3.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Marzu 2013

dwar il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/165/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tossini T-2 u HT-2 huma mikotossini prodotti minn diversi speċijiet Fusarium. It-tossina T-2 tiġi metabolizzata malajr għal għadd kbir ta’ prodotti, filwaqt li t-tossina HT-2 hija metabolit maġġuri.

(2)

Il-Panil Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (il-panil CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar domanda mill-Kummissjoni marbuta mar-risjki għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika marbuta mal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel u l-għalf (1).

(3)

Il-Panil CONTAM stabbilixxa doża tollerabbli ta’ kuljum tal-grupp (group TDI — tolerable daily intake) ta’ 100 ng/kg skont il-piż tal-ġisem għaż-żewġ tossini T-2 u HT-2 flimkien. L-estimi tal-esponiment kroniku fid-dieta tal-bniedem għas-somma tat-tossini T-2 u HT-2 ibbażati fuq id-dejta disponibbli dwar l-okkorrenza huma inqas mit-TDI għal popolazzjonijiet tal-gruppi tal-etajiet kollha, u għalhekk mhux ta’ tħassib immedjat dwar is-saħħa.

(4)

Fir-rigward tar-riskju għas-saħħa tal-annimali, il-Panil CONTAM ikkonkluda li għar-ruminanti, il-fniek u l-ħut, l-esponiment stmat preżenti għat-tossini T-2 u HT-2 huwa kkunsidrat bħala improbabbli li jkun ta’ tħassib għas-saħħa. Għall-ħnieżer, it-tjur, iż-żwiemel u l-klieb, l-estimi tal-esponiment għat-tossini T-2 u HT-2 jindikaw li l-effetti avversi tar-riskju tas-saħħa huma baxxi. Il-qtates huma fost l-ispeċijiet tal-annimali mill-aktar sensittivi. Minħabba d-dejta limitata u l-effetti avversi severi tas-saħħa f’livelli ta’ doża baxxa, ma setgħux jiġu stabbiliti n-NOAEL (livell bla effett ħażin osservat) jew il-LOAEL (livell bl-inqas effett ħażin osservat). Għalhekk din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-għalf tal-qtates, li għalih se jiġu stabbiliti miżuri iktar stretti.

(5)

Il-Panil CONTAM kompla jikkonkludi li l-migrazzjoni tat-tossini T-2 u HT-2 mill-għalf għall-prodotti tal-ikel ta’ oriġini tal-annimali hija limitata u għalhekk tikkontribwixxi biss għal limitu negliġibbli għall-esponiment tal-bniedem.

(6)

Filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-opinjoni xjentifika, flimkien mal-varjazzjoni kbira minn sena għal sena fl-okkorrenza tat-tossini T-2 u HT-2, jixraq li tinġabar iktar dejta dwar T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali u aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-ipproċessar tal-ikel (jiġifieri t-tisjir) u tal-fatturi agronomiċi fuq il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2. Barra minn hekk, jeħtieġ li tinkiseb iktar informazzjoni dwar il-fatturi differenti li jwasslu għal livelli relattivament għoljin tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali sabiex inkunu nistgħu nidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu biex nevitaw jew innaqqsu l-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali. Iridu jsiru l-investigazzjonijiet sabiex tinġabar l-informazzjoni dwar il-fatturi li jirriżultaw f’livelli relattivament għoljin ta’ tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali u dwar l-effetti tal-ipproċessar tal-għalf u tal-ikel. Abbażi tad-dejta disponibbli, T-2 u HT-2 ma jokkorrux jew jokkorru biss f’livelli baxxi ħafna fir-ross u l-prodotti tar-ross u għalhekk jixraq li dawn il-prodotti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

Ir-riżultati tal-monitoraġġ taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali se jintużaw biex jivvalutaw il-bidliet u x-xejriet fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali għat-tossini T-2 u HT-2. Għalhekk jixraq li jintużaw metodi ta’ analiżi b’sensittività suffiċjenti.

(8)

Jixraq li jiġu pprovduti valuri indikattivi li fuqhom tali investigazzjonijiet ikunu jixirqu sabiex jipprovdu orjentazzjoni f’liema każijiet ikun jixraq li jitwettqu dawn l-investigazzjonijiet. Sabiex jiġu determinati dawn il-valuri indikattivi intużat id-dejta tal-okkorrenza disponibbli fil-bażi tad-dejta tal-EFSA. It-traċċabbiltà hija ta’ importanza maġġuri biex jitwettqu l-investigazzjonijiet.

(9)

Fl-2015 għandha titwettaq valutazzjoni tal-informazzjoni miġbura fil-qafas ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Id-dejta tal-monitoraġġ miksuba b’riżultat ta’ din ir-Rakkomandazzjoni se tħeġġeġ ukoll fehim aħjar tal-varjazzjoni minn sena għal sena u l-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fil-firxa wiesgħa tal-prodotti taċ-ċereali, il-fatturi li jirriżultaw f’livelli ogħla u l-miżuri li jistgħu jittieħdu bħala prevenzjoni kontra l-preżenza jew l-mitigazzjoni tal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2, inkluż permezz ta’ fatturi agronomiċi u permezz tal-ipproċessar.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

L-Istati Membri għandhom, bl-involviment attiv tal-operaturi kummerċjali tal-għalf u l-ikel, iwettqu monitoraġġ għall-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali. Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni r-ross mhux inkluż fiċ-ċereali u l-prodotti tar-ross mhumiex inklużi fil-prodotti taċ-ċereali.

(2)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu li l-kampjuni jiġu analizzati fl-istess ħin għall-preżenza ta’ T-2 u HT-2 u tossini Fusarium oħrajn bħal deoksinivalenol, żearalenone u fumonisin B1 + B2 sabiex jippermettu l-valutazzjoni tal-livell tal-kookkorrenza.

Fil-każ li l-metodu użat tal-analiżi jiffaċilitaha, jixraq ukoll li jiġu analizzati l-mikotossini mistura b’mod partikolari l-konġugati mono u diglikosilat tat-tossini T-2 u HT-2.

(3)

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali intenzjonati għall-konsum mill-bniedem għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (2) b’mod partikolari

L-Anness I, il-Parti B għat-teħid ta’ kampjuni taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali,

L-Anness II, il-punt 4.3.1(g) Kriterji tal-prestazzjoni għall-analiżi tat-tossini T-2 u HT-2. Il-Limitu tal-Kwantifikazzjoni (LOQ — Limit of Quantification) preferibbilment ma għandux ikun ogħla minn 5 μg/kg għat-tossini T-2 u HT-2 individwalment, ħlief għaċ-ċereali mhux ipproċessati li għalihom l-LOQ preferibbilment ma għandux ikun ogħla minn 10 μg/kg għat-tossini T-2 u HT-2 individwalment. Fil-każ tal-użu ta’ teknika analitika tal-monitoraġġ, il-limitu tad-detezzjoni preferibbilment ma għandux ikun ogħla minn 25 μg/kg għat-tossini T-2 u HT-2 flimkien.

Il-proċedura tat-teħid tal-kampjuni applikata mill-operatur tal-kummerċ tal-ikel tista’ tiddevja mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 401/2006 iżda għandha tkun rappreżentattiva tal-lott li jittieħed il-kampjun minnu.

(4)

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali intenzjonati għall-għalf u l-għalf kompost għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (3). L-LOQ preferibbilment ma għandux ikun ogħla minn 10 μg/kg għat-tossini T-2 u HT-2 individwalment. Fil-każ tal-użu ta’ teknika analitika tal-monitoraġġ, il-limitu tad-detezzjoni preferibbilment ma għandux ikun ogħla minn 25 μg/kg għat-tossini T-2 u HT-2 flimkien.

Il-proċedura tat-teħid tal-kampjuni applikata mill-operatur tal-kummerċ tal-għalf tista’ tiddevja mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 iżda għandha tkun rappreżentattiva tal-lott li jittieħed il-kampjun minnu.

(5)

L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u l-ikel, għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jirriżultaw f’dawn il-livelli li huma iktar mil-livell indikattiv u jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jevitaw jew inaqqsu t-tali preżenza fil-futur. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom ċertament jitwettqu fil-aż ta’ sejbiet ripetuti matul perjodu partikolari ta’ żmien ta’ livelli ogħla mil-livelli indikattivi tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali msemmija fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi bil-għan li tinkiseb iktar informazzjoni dwar il-fatturi differenti, inkluż il-fatturi agronomiċi, li jwasslu għal livelli relattivament għoljin tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali, għandhom ikunu fil-mira tal-ipproċessar primarju taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali.

(6)

L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u l-ikel, għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet fuq l-effeti tal-ipproċessar tal-għalf u l-ikel bil-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom ċertament jitwettqu fil-każ ta’ sejbiet ripetuti matul perjodu partikolari ta’ żmien ta’ livelli ogħla mil-livelli indikattivi tat-tossini T-2 u HT-2 fil-prodotti taċ-ċereali.

(7)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi huma pprovduti fuq bażi regolari lill-EFSA biex jidħlu f’bażi tad-dejta unika u li r-riżultat tal-investigazzjonijiet jiġi pprovdut lill-Kummissjoni Ewropea kull sena, l-ewwel darba sa Diċembru 2013. Se tiġi elaborata nota ta’ gwida sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u biex tiżgura r-rapportar komparabbli tar-riżultati tal-investigazzjonijiet.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u pubblika marbuta mal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel u l-għalf. EFSA Journal 2011; 9(12):2481. [187 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2011.2481. Disponibbli fuq l-Internet: www.efsa.europa.eu/efsajournal

(2)  ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1.


ANNESS

Livelli indikattivi għaċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali  (*)  (**)

 

Livelli indikattivi għal T-2 u HT-2 (μg/kg) flimkien li minnhom/fuqhom għandhom jitwettqu l-investigazzjonijiet, ċertament fil-każ ta’ sejbiet ripetuti (*)

1.   Ċereali mhux proċessati  (***)

1.1.

xgħir (inkluż xgħir tal-birra) u qamħirrum

200

1.2.

ħafur (bil-fosdqa)

1 000

1.3.

qamħ, segala u ċereali oħrajn

100

2.   Grani taċ-ċereali għall-konsum dirett mill-bniedem  (****)

2.1.

ħafur

200

2.2.

qamħirrum

100

2.3.

ċereali oħrajn

50

3.   Prodotti taċ-ċereali għall-konsum mill-bniedem

3.1.

nuħħala tal-ħafur u tqarqiċ tal-ħafur

200

3.2.

nuħħala taċ-ċereali ħlief nuħħala tal-ħafur, prodotti tal-ħafur mitħun minbarra n-nuħħala tal-ħafur u t-tqarqiċ tal-ħafur, u prodotti tal-qamħirrum mitħun

100

3.3.

prodotti oħrajn taċ-ċereali mitħunin

50

3.4.

ċereali tal-kolazzjon inkluż tqarqiċ iffurmat taċ-ċereali

75

3.5.

ħobż (inkluż oġġetti tal-ikel żgħar moħmija), pastini, gallettini, spuntini taċ-ċereali, għaġin

25

3.6.

ikel ibbażat fuq iċ-ċereali għat-tfal ta’ kull età

15

4.   Prodotti taċ-ċereali għall-għalf u għalf kompost  (*****)

4.1.

prodotti tal-ħafur mitħun (bil-fosdqa)

2 000

4.2.

prodotti oħrajn taċ-ċereali

500

4.3.

għalf kompost, bl-eċċezzjoni tal-għalf għall-qtates

250


(*)  Il-livelli msemmija f’dan l-Anness huma livelli indikattivi li fuqhom, ċertament fil-każ ta’ sejbiet ripetuti, għandhom jitwettqu l-investigazzjonijiet dwar il-fatturi li jwasslu għall-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 jew fuq l-effetti tal-ipproċessar tal-għalf u l-ikel. Il-livelli indikattivi huma bbażati fuq id-dejta tal-okkorrenza disponibbli fil-bażi tad-dejta tal-EFSA kif hemm ippreżentat fl-opinjoni tal-EFSA. Il-livelli indikattivi mhumiex livelli tas-sikurezza tal-għalf u l-ikel.

(**)  Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni r-ross mhux inkluż fiċ-ċereali u l-prodotti tar-ross mhumiex inklużi fil-prodotti taċ-ċereali.

(***)  Iċ-ċereali mhux proċessati huma ċereali li ma ħadux xi trattament fiżiku jew termali apparti t-tnixxif, tindif u separar.

(****)  Il-grani taċ-ċereali intenzjonati għall-konsum dirett mill-bniedem huma grani taċ-ċereali li għaddew minn proċessi tat-tnixxif, tindif, tneħħija tal-fosdqa u separar u li fuqhom mhux se jitwettqu iktar proċessi tat-tindif u separar qabel ma komplew jiġu pproċessati fil-katina alimentari.

(*****)  Il-livelli indikattivi għaċ-ċereali u l-pordotti taċ-ċereali intenzjonati għall-għalf u l-għalf kompost huma relattivi għall-għalf li għandu kontenut tal-ilma ta’ 12 %.