5.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/37


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1148/2012

tal-4 ta’ Diċembru 2012

li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) u l-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Fit-30 ta’ Ġunju 2011 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) u l-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) u din saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

Hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu tas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) u l-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat. Is-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) jiġu miżjuda biex ma jħallux il-mikroorganiżmi jikbru. Dawn iwaqqfu wkoll il-ħmiri mhux mixtieqa milli jikbru matul it-tieni fermentazzjoni li ssir fil-fliexken. L-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) jiġi miżjud biex jistabbilizza r-rawgħa sabiex il-bżieżaq tad-diossidu tal-karbonju ma jisparixxux u dan jirriżulta f’rawgħa tal-wiċċ aktar kremuża u li żżomm aktar.

(6)

Id-dożi aċċettabbli ta’ kuljum ġew stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel għas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) (3) u għall-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) (4). Ix-xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat huma xarbiet alkoħoliċi, li minħabba l-proprjetajiet tagħhom huma komparabbli ma’ xarbiet alkoħoliċi oħrajn bħall-birra u xarbiet tax-xgħir. Il-konsum ta’ dawn ix-xarbiet jista’ għalhekk jitqies bħala alternattiva għal konsum ta’ xarbiet alkoħoliċi oħrajn, partikolarment il-birra u x-xarbiet tax-xgħir. L-espożizzjoni addizzjonali għas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) u għall-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) ibbażata fuq dan l-użu ġdid se jibqgħu limitati u mhux ser iwasslu għal żieda fil-konsum ġenerali. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu ta’ sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) bħala preservattivi u tal-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) bħala stabbilizzatur tar-ragħwa f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni għall-użu tas-sulfiti tad-diossidu tal-kubrit (E 220-228) bħala preservattivi u tal-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) bħala stabbilizzatur tar-ragħwa f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat, tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel mhix meħtieġa.

(8)

Skont id-disposizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (5) il-lista tal-addittivi tal-ikel stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tapplika fil-prinċipju mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex jippermettu l-użu ta’ sulfiti tad-diossidu tal-Kubrit (E 220-228) u tal-alġinat tal-Propan-1, 2-diol (E 405) f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat qabel dik id-data, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika data aktar bikrija tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu ta’ dawn l-addittivi tal-ikel.

(9)

Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_35.pdf

(4)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_32.pdf

(5)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 l-annotazzjonijiet li ġejjin huma mdaħħla f’ordni numerika fil-kategorija tal-ikel 14.2.8 “xarbiet alkoħoliċi oħra inklużi taħlitiet ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % alkoħol”:

 

“E 220-228

Sulfiti tad-diossidu tal-kubrit

20

(3)

biss f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

Mill-25 ta' Diċembru 2012

 

E 405

alġinat tal-Propan-1, 2-diol

100

 

biss f’xarbiet b’bażi ta’ most tal-għeneb iffermentat

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

Mill-25 ta' Diċembru 2012

 

 

(3):

Il-livelli massimi huma espressi bħala SO2 u jirrelataw mal-kwantità totali, disponibbli mis-sorsi kollha, kontenut ta’ SO2 ta’ mhux aktar minn 10 mg/kg jew 10 mg/l mhux meqjus li hu preżenti.”