

(2)

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji regolarment jagħti mandat lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika biex jevalwa s-sostenibbiltà għat-terminu twil u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi fuq il-bażi tat-tbassir dwar il-popolazzjonijiet ippreżentat mill-Eurostat.

(3)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-istatistika kollha mill-Istati Membri trażmessa lill-Kummissjoni li hija mqassma skont unitajiet territorjali għandha tuża l-klassifika NUTS. Għaldaqstant, biex tiġi stabbilita statistika reġjonali li tista’ tiġi kumparata, l-unitajiet territorjali għandhom jiġu definiti skont il-klassifika NUTS.

(4)

F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-qasam tal-ksib tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Id-dejta annwali reġjonali f’livell reġjonali NUTS 3 hija neċessarja għall-preparazzjoni ta’ dawk ir-rapporti u għall-monitoraġġ regolari ta’ żviluppi demografiċi u tal-isfidi demografiċi possibbli fil-futur fir-reġjuni tal-Unjoni, inklużi tipi differenti ta’ reġjuni bħal reġjuni tal-fruntiera, reġjuni metropolitani, reġjuni rurali u reġjuni muntanjużi u gżejjer. Billi l-maturazzjoni demografika tesibixxi differenzi reġjonali qawwija, il-Eurostat hija meħtieġa tħejji tbassir reġjonali fuq bażi regolari biex tikkomplementa l-qagħda demografika tar-reġjuni NUTS 2 fl-Unjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 159 TFUE, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport kull sena dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-għanijiet tal-Artikolu 151 TFUE, inkluża l-qagħda demografika fl-Unjoni.

(6)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2009 intitolata “Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa fl-UE”, appoġġat żvilupp ulterjuri fir-rigward tal-ġbir tad-dejta u l-indikaturi tas-saħħa skont l-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku u d-dimensjonijiet ġeografiċi.

(7)

L-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Unjoni, imnedija mill-Kunsill Ewropew f’Gotenburg fl-2001 u mġedda f’Ġunju 2006, għandha bħala l-għan tagħha t-titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja għal ġenerazzjonijiet ta’ bħalissa u futuri. Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni (l-Eurostat), li jiġi ppubblikat kull sentejn, jipprovdi stampa statistika oġġettiva tal-progress, imsejsa fuq ġabra tal-indikaturi ta’ żvilupp sostenibbli tal-Unjoni.

(8)

L-istatistika demografika annwali hija fundamentali għall-istudju u d-definizzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ linji politiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, fil-livell nazzjonali u dak reġjonali. L-istatistika dwar il-popolazzjoni hija denominatur importanti għal medda wiesgħa ta’ indikaturi.

(9)

L-objettiv strateġiku H.3 tal-Kapitolu IV tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing (1995) jipprovdi qafas ta’ referenza għall-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ dejta u informazzjoni diżaggregati skont is-sess, għal raġunijiet ta’ ppjanar u evalwazzjoni tal-politika.

(10)

L-istatistika demografika hija komponent essenzjali għall-istima tat-total tal-popolazzjoni fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà (ESA). Huwa importanti li d-dejta tiġi aġġornata u riveduta meta tiġi stabbilita statistika fil-livell Ewropew.

(11)

Sabiex tkun żgurata l-kwalità, u b’mod partikolari l-komparabbiltà, tad-dejta provduta mill-Istati Membri u biex ikunu jistgħu jinġabru deskrizzjonijiet ġeneriċi ta’ min jafdahom fil-livell tal-Unjoni, id-dejta użata għandha tkun imsejsa fuq l-istess kunċetti, u għandha tirriferi għall-istess data jew perjodu ta’ referenza.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdi qafas ta’ referenza għall-istatistika demografika Ewropea. B’mod partikolari, dan jirrikjedi konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza professjonali, imparzjalità, oġġettività, affidabbiltà, kunfidenzjalità tal-istatistika u effettività fl-infiq.

(13)

L-informazzjoni dwar id-demografija għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni rilevanti miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għal dan il-għan għandhom jiġu evalwati metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika u ddokumentati sew u l-użu tagħhom għandu jitħeġġeġ.

(14)

Meta jiżviluppaw, jipproduċu u jiddisseminaw statistika Ewropea, l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u dawk Ewropej, u meta applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti oħra, għandhom iqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika fit-28 ta’ Settembru 2011.

(15)

Dan ir-Regolament jiggarantixxi d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-familja u l-ħarsien tad-dejta personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw fir-rigward tal-iproċessar tad-dejta personali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika demografika Ewropea fl-Istati Membri, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(18)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“nazzjonali” tirriferi għat-territorju ta’ Stat Membru fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 applikabbli fiż-żmien ta’ referenza;

(b)

“reġjonali” tfisser NUTS livell 1, NUTS livell 2 jew NUTS livell 3 fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 applikabbli fiż-żmien ta’ referenza; fejn dan it-terminu huwa użat f’ konnessjoni ma’ pajjiżi li mhumiex membri fl-Unjoni, “reġjonali” tfisser reġjuni statistiċi fil-livell 1, 2 jew 3 kif miftiehem bejn dawk il-pajjiżi u l-Kummissjoni (l-Eurostat), fiż-żmien ta’ referenza;

(c)

“popolazzjoni solitament residenti” tfisser il-persuni kollha li għandhom ir-residenza solita tagħhom fi Stat Membru fiż-żmien ta’ referenza;

(d)

“residenza solita” tfisser il-post fejn persuna solitament tqattal-perjodu tal-mistrieħ tagħha ta’ kuljum, irrispettivament minn assenzi temporanji għall-finijiet ta’ rikreazzjoni, ta’ vakanzi, ta’ żjarat lill-ħbieb u lill-qraba, ta’ negozju, ta’ kura medika jew ta’ pellegrinaġġ reliġjuż. Il-persuni li ġejjin biss għandhom jitqiesu bħala residenti soliti taż-żona ġeografika kkonċernata:

(i)

dawk li għexu fil-post tar-residenza solita tagħhom għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas 12-il xahar qabel iż-żmien ta’ referenza; jew

(ii)

dawk li jkunu waslu fil-post tar-residenza solita tagħhom matul it-12-il-xahar qabel iż-żmien ta’ referenza bil-ħsieb li joqogħdu hemm mill-inqas għal sena.

Fejn iċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt (i) jew (ii) ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti, “ir-residenza solita” għandha tfisser il-post ta’ residenza legali jew reġistrata, ħlief għall-finijiet tal-Artikolu 4.

Fl-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “residenza solita”, l-Istati Membri għandhom jittrattaw każijiet speċjali f’konformità mal–Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1201/2009 (9);

(e)

“twelid ħaj” tfisser twelid ta’ tarbija li tkun qed tieħu n-nifs jew li turi kwalunkwe evidenza oħra tal-ħajja, bħat-taħbit tal-qalb, il-pulsjoni tal-kurdun taż-żokra jew moviment definit tal-muskoli volontarji, tkun xi tkun l-età tat-tqala;

(f)

“mewt” tfisser l-għajbien permanenti ta’ kull evidenza ta’ ħajja fi kwalunkwe żmien wara li jkun seħħ twelid ħaj (il-waqfien tal-funzjonijiet vitali wara t-twelid mingħajr kapaċita ta’ qawmien mill-mewt);

(g)

“avvenimenti vitali” tfisser twelid u mwiet kif definiti fil-punti (e) u (f).

Artikolu 3

Dejta dwar il-popolazzjoni u dwar avvenimenti vitali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dejta dwar il-popolazzjoni solitament residenti tagħhom fiż-żmien ta’ referenza. Id-dejta statistika provduta għandha tkopri l-popolazzjoni skont l-età, is-sess u r-reġjun tar-residenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dejta dwar l-avvenimenti vitali tagħhom li seħħu matul il-perjodu ta’ referenza. L-Istati Membri għandhom jużaw l-istess definizzjoni ta’ popolazzjoni li huma jużaw għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1. Id-dejta statistika provduta għandha tkopri l-fatturi varjabbli li ġejjin:

(a)

it-twelid ħaj skont is-sess, ix-xahar tal-okkorrenza, l-ordni tat-twelid ħaj, l-età tal-omm, is-sena tat-twelid tal-omm, il-pajjiż tat-twelid tal-omm, il-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-omm u r-reġjun tar-residenza tal-omm;

(b)

l-imwiet skont l-età, is-sess, is-sena tat-twelid, ir-reġjun tar-residenza, il-pajjiż tat-twelid, il-pajjiż taċ-ċittadinanza u x-xahar tal-okkorrenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jużaw l-istess definizzjoni ta’ popolazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali kollha kif definita minn dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti implimentattivi li jistipulaw kundizzjonijiet uniformi għall-analiżi tad-dejta msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għall-iskadenzi u għar-reviżjonijiet tad-dejta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 4

Total tal-popolazzjoni għal finijiet speċifiċi tal-Unjoni

1.   Għall-għanijiet tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dejta dwar it-total tal-popolazzjoni fil-livell nazzjonali fiż-żmien ta’ referenza, skont l-Artikolu 2(c), fi żmien tmien xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistmaw il-popolazzjoni totali msemmija fil-paragrafu 1 mill-popolazzjoni legalment residenti jew reġistrata permezz ta’ metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika, dokumentati sew u disponibbli pubblikament.

Artikolu 5

Frekwenza u żmien ta’ referenza

1.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (il-Eurostat) dejta dwar il-popolazzjoni tagħhom u dwar avvenimenti vitali tagħhom għas-sena preċedenti msemmija fl-Artikolu 3(1) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2).

2.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) id-dejta dwar il-popolazzjoni totali fil-livell nazzjonali msemmija fl-Artikolu 4.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, iż-żmien ta’ referenza għandu jfisser jew id-data ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 4 jew il-perjodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 5, kif xieraq.

4.   Id-data ta’ referenza għad-dejta dwar il-popolazzjoni għandu jkun it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza (nofsillejl tal-31 ta’ Diċembru). L-ewwel data ta’ referenza għandha tkun fl-2013 u l-aħħar data ta’ referenza għandha tkun fl-2027.

5.   Il-perjodu ta’ referenza għal avvenimenti vitali għandu jkun is-sena kalendarja li fiha seħħew l-avvenimenti. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkun l-2013 u l-aħħar perjodu ta’ referenza għandu jkun l-2027.

Artikolu 6

Provvediment ta’ dejta u metadejta

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni (l-Eurostat) id-dejta u l-metadejta mitluba minn dan ir-Regolament b’konformità mal-istandards ta’ skambju ta’ dejta u metadejta speċifikati mill-Kummissjoni (l-Eurostat). L-Istati Membri għandhom jipprovdu dik id-dejta u metadejta permezz tas-servizz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt sabiex il-Kummissjoni (l-Eurostat) tkun tista’ taċċessahom jew għandhom jittrażmettuhom permezz tas-servizz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt.

Artikolu 7

Sorsi ta’ dejta

Id-dejta għandha tkun imsejsa fuq is-sorsi ta’ dejta magħżula mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandhom jintużaw metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika u dokumentati sew meta jkun xieraq.

Artikolu 8

Studji tal-fattibbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu studji tal-fattibbiltà dwar l-użu tad-definizzjoni ta’ ‘residenza solita’ għall-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (2).

2.   Ir-riżultati tal-istudji tal-fattibilità msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016.

3.   Sabiex ikun iffaċilitat it-twettiq tal-istudji tal-fattibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u lill-awtoritajiet nazzjonali oħra msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Article 9

Rekwiżiti tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-dejta trażmessa.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom japplikaw għad-dejta li trid tiġi trażmessa.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dwar il-metadejta ta’ referenza permezz tal-istandards tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, u b’ mod partikolari dwar is-sorsi tad-dejta, id-definizzjonijiet u l-metodi ta’ stima użati għall-ewwel sena ta’ referenza u l-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) infurmata dwar kwalunkwe tibdil li jsirilhom.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni (il-Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tal-informazzjoni statistika.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta dwar il-popolazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament tkun konsistenti ma’ dik meħtieġa taħt il-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Artikolu 10

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Klawsola ta’ reviżjoni

(1)   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2018, u t-tieni rapport sal-31 ta’ Diċembru 2023. F’dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-informazzjoni rilevanti provduta mill-Istati Membri u għandha tivvaluta l-kwalità tad-dejta trażmessa, il-metodi użati għall-ġbir tad-dejta, il-piż addizzjonali impost fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu, u l-kumparabbiltà ta’ dik l-istatistika. Dawk ir-rapporti għandhom jivvalutaw l-użu ta’ metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika, dokumentati sew, għall-istima tal-‘popolazzjoni solitament residenti’ mill-popolazzjoni legalment residenti jew reġistrata. L-ewwel rapport għandu jkopri wkoll ir-riżultati tal-istudji tal-fattibbiltà msemmija fl-Artikolu 8.

(2)   Jekk ikun xieraq, dawk ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti mfassla biex itejbu aktar il-qafas legali komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u avvenimenti vitali taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament m’għandux jibqa’ japplika mill-31 ta’ Awwissu 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2013

(2)  Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

(5)  Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14).

(6)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1201/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti u tal-kategorizzazzjonijiet tagħhom (ĠU L 329, 15.12.2009, p. 29).